Ir-rwol tal-Ispirtu Santu fl-Inkarnazzjoni


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI. L-Erbgħa, 27 ta’ Mejju 1998.

  1. Ir-rwol tal-Ispirtu Santu fl-Inkarnazzjoni

1. Ġesù huwa magħqud mal-Ispirtu Santu sa minn l-ewwel waqt tal-eżistenza tiegħu fiż-żmien, bħalma jfakkar is- Simbolu niċen-kostantinoplitan: “Et incarnatus est de Spiritu Sancto ex Maria Virgine”. Il-fidi tal-Knisja f’dan il-misteru tinbena fuq il-kelma ta’ Alla: “L-Ispirtu Santu – iħabbar l-anglu Gabriel lil Marija – jinżel fuqek, fuqek tifrex id-dell tagħha l-qawwa tal-Iktar Għoli. Dak li jitwieled minnek ikun mela qaddis u msejjaħ Bin Alla” (Lq1,35). U lil Ġużeppi jingħad: “Dak li hu ġġenerat fiha ġej mill-Ispirtu Santu” (Mt1,20).

Grazzi għall-intervent dirett tal-Ispirtu Santu, tattwa ruħha fl-Inkarnazzjoni l-grazzja suprema, il-“grazzja tal-għaqda”, tan-natura umana mal-persuna tal-Verb. Tali għaqda hija sors ta’ kull grazzja oħra, bħalma jispjega San Tumas (S.Th.. III, q.2, a.10-12; q.6, a.6; q.7, a.13).

  1. Biex neżaminaw iktar bir-reqqa ir-rwol tal-Ispirtu Santu fil-ġrajja tal-Inkarnazzjoni, huwa importanti li nirritornaw għad-dati li toffrilna l-kelma ta’ Alla.

San Luqa jenfasizza li l-Ispirtu Santu jinżel bħala qawwa mill-għoli fuq Marija, li tiġi mgħottija mid-dell tiegħu. Mit-Testment il-Qadim aħna nafu li kull darba li Alla jiddeċiedi li jħalli tinbet il-ħajja, huwa jaġixxi permezz tal-“qawwa” tan-nifs ħallieq tiegħu: “Mill-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet, min-nifs ta’ fommu dak kollu li fihom” (Sal 33,6). Dan jgħodd għal kull esseri ħaj, sal-punt li jekk Alla “jsejjaħ lura l-ispirtu tiegħu u jekk minnu jirtira n-nifs tiegħu, kull laħam (jiġifieri kull esseri uman) imut minnufih u l-bniedem jerġà jsir trab” (Ġb 34,14-15). Alla jagħmel li jintervieni l-Ispirtu tiegħu b’mod speċjali fil-waqtiet li fihom Iżrael jisperimenta –impotenza li  jgħolli lilu nnifsu bil-qawwiet tiegħu biss. Dan jissuġġerih il-profeta Eżekjel fil-viżjoni drammatika tal-wied meqrud mimli skeletri: “L-Ispirtu daħal fihom u huma reġgħu lura għall-ħajja u qamu fuq riġlejhom” ( 37,10).

Il-konċezzjoni verġinali ta’ Ġesù hija “l-ikbar opra mwettqa mill-Ispirtu Santu fl-istorja tal- ħolqien u tal-fidwa” (Dom. et viv., 50). F’din il-ġrajja ta’ grazzja, verġni tittaqqal, mara, mifdija sa mill-konċepiment tagħha, tiġġenera l-Feddej. Hekk jitħejja ħolqien ġdid u jibda l-patt il-ġdid u etern: jibda jgħix bniedem li huwa Bin Alla. Qatt qabel din il-ġrajja ma kien ingħad li l-Ispirtu Santu kien niżel direttament fuq il-mara biex jirrendiha omm. Meta fl-istorja ta’ Iżrael kienu jseħħu xi twelidijiet meraviljużi, l-intervent divin meta kien jiġi aċċennat għalih, huwa riferut għal dak li jitwieled mhux għall-omm.

  1. Jekk nistaqsu lilna nfusna għal-liema skop l-Ispirtu Santu wettaq il-ġrajja tal-Inkarnazzjoni, il-kelma ta’ Alla tweġibna sintetikament, fit-tieni ittra ta’ Pietru, li dan seħħ sabiex insiru “parteċipi tan-natura divina” (2 Pt1,4). “Infatti – jispjega Sant’Irinew ta’ Lyon – “dan huwa l-mottiv li għalih il-Verb sar bniedem, u l-Iben ta’ Alla, Bin il-bniedem: sabiex il-bniedem waqt li jidħol f’komunjoni mal-Verb u waqt li jirċievi b’dan il-mod il-filjazzjoni divina, isir bin Alla” (Adv. Haer.3,19,1). Fuq l-istess linja  jqiegħed ruħu Sant’Atanasju: Meta l-Verb,  kien fuq l-Imqaddsa Verġni Marija, l-Ispirtu flimkien mal-Verb daħal fiha; fl-Ispirtu l-Verb ifforma għalih ġisem u addattah għalih, billi ried li permezz tiegħu nnifsu jgħaqqad u jwassal lill-Missier il-ħolqien kollu” (Ad Serap.1,31). Dawn l-istqarrijiet jiġu meħudin minn San Tumas: “L-Iben uniġenitu ta’ Alla, billi ried li aħna nkunu parteċipi mid-divinità tiegħu, assuma n-natura umana tagħna, sabiex waqt li jsir bniedem, jagħmel lill-bnedmin allat” (Opusc. 57 in festo Corp. Christi, 1), jiġifieri parteċipi bis-saħħa tan-natura divina.

Il-misteru tal-Inkarnazzjoni jirrivela l-imħabba tal-għaġeb ta’ Alla, li tagħha l-Ispirtu Santu huwa l-personifikazzjoni l-iktar għolja, billi huwa hu l-Imħabba ta’ Alla in persona, il-Persuna-Imħabba: “F’dan immanifestat ruħha l-imħabba ta’ Alla għalina: Alla bagħat lil Ibnu waħdieni fid-dinja, sabiex aħna jkollna l-ħajja għalih”  (1 Ġw 4,9). Fl-Inkarnazzjoni iktar minn fi kwalunkwe opra oħra, tirrivela ruħha l-glorja ta’ Alla.

Bir-raġun li fil-Gloria in excelsis inkantaw: “Infaħħruk, inberkuk…niżżuk ħajr għall-glorja kbira tiegħek”. Din l-espressjoni tista’ tkun applikata b’mod speċjali għall-azzjoni tal-Ispirtu Santu, li fl-ewwel Ittra ta’ Pietru jiġi msejjaħ “l-Ispirtu tal-glorja” (1 Pt 4,14). Din hija glorja li hija purament b’xejn: la tikkonsisti fli tieħu u lanqas fli tirċievi. Waqt li jagħtina l-Ispirtu tiegħu, li huwa sors ta’ ħajja, il-Missier jimmanifesta l-glorja tiegħu, waqt li jirrendiha viżibbli f’ħajjitna. F’dan is-sens Sant’Irinew jenfasizza li “il-glorja ta’ Alla hija l-bniedem ħaj” (Adv. Haer. IV,20,7).

  1. Jekk issa nfittxu li naraw iktar mill-qrib x’tirrivelalna l-ġrajja tal-Inkarnazzjoni dwar il-misteru tal-Ispirtu, nistgħu ngħidu li din il-ġrajja timmanifestalna b’mod speċjali li hu huwa l-qawwa twajba ta’ Alla li tiġġenera l-ħajja.

Il-qawwa li “ddellel” lil Marija  issejjaħ lura s-sħaba tal-Mulej li kienet tieqaf fuq it-tinda tad-deżert (cfr Es 40,34) jew li kienet timla mill-ġdid it-tempju (cfr 1 Sl 8,10). Hija mela l-preżenza ħabiba, il-qrib feddej ta’ Alla li jiġi biex iżomm sod patt ta’ mħabba ma’ wliedu. Hija qawwa fis-servizz tal-imħabba li jinfirex fis-sinjal tal-umiltà: mhux biss jispirak l-umiltà ta’ Marija, il-qaddejja tal-Mulej, imma kważi jinħeba warajha, sal-punt li ħadd ġewwa Nazaret ma jirnexxilu jintuwixxi li “dak li ġie ġġenerat fiha ġej mill-Ispirtu Santu” (Mt 1,20). S. Injazju ta’ Antijokja jesprimi b’mod stupend dan il-misteru paradossali: “Għall-prinċep ta’ din id-dinja tibqa’ moħbija l-verġinità ta’ Marija u wkoll il-ħlas tagħha, u hekk ukoll saħansitra l-mewt tal-Mulej. Huma dawn it-tliet misteri li ġew imwettqa fil-kwiet sieket ta’ Alla” (Ad Eph. 19,1).

  1. Il-misteru tal-Inkarnazzjoni, meta tarah mill-prospettiva tal-Ispirtu Santu li wettqu, jitfà dawl ukoll fuq il-misteru tal-bniedem.

Jekk l-Ispirtu Santu opera b’mod uniku fil-misteru tal-Inkarnazzjoni, huwa hu preżenti wkoll fl-oriġini ta’ kull esseri uman. L-esseri tagħna huwa “esseri riċevut”,  realtà maħsuba, maħbuba, u rregalata. Mhix biżżejjed l-evoluzzjoni biex tispjega l-oriġini tal-ġeneru uman, bħalma mhix biżżejjed il-każwalità bijoloġika tal-ġenituri biex tispjega weħedha t-twelid ta’ tarbija. Minkejja li fit-traxxendenza tal-azzjoni tiegħu, dejjem rispettuża tal-“kawżi sekondi”, Alla joħloq ir-ruħ spiritwali tal-esseri uman il-ġdid, billi jikkomunikalu n-nifs vitali  (cfr Gn 2,7) permezz tal-Ispirtu tiegħu li huwa “id-donatur tal-ħajja”.  Kull iben wieħed għandu jarah u jilqgħu bħala rigal tal-Ispirtu Santu.

Ukoll il-kastità taċ-ċelibi u tal-verġni tikkostitwixxi rifless singolari ta’ dik l-imħabba “imsawba f’qalbna permezz tal-Ispirtu Santu” (Rm 5,5). L-Ispirtu li rrenda parteċipi fil-fertilità divina lill-Verġni Marija, jassigura wkoll lil dawk li għażlu l-verġinità għas-Saltna tas-smewwiet dixxendenza numeruża fil-qasam tal-familja spiritwali, iffurmata minn dawk kollha li “mhux mid-demm, lanqas mir-rieda tal-ġisem, lanqas mir-rieda tal-bniedem, imma huma ġġenerati minn Alla” (Ġw 1,13).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb