L-Ispirtu s-Santu fl-Istorja tal-Fidwa


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI. L-Erbgħa, 12 ta’ Awwissu 1998.

Nru 12 – L-Ispirtu Santu fl-Istorja tal-Fidwa

  1. Fil-prospettiva tal- Ġublew il-kbir tas-sena elfejn, sa mill-Enċiklika Dominum et vivificantem, kont stedint biex inħaddnu “bil-ħarsa tal-fidi ż-żewġ millenji mill-azzjoni tal-Ispirtu tal-verità, li, tul is-sekli, ġibed mit-teżor tal-fidwa ta’ Kristu waqt li ta lill-bnedmin il-ħajja l-ġdida, billi opera fihom l-addozzjoni fl-Iben uniġenitu, waqt li qaddishom, sabiex huma jkunu jistgħu jirrepetu ma’ San Pawl: ‘Irċivejna l-Ispirtu ta’ Alla ‘ (cfr 1 Cor 2,12)” (Dom. et Viv., 53a).

Fil-katekeżi preċedenti indikajna l-manifestazzjoni tal-Ispirtu ta’ Alla fil-ħajja ta’ Kristu, fil-Pentekoste li minnu twieldet il-Knisja u fil-ħajja personali u komunitarja ta’ dawk li jemmnu. Issa l-ħarsa tagħna titwessa lejn xefaq id-dinja u storjet il-bniedem kollha kemm hi. Nimxu hekk fil-programm imfassal mill-istess Enċiklika dwar l-Ispirtu Santu, fejn nenfasizzaw li mhux possibbli li wieħed jillimita ruħu għall-elfejn sena li għaddew mit-twelid ta’ Ġesù Kristu. Infatti huwa meħtieġ  “li nitilgħu lura, inħaddnu l-azzjoni kollha tal-Ispirtu Santu ukoll qabel Kristu sa mill-bidu, fid-dinja kollha u, b’mod speċjali, fl-ekonomija tal-Patt il-qadim ” (ibid., 53b). U flimkien ma’ dan hemm bżonn “inħarsu b’mod iktar wiesà u nmorru ‘’il hemm kemm nistgħu’, billi nafu li ‘r-riħ jonfoħ fejn jiftillu’ skont ix-xbiha wżatha minn Ġesù fd-djalogu ma’ Nikodemu (cfr Ġw 3,8)” (ibid., 53c).

  1. Mill-bqija diġa l-Konċilju Vatikan II, ikkonċentrat fuq il-misteru u fuq il-missjoni tal-Knisja fid-dinja, kien offrilna tali wisgħa ta’ prospettivi. Għall-Konċilju l-azzjoni tal-Ispirtu Santu ma tistax tkun limitata għall-qasam istituzzjonali tal-Knisja, fejn ukoll l-Ispirtu jopera f’forma singolari u sħiħa, imma tiġi magħrufa wkoll ‘il barra minn fruntieri viżibbli ta’ Ġisimha (cfr Gaudium et spes, 22; Lumen gentium, 16).

Minn naħa tiegħu, il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolia jfakkar bit-Tradizzjoni kollha li “l-Kelma ta’ Alla u n-Nifs tiegħu huma fl-oriġni tal-esseri u tal-ħajja f’kull krejatura” (n. 703). U minħabba dan jirraporta test elokwenti tal-liturġija Biżantina: “Huwa propju tal-Ispirtu Santu li jmexxi, iqaddes u janima l-ħolqien, għaliex Hu huwa Alla konsustanzjali mal-Missier u mal-Iben… Huwa għandu l-poter fuq il-ħajja, għaliex, minħabba li huwa Alla, jgħasses il-ħolqien fil-Missier permezz tal-Iben” (ibid.). Mela ma jeżisti ebda angolu tal-ħolqien u ebda waqt tal-istorja li fihom l-Ispirtu ma jużax l-azzjoni tiegħu.

Huwa minnu li l-ħwejjeġ kollha ġew maħluqa minn Alla l-Missier permezz ta’ Kristu u b’fehma waħda Miegħu (cfr Col 1,16), għalhekk is-sens u l-aħħar fini tal-ħolqien huwa “rikapitolazzjoni ta’ kollox fi Kistu” (Ef 1,10). Huwa iżda daqstant ieħor minnu li dak kollu li jsir fil-qawwa tal-Ispirtu Santu. Waqt li juri tali “rittmu” trinitarju tal-istorja tal-fidwa, Sant’Irinew jiddikjara li “l-Ispirtu jħejji bil-quddiem lill-bniedem għall-Iben ta’ Alla, l-Iben imexxih lejn il-Missier, u l-Missier itih l-inkorruttibiltà u l-ħajja eterna” (Adv. Haer., IV, 20,5).

  1. L-Ispirtu ta’ Alla, preżenti fil-ħolqien u operanti fil-fażijiet kollha tal-istorja tal-fidwa, jindirizza kull ħaġa lejn il-ġrajja definittiva tal-Inkarnazzjoni tal-Verb. B’mod ovvju, dan mhux Spirtu differenti minn dak imsawwab “bla qies” (cfr Ġw3,34) minn Kristu msallab u rxuxtat. L-istess u identiku Spirtu Santu jħejji l-avvent tal-Messija fid-dinja u, permezz ta’ Ġesù Kristu, jiġi kkomunikat minn Alla l-Missier lill-Knisja u lill-umanità kollha kemm hi. Id-dimensjonijiet kristoloġika u pnewmatoloġika huma inseparabbli u jaqsmu mhux biss l-istorja tal-fidwa, imma wkoll l-istorja kollha tad-dinja.

Huwa għalhekk leċitu għalina li naħsbu li, kulfejn jinsabu elementi ta’ verità, ta’ tjubija, ta’ sbuħija awtentika, ta’ veru għerf, kulfejn jitwettqu sforzi ġenerużi għall-bini ta’ soċjetà iktar umana u konformi mal-pjan ta’ Alla, it-triq tal-fidwa hija miftuħa. Għal raġuni ikbar, hemm fejn wieħed jiltaqà ma stennija sinċiera tar-rivelazzjoni ta’ Alla u tama miftuħa għall-misteru li jsalva, huwa possibbli li  naħtfu l-opra moħbija u effikaċi tal-Ispirtu ta’ Alla, li timbotta l-bniedem għal-laqgħa ma’ Kristu “it-triq, il-verità u l-ħajja” (Gv14,6). Meta  nqallbu ċerti paġni stupendi ta’ letteratura u ta’ filosofija, jew niggustaw b’ammirazzjoni xi kapulavur tal-arti, jew nisimgħu siltiet ta’ mużika li għandhom mis-sublimi, tiġina spontanja li nagħrfu f’din il-manifestazzjoni tal-ġenju uman xi rifless mdawwal tal-Ispirtu ta’ Alla. Veru, riflessi simili jinponu fuqna livell ieħor ta’ rispett għal dawk l-interventi li jagħmlu mill-esseri uman, mgħolli għall-ordni soprannaturali, tempju li fih jgħammar l-Ispirtu Santu flimkien mal-Persuni l-oħra tat-Trinità Mqaddsa  (cfr S. Tommaso, Summa Theol. I-II, q.109, a.1, ad 1). Hekk l-Ispirtu Santu, b’mod dirett jew indirett, jorjenta lill-bniedem lejn il-fidwa integrali tiegħu.

  1. Għalhekk nieqfu bil-qalb kollha, fil-katekeżi li ġejjin, biex nikkontemplaw l-azzjoni tal-Ispirtu fil-kamp vast tal-istorja tal-umanità. Din il-prospettiva tgħinna biex nilqgħu ukoll ir-rapport profond li jgħaqqad il-Knisja u d-dinja, l-istorja globali tal-bniedem u l-istorja speċjali tal-fidwa. Din tal-aħħar fir-realtà mhix storja “separata”, imma pjuttost tiżvolġi fil-konfronti tal-ewwel irwol li nistgħu nsejħulu “sagramentali”, jew aħjar ta’ sinjal strument tal-unika offerta kbira ta’ fidwa li waslet lill-umanità permezz tal-Inkarnazzjoni tal-Verb u t-tiswib tal-Ispirtu.

Nifhmu tajjeb b’dan il-mod xi paġni stupendi tal-Konċilju Vatikan II rigward is-solidarjetà li  hemm bejn il-Knisja u l-umanità. Jogħġobni nerġà naqra f’din il-prospettiva pnewmatoloġia l-introduzzjoni tal- Gaudium et spes: “Il-ferħ u t-tama, id-dwejjaq u  l-inkwiet tal-bnedmin tallum, speċjalment tal-foqra u ta’ dawk kollha li jbatu, huma wkoll il-ferħ u t-tama, id-dwejjaq u l-inkwiet tad-dixxipli ta’ Kristu, u xejn ma hemm ġenwinement uman li ma jsibx eku f’qalbhom, Infatti l-komunità tagħhom hija magħmula minn bnedmin, li magħqudin flimkien fi Kristu, huma mmexxija mill-Ispirtu Santu fil-pellegrinaġġ tagħhom lejn is-Saltna tal-Missier u rċivew messaġġ ta’ fidwa biex jipproponuh lil kulħadd. Għalhekk hija tħossha solidali b’mod reali u intimu mal-ġeneru uman u mal-istorja” (GS, 1).

Hawn naraw b’ċarezza kif is-solidarjetà tal-Knisja mad-dinja u l-missjoni li għandha titwettaq fil-konfronti tagħha għandhom ikunu mifhuma nibdew minn Kristu, fid-dawl u fil-qawwa tal-Ispirtu Santu. Il-Knisja hekk tisperimenta b’servizz tal-Ispirtu li jopera misterjożament fil-qlub u fl-istorja. U tħossha mibgħuta biex tittrażmetti lill-umanità kollha kemm hi il-milja tal-Ispirtu riċevut fil-jum ta’ Pentekoste.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb