ĠWANNI PAWLU II
UDJENZA ĠENERALI. L-Erbgħa, 19 ta’ Awwissu 1998.
Nru 13- L-Ispirtu Santu huwa l-Vera Tama tad-Dinja
- L-Appostlu Pawlu. Fil-kapitolu tmienja tal-ittra lir-Rumani, waqt li juri l-azzjoni tal-Ispirtu Santu li jirrendina ulied il-Missier fi Kristu Ġesù (cfr Rm8,14-16), jintroduċi t-tema tal-mixja fid-dinja lejn it-twettiq tagħha skont il-pjan divin. L-Ispirtu Santu, infatti, bħal ma diġa spjegajna fil-katekeżi preċedenti, huwa preżenti u operanti fil-ħolqien u fl-istorja tal-fidwa. Nistgħu ngħidu li Hu jiksi l-univers bl-imħabba u bil-ħniena ta’ Alla u hekk jiddirieġi l-istorja tal-umanità lejn il-meta tagħha definittiva.
L-univers huwa maħluq minn Alla bħala l-għamara tal-bniedem u t-tejatru tal-ġrajja tal-librtà tiegħu. Fi djalogu mal-grazzja, kull esseri uman huwa msejjaħ biex jaċċetta b’mod responsabbli d-don tal-filjolanza divina fi Kristu Ġesù. Għal dan, id-dinja maħluqa takkwista l-veru sinifikat tagħha fil-bniedem u għall-bniedem. Dan bla dubju ma jistax jiddisponi kif ifettillu mill-univers li jgħix fih, imma bl-intelliġenza tiegħu u bir-rieda tiegħu irid iwassal għat-twettiq l-opra tal-Ħallieq.
“Il-bniedem – tgħallem il-Gaudium et spes – maħluq xbiha u xebħ ta’ Alla rċieva l-amar li jissottometti għalih l-art b’dak kollu li hija fiha, u li jiggverna d-dinja fil-ġustizzja u l-qdusija, u hekk ukoll li jwassal lura lil Alla lilu nnifsu u l-univers kollu kemm hu, waqt li jagħraf Fih il-Ħallieq tal-ħwejjeġ kollha: sabiex, fis-subordinazzjoni tar-realtà kollha tal-bniedem, ikun igglorifikat l-isem ta’Alla fuq l-art kollha” (n. 34).
- Sabiex jitwettaq il-pjan divin il-bniedem irid juża l-libertà tiegħu f’sintonija mar-rieda ta’ Alla u jirbaħ id-diżordni introdotta mid-dnub f’ħajtu u fid-dinja. Din l-intrapriża doppja ma tistax isseħħ mingħajr id-don tal-Ispirtu Santu. Dan jenfasizzawh b’qawwa l-profeti tat-Testment il-Qadim. Hekk il-profeta Eżekjel: “Nagħtik qalb ġdida. Inqiegħed ġewwa fik Spirtu ġdid, ineħħi minn ġo fik il-qalb tal-ġebel u nagħtik qalb tal-laħam. Inqiegħed l-Ispirtu tiegħi ġewwa fik u nagħmlek tgħix skont il-preċetti tiegħi u nagħmlek tosserva u tqiegħed fil-prattika l-liġijiet tiegħi… Int tkun il-poplu tiegħi u jien inkun l-Alla tiegħek” (Eż36,26-28).
Dan it-tiġdid personali profond u komunitarju mistenni fil-“milja taż-żmenijiet” u mwettaq mill-Ispirtu Santu jinvolvi, sa ċertu punt, l-univers kollu. Jikteb Iżaija: “Imma fl-aħħar fina jiġi msawwab Spirtu mill-għoli; / allura id-deżert isir ġnien…/ Fid-deżert jibda jgħammar id-dritt / u l-ġustizzja ssaltan fil-ġnien. / Effett tal-ġustizzja tkun il-paċi, / frott tad-dritt sikurezza perpetwa. / Il-poplu tiegħi jgħammar f’għamara ta’ paċi” (Iż 32,15-18).
- Għall-Appostlu Pawlu din il-wegħda titwettaq fi Kristu Ġesù, imsallab u rxuxtat. Kristu, infatti, jifdi u jqaddes permezz tal-Ispirtu dak li jilqà fil-fidi l-Kelma tiegħu ta’ fidwa, ibiddlilhom il-qalb u, konsegwentement, ir-rapporti soċjali.
Grazzi għad-don tal-Ispirtu Santu, id-dinja tal-bnedmin issir “spatium verae fraternitatis”, spazju ta’ fraternità vera (cfrGaudium et spes, 37). Tali trasformazzjoni tal-aġir tal-bniedem u tar-relazzjonijiet soċjali jesprimi ruħu fil-ħajja ekkleżjali, fl-impenn fir-realtajiet temporali u fid-djalogu mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba. Din ix-xhieda ssir sinjal profetiku u prinċipju ta’ fermentazzjoni tal-istorja lejn il-miġja tas-Saltna, u fl-għelbien ta’ dak kollu li jostakola l-għaqda bejn il-bnedmin.
- Għal din l-innovazzjoni ta’ ħajja fil-bini tal-paċi universali, permezz tal-ġustizzja u tal-imħabba, huwa msejjaħ biex jieħu sehem, b’mod misterjuż imma reali, ukoll l-univers. Bħal ma jgħallem l-Appostlu Pawlu: “Il-ħolqien stess jistenna bla sabar ir-rivelazzjoni ta’ wlied Alla; huwa, infatti, kien sottomess għall-kaduċità – mhux għax ried hu, imma għax hekk ried dak li ssottomettieh – u jżomm ħajja f’qalbu t-tama li jkun hu wkoll meħlus mill-iskjavitù tal-korruzzjoni, biex jidħol fil-libertà tal-glorja ta’ wlied Alla. Nafu sewwa nfatti li l-ħolqien kollu jokrob u jbati sallum fl-uġigħ tal-ħlas: huwa mhux l-uniku, imma wkoll aħna, li nippossiedu l-frott bikri tal-Ispirtu, nokorbu nternament waqt li nistennew l-addozzjoni ta’ wlied, il-fidwa ta’ ġisimna” (Rm 8,19-23).
Il-ħolqien, animat mill-preżenza tal-Ispirtu ħallieq, hu msejjaħ biex isir “għamara tal-paċi” għall-familja umana kollha kemm hi. Il-ħolqien iwettaq dan l-iskop permezz tal-medjazzjoni tal-libertà tal-bniedem, li Alla qiegħed bħala l-għassies tiegħu. Jekk il-bniedem jirtira b’mod egoistiku fuqu nnifsu, minħabba kunċett falz tal-libertà, jinvolvi b’mod fatali f’din il-perverżjoni lill-ħolqien innifsu.
Għall-kuntrarju, permezz tad-don tal-Ispirtu Santu li Ġesù Kristu sawwab fuqna minn ġembu mċarrat fuq is-Salib, il-bniedem jakkwista l-vera libertà ta’ iben l-Iben. Huwa, mela, jistà jifhem il-veru sinifikat tal-ħolqien u jopera sabiex dan isir “għamara tal-paċi”.
F’dan is-sens Pawlu jistà jiddikjara li l-ħolqien jokrob u jistenna r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla. Biss jekk il-bniedem bid-dawl tal-Ispirtu Santu jagħraf lilu nnifsu b’iben ta’ Alla fi Kristu u jħares lejn il-ħolqien b’sentiment ta’ fraternità, l-univers kollu jinħeles u jinfeda skont il-pjan divin.
- Il-konsegwenza ta’ dawn ir-riflessjonijiet hija tassew konsolanti: l-Ispirtu Santu huwa l-vera tama tad-dinja. Huwa ma joperax biss fil-qalb tal-bnedmin li fiha jintroduċi dik il-parteċipazzjoni stupenda għar-relazzjoni filjali li Ġesù Kristu jgħix mal-Missier, imma jgħolli u jipperfezzjona l-attivitajiet umani fl-univers.
Dawn – bħal ma jgħallem il-Konċilju Vatikan II – “iridu jiġu ppurifikati u magħmula perfetti permezz tas-Salib u tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu. Infatti, mifdi minn Kristu u mibdul fi krejatura ġdida fl-Ispirtu Santu, il-bniedem jistà u għandu jħobb ukoll il-ħwejjeġ li Alla ħalaq. Mingħand Alla jirċevihom, jgħassishom u jonorahom bħallkieku fil-preżent dawn ħarġu minn idejn Alla. Għalihom jiżżi ħajr lill-Benefattur u, waqt li juża u jgawdi tal-krejaturi fil-faqar u l-libertà tal-ispirtu, jiġi ntrodott fil-veru pussess tad-dinja, kważi fl-istess ħin ma għandu xejn u jippossiedi kollox: ‘Infatti, kollox huwa tagħkom: imma intom intom ta’ Kristu, Kristu ta’ Alla ‘ (1 Kor 3,22-23)” (Gaudium et spes, 37).
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb