L-Ispirtu Santu bħala l-Oriġni ta’ Kariżmi u Ġerarkija


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI. L-Erbgħa,  5 ta’ Awissu 1998.

Nru. 11 – L-Ispirtu Santu bħala l-Oriġni ta’ Kariżmi u Ġerarkija

  1. It-Testment il-Ġdid jiċċertifika l-preżenza, fid-diversi komunitajiet insara ta’ kariżmi u ministeri mqanqla mill-Ispirtu Santu. L-Atti tal-Appostli, per eżempju, jiddeskrivu l-komunità nisranija ta’ Antijokja b’dan il-mod: “Kien hemm fil-komunità ta’ Antijokja profeti u dutturi: Barnaba, Simeone mlaqqam Niġer, Luċju ta’ Ċirene, Manaèn, sieħeb infantili tat-tetrarka Erodi, u Sawlu” (At13,1).

Il-komunità ta’ Antijokja hekk tidher realtà ħajja, li fiha jispikaw żewġ irwoli distinti: dak tal-profeti, li jiddixxernaw u jħabbru toroq Alla, u dak tad-dutturi, jiġifieri tal-għalliema, li japprofondixxu u jesponu l-fidi b’mod adegwat. Wieħed jistà jintebaħ f’tal-ewwel b’karattru iktar kariżmatiku, f’tat-tieni b’nota iktar istituzzjonali, imma kemm f’wieħed kif ukoll fl-ieħor b’unika ubbidjenza għall-Ispirtu ta’ Alla. Mill-bqija, din  in-nisġa bejn l-element kariżmatiku u istituzzjonali wieħed jistà jara l-oriġni nfisha tal-komunità ta’ Antijokja – imwielda wara l-mewt a’ Stiefnu  wara t-tifrix tal-insara – fejn xi aħwa, kienu ppridkaw l-aħbar it-tajba wkoll lill-pagani,  billi qanqlu bosta konverżjonijiet.  Għall-aħbar ta’ tali ġrajja, il-komunità omm ta’ Ġerusalem kienet iddelegat lil Barnaba għal żjara lill-komunità l-ġdida. U dan – jirrakkonta San Luqa –  waqt li osserva l-grazzja tal-Mulej, “feraħ, u ta’ raġel virtuż kif kien u mimli bl-Ispirtu Santu u bil-fidi, kien ħeġġeġ lil kulħadd biex jippersevera b’qalb riżoluta fil-Mulej” (At 11,23-24).

F’dan l-episodju jitfaċċa b’mod ċar il-mod doppju li bih l-Ispirtu ta’ Alla jrieġi l-Knisja: minn banda jqanqal b’mod dirett l-attività ta’ dawk li jemmnu billi jiftaħ toroq ġodda u bla preċedent għall-bxara tal-Vanġelu, mill-banda l-oħra biex jawtentika l-opra tagħhom permezz tal-intervent uffiċjali tal-Knisja, hawn rappreżentata mill-opra ta’ Barnaba, mibgħut mill-komunità omm ta’ Ġerusalem.

  1. B’mod speċjali San Pawl jiżvolġi riflessjoni profonda dwar il-kariżmi u dwar il-ministeri. Din hu jwettaqha b’mod speċjali fil-kapitoli 12-14 tal-ewwel ittra lill-Korintin. A bażi ta’ tali test, jistgħu jinġabru diversi elementi biex wieħed jifformola tejoloġija korretta tal-kariżmi.

Qabel xejn jiġi ffissat minn Pawlu l-kriterju fondamentali tad-dixxerniment, kriterju li wieħed jistà jiddefenixxi “kristoloġiku”: kariżma ma tkunx awtentika kemm-il darba ma twassalx biex ixxandar li Ġesù Kristu huwa l-Mulej (cfr 1 Cor 12, 1-3).

Eżatt wara jgħaddi biex jenfasizza l-varjetà tal-kariżmi u l-għaqda tal-oriġni tagħhom: “Hemm diversità ta’ kariżmi, imma wieħed biss huwa l-Ispirtu” (1 Kor 12,4). Id-doni tal-Ispirtu, li Huwa jqassam “kif irid” (12,11), jistgħu jkunu bosta u Pawlu jabbozza lista  (12, 8-10), li evidentement m’għandhiex  l-pretensjoni li hija sħiħa. L-Appostlu jgħallem imbagħad li d-diversità tal-kariżmi ma tridx tipprovoka diviżjonijiet u minħabba dan jiżviluppa l-paragun elokwenti tal-membri differenti fl-uniku ġisem (1 Kor 12,12-27). L-għaqda tal-Knisja hija għaqda dinamika u organika, u d-doni kollha tal-Ispirtu huma mportanti għall-vitalità tal-ġisem kollu kemm hu.

  1. Pawlu, minn naħa l-oħra, jgħallem li Alla stabilixxa ġerarkija ta’ pożizzjonijiet fil-Knisja (cfr ibid., 12,28): fl-ewwel postijiet jiġu l-“appostli”, imbagħad il-“profeti”, imbagħad l- “għalliema”. Dawn l-ewwel tliet pożizzjonijiet huma fondamentali u jiġu elenkati skont ordni dikrexxenti.

L-Appostlu mbagħad iwissi li d-distribuzzjoni tad-doni hija diversifikata: mhux ilkoll għandhom din jew dik il-kariżma (cfr ibid., 12,29-30); kull wieħed għandu tiegħu (cfr ibid., 7,7) u għandu jilqagħha bi gratitudni, waqt li jqiegħed ruħu b’mod ġeneruż għas-servizz tal-komunità. Din ir-riċerka ta’ għaqda hija ddettata mill-karità, li tibqà “l-aħjar triq” u l-ikbar don (cfr ibid., 13,13), li mingħajru l-kariżmi jitilfu kull valur (cfr ibid., 13,1-3).

4.IL-kariżmi mela huma grazzji permessi mill-Ispirtu Santu lil ċerti fidili biex jippermettilhom jkkontribwixxu għall-ġid komuni tal-Knisja. Il-varjetà tal-kariżmi tikorrispondi mal-varjetà tas-servizzi, li jistgħu jkunu momentanji jew dejjiema, privati jew pubbliċi. Il-ministeri ordnati tal-Isqfijiet, tal-Presbiteri u tad-Djakni, huma servizzi stabbli u magħrufa pubblikament. Il-ministeri lajkali, imsejsa fuq il-magħmudija u fuq il-kariżma, jistgħu jirċievu mill-Knisja, permezz tal-Isqof, għarfien uffiċjali jew biss ta’ fatt.

Fost il-ministeri lajkali infakkru dawk istitwiti b’rit liturġiku: il-lettorat u l-akkolitat, Imbagħad jiġu l-ministeri straordinarji tal-komunjoni ewkaristika u dawk responsabbli minn attivitajiet ekkleżjali, nibdew mill-katekisti, imma ta’ min ifakkar ukoll “l-animaturi tat-talb, tal-kant u tal-liturġija: mexxejja ta komunitajiet ekkleżjali ta’ bażi u ta’ gruppi bibbliċi; inkarigati bl-opri karitattivi; amministraturi tal-ġid tal-Knisja; diriġenti tad-diversi sodalizji apostoliċi; għalliema tar-reliġjon fl-iskejjel” (Enc. Redemptoris missio, 74).

  1. Skont il-messaġġ ta’ Pawlu u tat-Testment il-Ġdid kollu kemm hu, maqbud mill-ġdid u spjegat mill-Konċilju Vatikan II (cfrLumen gentium, 12), ma teżisti ebda Knisja ta’ “mudell kariżmatiku” u oħra ta’ “mudell istituzzjonali”. Bħal ma kelli ċans intenni f’okkażjoni oħra, il-kontradizzjoni bejn kariżma u istituzzjoni hija “deplorabbli u  detrimentali” (cfr Discorso ai partecipanti al II Colloquio internazionale dei movimenti ecclesiali, 2 marzo 1987, in Insegnamenti X/1 [1987], p. 478).

Imiss lir-rgħajja li jiddixxernaw l-awtentiċità tal-kariżmi u li jirregolaw l-eżerċizzju, b’atteġġjament ta’ ubbidjenza umli għall-Ispirtu, b’imħabba diżinteressata għall-Gid tal-Knisja u b’fedeltà ħelwa għal-liġi suprema tal-fidwa tal-erwieħ.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb