Id-Dlik: Siġill tad-Don tal-Ispirtu s-Santu


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI. L-Erbgħa, 14 ta’ Ottubrue 1998.

Nru 20 –  Id-Dlik: Siġill tad-Don tal-Ispirtu Santu

Is-“sigill tal-Ispirtu” u x-xhieda sal-martirju

  1. Fil-katekeżi preċedenti waqafna fuq is-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof bħala twettiq tal-grazzja tal-magħmudija. Issa se napprofondixxu il-valur feddej u l-effett spiritwali espressi mis-sinjal tad-dlik, li jindika s-“siġill tad-don tal-Ispirtu Santu” (cfr Pawlu VI, Cost. Ap. Divinae consortium naturae [15.8.1971]: AAS 63, 663).

Permezz tad-dlik dak li jirċievi pjenament dak id-don tal-Ispirtu Santu li, f’forma inizjali u fundamentali, huwa diġa rċieva fil-Magħmudija. Bħal ma jispjega l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, “is-siġill huwa s-simbolu tal-persuna (cfr Ġn 38,18; Kt8,6), is-sinjal tal-awtorità tiegħu (cfr Ġn 41,42), tal-propjetà tiegħu dwar oġġett (cfr Dt 32,34)…” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1295). Ġesù stess iddikjara li fuqu  “il-Missier Alla poġġa s-siġill tiegħu” (Ġw 6,27). U hekk aħna l-insara, imlaqqmin fil-virtù  tal-fidi u mill-Magħmudija fil-Ġisem ta’ Kristu Mulej, waqt li nirċievu d-dlik niġu mmarkati bis-siġill tal-Ispirtu. Dan jgħallmu b’mod espliċitu l-appostlu Pawlu waqt li jindirizza lill-insara ta’ Korintu: “Huwa Alla stess li jwettaqna , flimkien magħkom, fi Kristu, u  kkonferilna d-dlik, ittimbralna s-siġill u tana l-kapparra tal-Ispirtu fi qlubna” (2 Kor 1,21-22; cfr Ef 1,13-14; 4,30).

  1. Is-siġill tal-Ispirtu Santu, mela, jfisser u jattwa l-appartenenza totali tad-dixxiplu lil Ġesù Kristu, li jkun għas-servizz tiegħu għal dejjem fil-Knisja, u fl-istess ħin jinvolvi l-wegħda tal-protezzjoni divina fil-provi li jrid iġarrab biex jixhed fid-dinja l-fidi tiegħu.

Dan qalu minn qabel Ġesù nnifsu,  fl-imminenza tal-passjoni tiegħu: “Jagħtukom f’idejn is-sinedriji, tkunu msawta fis-sinagogi, tidhru quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija, biex tagħtu xhieda quddiemhom… U meta jeħdukom biex jagħtukom, la tħabblux raskom dwar dak li għandkom tgħidu, imma għidu dak li jingħatalkom f’dik is-siegħa: għaliex mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu Santu” (Mk 13,9.11 e par.).

Wegħda simili terġà tiġi fl-Apokalissi, f’viżjoni li tħaddan l-istorja kollha tal-Knisja u ddawwal il-ġrajja drammatika li d-dixxipli ta’ Kristu huma msejħa biex jiffaċċjaw, magħqudin mal-Mulej Mislub u Rxoxt tagħhom. Huma jsibu ruħhom quddiem x-xbiha suġġestiva ta’ dawk li fuq moħħhom ġie stampat is-siġill ta’ Alla (cfr Ap 7,2-4).

  1. Il-Griżma tal-Isqof, waqt li twassal għat-twettiq il-grazzja tal-Magħmudija, tgħaqqadna b’mod iktar sod ma’ Ġesù Kristu u ma’ Ġismu li huwa l-Knisja. Tali sagrament iżid fina wkoll id-doni tal-Ispirtu Santu sabiex jagħtina “qawwa speċjali tal-Ispirtu Santu sabiex inxerrdu u niddefendu bil-kelma u bl-azzjoni l-fidi, bħala xhieda tassew ta’ Kristu biex nistqarru b’mod qalbieni l-isem ta’ Kristu u biex ma nistħu qatt minn Salibu” (CCC, 1303; cfr Konċilju ta’ Firenze, DS 1319; Konċ. Ekum. Vat. II,Lumen gentium, 11; 12).

Sant’Ambroġ iħeġġeġ lil dak li rċieva l-Griżma b’dan il-kliem vibranti: “Ftakar li rċivejt is-siġill spiritwali, ‘l-Ispirtu tal-għerf u tal-intellett, l-Ispirtu tal-parir u tal-qawwa, l-Ispirtu tal-għarfien u tal-ħniena, l-Ispirtu tal-biżà ta’ Alla’ u  ppriserva dak li rċivejt. Alla l-Missier immarkak, ikkonfermak Kristu l-Mulej u poġġa ġewwa qalbek bħal  simbolu l-Ispirtu” (De mysteriis, 7,42; PL 16,402-403).

Id-don tal-Ispirtu jimpenja u jirrendi xhieda lil Ġesù Kristu u lil Alla Missier, u jassikura l-ħila u l-kuraġġ li jagħmluha. L-Atti tal-Appostli jgħidu b’mod ċar li l-Ispirtu issawwab fuq l-Appostli, sabiex huma jsiru “xhieda” (At 1,8; cfr Gv15,26-27).

San Tumas d’Aquino, min-naħa tiegħu, waqt li jissinteżizza b’mod  tal-għaġeb  it-tradizzjoni tal-Knisja, jiddikjara li permezz tal-Griżma tal-Isqof jiġu kkomunikati lill-imgħammed l-għajnuniet meħtieġa biex jipprofessa pubblikament u f’kull ċirkustanza l-fidi riċevuta fil-Magħmudija. “Tingħatalu l-milja tal-Ispirtu Santu – huwa jippreċiża – ad robur spirituale (għall-qawwa spiritwali), li taqbel mal-età matura” (S. Th., III, 72, 2). Tali maturità tiġi kkalkulata b’mod ovvju mhux bħala kriterji umani, imma għall-intern tar-rapport misterjuż ta’ kull wieħed ma’ Kristu.

Dan it-tagħlim, radjat fl-Iskrittura Mqaddsa huwa żviluppat mit-Tradizzjoni sagra, isib espressjoni fid-duttrina tal-Konċilju ta’ Trentu, skont liema is-sagrament tal-Griżma tal-Isqof jistampa fir-ruħ bħal “marka spiritwali ndelibbli”: il-“karattru” (cfr DS 1609), li huwa appuntu s-sinjal stampat minn Ġesù Kristu fin-nisrani bis-siġill tal-Ispirtu tiegħu.

  1. Dan id-don speċifiku mogħti mis-sagrament tal-Griżma tal-Isqof jippermetti lill-fidili biex jeżerċitaw l-“uffiċċju profetiku” tagħhom ta’ xhieda mogħtija lill-fidi. “Dak li jirċievi l-Griżma – jispjega San Tumas – jirċievi l-poter li jipprofessa pubblikament il-fidi nisranija, kważi b’inkarigu uffiċċjali (kważi ex officio)” (S. Th., III, 72,5, ad. 2; cfr CCC, 1305). U l-Vatikan II, waqt li jispjega fil-Lumen gentium in-natura sagra u organika tal-komunità saċerdotali, jenfasizza li “bis-sagrament tal-Griżma tal-Isqof (il-fidili) jiġu marbutin b’mod iktar perfett mal-Knisja, jiġu mogħnija b’qawwa speċjali mill-Ispirtu Santu, u b’tali mod ikunu obbligati b’mod strett biex ixerrdu u jiddefendu bil-kelma u bl-opra l-fidi bħala vera xhieda ta’ Kristu” (LG, 11).

L-imgħammed li jirċievi, b’għarfien sħiħ u matur, is-sagrament tal-Griżma tal-Isqof jiddikjara sollennement quddiem il-Knisja, sostnut mill-grazzja ta’ Alla, id-disponibiltà tiegħu li jħalli lilu nnifsu jinħataf, b’mod dejjem ġdid u dejjem iktar profond mill-Ispirtu ta’ Alla biex isir xhud ta’ Kristu l-Mulej.

  1. Din id-disponibiltà, grazzi għall-Ispirtu li jippenetra u jimla l-qalb, timbuttah sal-martirju, bħal ma turi l-katina ma taqtax ta’ xhieda nsara li, mit-tbexbix tal-kristjaneżmu sas-seklu tagħna, ma beżgħux jissagrifikaw ħajjithom terrena għall-imħabba ta’ Ġesù Kristu. “Il-martirju – jikteb il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika – huwa x-xhieda suprema mogħtija għall-verità tal-fidi; il-martri huwa xhud li jasal sal-mewt. Huwa jagħti xhieda lil Kristu, mejjet u rxoxt, li miegħu huwa marbut mill-karità” (CCC, 2473).

Fuq il-għatba tat-tielet Millenju, nitolbu d-don tal-Paraklitu biex  ikebbes mill-ġdid l-effett tal-grazzja tas-siġill spiritwali stampat fina fis-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof. Animata mill-Ispirtu, ħajjitna  ssawwab il- “fwieħa ta’ Kristu” (2 Kor 2,15) sal-ibgħad  fruntieri tad-dinja.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.