L-Ispirtu s-Santu u l-Virtù tat-Tama 1


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI. L-Erbgħa, 11 ta’ Novembru 1998.

Nru 24 – L-Ispirtu Santu u l-Virtu tat-Tama

L-Ispirtu “tama li ma tiddiżappuntax” (Rm 5,5)

  1. L-Ispirtu Santu, msawwab “bla qies” minn Ġesù Kristu msallab u rxost, huwa “dak li jibni s-Saltna ta’ Alla fil-kors tal-istorja u jħejji l-manifestazzjoni sħiħa tiegħu f’ Ġesù Kristu… li se sseħħ fi tmiem iż-żminijiet ” (Tertio millennio adveniente,45). F’din il-prospettiva eskatoloġika dawk li jemmnu huma msejħa f’din is-sena ddedikata lill-Ispirtu Santu, biex jiskopru mill-ġdid il-virtù tejologali tat-tama, li “minn banda, timbotta lin-nisrani biex ma jitlifx minn quddiem għajnejh l-iskop aħħari li jagħti sens u valur lill-eżistenza kollha kemm hi tiegħu u, mill-oħra, toffrilu motivazzjonijiet solidi u profondi għall-impenn ta’ kuljum fit-trasformazzjoni tar-realtà biex jirrendiha konformi mal-proġett ta’ Alla” (ibid. 46).
  2. San Pawl jenfasizza r-rabta intima u profonda li hemm bejn id-don tal-Ispirtu Santu u l-virtuù tat-tama. “It-tama – huwa jgħid fl-Ittra lir-Rumani– ma tiddiżappuntax, għaliex l-imħabba ta’ Alla ġiet imferrgħa fi qlubna permezz tal-Ispirtu Santu li ġie mogħti lilna” (Rm 5,5). Iva: propju d-don tal-Ispirtu Santu, waqt li jfawwar qlubna bl-imħabba ta’ Alla u waqt li jagħmilna f’Ġesù Kristu wlied il-Missier (cfr Gal 4,6), iqanqal fina t-tama ċerta li xejn  “ma qatt jistà jifridna mill-imħabba ta’ Alla, fi Kristu Gesù, Sidna” (Rm 8,39).

Għal din ir-raġuni, l-Alla li rrivela ruħu fil-“milja taż-żmien” f’Ġesù Kristu huwa tassew “l-Alla tat-tama”, li jimla mill-ġdid lil dawk li jemmnu bil-ferħ u bil-paċi, waqt li jagħmilhom jintlew “bit-tama għall-qawwa tal-Ispirtu Santu” (Rm 15,13). L-insara huma għalhekk imsejħa biex ikunu xhieda fid-dinja ta’ din l-esperjenza ferreħija, “lesti dejjem biex iwieġbu għal kulmin jitlob raġuni tat-tama” li hemm fihom (1 Pt 3,15).

  1. It-tama nisranija twassal għat-twettiq it-tama mqanqla minn Alla fil-poplu ta’ Iżrael, u li ssib il-propju oriġni tagħha u l-mudell propju f’Abraham, li “kellu fidi waqt li ttama kontra kull tama u hekk sar missier ta’ bosta ġnus” (Rm4,18). Approvata fil-patt strett tal-Mulej permezz ta’ Mosè mal-poplu tiegħu, it-tama ta’ Iżrael tkebbset mill-ġdid kontinwament, fil-korsa tas-sekli, mill-predikazzjoni tal-profeti. Hija fl-aħħarnett ikkonċentrat ruħha fil-wegħda tal-effużjoni eskatoloġika tal-Ispirtu ta’ Alla fuq il-Messija u fuq il-poplu kollu (cfr Iż 11,2; Eż 36,27; Ġl 3,1-2).

F’Ġesù titwettaq din il-wegħda. Huwa mhuwiex biss ix-xhud tat-tama li tinfetaħ quddiem min isir dixxiplu tiegħu. Huwa nnifsu hu, fil-persuna tiegħu u fl-opra tiegħu tal-fidwa,  “it-tama tagħna” (1 Tm 1,1), minħabba li jħabbar u jattwa s-Saltna ta’ Alla. Il-“magna charta” ta’ din is-Saltna hija magħmula mill-beatitudni (Mt 5,3-12). “Il-beatitudni jgħollu t-tama tagħna lejn is-Sema bħal ma lejn l-Art il-ġdida mwegħda; jippjanawlna il-mixja mill-provi li jistennew lid-dixxipli ta’ Ġesù” (CCC, 1820).

  1. Msawwar Kristu u Mulej fil-Għid (cfr At 2,36), Ġesù jsir “spirtu donatur tal-ħajja” (1 Kor 15,45), u dawk li jemmnu, mgħammdin Fih bl-ilma u bl-Ispirtu (cfr Ġw3,5) jiġu “riġenerati għal tama ħajja” (1 Pt1,3). Issa, id-don tal-fidwa, permezz tal-Ispirtu Santu huwa l-assikurazzjoni u l-kapparra (cfr 2 Kor 1,21-22; Ef 1,13-14) tal-għaqda totali ma’ Alla li għaliha Kristu jmexxina. L-Ispirtu Santu – naqraw fl- Ittra lil Titu – ġie “msawwab minn Alla fuqna b’mod abbundanti permezz ta’ Ġesù Kristu, feddej tagħna, sabiex iġġustifikati mill-grazzja tiegħu nsiru werrieta, skont it-tama, tal-ħajja eterna” (Tt 3,6-7).
  2. Ukoll skont is-Santi Padri tal-Knisja, huwa l-Ispirtu Santu “id-don li jwessgħalna t-tama perfetta” (Sant’Ilarju ta’ Poitiers, De Trinitate, II, 1). Huwa, infatti, jgħid San Pawl, “jiddikjara lill-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla. U ladarba aħna wlied Alla, aħna wkoll werrieta ta’ Alla, kowerrieta ta’ Kristi” (Rm 8,16-17).

L-eżistenza nisranija tikber u timmatura sal-milja tagħha tibda minn dak id-“diġa” tal-fidwa li hija l-ħajja ta’ wlied Alla fi Kristu, ipparteċipata lilna mill-Ispirtu Santu. Mill-esperjenza ta’ dan id-don, hija tixxennaq b’perseveranza fiduċjuża lejn il-“mhux għalissa”  u  l-“kompli iktar”, li Alla wegħdna u se jagħtina fi tmiem iż-żminijiet. Bħal ma nfatti jargumenta San Pawl, jekk wieħed huwa tassew bin Alla, allura hu huwa wkoll werriet ta’ dak kollu li jappartieni lill-Missier ma’ Kristu, il-“primoġenitu fost ħafna aħwa” (Rm8,29). “Dak kollu li l-Missier jippossiedi huwa tiegħi”, jiddikjara Ġesù (Ġw 16,15). Minħabba dan, Hu, waqt li jikkomunikalna l-Ispirtu tiegħu, jirrendina parteċipi tal-wirt tal-Missier u jirregalalna sa minn issa s-sikurezza u l-frott bikri. Tali realtà divina hija s-sors  ineżawribbli tat-tama nisranija.

  1. Id-duttrina tal-Knisja tikkonċepixxi t-tama bħala waħda mit-tliet virtujiet tejologali, msawba minn Alla permezz tal-Ispirtu Santu fil-qalb ta’ dawk li jemmnu. Din hija dik il-virtù “li għaliha nixtiequ s-Saltna tas-smewwiet u l-ħajja ta’ dejjem bħala l-feliċità tagħna, waqt li mill-ġdid naħżnu l-fiduċja tagħna fil-wegħdi ta’ Kristu u waqt li nserrħu mhux biss fuq il-forzi tagħna, imma fuq l-għajnuna tal-grazzja tal-Ispirtu Santu ” (CCC, 1817).

Mad-don tat-tama “tiġi mislufa attenzjoni partikolari, b’mod speċjali fi żmienna, li fih bosta bnedmin – ukoll mhux ftit insara – jiddibattu bejn l-illużjoni u l-leġġenda ta’ ħila nfinita ta’ awtoredenzjoni u twettiq tagħna nfusna, u t-tentazzjoni tal-pessimiżmu fl-esperjenza tad-delużjonijiet u tat-telfiet spissi” (Insegnamenti XVI/2 [1991], p. 27).

Bosta perikli donnhom jistrieħu fuq il-futur tal-umanità u tant inċertezzi  jitgħabbew fuq id-destini personali, u mhux rari li wieħed iħossu mhux kapaċi jiffaċċjahom. Ukoll il-kriżi tas-sens tal-eżistenza u l-enigma tat-tbatija u tal-mewt jiġu lura b’insistenza jħabbtu fuq il-bieb tal-qalb ta’ dawk ta’ żmienna.

Il-messaġġ ta’ tama li jiġi minn Ġesù Kristu jillumina dan ix-xefaq  oħxon ta’ nċertezzi u ta’ pessimiżmu. It-tama ssostnina u tipproteġina fit-taqbida tajba tal-fidi (cfr Rm 12,12). Hija  tissuplixxi lilha nfisha bit-talb, b’mod l-itar partikolari bil-“Missierna”, “sintesi ta’ dak kollu li t-tama ġġegħlna nixtiequ.” (CCC, 1820).

  1. Illum mhux biżżejjed li nqajmu mill-ġdid it-tama fl-interjorità tal-kuxjenzi individwali; hemm bżonn li li flimkien naqbżu l-għatba tat-tama.

It-tama, infatti, għandha essenzjalment – kif se jkollna okkażjoni li nipprofondixxu – ukoll dimensjoni komunitarja u soċjali,  għalhekk dak li l-Appostlu Pawlu jgħid f’sens propju u dirett għall-Knisja, jistà jkun f’sens wiesà applikat għall-vokazzjoni tal-umanità kollha kemm hi: “Ġisem wieħed, spirtu wieħed, bħal ma waħda hija t-tama li għaliha intom ġejtu msejħa” (Ef 4,4).

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb