Centesimus Annus tal-Papa Ġwanni Pawlu II


Stampa l-Enċiklika …

Ittra Enċiklika tal-Papa Ġwanni Pawlu II

CENTESIMUS ANNUS

fil-100 sena tar-Rerum Novarum

Ġwanni Pawlu II lil ħutu fl-episkopat, lis-Saċerdoti u d-Djakni, lill-Familji reliġjużi ta’ l-irġiel u n-nisa, lill-Insara kollha u lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, fl-okkażjoni tal-Mitt Sena tar-Rerum Novarum

Ħuti meqjuma, għeżież uliedi, saħħa u barka appostolika!

DAĦLA

  1. Il-mitt sena tal-promulgazzjoni ta’ l-enċiklika li tibda bil-kliem Rerum novarum[1] tal-Papa Ljun XIII, hi okkażjoni mportanti ħafna għall-ġrajja tal-Knisja llum u għall-pontifikat tiegħi. Hi enċiklika li kellha l-ġieħ li tiġi mfakkra mill-erbgħin sad-disgħin anniversarju tagħha permezz ta’ dokumenti papali mill-aktar solenni. Nistgħu ngħidu li l-mixi tagħha fil-ġrajja tad-dinja kien indikat minn dokumenti oħra li tawha ġieħ u applikawha għaċ-ċirkostanzi tal-ġurnata[2].

Jiena u nagħmel l-istess ħaġa egħluq il-mitt sena ta’ din l-enċiklika, fuq talba ta’ ħafna isqfijiet, ta’ istituzzjonijiet tal-Knisja, u ta’ ċentri ta’ studju, u fuq talba wkoll ta’ kapijiet ta’ intrapriżi u ta’ ħaddiema, kemm individwalment u kemm bħala membri ta’ assoċjazzjonijiet, irrid l-ewwelnett u qabel kollox inħallas għad-dejn ta’ gratitudni li għandha l-Knisja kollha ma’ dan il-Papa kbir u mad-dokument immortali tiegħu[3]. Irrid nuri wkoll li l-enerġiji vitali li ħarġu minn din l-enċiklika matul is-snin ma spiċċawx fix-xejn, iżda żdiedu dejjem aktar.

Dan jidher ċar mill-ħafna inizjattivi li saru, qegħdin isiru u għad isiru wara ċ-ċelebrazzjoni ta’ din l-enċiklika, ċelebrazzjonijiet organizzati minn Konferenzi Episkopali, minn aġenziji internazzjonali, minn universitajiet u istituti akkademiċi, minn assoċjazzjonijiet professjonali u minn istituzzjonijiet oħra u minn individwi f’ħafna pajjiżi tad-dinja.

  1. Din l-enċiklika hi parti minn dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, li bħala għan għandhom ir-radd ta’ ħajr lil Alla, li minnu tiġi “kull għotja tajba u kull don perfett” (Ġak 1,17), li ried illi dokument maħruġ mitt sena ilu mill-Kattedra ta’ San Pietru jikseb tant ġid u jxerred dawl kbir fuq il-Knisja u fuq id-dinja. Għalkemm b’din it-tifkira qiegħed jingħata ġieħ lir-Rerum novarum, qiegħed jingħata ġieħ ukoll lil dawk l-enċikliki u lil dawk id-dokumenti l-oħra tal-Papiet ta’ qabli, li għenu biex l-enċiklika tal-Papa Ljun XIII tibqa dokument ħaj fil-ġrajja tad-dinja, u tkun tagħti dak li aktar ‘il quddiem beda jissejjaħ “id-duttrina soċjali”, jew “it-tagħlim soċjali” u wkoll “il-maġisteru soċjali” tal-Knisja. Is-siwi ta’ dan it-tagħlim ġa ntwera f’żewġ enċikliki li ħarġu matul il-pontifikat tiegħi: Laborem exercens dwar ix-xogħol tal-bniedem, u Sollicitudo rei socialis dwar il-problemi li llum għandhom x’jaqsmu mal-iżvilupp tal-individwi u tal-popli[4].
  2. U issa qiegħed nipproponi li “isir qari mill-ġdid” tal-enċiklika tal-Papa Ljun XIII, bi stedina ħa “nħarsu lura” lejn it-test innifsu tal-enċiklika biex mill-ġdid insibu l-għana tal-principji fondamentali li fasslet dwar il-problema tal-qagħda tal-ħaddiema. Hi stedina wkoll biex “inħarsu madwarna” lejn “il-ħwejjeġ ġodda” li għandna madwarna u li fihom ninsabu, u li huma għal kollox differenti mill-ħwejjeġ ġodda” ta’ l-aħħar snin tas-seklu l-ieħor. Hi fl-aħħarnett stedina wkoll biex “inħarsu lejn il-ġejjieni” fi żmien li ġa qed ikollna ħjiel tat-tielet elf sena taż-żmien nisrani, hekk mimli b’inċertezzi, imma b’wegħdiet ukoll – inċertezzi u wegħdiet li jħajru l-immaġinazzjoni u l-kreattività tagħna, u jqanqlu mill-ġdid fina, bħala dixxipli ta’ “l-Imgħallem wieħed” (ara Mt 23, 8), ir-responsabbilità li nuru ‘t-triq’, inxandru ‘l-verità u nwasslu ‘l-ħajja’ li hu Kristu (ara Ġw 14,6).

Qari mill-ġdid ta’ din is-sura mhux biss iwettaq is-siwi għal dejjem ta’ dan it-tagħlim imma juri wkoll b’mod tassew ċar it-tifisir veru tat-Tradizzjoni tal-Knisja, li għax Tradizzjoni ħajja u tagħti l-ħajja, tibni fuq is-sisien li qegħdu missirijietna fil-fidi, u b’mod speċjali fuq dak li “l-Appostli għaddew lill-Knisja”[5], f’isem Ġesú Kristu, li hu l-pedament li ma hemmx ieħor ħliefu (ara 1Kor 3,11).

Il-Papa Ljun XIII tkellem għaliex ħass li din kienet il-missjoni tiegħu bħala suċċessur ta’ San Pietru, u jien ukoll illum se nitkellem għax inħoss li din hi l-missjoni tiegħi bħala suċċessur ta’ San Pietru. Bħall-Papa Ljun XIII u l-Papiet ta’ qablu u ta’ warajh, jien ispirat mix-xbieha li jagħtina l-Evanġelju ta’ “kittieb li sar dixxiplu tas-Saltna tas-Smewwiet” li l-Mulej ixebbaħ ma’ “wieħed sid li, mill-ħażna tiegħu, joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim” (Mt 13,52). Il-ħażna hi l-ġid kollu li joħroġ mit-Tradizzjoni tal-Knisja, li fiha hemm “il-qadim” – dal li rċevejna u ġie mgħoddi lilna sa mill-bidu – u li għinna nifhmu “l-ħwejjeġ ġodda” li fihom tiġi ‘l quddiem il-ħajja tal-Knisja u tad-dinja. Fost il-ħwejjeġ li “jiqdiemu”, għax isiru parti mit-Tradizzjoni u joffru opportunitajiet u materjal li bihom tistagħna t-Tradizzjoni u l-ħajja tal-fidi, hemm il-ħidma, li tat ħafna frott, ta’ tant u tant eluf ta’ bnedmin, li, imbuttati mill-Maġisteru soċjali, fittxew li dan it-tagħlim jispirahom fil-ħidma tagħhom fid-dinja. Dawn in-nies, li ħabirku jew individwalmet jew bħala membri ta’ ħafna gruppi, assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet, jagħmlu moviment tassew kbir għad-difiża tal-persuna tal-bniedem u għall-ħarsien tad-dinjità tiegħu. Fost qagħdiet storiċi dejjem jinbidlu, dan il-moviment għen ħafna għall-bini ta’ soċjetà aktar ġusta jew almenu għat-trażżin tal-inġustizzji.

Din l-enċiklika trid turi xi frott taw il-prinċipji msemmija mill-Papa Ljun XIII, prinċipji li huma parti mill-wirt duttrinali tal-Knisja, u għalhekk jimpenjaw l-awtorità tagħha li tgħallem. Iżda l-ħerqa pastorali ġġiegħelni wkoll nanaliżża xi ġrajjiet tal-istorja li seħħu dan l-aħħar. Hi ħaġa żgura li r-Ragħajja tal-erwieħ għandhom, b’sens kbir ta’ responsabbilità, jqisu sewwa kull ma jkun qiegħed jiġri fid-dinja biex jaraw x’inhuma l-ħtiġijiet ta’ evanġelizzazzjoni ġdida. Iżda din l-analiżi m’hijiex xi ġudizzju definittiv fuq il-ġrajjiet li qegħdin iseħħu, għaliex dan per se mhux parti speċifika tal-qasam tal-Maġisteru.

 

KAP 1

IL-KARETTERISTIĊI TAR-

“RERUM NOVARUM”

  1. Qrib it-tmiem tas-seklu li għadda, il-Knisja sabet quddiemha proċess storiku li kien ilu sejjer għal xi żmien, iżda li dak iż-żmien kien wasal għall-mument kritiku tiegħu. Il-fatturi li kienu jiddeterminaw dan il-proċess kienu għadd flimkien ta’ bidliet radikali li seħħew fl-oqsma politiċi, ekonomiċi u soċjali, u fix-xjenza u t-teknoloġija, biex ma nsemmux ukoll l-influenza kbira li kellhom l-ideoloġiji ta’ dak iż-żmien. Fil-qasam tal-politika, ir-riżultat ta’ dan it-tibdil kien fehma ġdida tas-soċjetà u tal-Istat, u għalhekk ta’ l-istess awtorità. Is-soċjetà tradizzjonali kienet qiegħda tintemm, u f’lokha kienet qiegħda tissawwar oħra, soċjetà li ġiebet tama ta’ libertajiet ġodda imma wkoll theddida ta’ suriet oħra ta’ nġustizzji u ta’ jasar.

Fil-qasam tal-ekonomija, fejn iltaqgħu flimkien l-iskoperti xjentifiċi u l-applikazzjoni prattika tagħhom, bil-mod il-mod ħadu sura strutturi ġodda ta’ produzzjoni ta’ ġid għall-użu tan-nies (beni di consumo – consumer goods). Dehriet sura ġdida ta’ propjeta’ – il-kapital, u sura ġdida ta’ xogħol – xogħol bil-paga, karatteriżżat bil-produzzjoni għolja fuq li għolja, bla ebda ħsieb għas-sess, għall-għomor jew għall-qagħda tal-familji tal-ħaddiema, imma biss bil-ħsieb li x-xogħol ikun effiċjenti u mill-aħjar, biex jiżdiedu l-profitti.

B’dan il-mod ix-xogħol sar ġid li jinxtara u jinbigħ fis-suq, bi prezz li jiddependi inn kemm jinħtieġu ħaddiema u kemm hemm ħaddiema biex jiġu mqabbdin jaħdmu, u dan mingħajr ebda konsiderazzjoni għal dak li almenu hu mill-inqas meħtieġ biex l-individwu u l-familja tiegħu jkollhom biex igħixu. Barra, dan, il-ħaddiem qatt ma kien ikun żgur li se jbigħ “ġidu”, jiġifieri x-xogħol ta’ jdejh, mhedded kif kien mill-qgħad, li kien ifisser mewt bil-ġuħ, għax ma kienx hemm ebda sura ta’ assigurazzjoni soċjali.

Frott ta’ dan it-tibdil kien soċjetà “maqsuma f’żewġ klassijiet, mifrudin b’abbiss minn xulxin”[6]. Din il-qagħda kienet marbuta mal-bidla kbira li kienet qiegħda sseħħ fil-qasam politiku, bidla li ġa semmejt. It-teorija politika ewlenija ta’ dak iż-żmien kienet tfittex li ġġib ‘il quddiem libertà ekonomika permezz ta’ liġijiet adatti, jew għall-kuntrarju, b’nuqqas ta’ ndħil deliberat. Fl-istess ħin fehma ġdida tal-proprjetà u tal-ħajja ekonomika bdiet turi ruħha b’mod organizzat, spiss imsieħeb mal-vjolenza, fehma li kienet tissoponi struttura politika u soċjali ġdida.

Meta l-ġlieda laħqet il-qofol tagħha, meta n-nies fl-aħħar bdew jintebħu sewwa bil-ġustizzji kbar tal-qagħda soċjali f’ħafna postijiet u bil-periklu ta’ rivoluzzjoni mkebbsa minn ideali li dak iż-żmien kienu jissejħu “soċjalisti”, il-Papa Ljun XIII indaħal b’dokument li b’mod sistematiku tkellem dwar il-qagħda tal-ħaddiema”. Qabel l-enċiklika, kien hemm enċiklika oħra dwar tagħlim ta’ sura politika, u warajha dehru oħrajn[7]. Hawn irrid insemmi b’mod partikulari l-enċiklika Libertas praestantissimum li tkellemt dwar ir-rabta essenzjali li għandu jkun hemm bejn il-libertà tal-bniedem u l-verità, tant li l-libertà li tiċħad li tintrabat mal-verità, tispiċċa biex issir ħaġa arbitrarja u toqgħod għall-passjonijiet l-aktar baxxi, sa kemm teqred lilha nfisha. Fl-aħħar mill-aħħar, minn fejn ġej id-deni kollu li għaliha riedet twieġeb ir-Rerum novarum jekk mhux minn sura ta’ libertà li, fl-oqsma ta’ l-ekonomija u tal-ħidma soċjali, tinqata’ mill-verità dwar il-bniedem? Il-Papa Ljun XIII kien ispirat ukoll mill-Papiet ta’ qablu, u minn ħafna dokumenti tal-isqfijiet, minn studji xjentifiċi magħmulin minn membri tal-lajkat, mill-ħidma tal-movimenti u ta’ l-assoċjassjonijiet kattoliċi, u minn dak li l-Knisja kisbet fil-prattika fil-qasam soċjali tul l-aħħar ħamsin sena tas-seklu dsatax.

  1. “Il-ħwejjeġ ġodda” li fuqhom tkellem il-Papa, xejn ma kienu tajba. L-ewwel paragrafu tal-enċiklika juża kliem iebes dwar “il-ħwejjeġ ġodda” (Rerum novarum) li taw l-isem lill-enċiklika. “Mhux ta’ min jistgħaġeb li l-ħerqa għall-ħwejjeġ ġodda, li ilu jaqleb taħt fuq in-nazzjonijiet tad-dinja, twassal biex ix-xewqat għat-tibdil toħroġ mill-qasam tal-politika u tinfluwenza l-qasam qrib tal-ekonomija. Il-progress fl-industrija, l-iżvilupp ta’ snajja ġodda, it-tibdil li seħħ fir-relazzjonijiet bejn ħaddiema u min iħaddem, l-għana bla qies tal-ftit u l-faqar tal-ħafna, il-fatt li l-ħaddiema bdew dejjem aktar jafdaw biss fihom infushom u jingħaqdu dejjem aktar ma’ xulxin, u wkoll nuqqas kbir ta’ moralità: dawn l-elementi kollha wasslu għall-ġlieda li hemm illum”[8].

Il-Papa, u l-Knisja flimkien miegħu, kellhom quddiemhom, l-istess ħaġa li kellha l-komunità ċivili; soċjetà mġarrba minn ġlieda wisq aktar kiefra u bla ħniena għax ma kellha xejn x’jirregolaha. Kienet ġlieda bejn il-kapital u x-xogħol jew – kif fissret l-enċiklika – kienet il-kwistjoni tal-ħaddiema. Hu proprju dwar din il-ġlieda, li dak iż-żmien kienet qiegħda ssir b’qawwa kbira, l-Papa ma beżax jitkellem.

Hawn insibu l-ewwel ħsieb li l-enċiklika tissuġġerilna għal żminijietna. Quddiem ġlieda ta’ bniedem ma’ l-ieħor, qishom “ilpup” għal xulxin, ġlieda bejn qagħda ta’ min bilkemm kellu biex igħix kuljum min-naħa, u qagħda ta’ għana bla qies, min-naħa l-oħra, Il-Papa ma beżgħax jindaħal f’ġieħ “il-ministeru appostoliku”[9] tiegħu, jiġifieri għax irċieva mingħand Kristu nnifsu l-missjoni li “jirgħa l-ħrief u ngħaġ” (ara Ġw 21, 15-17) u li “jħoll u jorbot” fuq l-art għas-Saltna tas-Smewwiet (ara Mt 16,19). Il-fehma tal-Papa żgur kienet li ġġib il-paċi, u min jaqra l-enċiklika llum ma jistax ma jinnotax il-kundanna qawwija u bla tlaqliq, tal-ġlieda bejn il-Klassijiet[10]. Iżda l-Papa kien jaf sewwa li l-paċi tinbena fuq is-sisien tal-ġustizzja – għall-enċiklika kien meħtieġ fuq li meħtieġ li xxandar il-kondizzjonijiet essenzjali għall-ġustizzja, fil-qagħda ekonomika u soċjali ta’ dak iż-żmien[11].

B’dan il-mod, il-Papa Ljun XIII, mexa fuq il-passi tal-Papiet ta’ qablu, u ħoloq skema għall-Knisja li kella tibqa’. Il-Knisja għandha ħafna xi tgħid dwar qagħdiet speċifiċi tal-bniedem, kemm individwali u kemm komunitarji, nazzjonali u internazzjonali. Il-Knisja xxandar id-duttrina vera dwar dawn il-qagħdiet, ġabra (corpus) ta’ duttrina li biha tista’ tanaliżża l-qagħda soċjali kif tkun fil-fatt, tagħti l-ġudizzju tagħha fuqha, u turi liema għandha tkun it-triq li twassal għas-soluzzjoni tal-problemi li jkun hemm.

Fi żmien il-Papa Ljun XIII ma tantx kien hemm min jammetti fehma bħal din tad-drittijiet u d-dmirijiet tal-Knisja. Fil-fatt dak iż-żmien kien hemm żewġ fehmiet li l-aktar kienu jħaddnuhom in-nies: fehma waħda kienet dwar din id-dinja u l-ħajja f’din id-dinja, fejn il-fidi bla ebda mod ma għandha tindaħal; u fehma oħra dwar salvazzjoni kollha kemm hi tad-dinja l-oħra, li bl-ebda mod ma ddawwal jew tmexxi l-ħajja f’din id-dinja. Il-ħsieb tal-Papa kien li, bil-pubblikazzjoni tal-enċiklika, jagħti lill-Knisja “ċittadinanza”, biex ngħid hekk, fil-ħajja pubblika, li kuljum qiegħda tinbidel bla waqfien: dan kellu jitwettaq imbagħad aktar ‘il quddiem. Fil-fatt, it-tagħlim u x-xandir tad-duttrina soċjali tagħha hu parti mill-missjoni tal-Knisja għax-xandir tal-Evanġelju, u hi parti essenzjali mill-messaġġ fil-ħajja tas-soċjetà u turi li x-xogħol ta’ kuljum u l-ġlieda għall-ġustizzja huma xhieda ta’ Kristu, il-Feddej. Din id-duttrina wkoll hi għajn ta’ għaqda u sliem quddiem il-ġlieda li bilfors jinqala’ fil-ħajja soċjali u ekonomika. Għalhekk hi ħaġa li tista’ tkun, tgħix f’qagħdiet ġodda mingħajr ma tiġi mkasbra d-dinjità traxxendenti tal-persuna tal-bniedem, kemm fih innifsu u kemm fl-avversarju tiegħu, u tasal għal soluzzjonijiet skond il-ġustizzja.

Illum, wara mitt sena, is-siwi ta’ fehma bħal din hi okkażjoni għalija biex inkompli niżviluppa d-duttrina soċjali nisranija. “L-evanġelizzazzjoni l-ġdida” li d-dinja ta’ llum tant teħtieġ minnufih, u li jiena kemm-il darba insistejt fuqha, għandu jkollha bħala elementi essenzjali ix-xandir tad-duttrina soċjali tal-Knisja. L-istess kif fi żmien il-Papa Ljun XIII, din id-duttrina għadha tiswa biex turi kif l-aħjar tingħata tweġiba għall-isfidi kbar ta’ llum, meta l-ideoloġiji dejjem aktar qegħdin jitilfu l-kreditu tagħhom. Illum, l-istess bħal mitt sena ilu, rridu ntennu li ma jistax ikun hemm soluzzjoni vera għall-“kwistjoni soċjali” mingħajr l-Evanġelju u li “l-ħwejjeġ ġodda” jistgħu jsibu fl-Evanġelju il-verità u l-qagħda morali tagħhom.

  1. Bil-ħsieb li jitfa’ dawl fuq il-ġlieda li nħolqot bejn il-kapital u x-xogħol, il-Papa Ljun XIII qal liema huma d-drittijiet fondamentali tal-ħaddiema. Il-ħsieb li bih irridu naqraw l-enċiklika hu d-dinjità tal-ħaddiem bħala ħaddiem u għalhekk ukoll id-dinjità tax-xogħol li hi mfissra b’dan il-mod: “il-ħidma tal-bniedem biex jikseb il-meħtieġ għall-ħajja u speċjalment l-għajxien”[12]. Il-Papa jiddikjara li x-xogħol hu “ħaġa personali” għaliex, “l-enerġija li wieħed juża fix-xogħol hi marbuta mal-persuna ta’ dak li jkun u hi proprjetà kollha kemm hi tiegħu u ġiet mogħtija lilu għall-ġid tiegħu…”[13]. Ix-xogħol għalhekk hu parti mill-vokazzjoni ta’ kull bniedem, anzi l-bniedem juri x’inhu u jilħaq il-qofol kollu tiegħu fix-xogħol. Fl-istess waqt, ix-xogħol għandu wkoll dimensjoni ‘soċjali’ minħabba r-relazzjoni ntima li għandu mhux biss mal-familja, imma wkoll mal-ġid ta’ kulħadd, għaliex “bir-raġun kollu nistgħu ngħidu li l-Istati jistagħnu biss bix-xogħol tal-ħaddiem”[14]. Dan jien semmejtu u żviluppajtu fl-enċiklika Laborem exercens[15].

Prinċipju ieħor important hu żgur ukoll id-dritt għall-“proprjetà privata”[16]. It-tul dwar is-suġġett fl-enċiklika juri x’importanza tagħtih. Il-Papa kien jaf sewwa li l- proprjetà privata m’hijiex xi valur assolut, u ma jonqosx li jħabbar il-prinċipji l-oħra meħtieġa ħa jsaħħuħ, bħalma hu l-prinċipju li l-ġid kollu ta’ l-art hu d-destinat għal kulħadd[17].

Min-naħa l-oħra, hu veru li l-proprjetà privata, li l-Papa Ljun XIII l-aktar li jqis, hi l- proprjetà ta’ l-art[18]. Iżda dan ma jfissirx li r-raġunijiet li jġib għall-ħarsien tal-proprjetà privata jew favur id-dritt li wieħed għandu jkollu tiegħu dak kollu li jeħtieġ biex jizviluppa l-personalità tiegħu, u jġib ‘il quddiem il-familja tiegħu – hi x’inhi fil-fatt is-sura li dan id-dritt jista’ jkollu – ma għadhomx jiswew illum. Din hi ħaġa li rridu ntennuha mill-ġdid quddiem it-tibdil li qegħdin naraw iseħħu fis-sistemi li fihom sa ftit ilu kienet minn fuq il-proprjetà kollettiva tal-mezzi tal-produzzjoni; u quddiem ukoll faqar dejjem jikber, jew aħjar, quddiem tfixkil għall- proprjetà privata li qiegħed jidher f’ħafna partijiet tad-dinja, f’dawk ukoll fejn is-sistemi huma tista’ tgħid kollha mibnija fuq l-għarfien tad-dritt tal-proprjetà privata. Minħabba dan it-tibdil u minħabba il-faqar li minkejja kollox għadu hemm, jeħtieġ li jkun hemm analiżi aktar fil-fond tal-problema, analiżi li se niżviluppa aktar ‘il quddiem f’din l-enċiklika.

  1. Marbutin sewwa mad-dritt tal-proprjetà privata, l-enċiklika tal-Papa Ljun XIII, issemmi drittijiet oħra li huma proprji tal-persuna tal-bniedem u li minnhom ma jistax jiġi mċaħħad. Mill-aqwa fost dawn il-prinċipji, minħabba t-tul li l-Papa jieħu biex jitkellem fuqu u l-importanza li jagħtih, hu “id-dritt natural ital-bniedem” li jwaqqaf assoċjazzjonijiet privata. Dan l-ewwelnett hu d-dritt li jitwaqqfu assoċjazzjonijiet profesjonali ta’ ħaddiema u ta’ min iħaddem, jew ta’ ħaddiema biss[19]. Ħawn insibu r-raġuni għaliex il-Knisja tiddefendi u tapprova li jitwaqfu dawk li ġeneralment insejħulhom “trade unions”: dan żgur mhux minħabba xi preġudizzji ideoloġiċi, jew biex iċċedi quddiem mentalità klassistà, imam għaliex id-dritt ta’ assoċjazzjoni hu dritt natural ital-bniedem, u għalhekk jiġi qabel id-dħul tiegħu fis-soċjetà politika. Anzi t-twaqqif ta’ “unions” “ma jistax jiġi projbit mill’Istat”, għaliex “l-Istat hu fid-dmir li jħares id-drittijiet naturali u mhux jeqridhom, u jekk jipprojbixxi liċ-ċitadini tiegħu li jwaqqfu assoċjazzjonijiet, ikun imur għal kollox kontra l-prinċipju stess tal-eżistenza tiegħu”[20].

Flimkien ma’ dan id-dritt – u dan ta’ min jinsisti fuqu – il-Papa jgħid, li hu dritt tal-ħaddiema jew (biex nużaw kliemu) tal”proletarjat”, il-Papa jsemmi wkoll bl-istess mod ċar id-dritt għal “sigħat limitati tax-xogħol”, id-dritt għall-mistrieh xieraq u d-dritt li t-tfal u n-nisa[21] jkunu trattati mod ieħor meta wieħed jiġi għas-sura tax-xogħol li jsir u għat-tul tax-xogħol.

Jekk noqogħodu niftakru f’dak li tgħidilna l-istorja fuq il-provvedimenti li kienu permessi, jew almenu mhux projbiti mil-liġijiet, dwar il-mod kif il-ħaddiema kienu jiġu mqabbdin għax-xogħol, b’ebda garanzija dwar il-ħinijiet tax-xogħol, jew dwar saħħa u ndafa fil-postijiet tax-xogħol, jew ukoll l-età u s-sess tal-apprendisti, naslu biex napprezzaw il-kliem iebes tal-Papa: “M’hijiex ħaġa ġusta u lanqas tixraq ‘l bniedem tistenna mill-bniedem tant xogħol li ma jkunx jista’ jaħseb aktar b’moħħu u ġismu jidgħajjef”. Meta mbagħad jitkellem dwar “kuntratt” ħa jkun hemm “relazzjonijiet ta’ xogħol” ta’ din ix-xorta, il-Papa b’mod l-aktar eżatt, igħid li “f’kull ftehim bejn il-ħaddiema u min iħaddem għandu jkun hemm dejjem il-kondizzjoni espressa jew impliċità li se jkun hemm ħin xieraq ta’ mistrieħ, proporzjonat għall-“ħala tas-saħħa bix-xogħol”. U jagħlaq billi jgħid: “Ftehim mod ieħor ma jkunx la sewwa u lanqas ġust”[22].

  1. Il-Papa minnufih isemmi dritt ieħor li l-ħaddiem għandu bħala persuna. Dan hu d-dritt għall-“paga ġusta”, ħaġa li m’għandhiex titħalla “għall-ftehim ħieles bejn il-partijiet, hekk li min iħaddem, wara li jagħti l-paga miftiehma, iqis li qeda dmiru, u għalhekk ma hemm xejn aktar x’jagħmel”[23]. Dak iż-żmien kien jingħad li l-Istat ma kellux is-setgħa li jindaħal f’dawn il-kuntratti, ħlief biex jara li jseħħ kull ma jkun ġie mitiehem espliċitament. Din il-fehma kollha kemm hi prammatika u ispirata minn individwaliżmu sħiħ, ġiet kundannata b’mod iebes mill-enċiklika għaliex tmur kontra n-natura tax-xogħol kemm bħala fatt personali u kemm bħala ħaġa meħtieġa. Dan għaliex ix-xogħol bħala fatt personali hu fid-dritt ta’ kull individwu li b’mod ħieles juża l-ħila u l-enerġija tiegħu; u bħala ħaġa meħtieġa jaqa’ taħt l-obbligu gravi li għandu kull individwu għandu d-dritt naturali li jikseb dak li jeħtieġ biex jgħix, u l-fqir dan ma jistax jiksbu ħlief minn dak li jaqla’ bix-xogħol tiegħu”[24].

Il-paga ta’ ħaddiem trid tkun biżżejjed biex iżżomm lilu nnifsu, lil martu u ‘l uliedu. “jekk minħabba l-ħtieġa jew minħabba l-biża’ ta’ xi deni agħar, ħaddiem ikollu jaċċetta kondizzjonijiet aktar iebsa għaliex min se jħaddmu jew il-kuntrattur mhux joffri xi ħaġa aħjar, il-ħaddiem isir vittma tal-vjolenza, u dan hu kontra il-ġustizzja”[25]. Jalla dan il-kliem, miktub fi żmien meta l-hekk imsejjaħ “kapitaliżmu bla rażan” kien qiegħed jagħfas sewwa, ma jkollux jiġi imtenni llum bl-istess ebusija!

Iżda, jaħasra, illum ukoll insibu kuntratti ta’ xogħol, bejn ħaddiema u min iħaddem li fihom ma hemm ebda riferenza għall-prinċipji l-aktar eleementari tal-ġustizzja dwar ix-xogħol tat-tfal u tan-nisa, dwar ħinijiet tax-xogħol, dwar indafa u saħħa fil-post tax-xogħol, dwar paga xierqa, u dan minkejja ħafna Dikjarazzjonijiet u Konvenzjonijiet internazzjonali li hemm dwar dan[26], u l-liġijiet interni ta’ l-istat. Il-Papa għabba lill-“awtorità pubblika” bid-“dmir strett” li tieħu ħsieb sewwa s-saħħa u l-ġid tal-ħaddiema, għax nuqqas f’dan hu – nuqqas kontra l-inġustizzja: anzi l-Papa ma qagħadx jaħsibha darbtejn biex jitkellem dwar “ġustizzja distributtiva”[27].

  1. Ma dawn id-drittijiet il-Papa LjunXIII żied dritt ieħor dwar il-qagħda tal-klassi tal-ħaddiema, li jien irrid insemmi minħabba l-importanza tiegħu., id-dritt li wieħed jaqdi d-dmirijiet reliġjużi tiegħu bla ebda xkiel. Il-Papa ried ixandar dan id-dritt flimkien ma’ drittijiet oħra u dmirijiet tal-ħaddiema, minkejja l-fehma ġenerali ta’ dak iż-żmien li kwistjonijiet bħal dawn huma kollhom kemm huma biss parti mil-ħajja privata tal-individwu. Il-Papa jinsisti fuq il-ħtieġa tal-mistrieħ tal-Ħadd, biex in-nies ikunu jistgħu jerfgħu ħsibijiethom lejn is-sema u jagħtu lil Alla li jista’ kollox il-qima li huma fid-dmir li jagħtuh[28]. Ħadd ma jista’ jneħħi dan id-dritt tal-bniedem., li hu mibni fuq kmandament; fi kliem il-Papa “ebda bniedem, li hu mibni fuq dinjità tal-bniedem li Alla nnifsu jħares b’ġieħ liema bħalu, u jeħlisha ħafif”, għalhekk l-Istat għandu jara li l-ħaddiem ikun ħieles li jagħmel użu minn dan id-dritt bla ebda xkiel[29].

Ma niżbaljawx jekk dan il-kliem aħna naraw il-bidu tal-prinċipju tad-dritt għall-libertà reliġjuża, li kellha ssib postha f’ħafna Dikjarazzjonijiet u Konvenzjonijiet intrnazzjonali solenni[30], kif ukoll fid-Dikjarazzjonijiet magħrufa tal-Konċilju Vatikan II u t-tagħlim li jien tennejt kemm-il darba[31]. Hawn, ta’ min jistaqsi jekk il-il-liġijiet li hemm u d-drawwiet tal-pajjiżi industrijaliżżati humiex verament jiżguraw illum lill-ħadiema li jużaw dan id-dritt fondamentalitagħhom għall-mistrieħ tal-Ħadd.

  1. Aspett ieħor important, mimli tagħlim għaż-żmien ta’ llum, huma r-relazzjonijiet bejn l-Istat u ċ-ċittadini. Ir-Rerum Novarum tikkritika żewġ sistemi soċjali u ekonomiċi, is-soċjaliżmu u l-liberaliżmu. Fit-taqsima tal-bidu l-enċiklika, fejn jiġi mtenni d-dritt għall-proprjetà privata, tittratta dwar is-soċjaliżmu. Għall-liberaliżmu ma hemmx taqsima speċjali, iżda jiġi kritikat – u dan ta’ min ifakkru – fejn l-enċiklika titkellem dwar id-dmirijiet tal-Istat[32] . L-istat m’għandux ifittex biss li “jiffavorixxi sessjoni waħda taċ-ċittadini”, jiġifieri li l-għonja u s-sinjuri, u lanqas ma għandu “ma jimpurtahx mill-oħrajn”, li żgur huma l-kotra tas-soċjetà. Jekk dan, ikun hemm ksur tal-liġi tal-ġustizzja li kull bniedem jieħu dak li jistħoqqlu. “iżda meta hemm fin-nofs il-ħarsien tad-drittijiet tal-individwi, dawk li m’għandhomx min jiddefendihom u huma fqar għandhom id-dritt li kollhom konsiderazzjoni speċjali. Il-klassi tal-għonja li għandha ħafna mezzi biex tħares liha nfisha, ma tantx teħtieġ għajnuna mill-Istat, waqt li l-proletarjat li ma għandux riżorsi li fuqhom jista’ jafda, jiddependi l-aktar mill-għajnuna tal-Istat. Hu għalhekk li dawk li jgħixu bil-paga, għaliex aktarx huma minn din il-klassi ta’ l-aħħar, għandu jkollhom kura speċjali u ħarsien mill-Istat”[33].

Dawn il-fehmiet jiswew illum ukoll, speċjalment minħabba suriet ġodda ta’ faqar fid-dinja, u wkoll għax dawn il-fehmiet itennu ħwejjeġ li ma jiddependux minn xi fehma speċifika tal-Istat jew minn xi teorija politika particular. Papa Ljun XIII qiegħed itenni prinċipju elementari ta’ organizzazzjoni politika serja, jiġifieri aktar ma individwu ma għandux min jiddefendih fis-soċjetà aktar jeħtieġ il-kura u t-tħassib tal-oħrajn, u, b’mod partikulari, tal-awtorità tal-Istat.

Hekk, dak li llum insejħu il-prinċipju tas-solidarjetà, li, dwar is-siwi tiegħu kemm fl-ordni intern ta’ kull nazzjon u kemm fl-ordni internazzjonali, tkellimt fl-enċiklika Sollicitudo rei socialis[34] , jidher li hu wieħed mill-prinċipji fondamentali tal-fehma nisrania ta’ organizzazzjoni politika u soċjali. Dan il-prinċipju hu msemmi spiss mill-Papa Ljun XIII, u jsejjaħlu “ħbiberija”, kelma li ġa nsibu fil-filosofija griega. Il-Papa Piju XI jirreferi għalih b’kelma li għandha l-istess tifsira qawwija, u jsejjaħlu: “imħabba soċjali”. Il-Papa Pawlu VI iwessa l-ħsieb biex iħaddan fih il-ħafna suriet ta’ llum tal-kwistjoni soċjali, u jitkellem dwar “ċiviltà tal-imħabba”[35].

  1. Meta naqraw mill-ġdid l-enċiklika fid-dawl tal-qagħda ta’ llum, naslu biex napprezzaw il-ħerqa dejjem sejra tal-Knisja u d-dedikazzjoni tagħha għal dawk il-kategoriji ta’ nies li għalihom il-Mulej Ġesu kellu mħabba speċjali. Dak li tgħid l-enċiklika huwa xhieda mill-aqwa li fil-Knisja dejjem kien hemm dik li tissejjaħ “l-għażla preferenzjali favur il-foqra”, għażla li jien fissirt bħala “sura speċjali ta’ primat fit-tħaddim tal-imħabba nisranija”[36]. L-enċiklika tal-Papa Ljun XIII dwar “il-qagħda tal-ħaddiema” hi għalhekk enċiklika dwar il-foqra u dwar il-kondizzjonijiet tal-biża’ li fiha waqgħu folol kbar ta’ nies bil-proċess ġdid tal-industrializzazzjoni li spiss kien proċess imsieħeb mal-vjolenza. Illum, f’ħafna postijiet fid-dinja, proċessi l-istess ta’ tibdil ekonomiku, soċjali u politiku qegħdin joħolqu l-istess tiġrib.

Jekk il-Papa Ljun XIII talab lill-Istat biex isib rimedju għall-qagħda tal-foqra bi spirtu ta’ ġustizzja, dan għamlu għaliex għaraf f’waqtu li l-Istat hu fid-dmir li jħares il-ġid ta’ kulħadd u jiżgura li kull settur tal-ħajja soċjali dak ekonomiku wkoll, igħin ħa jinkiseb il-ġid ta’ kulħadd, waqt li fl-istess ħin iħares l-awtonomija ta’ kull settur. Dan ma għandux iwassalna biex naħsbu li l-Papa Ljun XIII kien jistenna li l-Istat jħoll il-problemi soċjali kollha. Anzi, spiss insista fuq il-ħtieġa li jkun magħruf sa fejn għandu jindaħal l-Istat u fuq il-karattru strumentali tal-Istat, għaliex l-individwu, il-familja u s-soċjetà jiġu qabel l-Istat, u l-Istat qiegħed hemm biex iħares id-drittijiet u mhux joħnoqhom[37].

Kulħadd jista’ jara is-siwi ta’ dawn il-ħsibijiet għaż-żmien ta’ llum. Ikun jaqbel li nerġa’ nitkellem aktar ‘l quddiem dwar is-suġġett importanti ta’ sa fejn jista’ jasal l-Istat skond in-natura tiegħu. Għalissa l-punti li fuqħom insistejt (u mhux dawn biss issemmi l-enċiklika) ikomplu t-tagħlim soċjali tal-Knisja, wkoll fid-dawl ta’ fehma tajba tal-proprjetà privata, tax-xogħol, tal-progress ekonomiku, tar-realtà ta’ l-Istat, u, fuq kollox, tal-bniedem innifsu. Problemi oħra nsemmihom aktar tard meta ngħarbel xi aspetti tal-qagħda ta’ llum. Minn hawn ‘il quddiem, irridu nżommu dejjem quddiem għajnejna li l-ħsieb u, f’ċertu sens, il-prinċipju li fuqu timxi l-enċiklika tal-Papa Ljun XIII u d-duttrina soċjali kollha tal-Knisja, hu fehma tajba tal-persuna tal-bniedem, u tal-valur tiegħu li ma hemmx ieħor bħalu, għax “il-bniedem…hu l-ħlieqa waħdanija fid-dinja li Alla riedha għaliha nfisha”[38]. Alla naqqax ix-xbieha u sura tiegħu fil-bniedem (ara Ġen 1,26) u tah dinjità m’hemmx oħra bħalha, kif tinsisti spiss l-enċiklika. Fl-aħħar mill-aħħar, barra d-drittijiet li l-bniedem jikseb bix-xogħol tiegħu, hemm drittijiet li ma jiġux minn xi xogħol li jagħmel, imma jiġu mid-dinjità essenzjali tiegħi bħala persuna.

 

 

KAP II

LEJN IL-“ĦWEJJEĠ ĠODDA” TA’ LLUM

 

  1. It-Tifkira tar-Rerum Novarum ma tkunx sħiħa jekk ma titqiesx ukoll il-qagħda fid-dinja ta’ llum. L-enċiklika tiswa għal dan, għaliex id-dehra li tagħtina ta’ l-istorja u tbassir li tagħmel kienu eżatti b’mod tal-għaġeb kif deher minn dak li ġara fid-dinja minn dak iz-żmien sa llum.

B’dan il-mod speċjali twettaq mill-ġrajjiet li seħħu fi tmiem is-sena 1989 u l-bidu tas-sena 1990. Dawn il-ġrajjiet u l-bidliet radikali li seħħu wara, jistgħu jitfissru biss minn dak li seħħ qabel, li, sa ċertu pont, ikkristalizzaw u istituzzjonalizzaw dak li bassar Ljun XIII u s-sinjali, dejjem aktar ta’ tħassib, li kienu qegħdin jaraw il-Papiet ta’ warajh. Il-Papa Ljun XIII għaraf x’kienu l-konsegwenzi negattivi fl-aspetti kollha politiċi, soċjali u ekonomiċi tal-ordni soċjali prospost mis-“soċjaliżmu”, li dak iż-żmien kien għadu biss filosofija soċjali u moviment ftit jew wisq organizzat sewwa. Xi ħadd jista’ jistgħaġeb li s-“soċjaliżmu” jissemma’ l-ewwel fil-kritika tal-Papa tas-soluzzjonijiet għall-“kwistjoni tal-ħaddiema”, meta s-“soċjaliżmu” ma kienx ħa sura ta’ Stat setgħan qawwi, bil-mezzi kollha li jitlob Stat bħal dan, kif ġara aktar tard. Iżda għaraf sewwa l-periklu li fih sabu ruħhom il-folol bi preżentazzjoni ta’ soluzzjoni sempliċi u radikali, li fl-istess ħin tħajjar, tal-“kwistjoni tal-ħaddiema” ta’ dak iż-żmien – aktar u aktar meta wieħed iqis il-qagħda nġusta u tal-biża’ li fiha l-klassi tal-ħaddiema sabet ruħha fin-nazzjonijiet li kienu għadhom kemm ġew industrijalizzati.

Hawn irrid nagħmel enfażi fuq żewġ affarijiet: l-ewwel, il-mod tassew ċar li bih il-Papa għaraf, fil-ħruxija kollha tagħha, il-qagħda li fiha kienet tinsab il-klassi tal-ħaddiema – irġiel, nisa u tfal; imbagħad bl-istess mod ċar għaraf il-ħażen ta’ soluzzjoni li, għalkemm kienet tidher se taqleb il-qagħda tal-għonja u tal-fqar, fil-fatt kienet se tkun ta’ ħsara għal dawk li riedet tgħin. Il-kura kienet se tkun agħar mid-deni. Meta fisser li n-natura tas-soċjaliżmu ta’ żmienu kienet il-qerda tal-proprjetà privata, il-Papa Ljun XIII, wasal fil-qofol tal-problema. Kliemu ta’ min jaqrah bl-attenzjoni kollha: “Biex jinsab rimedju għal dan id-deni (it-taqssim inġust tal-ġid u l-faqar tal-ħaddiema) is-soċjalisti iħajru l-foqra biex igħiru għall-għonja, u jsostnu li trid tinqered il-proprjetà privata, u dak li għandhom l-individwi għandu jsir proprjetà ta’ kulħadd…Iżda l-fehmiet tagħhom, mhux biss ma jsolvux il-kwistjoni, imma, jekk iseħħu, l-istess ħaddiema jkunu dawk li l-ewwel ibatu. Imbagħad huma tassew inġusti, għaliex huma kontra d-drittijiet tal-proprjetarji leġittmi, jiżnaturaw l-ħidma ta’ l-istat, u jġarrfu l-ordni soċjali kollu”[39]. Ma setatx tiġi mfissra aħjar il-ħsara li tiġi mit-twaqqif ta’ din is-sura ta’ soċjaliżmu f’sistema ta’ Stat, li aktar tard ġie msejjaħ “soċjaliżmu reali”.

  1. Inkompli bir-riflessjoni tiegħi u nsemmi wkoll dak li ntqal fl-enċiklika Laborem exercens u Sollicitudo rei socialis biex inżid li l-iżball fondamentali tas-soċjaliżmu hu ta’ natura antropoloġika. Is-soċjalisti jqisu l-persuna ndividwali biss bħala element, bħala molekula fl-organiżmu soċjali, hekk li l-ġid tal-individwu hu, kollu kemm hu, subordinat għat-tħaddim tal-mekkaniżmu soċjo-ekonomiku. Min-naha l-oħra, is-soċjaliżmu jżomm li l-ġid tal-individwu jista’ jinkiseb ukoll mingħajr ma jkun hemm għalfejn l-għażla ħielsa tiegħu, u tar-responsabbilità kollha kemm hi tiegħu biss li jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin.

B’dan il-mod il-bniedem ma jkunx ħlief għadd ta’ relazzjonijiet ekonomiko-soċjali, u tispiċċa għal kollox il-fehma li l-bniedem hu persuna li minn rajha, bla ndħil ta’ ħadd tieħu deċiżjonijiet morali, u hu dak li fl-aħħar mill-aħħar jibni l-ordni soċjali bid-deċiżjonijiet tiegħu. Minn din il-fehma żbaljata dwar il-persuna jiġi kemm it-tgħawwiġ tal-liġi li tgħid liema huma l-oqsma li fihom il-bniedem jeżerċità l-libertà tiegħu, u kemm l-oppożizzjoni għall-proprjetà privata. Meta persuna tiġi mċaħħda minn xi ħaġa li tgħid li hi “tagħha” u tiġi mċaħħda li taqla’ l-għajxien tagħha b’inizjattivi tagħha stess, din ikollha tiddependi għal kollox minn makkinarju soċjali. Ħaġa bħal din tagħmel aktar iebes għall-bniedem li jagħraf id-dinjità tiegħu bħala persuna u tfixkel il-progress fil-bini ta’ komunità li tkun tassew tixraq lill-bniedem.

Għall-kuntrarju, il-fehma nisranija tal-persuna tal-bniedem twassal bilfors għal fehma tajba u korretta tas-soċjetà. Skond ir-Rerum novarum u d-duttrina soċjali kollha tal-Knisja, in-natura soċjali tal-bniedem ma ssibx il-milja kollha tagħha fl-Istat, imma ssibha fil-ħafna gruppi intermedji, ibda mill-familja u spiċċa fil-gruppi ekonomiċi u soċjali u politiċi u kulturali li joħorġu mill-istess natura tal-bniedem u jgawdu awtonomija proprja, iżda dejjem bil-għan tal-ġid ta’ kulħadd. Hu dan li jien sejjaħt is-“soġġettività” tas-soċjetà li flimkien mas-soġġettività tal-individwu, inqered mis-“soċjaliżmu reali”[40]

Jekk irridu naraw minn fejn ħarġet din il-fehma żbaljata tan-natura tal-persuna tal-bniedem u tas-“soġġettività” tas-soċjetà rridu ngħidu li ħarġet l-ewwel mill-ateiżmu. Hu bi tweġiba għas-sejħa ta’ Alla li bih kollox jeżisti, li l-bniedem jintebaħ bid-dinjità traxxendentali tiegħu. Kull bniedem irid jagħti din it-tweġiba, li hi l-qofol tan-natura tiegħu bħala bniedem, u ebda mekkaniżmu soċjali jew kollettiviżmu ma jista’ jieħu postha. Iċ-ċaħda ta’ Alla ċċaħħad il-persuna tal-bniedem mis-sisien tagħha, u għalhekk twassal għall-organizzazzjoni mill-ġdid tal-ordni soċjali, fejn ma jkunx hemm ebda post għad-dinjità u għar-responsabbilitajiet tal-persuna tal-bniedem.

L-ateiżmu li dwaru qegħdin nitkellmu għandu rabta sewwa mar-razzjonaliżmu ta’ l-illuminiżmu li jqis ir-realtà umana u soċjali b’mod mekkanistiku. B’hekk tiġi ċ-ċaħda tal-fehma l-aktar għolja tal-veru kobor tal-bniedem, tat-traxxendenza tal-bniedem ‘il fuq mir-realtajiet ta’ din id-dinja, il-kontradizzjoni fil-qalb tal-bniedem bejn ix-xewqa għall-milja ta’ kull ma hu tajjeb u n-nuqqas ta’ ħila tiegħu li jilħaq din il-milja, u, fuq kollox, il-ħtieġa għas-salvazzjoni li tiġi minn din il-qagħda.

  1. Minn dan l-istess ateiżmu, is-soċjaliżmu kiseb l-għażla tal-mezzi għall-ħidma, li ġiet kundannata mir-Rerum novarum, jiġifieri l-ġlieda bejn il-klassijiet. Il-Papa – qiegħed ngħid is-sewwa – ma riedx jikkundanna kull xorta ta’ konflitti soċjali. Il-Knisja taf sewwa li tul il-ġrajja tad-dinja bilfors ikun hemm konflitti ta’ nteressi bejn il-ħafna gruppi soċjali differenti, u għalhekk quddiem dawn il-konflitti l-insara, b’mod onest u deċiżiv, spiss iridu jiddeċiedu x’se tkun il-qagħda tagħhom. L-enċiklika Laborem exercens tagħraf b’mod tassew ċar l-aspett posittiv ta’ konflitt meta hu “ġlieda għall-ġustizzja soċjali”[41] u l-enċiklika Quadragesimo anno kienet ġa qalet:Il-ġlieda bejn il-klassijiet, jekk tevita l-vjolenza u l-mibgħeda, bil-mod il-mod tinbidel f’diskussjoni dwar differenzi li jkun hemm, mibnija fuq xewqa ta’ ġustizzja”[42].

Fil-ġlieda bejn il-klassijiet dak li hu kkundannat hi l-fehma ta’ ġlieda li m’hijiex limitata għal konsiderazzjonijiet morali u ġuridiċi, u li ma turix rispett għad-dinjità ta’ l-oħrajn (u għalhekk tiegħek innifsek ukoll); b’dan il-mod kull kompromess raġonevoli jiġi mwarrab fil-ġenb u dak li jkun imfittex, ma jkunx il-ġid tas-soċjetà kollha kemm hi, imma ntresssi partiġjani li jieħdu l-post tal-ġid ta’ kulħadd, u jfittxu jeqirdu kull ma jfixkilhom. F’kelma waħda, għandna, fil-qasam tal-konflitti interni bejn gruppi soċjali, imdaħħla l-feħma ta’ “gwerra totali” li l-militariżmu u l-imperjaliżmu ta’ dak iż-żmien kien daħħal fir-relazzjonijiet internazzjonali. Din il-fehma wasslet biex, flok jinstab bilanċ xieraq bejn l-interessi tan-nazzjonijiet kollha, naħa jew oħra tipprova timponi ħakma sħiħa fuq in-naħa l-oħra, billi teqridilha kull ħila li tirreżisti, u dan, bil-mezzi kollha possibbli, wkoll permezz ta’ gideb, ta’ terroriżmu kontra ċ-ċittadini, ta’ l-użu ta’ armi li jġibu qerda sħiħa (li proprju f’dak iż-żmien bdew jiġu proġettati). Il-ġlieda marxista tal-klassijiet u l-militariżmu għandhom l-istess għerq, ħerġin mill-ateiżmu u mill-istmerrija tal-persuna tal-bniedem, għaliex iqisu l-prinċipju tal-forza għola mir-raġuni u l-liġi.

  1. Ir-Rerum novarum hi kontra l-fehma li l-Istat għandu jikkontrolla l-mezzi ta’ produzzjoni, għax dan iwassal biex kull ċittadin ikun biss “rota” fil-magna ta’ l-Istat. Bl-istess qawwa, l-enċiklika tikkritika dik il-fehma ta’ l-Istat li twarrab mill-interess u l-ħidma tiegħu l-qasam ekonomiku kollu kemm hu. Veru li hemm qasam leġittimu ta’ awtonomija fil-ħajja ekonomika fejn l-Istat ma għandux jindaħal. Iżda l-Istat hu fid-dmir li jgħid skond liema struttura ġuridika għandha titħaddem il-ħajja ekonomika, biex hekk jiġi mħares dak li titlob ekonomija ħielsa, li tissoponi li l-partijiet ikunu bejn wieħed u ieħor indaqs, b’mod li parti waħda ma tkunx hekk qawwija li fil-fatt twassal lill-partijiet l-oħra biex ikunu biss qaddejja tagħha[43].

F’din il-ħaġa ir-Rerum novarum turi liema hi t-triq għal riforma ġusta li biha x-xogħol tal-bniedem jerġa’ jikseb id-dinjità tiegħu bħala ħidma ħielsa tal-bniedem. Dawn ir-riformi jissoponu li kemm is-soċjetà u kemm l-Istat jidħlu għar-responsabbilitajiet tagħhom, speċjalment għall-ħarsien tal-ħaddiema mill-biża’ tal-qgħad, jew permezz ta’ assikurazzjoni kontra l-qgħad u programmi ta’ taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema biex dawn bla tfixkil igħaddu minn setturi fi kriżi għal setturi oħra li jkunu jespandu.

Barra dan, kemm is-soċjetà u kemm l-Istat iridu jiżguraw li jkun hemm livelli ta’ pagi adatti għall-għajxien tal-ħaddiema u tal-familja tiegħu, b’xi ħaġa wkoll għat-tfaddil. Dan jitlob sforz dejjem sejjer ħa jingħata tagħrif dejjem aktar tajjeb lill-ħaddiema, biex ix-xogħol tagħhom ikun aktar kwalifikat u aktar produttiv; meħtieġ wkoll kontrolli attenti u liġijiet adatti biex ma jinħolqux suriet ta’ sfruttament, ta’ min jistħi minnhom, speċjalment jekk dawn jolqtu lil dawk fost il-ħaddiema li huma l-aktar dgħajfa, lill-emigranti, u lill-emarġinati. Il-ħidma tat-“trade unions” f’negozjati għall-paga minima u għall-kondizzjonijiet aħjar ta’ xogħol, huma deċisivi f’dan il-kas.

Fl-aħħarnett għandu jkun hemm garanzija li l-ħinijiet tax-xogħol jkunu jixirqu ‘l-bniedem u li jkun hemm ħin biżżejjed ta’ mistrieħ, kif ukoll id-dritt li wieħed juri l-personalità tiegħu fil-post tax-xogħol mingħajr ebda vjolazzjoni tal-kuxjenza jew tad-dinjità tiegħu bħala bniedem. Hawn ta’ min isemmi darb’oħra l-ħidma tal-“unions”, mħux biss biex jinnegozjaw kuntratti tax-xogħol, imma wkoll bħala “postijiet” fejn il-ħaddiema juru x’inhuma u xi jħossu. L-“unions” b’hekk igħinu ħa jkun hemm żvilupp fil-kultura vera tax-xogħol u biex il-ħaddiema jkollhom sehem, b’mod li tassew jixraq lill-bniedem, fil-ħajja tal-post fejn jaħdmu[44].

L-Istat jista’ jgħin biex jinkisbu dawn l-għanijiet kemm direttament u kemm indirettament. Indirettament u skond il-prinċipju tas-soliderjetà billi toħloq kondizzjonijiet tajba biex ikun hemm ħidma ekonomika ħielsa, li ġġib għadd kbir ta’ opportunitajiet ta’ xogħol u għejun ta’ ġid. Direttament u skond il-prinċipju tas-solidarjetà bil-ħarsien tal-ħaddiema, bil-limitazzjoni tal-awtonomija ta’ dawk li ddeterminaw il-kondizzjonijiet tax-xogħol u bl-assigurazzjoni li min hu qiegħed għandu dejjem l-għajnuna minima meħtieġa[45].

L-enċiklika u t-tagħlim soċjali tal-Knisja, li hu marbut magħha, kellha influwenza tassew kbira fis-snin bejn is-seklu dsatax u għoxrin. Din l-influwenza tidher fil-ħafna riformi li saru fl-oqsma tal-assikurazzjoni soċjali, fil-pensjonijiet, fl-assikurazzjoni kontra l-mard u kontra d-diżgrazzji, u dan kollu fi struttura ta’ rispett akbar għad-drittijiet tal-ħaddiema[46].

  1. Dawn ir-riformi parti minnhom għamlulhom l-Istat, iżda, fil-ġlieda biex jinkisbu, il-ħidma tal-moviment tal-ħaddiema kellu parti mportant ħafna. Dan il-moviment li beda bħala t-tweġiba tal-kuxjenza morali għall-qagħdiet inġusti u ħżiena, mexxa ma’ kullimkien kampanja għal riformi, li kienet ferm imbegħda minn ideoloġija imċajpra, u aktar qrib il-ħtiġijiet ta’ kuljum tal-ħaddiema; l-isforzi ta’ dan il-moviment spiss ingħaqdu mal-ħidma tal-insara biex jinkiseb titjieb fil-kondizzjonijiet li fihom kienu jgħixu l-ħaddiema. Aktar tard dan il-moviment, sa ċertu pont, ġie maħkum, mill-ideoloġija marxista, li kontra tagħha kienet tkellmet ir-Rerum novarum.

Dawn ir-riformi ġew ukoll, sa ċertu pont, minn proċess miftuħ li biħ is-soċjetà organizzat lilha nnfisa, bit-twaqqif ta’ strumenti effettivi ta’ solidarjetà, li setgħu jwasslu biex il-progress ekonomiku juri aktar rispett għall-persuna tal-bniedem. Hawn irrid infakkar il-ħafna sforzi li saru, u li għalihom l-insara taw kontribut mill-aqwa, biex jitwaqqfu kooperattivi ta’ produtturi, ta’ xerrejja, u ta’ kreditu, bil-għan li jġibu ‘l quddiem edukazzjoni ġenerali u tħarriġ professjonali u biex ikun hemm ħafna surit ta’ parteċipazzjoni fil-ħajja tal-post tax-xogħol u fil-ħajja tas-soċjetà kollha kemm hi.

Għalhekk, meta nħarsu lejn l-imgħoddi, naraw li hemm ħafna għaliex għandna nroddu ħajr lil Alla: din l-enċiklika kbira sabet tweġiba fi qlub il-bnedmin u wasslet biex ikun hemm tweġiba ġeneruża għaliha fil-prattika wkoll; iżda rridu nammettu wkoll li l-messaġġ profetiku tagħha ma ntlaqax għal kollox min-nies ta’ dal iż-żmien. Hu proprju għalhekk ġraw xi traġedji tassew kbar.

 

  1. Jekk naqraw l-enċiklika fid-dawl tal-Maġisteru kollu tal-Papa Ljun XIII[47] naraw li essensjalment tindikalna l-konsegwenzi soċjo-ekonomiċi ta’ żball li kellu wkoll konsegwenzi oħra aqwa minn dawn. Kif għidt, dan l-iżball kien dwar fehma tal-libertà tal-bniedem, mifruda għal kollox mill-ubbidjenza għall-verità u għalhekk mid-dmir għar-rispett tad-drittijiet tal-oħrajn. Hekk il-libertà ssir egoiżmu li jasal sa l-istmerrija ta’ Alla u tal-proxxmu, egoiżmu li jwassal għat-tfittix bla rażan ta’ dak li jaqbel lilek biss u li bla ebda mod ma jkun imxekkel minn dak li titlob il-ġustizzja[48].

L-agħar konsegwenza ta’ dan l-iżball kienu l-gwerer li għamlu ħerba mill-Ewropa u mid-dinja bejn l-1914 u l-1945. Kienu gwerer tal-militariżmu u tan-nazzjonaliżmu esaġerat, u ta’ forom ta’ totalitariżmu marbutin magħhom.; gwerer ġejjin mill-ġlieda bejn il-klassijiet, u gwerer ċivili u ideoloġiċi. Kieku ma kienx hemm dan il-piż tal-biża’ ta’ mibgħeda u ta’ għira li nbena minħabba l-ħafna nġustizzji soċjali li kien hemm, kemm f’livell internazzjonali u kemm fi ħdan ta’ nazzjonijiet individwali, dawn il-gwerer kiefra qatt ma kienu jiġru, gwerer li fihom nazzjonijiet kbar ħlew l-enerġija kollha tagħhom u fejn ħadd ma ħasibha darbtejn li jikser id-drittijiet l-aktar qaddisa tal-bniedem, tant li ġiet ippjanata u seħħet il-qerda ta’ popli u ta’ gruppi soċjali sħaħ. B’mod speċjali hawn irrid infakkar il-poplu Lhudi: ix-xorti tal-biża’ li messietu hi simbolu ta’ sa fejn jista’ jasal il-bniedem meta jdur kontra Alla.

Iżda biss meta l-mibgħeda u l-inġustizzja ġew approvati u organizzat minn ideoloġiġi mibnijin fuqhom aktar milli fuq il-verità dwar il-bniedem, li dawn ħakkmu nazzjonijiet sħaħ u jwassluhom għall-fatti[49]. Ir-Rerum novarum kienet kontra l-ideoloġiji tal-mibgħeda u wriet kif il-vjolenza u l-għira jistgħu jintrebħu bil-ġustizzja. Jalla t-tifkira ta’ dawn il-ġrajjiet tmexxi l-ħidma ta’ kulħadd u b’mod speċjali tal-mexxejja tan-nazzjonjiet fi żmienna, meta suriet oħra ta’ nġustizzja qegħdin ikebbsu mibgħeda ġdida, u meta ideoloġiji ġodda li jippriedkaw il-vjolenza qegħdin jidhru fuq ix-xefaq tad-dinja.

  1. Veru li mill-1945 l-armi tal-gwerra huma siekta fl-Ewropa, iżda ma għandniex ninsew li l-paċi vera m’hijiex frott ta’ rebħa militari, imma titlob kemm li jitwarrbu l-kawżi tal-gwerra u kemm li jkun hemm rikonċiljazzjoni vera bejn il-popli. Għal ħafna snin fl-Ewropa u fid-dinja kellna qagħda ta’ mingħajr gwerra aktar milli paċi vera. Nofs l-Ewropa kienet taħt il-ħakma tal-marxiżmu, waqt li n-nofs l-ieħor organizza ruħu ħa jkun imħares minn din it-theddida. Ħafna popli tilfu s-setgħa li jikkontrollaw id-destin tagħhom, u sabu ruħhom magħluqin u fgati ‘il ġewwa minn fruntieri ta’ mperu fejn kienu qed isiru sforzi ħa tinqered it-tifkira ta’ ġrajjiethom u l-għeruq minn mijiet ta’ snin ilu tal-kultura tagħhom. B’riżultat ta’ dan il-qsim vjolenti tal-Ewropa, folol kbar ta’ popli kellhom bilfors iħallu art twelidhom jew ġew imġegħlin jitilqu bilfors minn pajjiżhom.

Tiġrija ta’ ġenn għall-armi tal-gwerra belgħet ir-riżorsi kollha meħtieġa għall-iżvilupp tal-ekonomiji nazzjonali u għall-għajnuna għan-nazzjonijiet inqas żviluppati. Il-progress xjentifiku u teknoloġiku li kien imissu jgħin għat-titjieb tal-ħajja tal-bniedem, inbidel fi strument tal-gwerra; ix-xjenza u t-teknoloġija ntużaw biex jinħadmu armi tal-gwerra dejjem aktar perfetti u dejjem aktar qerrieda. Fl-istess ħin, ideoloġija, li ma kinitx ħlief perversjoni tal-filosofija vera, ntużat biex tiġġustifika dottrinalment gwerra ġdida. U din il-gwerra mhux biss kienet mistennija u mħejjija, imma ġġieldet ukoll b’ħafna tixrid ta’ demm f’ħafna partijiet tad-dinja. Il-loġika ta’ blokki jew imperi ta’ setgħa, kkundannata minn ħafna dokumenti tal-Knisja, u dan l-aħħar mill-enċiklika Sollicitudo rei socialis[50], wasslet għall-qagħda fejn kontroversji u nuqqas ta’ ftehim bejn pajjiżi tat-Tielet Dinja ħraxu sistematikament u ġew użati biex joħolqu diffikultajiet għall-avversarji. Gruppi estremisti, li fittxew li jtemmu dawn il-kontroversji bl-użu ta’ l-armi, malajr sabu għajnuna politika u militari u ġew armati u mħarrġin għall-gwerra; dawk li ppruvaw isibu soluzzjoni bis-sliem u b’mod xieraq għall-bniedem, b’rispett sħiħ għall-interessi leġittimi ta’ kulħadd, sabu ruħhom waħedhom u spiss sfaw vittmi ta’ dawk li kienu kontrihom. Barra dan, il-qagħda inċerta ħafna tal-paċi wara t-Tieni Gwerra Dinjija kienet waħda mill-kawżi ewlenin li ħafna pajjiżi tal-Tielet Dinja ġew militarizzati u ġew imġarrba minn glied bejn l-aħwa, xtered it-terroriżmu u kotru mezzi dejjem aktar slavaġ fil-ġlieda politika u militari. Barra dan, id-dinja kollha kienet maħkuma mit-theddida ta’ gwerra atomika li kienet twassal għall-qerda tal-bnedmin kollha. Ix-xjenza, użata għall-għanijiet tal-gwerra, tat dan l-istrument deċiżiv f’idejn min kienet tmexxih il-mibgħeda, imsaħħa minn ideoloġija. Imma gwerra tista’ tintemm mingħajr ma jkun hemm la rebbieħ u lanqas tellief u jkun hemm il-qerda tal-familja kollha tal-bnedmin minnhom infushom, u għalhekk irridu niċħdu l-loġika li twassal għaliha u l-fehma li l-isforzi biex jinqered l-għadu, il-konfront bejn l-għedewwa, u l-istess gwerra huma fatturi progress u ta’ avvanz storiku[51]. Meta naslu biex nifhmu li għandna niċħdu dan, naslu biex bilfors nistaqsu għandhomx sens ”gwerra totali” u “ġlieda bejn il-klassijiet”.

  1. Iżda fi tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija dan l-iżvilupp kien għadu jissawwar fil-kuxjenzi tal-popli. Dak li kien jitqies, kien it-tixrid tal-marxiżmu totalitarju f’aktar minn nofs l-Ewropa u f’ħafna partijiet oħra tad-dinja. Il-gwerra li kellha tagħti mill-ġdid il-libertà lil kulħadd u twaqqaf mill-ġdid id-drittijiet tan-nazzjonijiet, spiċċat biex ma laħqitx dawn l-għanijiet. Anzi, b’xi mod, għal ħafna popli, speċjalment dawk li l-aktar sofrew matul il-gwerra, l-affarijiet kienu għal kollox kontrarji għal dawn l-għanijiet; nistgħu ngħidu li l-qagħda li seħħet, kellha tweġib mhux l-istess.

Wara l-ħerba li ġiebet il-gwerra, f’xi pajjiżi u taħt xi aspetti, kien hemm sforz pożittiv biex timbena mill-ġdid soċjeta’ demokratika, ispirata mill-ġustizzja soċjali, biex iċċaħħad il-komuniżmu mill-qawwa rivoluzzjonarja li kienet turi ruħha fil-folol ta’ nies sfruttati u maħqurin. Ġeneralment dawn it-tentattivi fittxew li jżommu l-mekkaniżmu tas-suq ħieles, billi, permezz ta’ stabilità fil-kambju u armonija fir-relazzjonijiet soċjali, jiżguraw qagħda ekonomika li tikber u timxi ‘l quddiem b’mod sod u tajjeb, fejn in-nies, bil-ħidma tagħhom ikunu jistgħu jibnu ġejjieni aħjar għalihom u għall-familji tagħhom. Fl-istess ħin, dawn it-tentattivi fittxew jevitaw li l-mekkaniżmi tas-suq ma jkunux taħt kontroll pubbliku li jimxi fuq il-prinċipju illi l-ġid materjali hu destinat għal kulħadd. Ħafna opportunijietajiet ta’ xogħol, sistema soda ta’ assikurazzjoni soċjali u ta’ tħarriġ professjonali, libertà li wieħed jissieħeb fil-“union” li jrid u ħidma effettiva tal-”unions”, assigurazzjoni għall-qgħad, u mezzi ta’ parteċipazzjoni demokratika fil-ħajja tas-soċjetà – dan kollu meħtieġ biex jeħles ix-xogħol milli jkun xi ħaġa biss “għall-bejgħ” u jiggarantilu d-dinjità tiegħu.

Imbagħad hemm dawk is-suriet soċjali u dawk il-movimenti ideoloġiċi li jmorru kontra l-marxiżmu bit-twaqqif ta’ sistema ta’ “sigurtà nazzjonali”, bl-għan li jikkontrollaw is-soċjetà kollha b’mod sistematiku hekk li ma jkunx hemm ebda infiltrazzjoni marxista. B’enfażi fuq il-qawwa tal-Istat imsaħħa dejjem aktar, iridu jħarsu l-popli tagħhom mill-komuniżmu, iżda, meta jkunu jagħmlu dan, ikunu f’periklu kbir li jeqirdu l-libertà u l-valuri tal-persuna, li minħabba fihom wieħed għandu jmur kontra l-komuniżmu.

Sura oħra ta’ tweġiba, ta’ natura prattika, tingħata mis-soċjetà għonja, jew soċjetà konsumistika. Tfittex tegħeleb il-marxiżmu fuq livell kollu kemm hu materjalistiku, billi turi kif soċjetà ta’ suq ħieles tasal biex tissodisfa l-ħtiġijiet materjali tal-bniedem wisq aktar u aħjar mill-komuniżmu, waqt li fl-istess ħin tkun twarrab fil-ġenb il-valuri spiritwali. Fil-fatt, jekk min-naħa din is-sura soċjali turi l-falliment tal-marxiżmu li jibni soċjetà aħjar u aktar tixraq il-bniedem, min-naħa l-oħra, għaliex tiċħad l-eżistenza awtonoma u l-valur tal-moralità tal-liġi, tal-kultura u tar-reliġjon, taqbel mal-marxiżmu fis-sens li tqiegħed il-bniedem fl-isfera biss tal-ekonomija u tas-sodisfazzjon biss tal-ħtiġijiet materjali tiegħu.

  1. Tul l-istess żmien seħħ proċess wiesgħa ħafna ta’ “dekolonizzazzjoni” jiġifieri ħafna pajjiżi kisbu jew reġgħu kisbu l-indipendenza u d-dritt li jagħżlu bil-libertà kollha d-destin tagħhom. Iżda dawn il-pajjiżi, malli kisbu formalment mill-ġdid is-sovranità tagħhom bħala Stati, spiss sabu ruħhom li qegħdin għadhom biss jibdew it-triq li kellha twassalhom għall-indipendenza tassew. Fatturi deċiżivi tal-ekonomija tagħhom għadhom de facto, bil-fatti, f’idejn kumpaniji barranin kbar, li ma tantx iridu jinpenjaw ruħhom għall-iżvilupp fit-tul tal-pajjiżi li jilqgħuhom għandhom. L-istess ħajja politika hi kkontrollata minn setgħat baranin, waqt ‘il ġewwa mill-fruntieri nazzjonali hemm gruppi ta’ tribujiet li għadhom ma ngħaqdux f’komunità nazzjonali vera. Hemm nieqsa wkoll klassi ta’ professjonisti kompetenti, kapaċi jmexxu l-Istat b’mod onest u ġust; u lanqas hemm nies kwalifikati li jistgħu jmexxu l-ekonomija b’mod effiċjenti u responsabbli. F’qagħda bħal din, ħafna jaħsbu li l-marxiżmu jista’ joffri sura ta’ bini f’qasir żmien tan-nazzjon u tal-Istat: hekk nibtu ħafna varjetajiet ta’ soċjaliżmu b’karatteristiċi nazzjonali speċifiċi. Fil-ħafna ideoloġiji li ftit ftit qegħdin jissawru, kull waħda differenti mill-oħra, nsibu mħalltin flimkien talbiet leġittimi għall-qawmien nazzjonali, suriet ta’ nazzjonaliżmu u ta’ militariżmu wkoll, prinċipji meħudin mit-tradizzjonijiet popolari tal-imgħoddi (li xi kull tant jaqblu mad-duttrina soċjali tal-Knisja) u fehmiet u ideat marxisti-leninisti.
  2. Fl-aħħarnett, irridu niftakru li wara t-Tieni Gwerra Dinjija u b’reazzjoni għall-orruri tagħha, xtered sentiment aktar ħaj tad-drittijiet tal-bniedem, li ġew magħrufa f’għadd ta’ Dokumenti internazzjonali[52] u, nistgħu ngħidu, fit-tfassil ta’ “dritt tan-nazzjonijiet” ġdid: għalihom is-Santa Sede dejjem tat il-kontribut tagħha. Fil-qofol ta’ dan il-progress kien hemm l-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda. Mhux biss kien hemm żvilupp fl-għarfien tad-drittijiet tal-individwu, imma wkoll fl-għarfien tad-drittijiet tan-nazzjonijiet, kif ukoll l-għarfien aktar ċar tal-ħtieġa li trid issir xi ħaġa biex jinsab rimedju għad-differenzi kbar li hemm fil-ħafna naħiet tad-dinja. F’ċertu sens, dawn id-differenzi wasslu biex iċ-ċentru tal-kwistjoni soċjali ma jkunx f’livell nazzjonali, imma f’livell internazzjonali.[53]

Waqt li wieħed jifraħ b’dan, ma jistax ma jarax li, meta jqis dak kollu li ħareġ mill-ħafna sistemi ta’ għajnuna għall-iżvilupp, għandu jintebaħ li r-riżultat mhux dejjem kien posittiv. Barra dan il-Ġnus Maqgħuda għad ma rnexxilhomx iwaqqfu mezzi effettivi ħa jieħdu post il-gwerer biex jinsabu soluzzjonijiet għall-konflitti internazzjonali. Dawn jidhru li huma l-problemi l-aktar urġenti li l-komunità internazzjonali trid issolvi.

 

 

KAP III

IS-SENA 1989

  1. Il-ġrajjiet ta’ dawn l-aħħar snin, li ma kinux mistennija u li fihom tant tamiet, nistgħu nifhmuhom fid-dawl tal-qagħda tad-dinja li għadni kemm iddeskrivejt u fissirt fl-enċiklika Sollicitudo rei socialis; għalkemm dawn il-ġrajjiet laħqu l-qofol tagħhom fl-1989 fl-Ewropa tan-nofs u tal-Lvant, iħaddnu tul itwal ta’ żmien u qasam ġeografiku aktar wiesgħa. Tul is-snin tmenin għadd ta’ reġimi dittatorjali u oppressivi waqgħu, wieħed wara l-ieħor, fl-Amerika Latina, u fl-Afrika u l-Asja wkoll, waqt li f’postijiet oħra bdiet bidla, iebsa iva, imma ta’ ġid, li wasslet għal strutturi politiċi aktar ġusti u b’parteċipazzjoni aktar wiesgħa. Kontribut importanti, anzi deciżiv, tat il-Knisja bl-impenn tagħha biex tħares u ġġib ‘il quddiem id-drittijiet tal-bniedem. F’ambjenti fejn kienu jaħkmu fuq li jaħkmu l-ideoloġiji, u fejn il-polarizzazzjoni dalmet l-għarfien tad-dinjità li għandu kull bniedem, il-Knisja dejjem għallmet bla tlaqliq u bil-qawwa kollha, li kull bniedem, huma x’inħuma l-konvinzjonijiet personali tiegħu, iġib fih ix-xbieha ta’ Alla, u għalhekk jistħoqqlu kull rispett. Spiss il-kotra l-kbira tal-poplu qablet ma dan it-tagħlim, u dan wassal għat-tfittix ta’ suriet ta’ protesti u ta’ soluzzjonijiet politiċi li juru aktar rispett għall-persuna tal-bnedem.

Minn dan il-proċess storiku ħarġu suriet ġodda ta’ demokrazija b’tama ta’ bidliet fl-istrutturi politiċi u soċjali dgħajfa, mtaqqlin b’ħafna mibgħeda u b’ħafna nġustizzji li jweġgħu, u b’ekonomija mġarrba b’mod tal-biża’ u konflitti soċjali serji ħafna. Flimkien mal-Knisja kollha, nrodd ħajr lil Alla għax-xhieda, spiss ta’ qlubija kbira mogħtija f’qagħdiet tassew iebsin, minn ħafna ragħajja tal-erwieħ, minn komunitajiet sħaħ ta’ nsara, minn insara ndividwali, u minn nies oħra ta’ rieda tajba; fl-istess ħin nitlob lil Alla biex iwettaq l-isforzi li qegħdin isiru minn kulħadd biex ikun hemm ġejjieni aħjar. Din hi responsabbilità mhux biss taċ-ċittadin ta’ dawk il-pajjiżi, imma hi tal-insara kollha u tal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba. Irridu nuru li l-ħafna problem komplessi ta’ dawk il-popli jistgħu jinħallu bi djalogu u solidarjetà aktar milli bi ġlied biex teqred avversarju u bi gwerra.

  1. Fost il-ħafna fatturi li wasslu għall-waqgħa ta’ reġimi oppressivi hemm xi wħud li huma ta’ min ifakkarhom b’mod partikulari. Il-fattur deċiżiv li ta bidu għal dan it-tibdil, żgur kien il-ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema. Ma jistax jintesa li l-kriżi fondamentali tas-sistema li jippretendu li jridu jżommu gvern, anzi dittatura tal-ħaddiema, bdiet bit-taqlib kbir li seħħ fil-Polonja f’isem is-solidarjetà. Kienu l-folol tal-ħaddiema li ċaħdu l-ideoloġija li kienet tippretendi titkellem f’isimhom. Kienu huma li, mill-esperjenza iebsa li għaddew minnha ta’ xogħol u ta’ moħqrija, għarfu mill-ġdid, u qishom sabu x’hemm fid-duttrina soċjali tal-Knisja u liema huma l-prinċipji tagħha.

Ta’ min isemmi wkoll li l-waqgħa ta’ dan il-“blokk” jew imperu, tista’ tgħid kullimkien, seħħet permezz ta’ protesti paċifiċi bl-użu biss ta’ l-armi tal-verità u tal-ġustizzja. Waqt li l-marxiżmu jsostni li biss billi tħarrax tilwima soċjali tista’ tasal biex issolvi bil-vjolenza l-problemi soċjali, l-protesti li wasslu għall-waqgħa tal-marxiżmu dejjem insistew bil-qawwa kollha u fittxew it-triqat kollha tan-negozjati, tad-djalogu, tax-xhieda għall-verità b’appell għall-kuxjenza tal-avversarji biex iqajmu fihom is-sens tad-dinjità tal-bniedem li hi tagħhom ukoll.

Kien jidher li l-ordni fl-Ewropa, li ħareġ mit-Tieni Gwerra Dinjija u twettaq bil-Ftehim ta’ Yalta kien jista’ jinbidel biss bi gwerra oħra. Iżda ġie megħlub bl-impenn bla vjolenza ta’ nies li dejjem ċaħdu li jċedu quddiem il-qawwa tal-vjolenza, u għarfu jsibu, minn żmien għall-ieħor, mezzi effettivi ta’ xhieda għall-verità. Dan żarma l-avversarji, għaliex il-vjolenza, biex tiġġustifika lilha nfisha, teħtieġ il-gideb, u bil-qerq tidher li qiegħda tiddefendi d-dritt jew qiegħda twieġeb għal theddida ta’ ħaddiehor[54]. Nerġa nrodd ħajr lil Alla li qawwa qalb in-nies fi żmien ta’ tiġrib kbir u nitlob li dan l-eżempju jkun ta’ siwi għall-pajjiżi oħra u f’ċirkostanzi oħra. Jalla l-bnedmin jitgħallmu jiġġieldu għall-ġustizzja mingħajr ma jużaw vjolenza, jiċħdu l-ġlieda bejn il-klassijiet fit-tilwim bejniethom, u l-gwerer fit-tilwim internazzjonali!

  1. It-tieni fattur ta’ din il-kriżi kien żgur in-nuqqas ta’ effiċjenza fis-sistema ekonomiku, sistema li ma għandhiex titqies biss bħala xi problema teknika imma għandha aktar titqies bħala konsegwenza taċ-ċaħda tad-drittijiet tal-bniedem għall-inizjattiva privata, għall-proprjetà privata, u għall-libertà fil-qasam ekonomiku. Ma’ dan l-aspett trid tiżdied id-dimensjoni kulturali u nazzjonali: ma tistax tifhem il-bniedem jekk tqisu biss mis-settur ta’ l-ekonomija, u lanqas tista’ tgħid x’inhu l-bniedem billi tistħajlu biss bħala membru ta’ xi klassi. Il-bniedem jiftiehem b’mod aktar sħiħ meta jitqiegħed fil-qasam tal-kultura, permezz ta’ lsienu, ta’ ġrajjietu, tal-qagħda tiegħu quddiem il-fatti fondamentali tal-ħajja bħalma huma t-twelid, l-imħabba, ix-xogħol, u l-mewt. Fil-qofol ta’ kull kultura hemm il-qagħda tal-bniedem quddiem l-għola misteru, il-misteru ta’ Alla. Il-kultura ta’ kull nazzjon hi, fl-aħħar mill-aħħar, is-sura kif dik in-nazzjon twieġeb għall-mistoqsija dwar it-tifsir tal-ħajja personali tal-bniedem – u kull kultura għandha tweġiba differenti; meta din il-mistoqsija titwarrab, il-kultura u l-ħajja morali tan-nazzjonijiet jitħassru. Ghalhekk il-ġlieda għall-ħarsien tax-xogħol minn rajha tinbidel fi ġlieda għall-kultura u għad-drittijiet nazzjonali.

Iżda l-kawża vera ta’ dawn l-iżviluppi ġodda kien il-vojt spirtiwali li ġieb miegħu l-ateiżmu li ħalla l-ġenerazzjonijiet taż-żgħażagħ bla ebda sens ta’ direzzjoni tajba, u kemm-il-darba, fit-tħabrik tagħhom, li xejn ma jista’ jżommu, biex isibu l-identità personali tagħhom u t-tifsir tal-ħajja.wassalhom biex isibu mill-ġdid l-ergħuq reliġjużi tal-kultura nazzjonali tagħhom u l-istess persuna ta’ Kristu, bħala tweġiba l-aktar adatta fil-ħajja għax-xewqat li l-qalb ta’ kull bniedem għandha għall-verità, għall-ġid u għall-ħajja. Dan it-tfittix twettaq mix-xhieda ta’ dawk li, f’ċirkustanzi iebsa u waqt persekuzzjoni, baqgħu fidili lejn Alla. Il-marxiżmu kien wiegħed li jeqred mill-għeruq il-ħtieġa ta’ Alla mill-qalb tal-bniedem, iżda l-fatti wrew li dan ma jistax jirnexxi mingħajr ma joħloq taqlib u taħwid fil-qalb.

  1. Il-ġrajjiet tal-1989 huma eżempju ta’ kif tirnexxi rieda tajba fin-negozjati u tal-qawwa ta’ l-ispirtu tal-Evanġelju kontra min iwebbes rasu u ma jridx jintrabat bi prinċipji morali. Dawn il-fatti huma twissija għal dawk kollha li, f’isem realiżmu politiku, iridu jwarrbu mill-qasam tal-politika d-dritt u l-morali. Żgur li ġlieda li wasslet għall-bidliet tal-1989, riedet fehmiet ċari, moderazjoni, tbatija u sagrifiċċji. F’ċerti sens, kienet ġlieda li ġiet mit-talb, u ħadd ma kien joħlomha mingħajr fiduċja bla qies f’Alla, is-sid tal-istorja, li f’idejh għandu l-qlub tal-bnedmin. Il-bniedem, meta jgħaqqad it-tbatijiet tiegħu għall-verità u għall-libertà ma’ dawk ta’ Kristu fuq is-salib, joħloq il-miraklu tal-paċi u jirnexxilu jintebaħ bil-mogħdija spiss dejqa fejn fuq naħa hemm il-ġifa li jċedi quddiem il-ħażen u fuq l-oħra l-vjolenza li taħseb li tista’ tiġġieled lill-ħażen, meta tista’ biss tagħmlu agħar.

Iżda ma għandniex ninsew il-ħafna ċirkostanzi li fihom il-bniedem iħaddem il-libertà tiegħu, ċirkostanzi li jistgħu jinfluwenzawha, imma mhux jorbtuha: jistgħu jagħmlu eħfef jew aktar iebes it-tħaddim tal-libertà iżda ma jistgħux jeqirduha. Mhux biss ma għandekx ma tqisx moralment in-natura tal-bniedem, li hu maħluq biex ikun ħieles, imma dan lanqas tista’ tagħmlu fil-prattika. Fejn soċjetà hi organizzata b’mod li jitnaqqsu bla ebda raġuni, jew jitneħħew għal kollox, l-oqsma kollha fejn il-bniedem jagħmel leġittimament użu mill-libertà tiegħu, il-ħajja soċjali bil-mod il-mod tiġi diżorganizzata u taqbad it-triq tan-niżla.

Barra dan, il-Bniedem, maħluq biex ikun ħieles, iġorr fih innifsu l-ġerħa tad-dnub tan-nisel, li bla heda tiġbdu lejn il-ħażen u toħloq fih il-ħtieġa tal-fidwa.

Din id-duttrina m’hijiex biss parti integranti tar-Rivelazzjoni divina imma għandha wkoll valur kbir ta’ tifsir, valur ermenewtiku, għaliex tgħina nifhmu l-verità tal-bniedem jinġibed minn dak li hu tajjeb, iżda għandu l-ħila wkoll jagħmel il-ħażin; jista’ jmur ‘l hemm mill-interesssi tiegħu, tal-mument, waqt li jibqa’ wkoll marbut magħhom. L-ordni soċjali jista’ jkun aktar sod, aktar ma jqis dan sewwa, u ma jqiegħedx l-interessi personali qabel l-interessi tas-soċjetà kollha kemm hi, imma jfittex li dawn jaħdmu flimkien għall-ġid. Fejn l-interessi ndividwali jitwarbu bil-vjolenza, jidħol flokhom sistema kiefra ta’ kontroll burokratiku, li jġib fis-xejn l-inizjattiva u l-kreattività. Meta xi ħadd jaħseb li għandu s-sigriet ta; organizzazzjoni soċjali perfetta, fejn ma jistax ikun hemm ħażen, dan jaħseb li jista’ juża l-mezzi kollha – il-vjolenza u l-qerq ukoll – biex din l-organizzazzjoni jseħħ. Il-politika mbagħad issir “reliġjon sekulari” bil-ħolma li toħloq ġenna fl-art. Iżda ebda soċjetà politika li għandha l-awtonomija u l-liġijiet tagħha[55] ma tista’ qatt titħallat mas-Saltna ta’ Alla. Il-parabbola tal-Evenġelju tal-qamħ u s-sikrana (Mt 13, 24-30, 31-43) tgħallem li Alla biss jista’ jifred minn xulxin is-sudditi tal-Saltna u s-sudditi tal-Ħażin, u dan isir biss fl-aħħar taż-żmien. Min jippretendi li din l-għażla jista’ jagħmilha hawn u issa, jkun qiegħed jieħu post Alla u jkun jeħodha kontra s-sabar ta’ Alla.

Bis-sagrifiċċju ta’ Kristu fuq is-salib, ir-rebħa tas-Saltna ta’ Alla seħħet darba għal dejjem; iżda l-ħajja nisranija titlob ġlieda kontra t-tiġrib u s-setgħat tal-ħażen. Fl-aħħar taż-żmien biss il-Mulej jerġa’ jiġi bil-glorja għall-ġudizzju ta’ l-aħħar (ara Mt 25, 31), u jkun hemm sema ġdid u art ġdida (ara 2 Piet 3, 13; Apok 21, 1), iżda sa dak iż-żmien il-ġlieda bejn it-tajjeb u l-ħażin tibqa’ sejra sa fil-qalb tal-bniedem

Dak kollu li l-Kotba Mqaddsa jgħallmuna dwar is-Saltna ta’ Alla għandu l-effett tiegħu wkoll fil-ħajja tas-soċjetajiet temporali li, kif turina l-kelma, huma taż-żmien, bin-nuqqas kollu ta’ perfezzjoni li jista’ jkollhom għaliex m’ħumiex ta’ dejjem. Is-Saltna ta’ Alla hi fid-dinja, iżda m’hijiex ta’ din id-dinja, ddawwal l-ordni tas-soċjetà tal-bnedmin, waqt li bil-qawwa tal-grazzja tidħol f’dan l-ordni u tagħtih il-ħajja. B’dan il-mod jingħaraf aħjar x’teħtieġ soċjetà li tkun tixraq lill-bniedem: jissewew l-iżbalji, u titqawwa l-ħeġġa għall-għemil it-tajjeb. L-insara, u b’mod speċjali l-lajċi, flimkien mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, huma msejħin għal din il-ħidma biex jidħlu fil-ħajja kollha tal-bnedmin il-valuri tal-Evanġelju[56].

  1. Il-fatti tal-1989 seħħu ġeneralment fl-Ewropa tan-nofs u fl-Ewropa tal-Lvant; iżda għandhom importanza għad-dinja kollha, għaliex l-effetti pożittivi u negattivi tagħhom jinteressaw il-familja kollha tal-bnedmin. Dawn l-effetti ma seħħewx b’mod mekkaniku jew fatalistiku, imma kienu aktar okkasżjonijiet mogħtijin lil libertà tal-bniedem biex jissieħeb mal-pjan ħanin ta’ Alla, li ma jieqaf qatt jaħdem fl-istora tad-dinja. L-ewwel effett f’xi pajjiżi kien il-laqgħat tal-Knisja mal-moviment tal-ħaddiema li seħħ bħala reazzjoni morali u kollha kemm hi nisranija għall-qagħda mxerrda sewwa ta’ nġustizzja.

Għal mal-mitt sena il-moviment tal-ħaddiema kien, parti minnu, maħkum mill-marxiżmu, minħabba l-fehma li l-ħaddiema biex jirnexxilhom jeħduha kontra t-tirannija, kellhom iħaddnu teoriji materjalistiċi u ekonomistiċi.

Bil-kriżi tal-marxiżmu reġa ħareġ fil-beraħ dak li minn rajha tħoss il-kuxjenza tal-ħaddiema, talba għall-ġustizzja u għarfien tad-dinjità tax-xogġol skond it-tagħlim soċjali tal-Knisja[57].

Il-moviment tal-ħaddiema nfluwenza moviment aktar ġenerali ta’ bnedmin li jaħdmu u ta’ bnedmin ta’ rieda tajba għall-ħelsien tal-persuna tal-bniedem u għall-affermazzjoni tad-drittijiet tiegħu; hu moviment li llum xtered f’ħafna pajjiżi, u mhux biss m’huwiex kontra l-Knisja Kattolika, imma wkoll iħares lejha b’interess.

Il-kriżi tal-marxiżmu ma neħħitx mid-dinja l-qagħdiet ta’ inġustizzja u ta’ moħqrija li bihom il-marsiżmu kien igħix, għaliex strumentalizzaham. Lil dawk li llumqegħdin ifittxu teorija u prattika ġdida u vera ta’ ħelsien, il-Knisja mhux biss toffrilhom it-tagħlim soċjali tagħha, u, b’mod ġenerali, it-tagħlim tagħha dwar il-persuna tal-bniedem, mifdi minn Kristu, imma toffrilhom ukoll l-impenn sħiħ tagħha u l-għajnuna fil-ġlieda kontra l-emarġinazzjoni u t-tbatija.

F’dawn l-aħħar żmienijiet, ix-ewqa sinċiera li wieħed ikun favor min hu maħqur u ma jkunx maqtugħ mill-kors tal-istorja, wassal ħafna nies li jemmnu biex ifittxu kompromess – ħaġa li qatt ma tista’ tkun – bejn il-marxiżmu u twemmin nisrani.

Iż-żmien ta’ llum, issa li ġie superat kull ma kien hemm dgħajjef f’dawn it-tentattivi, aktar iħajjarna biex mill-ġdid inxandru il-valuri ta’ teoloġija sħiħa ta’ liberazzjoni[58]. Jekk nikkunsidraw dan, naraw li l-ġrajjiet li seħħu fl-1989 huma mportanti wkoll għall-pajjiżi tat-Tielet Dinja li qegħdin ifittxu t-triq għall-iżvilupp tagħhom, l-istess bħalma għadhom kemm għamlu l-pajjiżi ta’ l-Ewropa tan-nofs u tal-Lvant.

  1. It-tieni effett jolqot il-popli stess tal-Ewropa. Ħafna nġustizzji – individwali, soċjali, reġjonali u nazzjonali – seħħu tul is-snin tal-ħakma tal-komuniżmu, u fis-snin ta’ qabel ukoll; kotru fuq li kotru l-mibgħeda u r-risentimenti. Hemm periklu serju li dawn jerġgħu jidhru bil-qawwa kollha tagħhom mal-waqgħa ta’ dittatura, u joħolqu ħafna ġlied u niket, jekk jonqos dak l-impenn morali u dik il-ħerqa ħajja għax-xhieda tal-verità li qanqlu l-isforzi tal-imgħoddi. Nittama li l-mibgħeda u l-vjolenza ma jaħkmux qlub il-popli, speċjalment dawk li qegħdin jiġġieldu għall-ġustizzja; imma nittama li f’kulħadd jikber l-ispirtu tas-sliem u tal-maħfra.

Dak li hemm bżonn hu li jsiru bil-fatti passi ħa jinħolqu u jissaħħu strutturi internazzjonali li jkollhom il-ħila jindaħħlu biex ikun hemm arbitraġġ xieraq fil-konflitti li jqumu bejn in-nazzjonijiet, biex kull nazzjon tiddefendi d-drittijiet tagħha u tasal għall-ftehim ġust u qbil paċifiku mad-drittijiet tal-oħrajn. Dan hu meħtieġ b’mod speċjali għan-nazzjonijiet tal-Ewropa li huma hekk marbutin ma’ xulxin għax għandhom l-istess kultura u storja li ilha mijiet ta’ snin. Meħtieġ sforz kbir għall-bini mill-ġdid, moralment u ekonomikament, tal-pajjiżi li abbandunaw il-komuniżmu. Għal żmien twil ir-relazzjoni ekonomiċi l-aktar elementary ġew imgħawwġin, u l-istess virtujiet fondamentali, marbutin mas-settur ekonomiku, bħalma huma l-istqarrija tal-verità, il-wiri tal-fiduċja, u x-xogħol bil-qalb, kienu mwarrbin. Meħtieġa rikostruzzjoni materjali u morali, bis-sabar kollu, ukoll jekk il-poplu, mifnijin minn ħafna ċaħdiet tul żmien twil, qegżdin jitolbu lill-gvernijiet tagħhom li jkun hemm malajr riżultati ċari ta’ titjib fil-ħajja materjali u jiġu mitmuma t-tamiet leġittmi tagħhom.

Il-waqgħa tal-marxiżmu kellu naturalment influwenza kbira fuq il-qsim tad-dinja f’żewġ partijiet magħluqin għal xulxin u f’pika għajjura bejniethom. Din il-waqgħa tal-marxiżmu wriet b’mod aktar ċar kemm il-popli jiddependu għal kollox minn xulxin, u li x-xogħol tal-bniedem, min-natura tiegħu, għandu jgħaqqad u mhux jifred il-popli. Il-paċi u l-prosperità huma l-ġid tal-familja kollha tal-bnedmin: ma jiswiex tgawdihom b’mod xieraq u għal żmien twil jekk jinkisbu u jinżammu bi ħsara ta’ popli u nazzjonijiet oħra, jiċċaħdulhom id-drittijiet tagħhom u jiġu mwarrbin mill-għejun tal-ġid.

  1. Għal xi pajjiżi tal-Ewropa, f’ċertu sens, iż-żmien ta’ wara l-gwerra għandu jibda. l-organizzazzjoni mill-ġdid, b’mod radikali, tal-ekonomija, li sa ftit ilu kienet ekonomija ta’ kollettiviżmu, toħloq problemi u sagrifiċċji bħal dawk li kellhom il-pajjiżi tal-Ewropa tal-punent biex jinbnew mill-ġdid wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Hi għalhekk ħaġa sewwa li l-pajjiżi ex-komunisti jkollhom l-għajnuna tan-nazzjonijiet l-oħra kollha flimkien; huma stess ukoll iridu jkunu l-ewwel nies li jġibu ‘l quddiem l-iżvilupp tagħhom, iżda jrid ikollhom ukoll opportunità xierqa biex jagħmlu dan, u dan ma jilħquhx mingħajr l-għajnuna tal-pajjiżi l-oħra. Madanakollu, il-qagħda tagħhom illum, kollha diffikultatjiet u nuqqasijiet ġiet minn proċess storiku li l-pajjiżi ex-komunisti kellhom joqogħdu għalih mingħajr ma riduh; għalhekk jinsabu f’qagħda bħal din, mhux għax għażluha minn rajhom jew minħabba xi żbalji li għamlu, imma minħabba ġrajjiet storiċi li ġew imposti fuqhom bil-vjolenza u ma ħallewhomx jimxu mit-triq it-twila tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali. L-għajnuna ta’ pajjiżi oħra, speċjalment tal-pajjiżi oħra, speċjalment tal-pajjiżi tal-Ewropa, li għaddew minn din il-ġrajja u huma responsabbli tagħha, hu ħlas ta’ dejn mal-ġustizzja. Iżda taqbel ukoll ma’ l-interessi ġenerali u l-ġid tal-Ewropa kollha kemm hi, għax l-Ewropa ma tistax tgawdi l-paċi, jekk il-ħafna suriet ta’ konflitti li qegħdin jqumu minħabba l-imgħoddi, jiħraxu aktar f’qagħda ta’ diżordni ekonomiku, ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjoni spiritwali, u ta’ disperazzjoni.

Din il-ħtieġa ma għandhiex twassal biex jonqsu l-isforzi għall-għajnuna tal-pajjiżi tat-Tielet Dinja, li spiss qegħdin iġarrbu kondizzjonijiet agħar ta’ faqar u nuqqasijiet[59]. Hemm bżonn sforz straordinarju biex jintużaw ir-riżorsi kollha, li huma meħtieġa fid-dinja kollha kemm hi, ħa jkun hemm progress ekonomiku u żvilupp kullimkien l-istess, u mill-ġdid jingħad x’għandu jiġi l-ewwel u x’ordni għandu jkun hemm bejn il-valuri, li fuqhom iridu jsiru l-għażliet ekonomiċi u politiċi. Jista’ jkun hemm riżorsi tassew kbar jekk jiġi żarmat il-makkinarju militari, kbir fuq li kbir, li nbena minħabba konflitt bejn il-Lvant u l-Punent. Dawn ir-riżorsi jistgħu jiżdiedu ferm aktar jekk, flok gwerer, ikun hemm proċeduri ta’ min jorbot fuqhom biex tinsab soluzzjoni għall-konflitti li jistgħu jinqalgħu, u jinxtered ukoll il-prinċipju tal-kontroll tal-armamenti u t-tnaqqis tagħhom fil-pajjiżi tat-Tielet Dinja, billi jittieħdu miżuri adatti kontra l-bejgħ tal-armi tal-gwerra[60]. Iżda fuq kollox hu meħtieġ li titwarrab dik il-mentalità li tqis il-foqra – kemm individwi u kemm popli – bħala piż, bħala nies li jiddeffsu biex jieħdu huma dak li għamel ħaddieħor. Il-foqra jitolbu d-dritt li jaqsmu fit-tgawdija tal-ġid materjali u li jkunu jistgħu jagħmlu użu tajjeb mill-ħila tagħhom fix-xogħol, u hekk joħolqu dinja aktar ġusta u aktar sinjura għal kulħadd. Jekk il-foqra jintrefgħu mill-qagħda li fiha jinsabu, din tkun okkażjoni mill-aqwa għall-kobor morali u kulturali, u ekonomiku wkoll tal-familja kollha tal-bnedmin.

  1. Fl-aħħarnett ma għandniex nifhmu l-iżvilupp bħala żvilupp ekonomiku biss imma għandna nifhmuh b’mod li jkun kollu kemm hu jixraq lill-bnedmin[61]. Din m’hijiex kwistjoni biss li terfa’ l-popli kollha għall-livell li laħqu u qegħdin igawdu l-popli l-aktar għonja llum, imma hi aktar kwistjoni ta’ bini ta’ ħajja aktar xierqa, b’ħidma flimkien, ħalli tiġi tassew ‘il quddiem id-dinjità u l-kreattività ta’ kull bniedem, u l-ħila tiegħu li jwieġeb għas-sejħa personali tiegħu, u, għalhekk, għas-sejħa ta’ Alla, li hemm fiha. Il-qofol ta’ l-iżvilupp hu d-dritt u d-dmir li tfittex lil Alla, tagħarfu u tgħix skond dan it-tagħrif[62]. F’reġimi totalitarji u awtoritarji il-prinċipju li l-forza tegħleb ir-raġuni laħaq il-qofol tiegħu. Il-bniedem kellu jaċċetta bilfors fehma, imposta fuqu bil-forza, u mhux milqugħha bir-raġuni u bir-rieda ħielsa tiegħu. Dan il-prinċipju jrid jinqaleb u jingħata għarfien sħiħ lid-drittijiet tal-kuxjenza tal-bniedem li hi marbuta biss mal-verità naturali u rivelata. L-għarfien ta’ dawn id-drittijiet hu l-pedament ewlieni ta’ kull ordni politiku verment ħieles[63]. Hu mportanti ħafna li dan il-prinċipju jiġi mtenni, u dan għal ħafna raġunijiet:
  2. għaliex is-suriet qodma tat-totalitariżmu u tal-awtoritarizzmu għadhom mhux mirbuħin għal kollox, u hemm il-periklu li jerġgħu jiksbu l-qawwa tagħhom; dan jitlob li mill-ġdid isiru sforzi biex ikun hemm kollaborazzjoni u solidarjetà bejn il-pajjiżi kollha;
  3. għaliex fil-pajjiżi żviluppati qegħda ssir propaganda esaġerata favur valuri kollha kemm huma utilitarji, li jqanqlu bla rażan l-istinti tal-bniedem u jħajruh ifittex minnufih kull xorta ta’ tgawdija u ta’ pjaċir; dan jagħmel ħaġa iebsa ħafna l-għarfien u r-rispett ta’ l-ordni tal-valuri veri tal-ħajja tal-bniedem;
  4. għaliex f’xi pajjiżi qegħdin jidhru suriet ġodda ta’ fondamentaliżmu reliġjuż li, bil-moħbi u fil-beraħ, mhux iħallu ċittadini, li jħaddnu twemmin li m’huwiex dak tal-kotra tan-nies, jgawdu d-dittijiet kollha ċivili u reliġjużi tagħhom u jċaħduhom mid-dritt li jkollhom sehem fil-proċess kulturali tal-pajjiż; ixekklu d-dritt tal-Knisja li xxandar l-Evanġelju u d-ritt ta’ dawk li jisimgħu x-xandira tiegħu li jilqgħuha u jikkonvertu għal Kristu. Ma jistax ikun hemm progress veru mingħajr rispett għad-dritt naturali u fundamentali tal-bniedem li jagħraf il-verità u jgħix skond il-verità. Ma’ dan id-dritt, bħala użu u żvilupp tiegħu, hemm ukoll id-dritt li ssib u tilqa’ bla xkiel lil Ġesú Kristu, li hu l-veru ġid tal-bniedem[64].

 

 

KAP IV

IL-PROPJETÀ PRIVATA U

D-DESTINAZZJONI UNIVERSALI TAL-ĠID

 

  1. Fir-Rerum novarum, il-Papa Ljun XIII fisser bil-qawwa kollha u b’ħafna argumenti, kontra s-soċjaliżmu ta’ żmienu, il-karattru naturali tal-proprjetà privata[65]. Dan id-dritt li huwa fundamentali għall-awtonomija u għall-iżvilupp tal-persuna tal-bniedem, il-Knisja dejjem iddefenditu, sa żmienna. Fl-istess ħin, il-Knisja għallmet li l-propjetà tal-ġid materjali m’huwiex xi dritt assolut u li l-istess natura ta’ dan id-dritt turi sa fejn jasal.

Waqt li l-Papa ħabbar id-dritt tal-proprjetà privata, tenna bl-istess mod ċar li l-“użu” ta’ dan id-dritt, imħolli fil-libertà tal-bniedm, irid jaċċetta li kull ħaġa maħluqa, fil-bidu ġiet destinata għal kulħadd u li din ukoll hi r-rieda ta’ Ġesú Kristu, kif tidher fl-Evanġelju. Il-Papa Ljun XIII għalhekk kiteb: “Dawk xortihom tajba huma mwissija…; l-għonja għandhom jirtogħdu huma u jaħsbu fit-theddid ta’ Ġesú Kristu…; iridu jagħtu kont eżatt lil Alla l-imħallef, xi darba, tal-mod kif użaw ġidhom”; u żied igħid, b’ċitazzjoni minn San Tumas ta’ Aquino: “Iżda jekk xi ħadd jistaqsi kif għandu juża ġidu, il-Knisja bla tlaqliq twieġeb dwar dan, li l-bniedem m’għandux iqis il-ġid materjali li għandu bħala tiegħu, imma bħala ta’ “kulħadd”’ għaliex “ ‘il fuq mill-liġijiet u l-ġudizzji tal-bnedmin, hemm il-liġi u l-ġudizzju ta’ Kristu”[66].

Il-Papiet li ġew wara Ljun XIII, tennew dawn iż-żewġ affernazzjonijiet: il-proprjetà privata hi meħtieġa, u għalhekk hija permessa, hija leċità, u fl-istess ħin, għandha l-limiti tagħha, sa fejn tasal[67] . Il-Konċilju Vatikan II ukoll, tenna b’mod ċar din id-duttrina tradizzjonali tal-Knisja bi kliem li hu ta’ min jirrepetih: “Il-bniedem, meta juża dan il-ġid, għandu jqis dak il-ġid materjali li hu leġittimament tiegħu, mhux bħala tiegħu biss, imma wkoll ta’ kulħadd”. U aktar ‘il quddiem: “il-proprjetà privata, jew xi setgħa fuq ġid materjali, jiżguraw lil kull wieħed qasam għal kollox meħtieġ ta’ awtonomija personali u familjari, li għandhom jitqiesu bħala estensjoni tal-libertà tal-bniedem…l-istess proprjetà privata, min-natura tagħha stess, għandha funzjoni soċjali, bbażata fuq il-liġi li l-ġid ta’ l-art fil-bidu ġie ddestinat għal kulħadd”[68]. Tennejt din id-duttrina fid-diskors tiegħi lit-Tielet Konferenza tal-Isqfijiet Latino-Amerikani li saret fi Puebla, u, aktar tard, fl-enċiklika Sollicitudo rei socialis[69].

  1. Meta naqraw mill-ġdid it-tagħlim dwar id-dritt tal-prorjetà u d-determinazzjoni universali tal-ġid, b’referenza għaż-żminijiet tagħna, wieħed jista’ jasal biex jistaqsi kif beda l-ġid li l-bniedem jeħtieġ għall-ħajja, huwiex biżżejjed għall-ħtiġijietu u għandux dritt għalih.

Il-bidu ta’ kull ma hu tajjeb hu għemil ta’ Alla nnifsu, li ħalaq l-art u l-bniedem, u ta l-art lill-bniedem biex jaħkimha bil-ħidma tiegħu u jgawdi l-frott tagħha (ara Ġen 1,28-29). Alla ta l-art lill-familji kollha tal-bnedmin, għall-għajxien tagħhom ilkoll mingħajr ma ħalla ‘l ħadd barra jew ippreferixxa lil xi ħadd. Hawn jinsab l-għerq tad-destinazzjoni universali tal-ġid ta’ l-art. L-art, għax tagħti l-frott tagħha u tista’ tagħmel tajjeb għall-ħtiġijiet kollha tal-bniedem, hi l-ewwel don li Alla ta lill-bniedem għall-għajxien tiegħu. Iżda l-art ma tagħtix l-frott tagħha, jekk ma jkunx hemm tweġiba partikulari mill-bniedem għad-don ta’ Alla, jiġifieri, jekk ma jkunx hemm ix-xogħol tal-bniedem. Hu bix-xogħol tiegħu, bl-użu tal-intelliġenza u l-libertà tiegħu, li l-bniedem jirnexxilu jaħkem l-art u jagħmilha dar xierqa għalih. B’dan il-mod jagħmel tiegħu biċċa mill-art, dik il-biċċa li jkun kiseb b’xogħolu. Hekk bdiet il-proprjetà privata. Hi ħaġa ċara li l-bniedem għandu wkoll ir-responsabbilità li ma jfixkilx li bnedmin oħra jkollhom il-parti tagħhom mid-don ta’ Alla, anzi għandu jissieħeb magħhom biex flimkien jaħkmu l-art kollha.

Fl-istorja nsibu dejjem dawn iż-żewġ fatturi, ix-xogħol u l-art, fil-bidu ta’ kull soċjetà tal-bnedmin; iżda mhux dejjem kellhom l-istess relazzjoni ma’ xulxin. Żmien ilu l-fattur ewlieni tal-ġid kien il-fatt li l-art min-natura tagħha stess tagħti frott, waqt li x-xogħol kien qisu l-għajnuna biex jinkiseb u jinżamm dan il-frott. Fi żmienna s-sehem tax-xogħol tal-bniedem qiegħed isir dejjem aktar importanti bħala fattur li jipproduċi kemm il-ġid materjali u kemm dak mhux materjali: barra dan qiegħed jidher dejjem aktar ċar li x-xogħol ta’ bniedem hu b’mod naturali marbut max-xogħol ta’ bnedmin oħra. Illum ix-xogħol dejjem aktar qiegħed jidher bħala xogħol ma’ l-oħrajn; u xogħol għall-oħrajn; hu kwistjoni li tagħmel xi ħaġa għal xi ħadd ieħor. Ix-xogħol isir aktar produttiv u jagħti aktar frott, aktar ma l-bniedem jagħraf x’tista tagħti l-art u jsir jaf aktar fil-fond il-ħtiġijiet ta’ dawk li għalihom qiegħed jagħmel ix-xogħol.

  1. Fi żmienna, b’mod partikulari, hemm sura oħra ta’ proprjetà li m’hijiex inqas importanti mill-proprjetà ta’ l-art, it-tagħrif, it-teknika u x-xjenza kollha li wieħed ikollu. Din is-sura ta’ proprjetà, aktar milli l-proprjetà tar-riżorsi naturali, hi l-ġid u l-għana tan-nazzjonijiet l-aktar industrijalizzati.

Għadni kemm għidt li l-bniedem jaħdem ma bnedmin oħra u hekk jissieħeb f’”xogħol soċjali” li bil-mod dejjem aktar jitwessa’ f’ċirku dejjem akbar u jasal biex iħaddan l-art kollha. Min jagħmel xi ħaġa, barra milli jagħmilha biex jużaha hu, jagħmilha wkoll biex jistgħu jużawha oħrajn ukoll wara li jħallsu prezz xieraq għaliha iffissat bi ftehim ħieles. U issa, proprju l-ħila li tagħraf fil-waqt x’inhuma l-ħtiġijiet tal-oħrajn, u liema huma l-fatturi tal-produzzjoni l-aktar adatti biex tissodisfa dawn il-ħtiġijiet, hi għajn oħra mportanti ta’ ġid fis-soċjetà ta’ llum. Fl-aħħar mill-aħħar, ħafna affarijiet ma jistgħux isiru tajjeb bix-xogħol ta’ bniedem waħdu jaħdem għal rasu, u jeħtieġu x-xogħol flimkien ta’ ħafna nies għal għan wieħed. Torganizza sforz produttiv bħal dan, tipprjana kemm trid żmien, tiżgura li jkun jaqbel sewwa għall-ħtiġijiet li jrid jissodisfa, tidħol għar-riskju li jkun meħtieġ – dan ukoll hu kollu għajn ta’ ġid fis-soċjetà ta’ llum. B’dan il-mod is-sehem tax-xogħol tal-bniedem, dixxiplinat u kreattiv, u – bħala parti essenzjali tax-xogħol – l-inizjattiva fix-xogħol u t-tmexxija tax-xogħol kollu isiru dejjem aktar evidenti u determinanti[70].

Dan il-proċess li, fil-prattika, jitfa’ dawl fuq il-verità dwar il-persuna tal-bniedem, li t-twemmin nisrani qatt ma waqaf itenni, wieħed għandu jħares lejh b’attenzjoni sħiħa u b’mod favorevoli. L-aqwa riżorsi tal-bniedem, flimkien ma’ l-art, hi l-bniedem fih innifsu. Hi l-intelliġenza tiegħu li twasslu biex jagħraf il-modi kollha li bihom jistgħu jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet kollha tal-bniedem. Hu x-xogħol dixxipplinat tal-bniedem, f’kollaborazzjoni sħiħa ma’ oħrajn, li jwassal għall-ħolqien ta’ komunitajiet ta’ xogħol dejjem aktar wesgħin u ta’ min jafdahom, ha jinbidel l-ambjent naturali u l-istess ambjent tal-bniedem. F’dan il-proċess hemm impenjati virtujiet bħalma huma d-diliġenza, il-ħerqa għax-xogħol, l-għaqal f’riskju meħtieġa, awtorità u fiduċja fir-relazzjonijiet iebsin li jitolbu s-sagrifiċċji, imma jkunu meħtieġa, kemm għat-tmexxija tajba tal-intrapriża kollha u kemm biex tagħmel tajjeb għal xi kriżi li tista’ tinqala’.

L-ekonomija tal-intrapriżi ta’ llum hi ħaġa pożittiva: il-pedament tagħha hu l-libertà tal-bniedem fil-qasam ekonomiku, l-istess bħall-libertà tiegħu f’ħafna oqsma oħra. L-ekonomija hi biss settur wiehed mill-ħafna setturi li fihom il-bniedem iħaddem l-attività tiegħu, u f’dan is-settur, l-istess bħal f’setturi oħra, għandu l-valur tiegħu d-dritt għall-libertà, kif ukoll id-dmir li tagħmel użu minnha b’sens ta’ responsabbilità. Iżda hi ħaġa mportanti ħafna li wieħed jagħraf illi hemm differenzi speċifiċi bejn it-tendenza tas-soċjetà ta’ llum u dik ta’ l-imgħoddi, ta’ l-imgħoddi qrib ukoll. Jekk f’xi żmien il-fattur deċiżiv tal-produzzjoni kien l-art, u aktar tard il-kapital, meqjus bħala l-makkinarju kollu u l-għadd tal-istrumenti kollha meħtieġa għax-xogħol deċiżiv hu dejjem aktar l-istess bniedem, jiġifieri l-bniedem bil-ħila tiegħu li jitgħallem, ħila li turi ruħha fit-tagħlim xjentifiku li jkun kiseb, fil-ħila li jorganizza flimkien f’relazzjoni tajba bejniethom il-fatturi kollha, u l-ħila li jagħraf x’inhuma l-ħtiġijiet ta’ l-oħrajn u kif se jwieġeb għalihom.

  1. Iżda ma jistax ikun li ma jissemmewx ir-riskju u l-problemi marbutin ma’ din is-sura ta’ proċess. Fil-fatt ħafna nies, forsi l-kotra l-kbira tan-nies, illum ma għandhomx il-mezzi biex, b’mod effettiv u jixraq id-dinjità tagħhom ta’ bnedmin li huma, jidħlu u jsibu posthom f’sistema produttiva, fejn ix-xogħol hu l-aqwa ħaġa. Ma għandhomx il-possibilità li jiksbu dak it-tagħrif fundamentali li jeħtieġu biex ikunu jistgħu juru l-kreatività tagħhom, u jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom u juru x’jafu jagħmlu; ma għandhomx il-mezzi biex ikunu jafu ‘l xulxin u jikkomunikaw ma’ xulxin b’mod li l-kapaċitajiet tagħhom ikunu magħrufin u wżati. Flaħħar mill-aħħar dawn, għalkemm mhux verament sfruttati, huma sa ċertu pont emarġinati, u l-iżvilupp jgħaddi, biex ngħid hekk, ‘il fuq minn rashom, meta ma jasalx biex jagħlaq għal kollox l-ispazju tal-ekonomija qadima tagħhom għal għajxien. Ma jistgħux jikkompetu ma’ dak li qiegħed jiġi prodott b’modi ġodda u jwieġeb aħjar għall-ħtiġijiet tan-nies, ħtiġijiet li huma kienu mdorrijin iwieġbu għalihom b’suriet organizzattivi tradizzjonali; imsaħħrin mit-tlellix ta’ għana, li huma bl-ebda mod ma jistgħu jiksbu, u, fl-istess ħin, magħfusin mill-ħtiġijiet tagħhom, dawn in-nies jiffullaw fl-ibliet il-kbar tat-Tielet Dinja, fejn spiss jinqatgħu mill-għeruq kulturali tagħhom u jsibu ruħhom f’qagħda ta’ nuqqasijiet tassew tal-biża’ b’ebda tama li jiġu integrati. Id-dinjità tagħhom m’hijiex verament magħrufa, u xi kultant isiru tentativi biex jeliminawhom mill-ġrajja tad-dinja b’kontrolli li huma kontra d-dinjità tal-bniedem.

Ħafna bnedmin oħra, għalkemm mhux għal kollox emarġinati, qegħdin igħixu f’ambjent fejn ir-regoli tal-kapitaliżmu tal-ewwel żmienijiet għadhom jeżistu, u huma applikati bil-“kefrija” kollha tagħhom, xejn agħar mill-mumenti l-aktar koroh tal-ewwel snin tal-industrijalizzazzjoni. F’kasi oħra, l-art għadha l-element ċentrali tal-proċess ekonomiku, iżda dawk li jaħdmu l-art ma humiex il-proprjetarji tagħha, u jinsabu f’qagħda qisha ta’ jasar[71]. Quddiem kasi bħal dawn, illum ukoll, bħal fi żmien ir-Rerum novarum, nistgħu nitkellmu dwar sfruttament li ma jixraqx lill-bniedem. Minkejja t-tibdiliet kbar li seħħu fis-soċjetajiet l-aktar żviluppati, in-nuqqasijiet tal-kapitaliżmu, fejn jidħol il-bniedem, u l-ħakma tal-ġid materjali fuq il-bniedem, ma spiċċawx u għadhom hemm; anzi għall-foqra, man-nuqqas tal-ġid materjali, żdied in-nuqqas ta’ tagħlim u ta’ tagħrif meħtieġ biex joħroġ mill-qaghda umiljanti ta’ subordinazzjoni għall-oħrajn.

Sfortunatament, il-kotra l-kbira tan-nies tat-Tielt Dinja qegħdin igħixu f’qagħda bħal din. Iżda ma għandniex nifħmu l-kelma “dinja” f’sens ġeografiku biss. F’xi naħiet u f’xi setturi soċjali ta’ din id-“Dinja” qegħdin jitħaddmu programmi ta’ żvilupp li qegħdin ifittxu jagħmlu użu tajjeb, mir-“riżorsi umani”, aktar milli ir-riżorsi materjali.

Ftit snin ilu kien hemm min ħaseb li l-ifqar pajjiżi tad-dinja, biex jiżviluppaw, kien jeħtiġilhom jinqatgħu mis-suq tad-dinja u jafdaw fil-forzi tagħhom biss. L-esperjenza ta’ dawn l-aħħar snin uriet li l-pajjiżi li twarrbu mis-suq tad-dinja; staġnaw għal kollox u marru lura waqt li żviluppaw il-pajjiżi li rnexxilhom jidħlu u jieħdu sehem fl-attivitajiet ekonomiċi ġenerali bejn il-pajjiżi, f’livell internazzjonali. Jidher għalhekk li l-aqwa problema hija kif tikseb dħul fis-suq internazzjonali fuq bażi mhux ta’ sfruttament min-naħa waħda tar-riżorsi naturali ta’ dawk il-pajjiżi, imma fuq bażi ta’ użu xieraq tar-riżorsi umani[72].

Iżda xi aspetti tipiċi tat-Tielet Dinja narawhom ukoll fil-pajjiżi żviluppati, fejn it-tibdil dejjem sejjer tal-metodi tal-produzzjoni u tal-konsum, inaqqas is-siwi ta’ xi kapaċitajiet li jkunu nkisbu ta’ xi esperjenzi professsjonali, u għalhekk ikun dejjem meħtieġ sforz ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ aġġornament . Dawk li jibqgħu lura, malajr isibu ruħhom emarġinati; magħhom hemm ukoll l-anzjani, iż-żgħażagħ li ma jkollhomx il-ħila jsibu posthom fil-ħajja tas-soċjetà, u, ġeneralment, dawk li huma l-aktar dgħajfa, u dawk li jagħmlu parti mill hekk imsejħa Raba’ Dinja. Il-qagħda tal-mara f’kondizzjonijiet bħal dawn xejn ma hi ħafifa.

  1. Milli jidher, mhux biss fil-livell tan-nazzjonijiet individwali, imma wkoll fil-livell tar-relazjonijiet internazzjonali is-suq ħieles hu mezz l-aktar effikaċi biex ir-riżorsi jiġu wżati tajjeb, u tassew iwieġbu għall-ħtiġijiet li jkun hemm. Iżda dan hu veru biss għal dawk il-ħtiġijiet “li wieħed jista’ jħallas għalihom”, li jistgħu jinxtraw, u għal dawk ir-riżorsi “li wieħed jista’ jbigħ” għax jistgħu jagħtuh prezz tajjeb għalihom. Iżda hemm ħafna ħtiġijiet oħra tal-bniedem li ma hemmx suq għalihom. Hu dmir strett ta’ ġustizzja u ta’ mħabba li dawn il-ħtiġijiet fundamentali tal-bniedem ma jibqgħux bla ma jiġu sodisfatti, u li dawk li jeħtiġuhom ma jinqerdux. Hu meħtieġ ukoll li dawn in-nies ikollhom għajnuna ħa jiksbu t-tagħlim u t-tagħrif meħtieġ, biex jistgħu jidħlu f’relazzjonijiet ma’ l-oħrajn, biex jiżviluppaw il-kwalitajiet tagħhom, u jużaw mill-aħjar li jistgħu l-kapaċitajiet u r-riżorsi tagħhom. Qabel stess il-loġika tan-negozju xieraq u s-suriet tal-ġustizzja li jmexxuh, hemm ħaġa li hi tal-bniedem, proprju għax hu bniedem minħabba d-dinjità għolja tiegħu. Din il-ħaġa li hi tal-bniedem titlob li l-bniedem igħix u, fl-istess ħin, jagħti sehem attiv għall-ġid ta’ kulħadd fil-familja kollha tal-bnedmin.

Għat-Tielet Dinja, għad għandhom is-siwi tagħhom (u f’ċerti kasi għad iridu jintlaħqu) dawk l-obbjettivi li r-Rerum novarum issemmi, biex ix-xogħol tal-bniedem, u l-istess ħajtu, ma jsirux biss xi ħaġa għall-bejgħ: paga biżżejjed biex wieħed iżomm il-familja tiegħu, assikurazzjoni soċjali kontra x-xjuħija u l-qgħad, u ħarsien xieraq tal-kondizzjonijiet tax-xogħol.

  1. Hawn għandna quddiemna qasam kbir ta’ mpenn u ta’ ġlieda f’isem il-ġustizzja għall-“unions” u għall-organizzazzjonijiet l-oħra tal-ħaddiema, li jridu jiddefendulhom id-drittijiet tagħhom, u jħarsulhom is-soġġettività tagħhom bħala persuni, u fl-istess ħin jaqdu wkoll dmir meħtieġ ta’ karattru kulturali, biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod aktar sħiħ u xieraq fil-ħajja tan-nazzjon tagħhom, u jgħinuhom fit-triq tal-progress.

F’dan is-sens, nistgħu nitkellmu dwar ġlieda kontra sistema ekonomiku li jitqies bħala metodu li jiżgura ħakma sħiħa tal-kapital, tal-proprjetà tal-istrumenti tal-produzzjoni u ta’ l-art, b’kuntrast sħiħ man-natura ħielsa u personali tax-xogħol tal-bniedem[73]. Fil-ġlieda kontra sistema bħal din, bħala alternattiva, ma għandniex nipproponu s-sistema soċjalista, li fil-fatt ma tkunx ħlief kapitaliżmu tal-Istat, imma soċjetà ta’ xogħol ħieles, ta’ intrapriża, ta’ parteċipazzjoni. Soċjetà bħal din m’hijiex kontra s-suq, imma titlob li s-suq ikun kontrollat b’mod xieraq mill-awtoritajiet ta’ l-istat, biex ikun hemm garanzija li l-ħtiġijiet kollha tas-soċjetà se jkunu sodisfatti.

Il-Knisja tagħraf li l-qligħ għandu funzjoni leġittima biex juri li l-intrapriża sejra tajjeb; jekk intrapriża tkun qiegħda tagħmel qligħ, dan ifisser li l-fatturi tal-produzzjoni qegħdin jiġu jintużaw tajjeb, u l-ħtiġijiet korrispondenti tan-nies qegħdin jiġu sodisfatti b’mod xieraq. Iżda l-qligħ m’huwiex l-indikazzjoni waħdanija tal-qagħda tal-intrapriża. Jista’ jiġri li l-kontijiet ekonomiċi jkunu tajbin, imma n-nies – li huma l-ġid l-aktar prezzjuż tal-intrapriża – huma umiljati u d-dinjità tagħhom imkasbra. Din il-ħaġa, barra li ma tistax tiġi aċċettata moralment, ma jistax ma jkollhiex, fl-aħħar mill-aħħar, effetti negattivi fuq l-effiċjenza ekonomika tal-intrapriża. Fil-fatt, l-għan ta’ intrapriżi, m’huwiex biss il-qligħ, imma li tkun fiha nfisha komunità ta bnedmin, li, b’mod jew ieħor, qegħdin iħabirku biex jissodisfaw il-ħtiġijiet fondamentali tagħhom, u flimkien jagħmlu grupp partikulari għall-qadi tas-soċjetà kollha kemm hi. Il-qligħ jirregola l-ħajja tal-intrapriża, iżda mhux waħdu; mal-qligħ iridu jitqiesu fatturi oħra morali u umani li f’tul twil ta’ żmien, għandhom almenu l-istess importanza għall-ħajja tal-intrapriża.

Rajna li mhux sewwa tgħid li d-disfatta tas-soċjaliżmu reali ħalla l-kapitaliżmu bħala sura waħdanija ta’ organizzazzjoni ekonomika. Hemm bżonn jiġġarrfu l-barrieri u l-monopolji li qegħdin iħallu ħafna popli fix-xifer tal-progress, biex kulħadd – individwi u nazzjonijiet – ikun żgurat li jkollu dawk il-kondizzjonijiet fundamentali meħtieġa ħalli jkun jista’ jkollu sehem fl-iżvilupp. Dan jitlob li jsir sforz programmat u responsabbli mill-komunità internazzjonali kollha kemm hi. In-nazzjonijiet aktar b’saħħithom għandhom joffru lin-nazzjonijiet aktar dgħajfa okkażjonijiet tajba ħa jkunu jistgħu jsibu posthom fil-ħajja internazzjonali, u dawn in-nazzjonijiet, billi jagħmlu dawk l-isforzi u dawk is-sagrifiċċji meħtieġa, u jaraw li jkollhom stabilità ekonomika u politika, ifittxu li jkollhom prospetti tajba għall-ġejjieni, jtejbu l-kapaċitajiet tal-ħaddiema tagħhom, u jħejju mexxejja ta’ intrapriża kapaċi jgħarfu sewwa x’inhuma r-responsabbilitajiet tagħhom[74].

Sa llum l-isforzi pożittivi li saru f’din il-ħaġa huma mtaqqlin mill-problema, li tagħha għad ma nstabitx soluzzjoni, tad-dejn mal-barrani tal-Istati foqra. Il-pinċipju li d-dejn għandu jitħallas hu prinċipju ġust, iżda m’hijiex ħaġa sewwa titlob u tistenna ħlas, meta dan iwassal biex isiru għażliet politiċi bilfors li jwasslu popli sħaħ għall-ġuħ u d-disperazzjoni. Wieħed ma għandux jistenna li d-dejn jitħallas bi prezz ta’ sagrifiċċji li ħadd ma jkun jista’ jiflaħ għalihom. F’kasijiet bħal dawn iridu jinsabu mezzi – u sa ċertu pont dan qiegħed isir – ħa jtaffu, jew ineħħu d-dejn, jew itawwlu ż-żmien għall-ħlas tiegħu, b’mod li jkun jaqbel mad-dritt foundamentali tal-popli għall-ghajxien u għall-progress.

  1. Irridu issa nħarsu lejn il-problemi speċifiċi u t-theddid li qiegħed jinbed fl-ekonomiji li l-aktar imxew ‘il quddiem, u li għandhom relazzjoni mal-karatteristiċi proprji ta’ dawn l-ekonomiji. Fl-ewwel passi lejn il-progress, il-bniedem għex dejjem imbuttat minn ħtiġijietu; dawn kienu ftit u, sa ċertu pont, l-istess struttura tiegħu bħala bniedem u l-attività ekonomika tiegħu kienu biżżejjed biex jagħmlu tajjeb għal dawn il-ħtiġijiet. Iżda hija ħaġa ċara llum li l-problema m’hijiex biss dik li tipprovdi n-nies ġid biżżejjed għall-ħtiġijiethom kollha, imma hi dik ukoll li twieġeb għat-talba talkwalità: kwalità ta dak li jiġi prodott u jiġi wżat; kwalità fis-servizz li wieħed irid juża; kwalità ta’ l-ambjent u tal-ħajja in ġenerali.

Tistenna ħajja li tissodisfa aktar, minħabba l-kwalità tagħha fiha nfisha, hi ħaġa sewwa u tajba, iżda wieħed ma jistax ma jsemmix r-responsabbilitajiet u l-perikli marbutin ma’ din il-fażi tal-istorja tal-bniedem. Il-mod kif jinħolqu u jitfissru l-ħtiġijiet ġodda, dejjem juru fihom fehma ftit jew wisq adatta tal-bniedem u tal-ġid veru tiegħu: mill-għażliet li jsiru fil-produzzjoni u l-konsum, tidher xi tkun kultura bħala fehma u dehra sħiħa tal-ħajja. Minn hawn jiġi l-fenomenu tal-konsumiżmu. Biex naraw x’inhuma l-ħtiġijiet ġodda u l-mezzi ġodda li neħtieġu biex niksbuhom, trid tmexxina dehra sħiħa tal-bniedem, li turi d-dimensjonijiet kollha ta’ ħajtu u tqis li d-dimensjonijiet materjali u istintivi tiegħu. Jekk għall-kuntrarji inħajru direttament l-istinti tiegħu u b’mod jew ieħor ma nagħtux kas ta’ dak li hu verament il-bniedem bħala persuna, bl-intelliġenza u l-libertà kollha tiegħu, nkunu qegħdin noħolqu drawwiet konsumistiċi u suriet ta’ ħajja li m’humiex xierqa fihom infushom u spiss huma ta’ ħsara għas-saħħa fiżika u spiritwali tal-bniedem. Is-sistema ekonomika, minnha nfisha ma għandhiex kriterji biex, bla żball, tagħżel suriet ġodda u aktar għolja li jagħmlu tajjeb għall-ħtiġijiet ġodda tal-bniedem, minn dawk li jistgħu jfixklu l-formazzjoni tiegħu u l-kobor sħiħ tiegħu bħala persuna. Għalhekk hi meħtieġa malajr ħidma kbira edukattiva u kulturali li tieħu ħsieb ukoll ta’ l-edukazzjoni tal-konsumaturi biex jitgħallmu jużaw b’sens ta’ responsabbiltà s-setgħa tal-għażla li għandhom; edukazzjoni speċjalment tan-nies li għandhom x’jaqsmu mal-”mass media” kif ukoll l-indħil meħtieġ tal-awtoritajit ċivili.

Eżempju ċar ħafna ta’ konsumiżmu artifiċjali li hu kontra s-saħħa u d-dinjità tal-persuna tal-bniedem u li żgur ma tikkontrollahx malajr, hu l-użu tad-drogi. L-użu mxerred tad-drogi hu sinjal li s-sistema soċjali m’huwiex qiegħed jaħdem sewwa, u jagħtik x’tifhem ukoll li l-“qari” tal-ħtieġa tal-bniedem hu “qari” materjalistiku, u, f’ċerti kasi, jeqred il-ħtiġijiet tal-bniedem. B’dan il-mod il-kapaċità għall-ħolqien ta’ ħwejjeġ ġodda ta’ ekonomija ħielsa titwassal għall-konklużjoni li tkun fuq naħa waħda biss u ma tkunx biżżejjed. Id-drogi u l-pornografija, u suriet oħra ta’ konsumiżmu jisfruttaw dak li hu dgħajjef f’min hu dgħajjef u jippruvaw jimlew il-vojt spiritwali li jitfaċċa.

‘M’hijiex ħaġa ħażina li tkun trid ħajja aħjar; hu ħazin stil ta’ ħajja li jitqies aħjar meta jfittex li “ikollu” u mhux li “ikun”, u jrid li jkollu aktar mhux biex ikun aktar, imma biex jgħix ħajja ta’ xalar bħala għan fiha nfisha[75]. Jeħtieġ għalhekk jinħolqu suriet ta’ ħajja fejn it-tfittix ta’ dak li hu veru, sabiħ u tajjeb, u ta’ xirka ma’ oħrajn għall-kobor ta’ kulħadd, ikunu l-fatturi li juru lill-konsumaturi x’jagħżlu, xi jfaddlu u f’hiex jinvestu. Din m’hijiex biss kwistjoni ta’ dmir ta’ mħabba, jiġifieri ta’ dmir li tagħti miż-“żejjed” tiegħek u, xi kultant, mill-ħtiġijiet tiegħek ukoll, biex tipprovdi l-meħtieġ għall-ħajja ta’ xi fqir. Qiegħed nitkellem dwar investiment f’post u mhux f’ieħor, f’settur produttiv aktar milli f’ieħor; din hi dejjem għażla morali u kulturali. Minħabba l-ħtieġa kbira ta’ ċerti kondizzjonijiet ekonomiċi u ta’ stabbilità politika, id-deċiżjoni li tinvesti jiġifieri toffri n-nies opportunitajiet ħa jagħmlu użu tajjeb mix-xogħol tagħhom, għandha tkun ukoll influwenzata minn imġiba ta’ benevolenza għall-bniedem u ta’ fiduċja fil-Provvidenza, kwalitajiet li juru l-karattru ta’ dak li jieħu d-deċiżjoni.

  1. Hu ta’ tħassib ukoll il-problema ekoloġiku, imsieħeb mal-problema tal-konsumiżmu u marbut sewwa miegħu. Il-bnidem, imxennaq aktar li jkollu u jgawdi milli jkun u jikber, jikkonsma r-riżorsi ta’ l-art u ta’ ħajtu b’mod eseġerat u diżordinat. Fl-għerq tal-qerda bla sens tal-ambjent naturali hemm żball antropoloġiku mxerred ħafna llum. Il-bniedem li jagħraf il-ħila li għandu li jibdel u. f’ċertu sens, “joħloq” id-dinja bil-ħidma tiegħu, jinsa li dan hu dejjem bażat fuq id-don ta’ l-art li Alla ta lill-bniedem fil-bidu. Il-bniedem jaħseb li jista’ juża l-art addoċċ u kif irid, bla ebda raġuni, u jaħkimha għar-rieda tiegħu bla ebda xkiel bħallikieku ma kellhiex is-sura proprja tagħha u ma kienx hemm minn qabel l-għan ta’ Alla għaliha; il-bniedem, iva, jrid jiżviluppaha, iżda mhux jittradixxiha. Flok jaqdi sehmu bħala kooperatur ma’ Alla fil-ħidma tal-ħolqien, il-bniedem qiegħed lilu nnifsu flok Alla u spiċċa biex qajjem irvell fin-natura, aktar maħkuma mill-bniedem bħala tirann milli mmmexxija minnu[76].

F’dan kollu wieħed jintebaħ kemm hi fqira u magħluqa l-mentalità tal-bniedem, imqanqal kif inhu minn xewqa li jkollu xi ħaġa aktar milli jużaha fil-verità, u nieqes minn imġiba ħielsa minn kull interess personali u mill-egoiżmu, nieqes minn atteġġjament estetiku u li jikseb mid-dehra ta’ l-għaġeb tal-ħajja u mill-ġmiel li jwassal lill-bniedem biex jara fil-ħwejjeġ li jidhru l-kelma ta’ Alla li ma jidhirx, li ħalaqhom. F’dan, il-bniedem ta’ llum għandu jagħraf id-dmirijiet u l-obbligi tiegħu lejn il-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni.

  1. Barra l-qerda bla raġuni tal-ambjent naturali, irrrid insemmi wkoll il-qerda serja tal-ambjent tal-bniedem, ħaġa li m’hijiex titqies kif imisssha. Għalkemm, bir-raġuni kollu, hemm tħassib, iżda wisq anqas milli jmissu jkun hemm, dwar il-ħarsien tal-ambjent naturali ta’ ħafna annimali, mhedda li jinqerdu għal kollox, għax hu magħruf li kull annimal għandu x’jagħti b’mod partikulari ħa jkun hemm bilanċ fin-natura kollha, qiegħed isir biss sforz żgħir għall-ħarsien tal-kondizzjonijiet morali meħtieġa biex ikun hemm “ekonomija umana” Alla mhux biss ta l-art lill-bniedem ħa jużaha bir-rispett kollu għall-iskop li għalih Alla taha lill-bniedem, imma l-bniedem innifsu hu wkoll don ta’ Alla lill-bniedem: għalhekk il-bniedem irid juri rispett għall-istruttura naturali u morali li biha hu mżejjen. Hawn min isemmi l-problemi serji tal-urbaniżmu modern, tal-ħtieġa ta’ pjanifikazzjoni urbana, li trid tieħu ħsieb ta’ kif igħixu n-nies, u x’attenzjoni għandha tingħata lill-“ekoloġija soċjali” tax-xogħol.

Il-bniedem irċieva mingħand Alla d-dinjità essenzjali tiegħu, u magħha l-ħila li jogħla ‘il fuq minn kull ordni soċjali biex jersaq lejn dak kollu li hu veru u tajjeb. Iżda l-bniedem hu nfluwenzat ukoll mill-istruttura soċjali li fiha jgħix, mill-edukazzjoni li jkollu, u mill-ambjent tiegħu. Dawn l-elemementi jistgħu jgħinuh jew ifixkluh li jgħix ħajtu skond il-verità. Id-deċiżjonijiet li joħolqu l-ambjent tal-bniedem jistgħu jtellgħu strutturi speċifiċi ta’ dnub li ma jħallux lil dawk li fuqhom b’xi mod jagħfsu, jilħqu l-kobor sħiħ tagħhom. It-tiġrif ta’ dawn l-istrutturi biex iddaħħal minn flokhom suriet aktar veri ta’ ħajja komunitarja hi ħidma li titlob kuraġġ u sabar[77].

  1. L-ewwel struttura, u struttura fundamntali, ta’ l-“ekoloġija umana” hi l-familja, fejn il-bniedem jikseb l-ewwel fehmiet ta’ dak li hu veru u tajjeb, fehmiet li jagħtuh il-formazzjoni tiegħu, u jgħallmuh x’jiġifieri tħobb u tkun maħbub, u hekk jagħraf verament xi tfisser tkun persuna. Qiegħed nitkellem dwar famlja mwaqqfa bi żwieġ fejn l-għoti lil xulxin tar-raġel u l-mara joħloq ambjent fejn l-ulied jitwieldu u jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom, jagħarfu x’inhi d-dinjità tagħhom, u jħejju ruħhom ħa jiltaqgħu mad-destin tagħhom, li hu tagħhom biss u ta’ ebda ħadd ieħor. Iżda spiss jiġri li l-bniedem jaqta’ qalbu li joħloq kondizzjonijiet tajba għat-tnissil ta’ uliedha u jasal biex iqis lilu nnifsu u lil ħajtu bħala ġabra ta’ sensazzjonijiet li jrid jgħaddi minnhom, aktar milli opra li jrid itemm. Ir-riżultat ta’ dan hu nuqqas ta’ libertà li jwassal lill-bniedem biex jirrifjuta l-impenn li jintrabat ma’ persuna oħra f’relazzjoni li tibqa’ għal għomorhom, u li jġibu ulied fid-dinja, jew iwasslu biex iqis l-ulied bħala “xi ħaġa” li wieħed jista’ jkollu jew ma jkollux, skond kif ikun jogħġbu, f’pika sħiħa mal-ħwejjeġ l-oħra li jista’ jkollu.

Irridu mmorru lura għaż-żmien meta l-bniedem kien jara l-familja bħala santwarju ta’ ħajja. Il-familja hi tassew xi ħaġa qaddisa; hi post fejn il-ħajja – li hi don ta’ Alla – tiġi milqugħa sewwa, u mħarsa minn kull theddida li jista’ jkollha u tiżviluppa skond dak li hu tassew il-kobor tal-bniedem. Quddiem dik li qiegħda tissejjaħ il-kultura tal-mewt, il-familja hi l-qalba tal-kultura tal-ħajja.

Id-dehen tal-bniedem, milli jidher, aktar qiegħed ifittex li jillimita, ineħħi jew jeqred l-għejun tal-ħajja – wkoll permezz ta’ l-abort li diżgrazzjatament hu tant imxerred fid-dinja – milli jħares dak li tagħti l-ħajja u jkun miftuħ għaliha. L-enċiklika Sollicitudo rei socialis ikkundannat il-propaganda sistematika li qegħda ssir kontra t-tnissil ta’ l-ulied, minħabba fehma mgħawġa tal-problema tal-popolazzjoni. “Bla ebda rispett għall-għażla ħielsa ta’ min hu l-aktar interessat”, spiss isir fuqhom pressjoni li ma jkunux jifilħu għaliha u jkollhom joqogħdu għal din is-sura ġdida ta’ moħqrija”[78]. Dawn huma sistemi li qegħdin iwessgħu l-oqsma tal-ħidma tagħhom bl-użu ta’ mezzi tekniċi ġodda u jaslu biex, f’sura ta’ “gwerra kimika”, javvelenaw il-ħajja ta’ eluf ta’ eluf ta’ bnedmin li ma għandhomx biex jiddefendu ruħhom.

Din hi kritika ta’ sistema morali u kulturali aktar milli ta’ sistema ekonomika. L-ekonomija fil-fatt hi biss aspett wieħed u dimensjoni waħda tal-ħidma kollha tal-bniedem. Jekk il-ħajja ekonomika ssir xi ħaġa assoluta, jekk il-produzzjoni u l-konsum ta’ kull xorta ta’ affarijiet isiru l-qofol tal-ħajja u l-valur waħdieni tas-soċjetà u ndipendenti minn kull valur ieħor, ir-raġuni ta’ dan kollu ma nsibuhiex fis-sistema ekonomika fiha innfisha, imma nsibha fil-fatt li s-sistema soċjo-ekonomiku kollu kemm hu, għax m’huwiex jagħti kas tad-dimensjoni morali u reliġjuża, ddgħajjef ħafna u spiċċa biex ifittex biss l-produzzjoni tal-ġid u s-servizz[79].

Dan kollu nistgħu ngħidu bi ftit kliem billi ntennu għal darb’oħra li l-libertà ekonomika hi biss element wieħed mill-libertà tal-bniedem; meta l-libertà ekonomika ssir awtonoma, il-bniedem jibqa’ jitqies aktar bħala produttur u konsumatur milli bħala persuna li tipproduċi u tuża dak li jiġi prodott biex ikun jista’ jgħix; imbagħad il-libertà ekonomika titlef ir-relazzjoni li għanda jkollha mal-persuna tal-bniedem u tispiċċa biex taljenaħ u taħkmu[80].

  1. Hu dmir ta’ l-Istat li jiddefendi u jħares il-ġid ta’ kulħadd, bħalma huma l-ambjent naturali u l-ambjent uman; dawn ma jistgħux jiġu mħarsa biss mill-mekkaniżmi tas-suq. Kif fi żmien il-kapitaliżmu tal-bidu, l-Istat kien fid-dmir li jiddefendi d-drittijiet fondamentali tal-ħaddiema, hekk issa, fi żmien kapitaliżmu l-ġdid, l-Istat, u s-soċjetà kollha kemm hi, huma fid-dmir li jiddefendu dak il-ġid ta’ kulħadd li fl-aħħar mill-aħħar, huwa l-qafas li fih kull bniedem ifittex u jikseb kull ma jeħtieġ ħa jilħaq leġittimament il-għan sħiħ tiegħu. Din hi ħaġa oħra li tillimita s-suq: hemm ħtiġijiet kollettivi u kwalitattivi li l-mekkaniżmi tas-suq ma jistgħux jagħmlu tajjeb għalihom. Hemm ħtiġijiet important tal-bniedem li ma jidħlux fil-loġika tas-suq. Hemm ġid li min-natura tiegħu stess la jista’ jinbigħ u lanqas jinxtara. Veru li l-mekkaniżmi tas-suq joffru vantaġġi żguri: igħinu biex ir-riżorsi jiġu użati aħjar, iġibu ‘l quddiem il-bdil tal-prodott u fuq kollox jgħatu mportanza ewlenija lix-xewqat u l-preferenzi ta’ persuna li f’kuntratt tiltaqa’ mar-rieda u l-preferenzi ta’ persuna oħra. Iżda f’dawn il-mekkaniżmi hemm il-periklu ta’ “idolatrija” tas-suq, idolatrija għax ma tagħrafx li hemm ġid ieħor li, min-natura tiegħu stess, m’huwiex u ma jistax ikun biss xi ħaġa għall-bejgħ u x-xiri.
  2. Il-marxiżmu ikkritika l-kapitaliżmu tas-soċjetajiet tal-borgeżija u xliehom li għamlu l-kuxjenza tal-bniedem ħaġa għall-bejgħ u x-xiri u aljenawha. Din il-kritika hi mibnija fuq fehma żbaljata u mhux sħiħa ta’ aljenazzjoni, li ħarġet biss mill-qasam tar-relazzjonijiet bejn produzzjoni u proprjetà, jiġifieri mibnija biss fuq pediment materjalistiku; barra dan, il-marxiżmu ċaħad il-valur leġittimu u pożittiv tar-relazzjoni tas-suq fil-qasam tiegħu stess. B’hekk il-marxiżmu wasal biex igħid li l-aljenazzjoni tista’ titwarrab biss f’soċjetà kollettiva. Iżda l-esperjenza tal-istorja tal-pajjiżi soċjalisti wriet li l-kollettiviżmu ma jeħlisx mill-aljenazzjoni, imma jżidha, għax iżid magħha nuqqas ta’ ħtiġijiet fondamntali u nuqqas ta’ effiċjenza ekonomika.

L-esperjenza storika tal-punent, min-naħa l-oħra, turi wkoll li, jekk l-analisti marxista u l-pedament tagħha tal-aljenazzjoni huma foloz, l-aljenazzjoni u t-telfien tat-tifsir veru tal-ħajja seħħew ukoll fil-pajjiżi tal-punent. Dan jiġri bil-konsumiżmu, meta n-nies jinqabdu fix-xibka ta’ pjaċiri qarrieqa superfiċjali flok isibu għajnuna ħa jiksbu esperjenza bil-fatti tal-personalità tagħhom. L-aljenazzjoni nsibuha wkoll fix-xogħol, meta jiġi organizzat b’mod li jkabbar fuq li jkabbar biss il-qligħ u l-produzzjoni, bla ebda ħsieb jekk il-ħaddiem, bix-xogħol li qiegħed jagħmel, huwiex jikber jew jiċkien bħala persuna, jew jekk huwiex ikollu sehem akbar f’komunità li hi ta’ kulħadd jew qiegħed dejjem aktar isib ruħu waħdu f’xibka ta’ relazzjonijiet li fihom taħkem pika li ġġib qerda u twarrib ta’ xulxin u fejn il-ħaddiem jitqies biss bħala mezz u mhux bħala għan.

Il-fehma ta’ l-aljenazzjoni trid terġa’ lura għall-fehma nisranija tagħha, għall-għarfien li l-aljenazzjoni tbiddel il-mezzi f’għanijiet : meta l-bniedem ma jagħrafx fih innifsu u fl-oħrajn il-valur u l-kobor tal-persuna tal-bniedem, hu jkun qiegħed verament iċaħħad lilu nnifsu li jikseb il-ġid min-natura tiegħu ta’ bniedem li hu u milli jkollu relazzjonijiet ta’ solidarjetà u ta’ xirka ma’ l-oħrajn, li għalihom ħalqu Alla. Hu bl-għoti ħieles tiegħu nnifsu li l-bniedem ikun tassew qiegħed isib lilu nnifsu[81].

Din l-għotja ħielsa tiegħu nnifsu, l-bniedem jagħmilha bil-kapaċità essenzjali ta’ traxxendenza li għandu. Il-bniedem ma jistax jagħti lilu nnifsu għal xi proġett li hu tal-bniedem biss dwar ir-realtà, jew għal xi ideal astratt jew xi utopja qarrieqa. Bħala persuna, il-bniedem jista’ jagħti lilu nnifsu ll xi persuna oħra jew lil xi persuni oħra, u fl-aħħarnett lil Alla li ħalqu u li Hu biss jista’ jilqa’ għal kollox id-don tal-bniedem[82]. Il-bniedem jiġi aljenat jekk jiċħad li jogħla ‘l fuq minnu nnifsu u jgħix l-esperjenza ta’ l-għoti tiegħu nnifsu u t-twaqqif ta’ komunità ta’ bnedmin mixja lejn id-destin tagħha ta’ l-aħħar, li hu Alla nnifsu. Soċjetà hi aljenata jekk il-forom tagħha ta’ organizzazzjoni soċjali jew ta; produzzjoni u ta’ konsum, jagħmluha aktar iebsa li tagħti lilha nnfisha ħa jkun hemm solidarjetà bejn il-popli.

L-isfruttament, almenu fis-sura analizzata u mfissra minn Karl Marx, ġie megħlub fis-soċjetà tal-punent; iżda l-aljenazzjoni ma ġietx megħluba fil-ħafna suriet ta’ sfruttament li fihom tinsab, meta l-bnedmin jużaw lil xulxin, u jfittxu jaqdu aktar il-ħtiġijiet ewlenin u veri li għandhom jirregolaw ukoll il-mod kif jaqdu l-ħtiġijiet l-oħra wkoll[83]. Bniedem li moħħu biss, jew moħħu l-aktar, li jkollu proprjetà u jgawdiha, li m’huwiex aktar kapaċi jikkontrolla l-istinti u l-passjonijiet tiegħu, jew iwassalhom ħa jobdu l-verità ma jistax ikun ħieles: l-ubbidjenza għall-verità, il-verità wkoll dwar Alla u l-bniedem, hi l-ewwel kondizzjoni tal-libertà, għax biha l-bniedem ikun jista’ jżomm l-ordni fil-ħtiġijiet u x-xewqat tiegħu, u jagħżel il-mezzi biex jaqdihom, skond skala ta’ valuri biex il-proprjetà li jkollu tkun okkażjoni għalih tal-kobor tiegħu nnifsu. Dan il-kobor jista’ jiġi mfixkel minn manipolazzjoni tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, li jimponu drawwiet u jbiddlu l-fehmiet, b’ripetizzjonijiet u ppjanar bil-għaqal kollu, mingħajr ma l-bniedem ikun jista’ jgħarbel b’mod kritiku l-permessi li fuqhom jkunu mexjin.

  1. Nerġa’ issa lura għall-mistoqsija tal-bidu: Nistgħu forsi ngħidu li fil-falliment tal-komuniżmu, il-kapitaliżmu ħareġ bħala s-sistema soċjali rebbieħ u li l-kapitaliżmu issa għandu jkun l-għan tal-pajjiżi li qegħdin jippruvaw jibnu mill-ġdid l-ekonomija u s-soċjetà tagħhom? Huwa dan il-mudell li għandu jiġi suġġerit lill-pajjiżi tat-Tielet Dinja, li qegħdin ifittxu t-triq tal-progress ekonomiku u ċivili veru?

It-tweġiba hi ovvjament komplessa. Jekk b’”kapitaliżmu” nifhmu sistema ekonomiku li jagħraf is-sehem fondamentali u pożittiv tal-intrapriżi, tan-negozju, tas-suq, tal-proprjetà privata, u r-responsabbilità dwar il-mezzi ta’ produzzjoni li toħroġ minnhom, kif ukoll il-kreattività ħielsa tal-bniedem fis-settur ekonomiku, it-tweġiba hija żgur “iva”, ukoll jekk kien ikun aħjar kieku nitkellmu dwar “ekonomija ta’ negozju”, “ekonomija tas-suq”, jew sempliċement “ekonomija ħielsa”. Iżda jekk b’”kapitaliżmu” nifhmu sistema fejn il-libertà fis-settur ekonomiku m’hijiex parti minn struttura ġuridika qawwija ħa tkun għall-qadi tal-libertà sħiħa tal-bniedem u taraha bħala aspett partikulari ta’ din il-libertà, li l-qalba tagħha hi morali u reliġjuża, it-tweġiba hi żgur “le”.

Is-soluzzjoni marxista falliet, iżda fid-dinja għad hemm emarġinazzjoni u sfruttament, speċjalment fit-Tielet Dinja, kif għad hemm fil-fatt ukoll fenomeni ta’ aljenazzjoni tal-bniedem l-aktar fil-pajjiżi li mxew ħafna ‘il quddiem. Kontra dawn il-fenomeni l-Knisja tgħolli leħenha bil-qawwa kollha. Folol kbar ta’ nies għadhom igħixu f’kondizzjonijiet ta’ faqar materjali u morali kbar. Il-waqgħa tal-marxiżmu f’tant pajjiżi warrab kull tfixkil biex dawn il-problemi jitqiesu b’mod xieraq u realistiku, iżda dan mhux biżżejjed biex issolvihom. Hemm il-periklu li tinxtered ideoloġija kapitalistika radikali li ma tkunx trid tqis dawn il-problemi għax taħseb a priori – minn qabel – li kull sforz għas-soluzzjoni tagħhom mhux se jirnexxi u tħalli s-soluzzjoni tagħhom, bla ma taħsibha xejn, għall-iżvilupp ħieles tal-qawwiet tas-suq.

  1. Il-Knisja ma għandhiex mudelli x’turi: mudelli veri u effettivi jistgħu joħorġu biss mill-qafas ta’ sitwazzjonijiet storiċi differenti tal-isforzi ta’ dawk kollha li b’mod responsabbli jqisu l-problemi kollha li jkun hemm fl-aspetti kollha tagħhom, soċjali, ekonomiċi, politiċi u kulturali, kif ikunu fil-fatt, għax dawn jinfluwenzaw ħafna lil xulxin [84]. Għal din il-ħidma l-Knisja toffri t-tagħlim soċjali tagħha bħala orjentament indispensabbli u ideali, tagħlim li, kif ġa għidt, jagħraf il-valur pożittiv tas-suq u tal-intrapriża, iżda fl-istess ħin, juri li dawn jeħtiġilhom jiġu mmexxija lejn il-ġid ta’ kulħadd. Dan it-tagħlim jagħraf ukoll, bħala leġittimi, l-isforzi tal-ħaddiema ħa jiksbu rispett sħiħ għad-dinjità tagħhom u ħa jkollhom oqsma aktar wiesgħa ta’ parteċipazzjoni fil-ġrajja tal-intrapriża ndustrijali, biex, waqt li jikooperaw ma’ oħrajn, taħt it-tmexxija ta’ oħrajn, jistgħu, b’xi mod, jaħdmu “għalihom stess”[85], bl-użu tal-intelliġenza u l-libertà tagħhom.

L-iżvilupp sħiħ tal-persuna tal-bniedem permezz tax-xogħol, ma jfixkilx il-produttività u l-effiċjenza tal-istess xogħol, għalkemm jista’ jdgħajjef strutturi konsolidati ta’ setgħa. Intrapriża ma tistax titqies biss bħala “soċjetà ta’ kapitali”, għax hi wkoll “soċjetà ta’ persuni” li fiha għandhom sehem, f’suriet differenti u b’reponsabbilitajiet speċifiċi, kemm dawk li jipprovdu l-kapital meħtieġ għall-attivitajiet tal-intrapriża, u kemm dawk li jieħdu sehem f’dawn l-attivitajiet bix-xogħol tagħhom. Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet għad jinħtieġ moviment wiesgħa ta’ ħaddiema assoċjati miexja lejn il-ħelsien u l-promozjoni tal-persuna tal-bniedem.

Fid-dawl tal-“ħwejjeġ ġodda” ta’ llum, qrajna mill-ġdid x’relazzjoni hemm bejn il-proprjetà individwali u l-fatt li l-ġid materjali hu destinat għal kulħadd. Il-bniedem jilħaq il-kobor sħiħ tiegħu fl-użu ta’ l-intelliġenza u l-libertà li għandhu. Meta jagħmel dan ikun qiegħed juża l-ħwejjeġ ta’ din id-dinja bħala oġġetti u strumenti u jagħmilhom tiegħu. Il-pedament tad-dritt għall-inizjattiva u għall-proprjetà privata jinsab f’din l-attività. Bix-xogħol tiegħu l-bniedem jimpenja ruħu mhux biss għalih innifsu imma wkoll għall-oħrajn u ma’ l-oħrajn. Kull persuna tagħti sehemha fix-xogħol ta’ ħaddieħor u għall-ġid ta’ ħaddieħor. Il-bniedem jaħdem ħa jipprovdi għall-ħtiġijiet tal-familja tiegħu, tal-komunità tiegħu, ta’ pajjiżu, u, fl-aħħar mill-aħħar tal-familji kollha tal-bnedmin[86]. Barra dan igħix bix-xogħol ta’ dawk impenjati bħalu, kif ukoll bix-xogħol ta’ dawk li jipprovdulu l-affarijiet għax-xogħol tiegħu, u fl-użu li jagħmlu mix-xogħol il-konsumaturi, f’katina dejjem titwal ta’ solidarjetà. Il-proprjetà tal-mezzi tal-produzzjoni, kemm fl-industrija u kemm fil-biedja, hi ġusta u leġittima jekk taqdi xogħol ta’ siwi. Iżda ma tibqax aktar leġittima jekk ma tintużax jew jekk isservi biss biex tfixkel ix-xogħol ta’ ħaddieħor bi sforz ha jinkiseb qligħ li ma jkunx ġej minn żvilupp sħiħ tax-xogħol u tal-ġid u l-għana tas-soċjetà, imma jkun aktarx ġej minn tfixkil, minn sfruttament illeċitu, minn spekulazzjoni u mill-ksur tas-solidarjetà fost il-ħaddiema[87]. Proprjetà ta’ din is-sura m’hijiex ġustifikata u hi abbuż quddiem Alla u quddiem il-bniedem.

L-obbligu li wieħed jaqla’ ħobżu bil-għaraq ta’ ġbinu jissopponi wkoll li l-bniedem ikollu d-dritt li jagħmel dan. Soċjetà li fiha dan id-dritt hu sistematikament imċaħħad, fejn il-politika ekonomika ma tħallix il-ħaddiem jilħaq livell xieraq ta’ xogħol, ma jistax ikollha ġustifikazzjoni mill-aspett morali u soċjali, ma tistax tikseb paċi soċjali[88]. Kif persuna tilħaq il-kobor sħiħ tagħha bl-għoti tagħha stess, hekk il-proprjetà tikseb il-ġustifikazzjoni tagħha bil-ħolqien f’waqtu u sewwa ta’ opportunitajiet tajba ta’ xogħol u l-kobor sħiħ ta’ kulħadd bħala bnedmin.

 

 

KAP V

STAT U KULTURA

  1. Il-Papa Ljun XIII kien intebaħ bil-ħtieġa ta’ teorija dwar l-Istat biex ikun żgurat żvilupp normali tal-attivitajiet spiritwali u temporali tal-bniedem, żewġ sura ta’ attivitajiet li l-bniedem mingħajrhom ma jistax igħaddi[89]. Għalhekk f’pass tar-Rerum novarum hu jfisser x’inhi l-organizzazzjoni tas-soċjetà skond it-tliet setgħat li għandha – leġistativa, esekutiva u ġudizjali; dak iż-żmien din dehret ħaġa ġdida għal kollox fit-tagħlim tal-Knisja[90]. Organizzazzjoni bħal din turi dehra realistika tan-natura soċjali tal-bniedem, li titlob li jkun hemm liġijiet kapaċi jħarsu l-libertà ta’ kulħadd. Għal dan il-għan ikun aħjar jekk kull setgħa tkun bilanċjata minn setgħat oħra u minn oqsma oħra ta’ responsabbilità, biex kull setgħa tinżamm fil-limiti proprji tagħha. Dan hu l-prinċipju ta’ “Stat ta’ dritt” (Stato di diritto – rule of law) fejn il-liġi hi sovrana u m’hijiex qiegħda fl-arbitru ta’ dak li jkun.

Fiż-żminijiet ta’ llum din il-fehma kellha kontra tagħha t-totalitariżmu li, fit-tifsir marxista-leminista tiegħu, isostni li xi nies, għax jafu aktar fil-fond il-liġijiet ta’ l-iżvilupp tas-soċjetà, jew għaliex huma membri ta’ xi klassi partikulari, jew minħabba kuntatti aktar fil-fond ma’ l-għejun tas-sentiment kollettiv tal-bniedem, ma jistgħux jiżbaljaw u għalhekk jistgħu jaħtfu f’idejhom it-tħaddim ta’ poter assolut. Irrid inżid li t-totalitariżmu joħroġ miċ-ċaħda tal-verità fiha nfisha, tal-verità oġġettiva. Jekk ma hemmx verità traxxendentali, ‘il fuq minn din id-dinja, li meta l-bniedem jobdiha jilħaq l-identità sħiħa tiegħu, ma jkunx hemm prinċipju żgur ta’ garanzija għar-relazzjonijiet ġusti bejn il-bnedmin. L-interessi tagħhom bħala klassi, grupp jew nazzjon bilfors iwassluhom biex ikunu kontra xulxin. Jekk wieħed ma jammettix il-verità traxxendentali, flokha tidħol il-qawwa tas-setgħa u kull bniedem ifittex li jagħmel użu sħiħ tal-mezzi kollha li jkollu biex jimponi d-drittijiet, l-interessi u l-fehmiet tiegħu bla ma jimpurtah xejn mill-oħrajn. Il-bniedem imbagħad jiġi rispettat biss sa kemm jista’ jiġi sfruttat mill-egoiżmu ta’ min hu b’saħħtu. Għalhekk l-għerq tat-totalitariżmu ta’ llum nistgħu nsibuħ fiċ-ċaħda tad-dinjità traxxendentali tal-persuna tal-bniedem, li, bħala xbieha li tidher ta’ Alla li ma jidhirx, għandu fin-natura tiegħu stess drittijiet li ħadd ma għandu l-jedd li jiċħadhomlu: ebda individwu, grupp, klassi jew Stat. Lanqas il-maġġoranza ta’ xi grupp soċjali ma tista’ tikser dawn id-drittijiet billi teħodha kontra l-minoranza, temarġinaha, taħqarha, tisfruttaha, jew tipprova teqridha[91].

  1. Il-kultura u l-prattika tat-totalitariżmu jwasslu wkoll għaċ-ċaħda tal-Knisja. L-Istat jew il-partit li jippretendi li jista’ jmexxi l-istorja lejn dak li hu għal kollox perfett, u li jqiegħed lilu nnifsu ‘l fuq mill-valuri kollha, ma jimpurtahx jekk hemmx kriterju oġġettiv tat-tajjeb u l-ħażin li ma jiddependix minn min għandu s-setgħa, għaliex kriterju bħal dan, f’xi ċirkostanzi, jkun jista’ jiġġudikalu drawwietu u għemilu. Dan jurina għaliex it-totalitariżmu jipprova jeqred il-Knisja, jew almenu jaħkimha taħtu u jagħmilha strument ta’ l-apparat ideoloġiku tiegħu[92].

Barra dan, Stat totalitarju jfittex jassorbi fih in-nazzjon, il-familja, il-komunitajiet reliġjużi u l-istess individwi. Hija u tiddefendi l-libertà tagħha, il-Knisja tkun qiegħda tiddefendi wkoll il-libertà tal-bniedem li għandu “jobdi lil Alla aktar milli jobdi l-bnedmin” (ara Atti 5,29), dik tal-familja wkoll u tal-ħafna organizzazzjonijiet soċjali u tan-nazzjonijiet – dawn kollha għandhom il-qasam tagħhom ta’ awtonomija u sovranità.

  1. Il-Knisja hi favur is-sistema demokratiku għaliex dan jiżgura l-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini fl-għażliet politiċi, tiggarantixxi lil min hu iggvernat li jista’, kemm b’elezjoni u kemm billi jitlob kont ta’ għemilhom lil dawk li jiggvernaw, jibdilhom meta jkun il-waqt[93]. Għalhekk il-Knisja ma tistax tkun favur gruppi żgħar ta’ mexxejja li jaħtfu f’idejhom xi setgħat tal-Istat għall-interessi proprji tagħhom jew għal xi fehma ideoloġika.

Ikun hemm demokrazija vera biss meta Stat ikun immexxi mill-liġi u fuq fehma tajba ta’ x’inhi l-persuna tal-bniedem. Titlob li jkun hemm dawk il-kondizzjonijiet li huma meħtieġa biex jimxu ‘l quddiem kemm l-individwi permezz ta’ edukazzjoni u trawwiem f’valuri veri, u kemm is-“soġġettività” tas-soċjetà permezz tal-ħolqien ta’ strutturi ta’ parteċipazzjoni u ta’ responsabbilità ta’ kulħadd flimkien. Illum hemm tendenza li żżomm illi l-anjostiċiżmu u r-relativiżmu xettiku huma l-filosofija u l-imġiba fondamentali li l-aktar jaqblu mas-suriet demokratiċi tal-ħajja politika. Dawk li huma żguri li jafu l-verità u jħaddnuha bil-qawwa kollha, uma meqjusa mhux nies ta’ min jafdahom demokratikament, għaliex ma jaċċettawx li l-maġġoranza għandha dritt tgħid x’inhi l-verità, li għalhekk tinbidel skond ma jinbidel il-moviment politiku. Dwar dan, ta’ min igħid li kieku ma kienx hemm il-verità fiha nfisha, il-verità oġġettiva, li tmexxi u tiddirieġi l-ħidma politika, il-fehmiet u l-konvinzjonijiet malajr jiġu mgħawġin u manipulati minn min għandu s-setgħa. Demokrazija bla valuri malajr tinbidel, fil-beraħ jew bil-moħbi, f’totalitariżmu, kif turina l-istorja.

Il-Knisja lanqas tagħlaq għajnejha għall-periklu tal-fanatiżmu u tal-fondamentaliżmu fost dawk li, f’isem xi ideoloġija li jippretendu li hi xjentifika, jew f’isem xi reliġjon, iridu għalihom d-dritt li jimponu fuq l-oħrajn il-fehmiet tagħhom dwar x’inhu tajjeb u x’inhu veru. Il-verità nisranija m’hijiex ta’ din is-ura; għalhekk m’hijiex ideoloġija, il-fidi nisranija ma tippretendix li tagħlaq fi skema riġidu l-fatti soċjo-politiċi li bla heda jinbidlu, u tagħraf li l-ħajja tal-bniedem isseħħ fl-istorja f’kondizzjonijiet li m’humiex dejjem l-istess u ma huma qatt perfetti. Barra dan hi u ttenni bla heda li d-dinjità tal-persuna tal-bniedem hi traxxendentali, il-Knisja dejjem għandha bħala sistema rispett lejn il-libertà[94].

Iżda l-libertà tilħaq l-iżvilupp sħiħ tagħha jekk tilqa’ l-verità. F’dinja bla verità, il-libertà titlef is-sisien tagħha, u l-bniedem isib ruħu imġarrab mill-vjolenza tal-passjonijiet u mill-manipulazzjoni, bid-dieher jew bil-moħbi. In-nisrani hu favur il-libertà u jaqdiha, u kontinwament iwassal lill-oħrajn il-verità li hu għaraf (ara Ġw 8,31-32), u dan skond in-natura missjunarja tas-sejħa tiegħu. Huwa u jagħti kas ta’ kull farka ta’ verità li magħha jiltaqa’ fl-esperjenzi ta’ ħajtu u fil-kultura ta’ l-individwi u tan-nazzjonijiet, ma jonqos qatt li jtenni, huwa u jitkellem ma’ bnedmin oħra, dak li l-fidi tiegħu u l-użu tajjeb tar-raġuni għenuh jifhem[95].

  1. Wara l-waqgħa tat-totalitariżmu marxista u ta’ ħafna totalitariżmu oħra u ta’ reġimi ta’ “sigurezza nazzjonali”. Illum qegħdin naraw ġej ‘il quddiem, għalkemm mhux mingħajr kontrasti, l-ideal demokratiku flimkien ma’ attenzjoni ħajja u tħassib għad-drittijiet tal-bniedem. Proprju minħabba dan, jeħtieġ li l-popli, fil-proċess tat-tiġdid tas-sistemi tagħhom, għandhom jibnu d-demokrazija fuq sisien tajba u sodi b’għarfien sħiħ ta’ dawn id-drittijiet[96]. Fost id-drittijiet l-aktar important, ta’ min isemmi d-dritt għall-ħajja, u parti ntegranti ta’ dan id-dritt hu dak tat-tarbija li qegħda tikber f’ġuf ommha sa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha; id-dritt li wieħed igħix u jikber fi ħdan familja magħquda, f’ambjent morali li jwassal għall-kobor sħiħ tal-personalità tiegħu; id-dritt li wieħed jiżviluppa l-intelliġenza tiegħu u jkun ħieles li jfittex u jagħraf il-verità; id-dritt li jkollu sehem fil-ħidma għall-użu tajjeb tar-riżorsi materjali ta’ l-art u minn din il-ħidma l-mezzi għall-għajxien tiegħu u ta’ dawk li jiddependu minnu; id-dritt li jkun ħieles li jkollu familja u jnissel u jrabbi l-ulied bl-użu responsabbli tas-sesswalità tiegħu. F’ċertu sens, il-bidu u s-sintesi ta’ dawn id-drittijiet hija libertà reliġjuża li għandha tiftiehem bħala dritt li tgħix “bil-verità l-fidi tiegħek u fi qbil ma’ l-identità tiegħek bħala persuna”[97].

F’pajjiż b’sistema demokratiku wkoll dawn id-drittijiet m’humiex dejjem rispettati għal kollox. Hawn irrid insemmi mhux biss l-iskandlu ta’ l-abort imma wkoll l-aspetti diversi ta’ kriżi fl-istess sistemi demokratiċi, li xi kultant jidhru qishom tilfu l-ħila li jieħdu deċiżjonijiet favur il-ġid ta’ kulħadd. Xi talbiet li jsiru fi ħdan is-soċjetà xi kultant ma jiġux mistħarġa skond kriterji ta’ ġustizzja u ta’ moralità, imma aktar fuq bażi tas-saħħa elettorali jew finanzjarja tal-gruppi li jagħmluhom. Biż-żmien dan it-tgħawiġ fl-imġiba politika jwassal għan-nuqqas ta’ fiduċja u għall-apatija, u dan imbagħad iġib nuqqas ta’ parteċipazzjoni fil-politika u fl-ispirtu ċiviku tal-popolazzjoni in ġenerali, li tħoss ruħha abbużata u mqarqa. B’riżultat ta’ dan, dejjem aktar qiegħda tonqos il-ħila li wieħed iqis l-interesssi partikolari b’mod li jkunu jaqblu ma’ dak li jitlob il-ġid ta’ kulħadd. Dan ma jfissirx biss li għandhom jinġabru flimkien l-interessi kollha partikulari, imma jfisser għarfien u integrazzjoni ta’ dawn l-interessi partikulari kollha f’ordni xieraq ta’ valuri u, fl-aħħarnett, għarfien sħiħ ukoll tad-dinjità tal-persuna tal-bniedem[98].

Il-Knisja tirrispetta l-awtonomija leġittima ta’ l-ordni demokratiku u ma għandhiex dritt turi xi preferenza għal din jew dik is-soluzzjoni istituzzjonali jew kostituzzjonali. Il-kontribut tagħha fil-qasam politiku hu proprju l-fehma li għandha tad-dinjità tal-persuna tal-bniedem, li dehret fil-milja kollha tagħha fil-misteru tal-verb magħmul bniedem[99].

  1. Dawn l-osservazzjonijiet ġenerali jgħoddu wkoll għas-sehem tal-Istat fis-settur ekonomiku. Il-ħidma ekonomika, speċjalment l-attività tal-ekonomija tas-suq ma titmexxiex f’vojt istituzzjonali, ġuridiku u politiku: għall-kuntrarju tissopponi garanziji żguri ta’ libertà individwali u ta’ proprjetà privata, ta’ politika monetarja soda u servizzi pubbliċi effiċjenti. Għalhekk il-ħidma ewlenija tal-Istat hi li tiggarantixxi din is-sigurtà biex dawk li jaħdmu u jipproduċu ikunu jistgħu jgawdu l-frott tax-xogħol tagħhom u jħossu li huma mħeġġin jaħdmu b’mod effettiv u onest. In-nuqqas ta’ stabilità flimkien mal-korruzzjoni tal-uffiċjali pubbliċi, u t-tixrid ta’ mezzi mhux xierqa li bihom wieħed jistagħna malajr u jikseb profitti kbar bla taħbit u malajr minn attivijiet illegali jew kollha kemm huma spekulattivi, huma ostakoli mill-aqwa għall-iżvilupp ta’ l-ordni ekonomiku.

Dmir ieħor tal-Istat huwa li jgħasses fuq id-drittijiet tal-bniedem fis-settur ekonomiku biex jara li huma mħarsin tajjeb. Iżda r-responsabbilità ewlenija f’dan is-settur m’hijiex tal-Istat, imma tal-individwi, u tal-ħafna gruppi u istituzzjonijiet li jiffurmaw is-soċjetà. L-Isat ma jistax jiżgura direttament id-dritt għax-xogħol liċ-ċittadini kollha jekk ma jikkontrollax l-aspetti kollha tal-ħajja ekonomika u ma jirrestrinġix l-inizjattivi ħielsa tal-individwi. Iżda dan ma jfissirx li l-Istat m’huwiex kompetenti f’dan, kif jippretendu dawk li jargumentaw kontra r-regolamenti fis-settur ekonomiku; anzi l-istat hu fid-dmir li jgħin l-attivitajiet tal-intrapriżi billi joħloq kondizzjonijiet li jiżguraw opportunitajiet ta’ mpiegi, billi jqanqal attivitajiet fejn huma neqsin, u jgħinhom meta huma f’xi kriżi.

L-Istat għandu wkoll id-dritt li jindaħal meta xi monopolji qegħdin iżommu lura jew ifixklu l-iżvillup. Barra d-dmir li jarmonizza u jmexxi l-iżvilupp, l-Istat, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jista’ jieħu funzjoni sostitutiva, meta xi settur soċjali jew is-sistemi tal-intrapriża huma hekk dgħajfa jew għadhom qegħdin jibdew, u għalhekk m’humiex kapaċi jagħmlu x-xogħol li jrid isir. Dan l-indħil sostitutiv, li hu ġustifikat minn raġunijiet urġenti li jolqtu l-ġid ta’ kulħadd, irid ikun qasir kemm jista’ jkun, biex ma jasalx li jneħħi għal kollox mis-soċjetà u mis-sistemi tal-intrapriżi l-ħidma li hi proprju tagħhom u kabbar iżżejjed lis-setturi ta’ l-indħil ta’ l-Istat, bi ħsara kemm tal-libertà ekonomika u kemm tal-libertà ċivili.

F’dawn l-aħħar snin kien hemm indħil aktar wiesgħa f’dawn is-setturi li wasal biex joħloq Stat ta’ sura oħra: il-“Welfare State”. Dan ġara f’xi pajjiżi biex ikun hemm tweġiba aħjar għall-ħafna ħtiġijiet u talbiet biex jinsab rimedju għal suriet ta’ faqar u ta’ tiġrib li ma jixirqux lill-bniedem. Iżda xi eseġerazzjonijiet u xi abbużi dan l-aħħar wasslu għall-kritika mill-aktar ħarxa tal-“Welfare State”, li nistgħu nsejħulu “Stat ta’ assistenza soċjali”. It-tħaddim ħażin u n-nuqqasijiet ta’ Stat bħal dan ġejjin minn fehma mhux sħiħa ta’ x’inhuma d-dmirijiet proprji tal-Istat. Hawn ukoll jidħol il-prinċipju tas-sussidjarjetà, jiġifieri tal-Istat. Hawn ukoll jidħol il-prinċipju tas-sussidjarjetà, jiġifieri komunità ta’ grad aktar għoli ma għandhiex tindaħal fil-ħajja interna tal-komunità ta’ grad inqas, u ċċaħħadha mill-funzjonijiet tagħha, imma, minflok, għandha tieqaf magħha f’kas ta’ ħtieġa u tgħinna tikoordina l-ħidma tagħha ma’ l-attivitajiet tas-setturi l-oħra tas-soċjetà, dejjem bil-għan li jintlaħaq il-ġid ta’ kulħadd[100].

Stat ta’ assistenza soċjail, meta jindaħal direttament u jċaħħad xi soċjetà mir-responsabbiltajiet tagħha, iwassal għat-telfien ta’ ħafna enerġija umani u għat-tkattir esaġerat ta’ aġenziji pubbliċi maħkumin aktar minn fehmiet ta’ burokrazija milli minn ħsibijiet ta’ għajnuna lin-nies li jeħtieġuha, b’żidiet kbar ta’ spejjes. Fil-fatt, milli jidher, xi ħtiġijiet l-aħjar li jifmuhom u jagħmlu tajjeb għalihom huma n-nies li huma aktar qrib lejhom u jġibu ruħhom ta’ ġirien ma’ dawk li huma fil-bżonn. Ta’ min iżid igħid li xi suriet ta’ talbiet spiss ikunu jridu tweġiba li ma tkunx materjali biss, imma tkun tweġiba li tagħraf x’inhuma l-ħtiġijiet aktar fondamentali tal-bniedem. Hawn wieħed jibda jaħseb fuq il-qagħda tar-refuġjati, tal-emigranti, ta’ l-anzjani, tal-morda, u ta’ dawk kollha li jinsabu f’ċirkostanzi li jeħtieġu għajnuna, bħalma huma d-drogati: dawn in-nies kollha jista’ jkollhom għajnuna effettiva biss mingħand dawk li barra l-kura meħtieġa għall-fejqan, jgħinuhom bħala huthom.

  1. Il-Knisja, b’fedeltà sħiħa għall-missjoni li rċeviet mill-Fundatur tagħha, Ġesú Kristu, dejjem fittxet, bl-opri tagħha, tgħin lil min hu fil-bżonn, mingħajr ma tumiljah u lanqas tagħmlu biss oġġett ta’ għajnuna, imma tgħinu jeħles mill-qagħda miżera tiegħu billi ġġiblu ‘l quddiem id-dinjità tiegħu bħala persuna. B’radd ta’ ħajr mill-qalb lil Alla, irrid ngħid li fil-knisja qatt ma kien hemm nuqqas ta’ attività karitattiva, anzi din l-attività qegħda tidher dejjem aktar tiżdied f’ħafna suriet, u din hi ħaġa tassew ta’ faraġ. Hawn ta’ min isemmi b’mod speċjali l-volontarjat li l-Knisja tiffavorixxi u ġġib ‘il quddiem billi tħeġġeġ lil kulħadd ħa jagħti sehmu biex jissaħħu u jitqawwew l-inizjattivi tiegħu.

Biex tintrebaħ il-mentalità individwalistika li hi tant imxerrda llum, hu meħtieġ impenn bil-fatt għas-solidarjetà u l-imħabba, ibda mill-familja, bl-għajuna għal xulxin tar-raġel u l-mara u l-ħsieb li jieħdu ta’ xulxin il-ġenerazzjonijiet kollha li jkollha fi ħdanha. F’dan is-sens, il-familja wkoll nistgħu nsejħulha komunità ta’ xogħol u ta’ solidarjetà. Iżda jista’ jiġri li l-familja, meta tagħżel li tgħix b’mod sħiħ il-vokazzjoni tagħha, ssib li ma għandhiex l-għajnuna li teħtieġ mill-Istat u għalhekk ma għandhiex riżorsi biżżejjed. Jeħtieġ għalhekk mhux biss li tiġi malajr ‘il quddiem politika soċjali tal-familja, imma wkoll li jiġu ‘l quddiem dawk is-sistemi soċjali li għandhom bħala għan ewlieni il-familja, biex igħinuha billi jipprovdulha riżorsi biżżejjed u mezzi ta’ għajnuna effiċjenti kemm għall-edukazzjoni ta’ l-ulied u kemm għall-kura ta’ l-anzjani biex dawn ma jitbegħdux minn ħdan il-familja tagħhom u hekk jissaħħu r-relazzjonijiet kollha fi ħdanha[101]. Barra mill-familja hemm soċjetajiet oħra intermedji li għandhom funzjoni primarja u jagħtu ħajja lil nisġiet speċifiċi ta’ soledarjetà. Dawn imbagħad isiru komunitajiet veri ta’ persuni li jsaħħu l-qafas soċjali, u ma jħallux is-soċjetà ssir folla ta’ nies fejn ħadd ma jaf ‘il xulxin u ħadd ma jimpurtaħ minn ħadd, kif diżgrazzjatament qiegħed jiġri fis-soċjetà ta’ llum. Hu fir-relazzjonijiet tal-bnedmin ma’ xulxin, fuq ħafna livelli, li l-bniedem igħix u tissaħħaħ “is-soġġettività tas-soċjetà”, għax tkun aktar “personalizzata”. Il-bniedem illum spiss isib ruħu magħfus minn żewġ naħat, l-Istat min-naħa u s-suq mill-oħra. Xi kultant il-bniedem jitqies biss bħala produttur jew konsumatur, jew bħala xi ħaġa li jamministra l-Istat u lanqas is-suq, għaliex il-ħajja fiha nfisha għandha valur singulari li jrid jiġi moqdi kemm mill-Istat u kemm mis-suq. Il-bniedem jibqa’ dejjem u fuq kollox dak li jfittex il-verità u jgħixha, u jifhimha dejjem aktar bi djalogu li jimpenja l-ġenerazzjonijiet tal-imgħoddi u tal-ġejjieni[102].

  1. Minn din it-tfittxija miftuħa tal-verità, li tiġġedded f’kull ġenerazzjoni, il-kultura ta’ nazzjon tikseb il-karattru tagħha. Iż-żgħażagħ dejjem jisfidaw il-wirt tal-valuri li nirċievu u ngħaddu lill-oħrajn; iżda dan ma jfissirx bilfors li ż-żgħażagħ iridu jeqirdu jew jiċħdu dawn il-valuri, imma dan hu, fuq kollox, sforz miż-żgħażagħ biex dawn il-valuri jippruvawhom f’ħajjithom stess; proprju b’dan il-mod, jagħmluhom aktar ħajjin għalihom, aktar veri, aktar rilevanti, u aktar personali, f’għażla ta’ l-elementi validi tat-tradizzjoni minn dawk qarrieqa u żbaljati jew spiċċa żmienhom, u flokhom jista’ jkun hemm elementi oħra aktar adatti għaż-żminijiet.

Hawnhekk tajjeb li wieħed jiftakar illi l-evanġelizzazzjoni wkoll tidħol fil-kultura tan-nazzjonijiet u twettaqha fil-mixi tagħha lejn il-verità u tgħinna fil-ħidma tagħha biex tissaffa u tistagħna[103]. Iżda meta kultura tingħalaq fiha nfisha u tfittex iżżomm suriet ta’ ħajja li għadda żmienhom, għax ma tkunx trid bdil ta’ fehmiet u diskussjoni dwar il-verità tal-bniedem, tinxef u tibda t-triq tan-niżla.

  1. Kull ħidma tal-bniedem issir fi ħdan kultura u f’relazzjoni magħha. Biex tissawwar kultura xierqa, il-bniedem kollu kemm hu jrid jimpenja ruħu, u jħaddem il-kreattività, l-intelliġenza u l-għerf tiegħu kollu dwar id-dinja u l-bniedem. Barra dan irid juża l-ħila kollha tiegħu biex irażżan lilu nnifsu, biex jagħmel sagrifiċċji personali, biex juri solidarjetà u li hu dejjem lest biex iġib ‘il quddiem il-ġid ta’ kulħadd. Għalhekk, l-ewwel u l-aqwa ħidma sseħħ. Imbagħad il-mod kif il-bniedem jimpenja ruħu fil-bini tal-ġejjieni tiegħu jiddependi minn kif jifhem lilu nnifsu u d-destin tiegħu. Hu f’dan il-livell li jinsab is-sehem speċifiku u deċisiv tal-Knisja favur kultura vera. Il-Knisja ġġib ‘il quddiem dawk l-aspetti tal-imġieba tal-bniedem li huma favur il-kultura u l-paċi, u twarrab dawk is-suriet li fihom il-bniedem jintilef fil-folla, fejn l-inizjattivi u l-libertà tiegħu jiġu traskurati, u fejn il-kobor tiegħu jitqies mill-ħila tiegħu fis-sengħa tal-ġlied u tal-gwerra. Il-Knisja taqdi l-bniedem billi xxandar il-verità dwar il-ħolqien tad-dinja, li Alla ried jafda f’idejn il-bnedmin biex jagħmluha aktar għammiela u perfetta bil-ħidma tagħhom; u billi xxandar il-verità dwar il-Fidwa li biha l-Iben ta’ Alla salva l-bniedem u, fl-istess ħin, għaqqad flimkien il-popli kollha u għamilhom responsabbli għal xulxin. L-Iskrittura Mqaddsa kontinwament tkellimna dwar impenn attiv favur għajrna, u titlob minna sehem fir-responsabbilità għall-familji kollha tal-bnedmin.

Dan id-dmir m’huwiex biss lejn il-familja, lejn in-nazzjon jew lejn l-Istat, imma, bil-mod il-mod, iħaddan il-bnedmin kollha, għaliex ħadd ma jista’ jqis lilu nnifsu barrani għall-membri l-oħra tal-familja kollha tal-bnedmin, jew ma jkunx jimpurtaħ minnhom. Ħadd ma jista’ jgħid li m’huwiex responsabbli ta’ ħuħ (ara Ġw: 4, 9; Lq: 10,29-37; Mt:25, 31-46)! Tħassib ħerqan u attent għall-ħtiġijiet tal-proxxmu – ħaġa ħafifa llum meta l-mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni soċjali ressqu l-bnedmin lejn xulxin – hu important ħafna speċjalment meta rridu naraw kif se nsibu tarf ta’ xi konflitt internazzjonali mingħajr ma jkun hemm gwerra. Meta tara x’qawwa tal-biża’ għandhom il-mezzi tal-qerda, mezzi li l-pajjiżi żgħar, jew ftit jew wisq żgħar, jista’ faċilment jkollhom, u meta tara x’rabtiet, dejjem aktar jikbru, hemm bejn il-popli tad-dinja, tifhem li hi ħaġa tassew tqila jew ħaġa li ma tistax tkun, tillimita l-effetti ta’ konflitt.

  1. Il-Papa Beneditt XV, u l-Papiet li ġew warajh, fehmu sewwa dan il-periklu[104]. Jiena stess dan l-aħħar, fl-okkażjoni traġika tal-gwerra tal-Golf Għarbi, tennejt l-għajta: “qatt iżjed gwerer!” Le, qatt iżjed gwerer li jeqirdu l-ħajja tan-nies bla ħtija, jgħallmu kif toqtol, jaqilbu ta’ taħt fuq il-ħajja stess tal-qattiela, iħallu warajhom ħafna mibgħeda u xewqat ta’ tpattija, u hekk jagħmlu ħafna aktar iebsa t-triq għas-soluzzjoni ġusta tal-problemi li jkunu taw bidu għall-gwerra! Kif fl-aħħar ġie ż-żmien li f’kull Stat twarrbet is-sistema tal-vendetta u tat-tpattija privata u f’lokha daħlet ir-regola tal-liġi, hekk ukoll wasal iż-żmien li minnufih jkun hemm l-istess progress fil-komunità internazzjonali. Iżda ma għandniex ninsew li ġeneralment gwerra tibda għall-raġunijiet serji u veri: inġustizzji mġarrbin, nies b’tamiet leġittimi mqarrqa, faqar u sfruttament ta’ nies iddisprati li bl-ebda mod ma jistgħu jtejbu u jġibu ‘l quddiem il-qagħda tagħhom b’mezzi paċifiċi.

Isem ieħor għall-paċi hu għalhekk il-progress u l-iżvilupp[105]. Kif il-bnedmin kollha huma responsabbli li jevitaw l-gwerrer (responsabbiltà kollettiva), hekk ukoll il-bnedmin kollha flimkien huma responsabbli biex l-iżvilupp u l-progress jiġu ‘l quddiem. Kif fi ħdan nazzjon tista’ tiġi, u hi ħaġa sewwa li tiġi, organizzata ekonomija soda, b’mod li s-suq jitmexxa għall-ġid ta’ kulħadd, hekk ukoll l-istess ħaġa tista’ ssir f’livell internazzjonali. Għalhekk jeħtieġ sforz kbir biex il-bnedmin jifhmu ‘l xulxin u jsiru jafu l’xulxin u jħossu fil-kuxjenza tagħhom il-ħtieġa ta’ dan. Din hi l-kultura li nittama li ġġib ‘il quddiem fiduċja fil-qawwa ta’ bniedem u għalhekk fiduċja fil-ħila tiegħu li jtejjeb il-qagħda tiegħu bix-xogħol li jagħmel jew bil-kontribut pożittiv li jagħti għall-ġid tal-ekonomija. Iżda biex dan iseħħ, il-fqir – individwu jew nazzjon – irid ikollu opportunitajiet li jista’ jidħol għalihom. Biex ikun hemm dawn il-kondizzjonijiet meħtieġ sforz kbir mid-dinja kollha biex l-iżvilupp jimxi ‘l quddiem, sforz li jitlob ukoll li jiġu mwarbin xi suriet ta’ qligħ u ta’ setgħa, li bihom marret tajjeb l-ekonomija tal-pajjiżi l-aktar żviluppati[106].

Dan jista’ jġib tibdil important fis-suriet ta’ ħajja li ġa daħlu sewwa, biex ma jkomplux jinħlew ir-riżorsi tal-ambjent u l-kapaċitajiet tal-bnedmin, ħalli kull bniedem u l-popli kollha tad-dinja ikollhom sehem xieraq f’dawn ir-riżorsi. Ma’ dan irridu nżidu l-għarfien tas-siwi tax-xogħol u tal-kultura ta’ dawk il-popli li llum huma emarġinati, biex hekk tkun tista’ tistagħna l-familja kollha tan-nazzjonijiet.

 

 

KAP VI

IL-BNIEDEM HU T-TRIQ TAL-KNISJA

  1. Quddiem il-faqar tal-proletarjat, il-Papa Ljun XIII kiteb: “B’fiduċja kbira irrid nitkellem dwar argument li fuqu nħoss li għandi d-dritt kollu li nitkellem…għax jekk ma nitkellimx, inħoss li bis-skiet tiegħi nkun qiegħed nonqos”[107]. Tul dawn l-aħħar mitt sena, il-Knisja spiss tenniet il-ħsieb tagħha waqt li segwiet mill-qrib l-iżvilupp dejjem sejjer tal-kwistjoni soċjali. Dan żgur ma għamlitux biex tikseb mill-ġdid xi privileġġi li kellha jew biex timponi fuq id-dinja l-fehma tagħha. L-iskop wieħed tal-Knisja kien l-kura u r-responsabbilità tal-bniedem fdat lilha minn Kristu stess, għax dan il-bniedem, kif fakkar il-Konċilju Vatikan II, hu l-ħliqa waħdanija li Alla ried għalih innifsu u li għalih kellu pjan, jiġifieri li jkollu sehem fis-salvazzjoni ta’ dejjem. M’inhix nitkellem fuq il-bniedem b’mod “astratt”, imma fuq il-bniedem “konkret”, “storiku”: dwar kull bniedem għax kull bniedem hu mħaddan mill-misteru tal-Fidwa, u permezz ta’ dan il-misteru Kristu ngħaqad ma’ kull bniedem għal dejjem[108]. Minn dan jiġi li l-Knisja ma tistax titlaq il-bniedem waħdu, u li l-bniedem hu t-triq ewlenija li minnha trid tgħaddi l-Knisja, hija u taqdi l-missjoni tagħha…triq li Kristu stess fetaħ u minnha jgħaddi dejjem bil-misteru tal-Inkarnazzjoni u l-Fidwa”[109].

Dan, u dan biss huwa l-ħsieb li jmexxi d-duttrina soċjali tal-Knisja. Il-Knisja, jekk żviluppat bil-mod il-mod u b’mod sistematiku din id-duttrina tagħha, l-aktar minn wara s-sena li qegħdin infakkru, dan għamlitu għaliex l-għana kollu tat-tagħlim tal-Knisja hu konċentrat kollu kemm hu fuq il-bniedem, fil-verità kollha tiegħu ta’ ġust u midneb.

  1. Illum id-duttrina tal-Knisja tħares l-aktar lejn il-bniedem kif jinsab fin-nisġa tar-relazzjonijiet komplessi tas-soċjetà ta’ llum. Ix-xjenzi dwar il-bniedem u l-filosofija jgħinu biex ifissru l-post ċentrali li għandu l-bniedem fis-soċjetà u biex igħinuh jifhem aħjar lilu nnifsu bħala “esseri soċjali”. Iżda l-identità vera tal-bniedem turi ruħha dak li hi kollha kemm hi, biss bil-fidi, u huwa proprju mill-fidi li tibda d-duttrina soċjali tal-Knisja. Waqt li tagħmel użu minn dak kollu li jagħtu x-xjenzi u l-filosofija, l-għan tal-Knisja hu li tgħin il-bniedem fit-triq tas-salvazzjoni.

L-enċiklika Rerum novarum tista’ tinqara bħala kontribut mill-aqwa għall-analiżi soċjo-ekonomika tad-dinja fi tmiem is-seklu XIX, iżda l-valur speċifiku tagħha jiġi mill-fatt li hi dokument tal-Maġisteru, u hi parti mill-missjoni evanġelizzatriċi tal-Knisja flimkien ma’ ħafna dokumenti oħra tal-Knisja, tal-istess natura. Minn dan naraw li t-tagħlim soċjali tal-Knisja hu fih innifsu strument tajjeb ta’ evanġelizzazzjoni: bħala dan, ixandar ‘l Alla u l-misteru tiegħu ta’ salvazzjoni fi Kristu lill-bnedmin kollha, u proprju għalhekk, juri l-bniedem lilu nnifsu. Fid-dawl ta’ dan, u biss f’dan id-dawl, il-Knisja tinteressa ruħha fil-bqija: fid-drittijiet tal-bniedem, ta’ kull bniedem u b’mod partikulari, tal-proletarjat, fil-familja u fl-edukazzjoni, fid-dmirjiet tal-Istat, fl-organizzazzjoni tas-soċjetà nazzjonali u internazzjonali, fil-ħajja ekonomika, fil-gwerer u l-paċi, u fir-rispett għall-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħna fil-ġuf sal-mewt.

  1. Il-Knisja saret taf “x’inhu l-bniedem” mir-Rivelazzjoni. “Biex tkun taf il-bniedem, il-bniedem veru, il-bniedem fis-sbuħija kollha tiegħu, trid tkun taf ‘l Alla”, qal il-Papa Pawlu VI, u kompla jgħid, billi iċċita lil Santa Katerina ta’ Siena li, f’talba tagħha, ħarġet bl-istess fehma: “Fin-natura tiegħek, o Alla ta’ dejjem, jiena nagħraf in-natura tiegħi stess.”[110].

L-antropoloġija nisranija hi fil-fatt kapitlu tat-teoloġija u għalhekk id-duttrina soċjali tal-Knisja minħabba t-tħassib tagħha għall-bniedem u minħabba l-interess tagħha fil-bniedem u fl-imġiba tiegħu fid-dinja, hi “parti…mill-qasam tat-teoloġija, u, b’mod partikulari, tat-teoloġija morali”[111]. Id-dimensjoni teoloġika hi meħtieġa kemm biex tfisser u kemm biex tħoll il-problemi ta’ llum fis-soċjetà tal-bniedem. Ta’ min igħid li dan hu minnu u ma jaqbilx la mas-soluzzjoni “atea” li ċċaħħad il-bniedem minn waħda mid-dimensjonijiet fondamentali tiegħu, id-dimensjoni spiritwali; u lanqas taqbel mas-soluzzjonijiet permissivi u konsumistiċi li, b’ħafna skużi, jridu jikkonvinċu ’l bniedem li hu m’huwiex marbut bl-ebda liġi u hu ħieles minn Alla stess, u hekk igħalquh f’egoiżmu li jispiċċa biex ikun ta’ ħsara għalih u għall-oħrajn.

Meta l-Knisja xxandar is-salvazzjoni ta’ Alla lill-bniedem, meta toffrilu u tagħtih il-ħajja ta’ Alla bis-sagramenti, meta tagħtih direzzjoni għall-ħajtu bil-kmandamenti tal-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu, hi tkun tagħnilu d-dinjità tiegħu. U kif il-Knisja qatt ma tista’ twarrab il-missjoni reliġjuża u traxxendentali tagħha favur il-bniedem, hekk tagħraf li llum il-ħidma tagħha qiegħda tiltaqa’ ma’ diffikultajiet u tfixkil. Għalhekk qiegħda timpenja ruħha b’enerġija ġdida u b’metodi dejjem aktar ġodda fl-evanġelizzazzjoni biex ġġib ‘il quddiem il-bniedem kollu kemm hu. Lejlet it-tielet elf sena wara Kristu l-Knisja tibqa’ “sinjal u ħarsien tat-traxxendenza tal-persuna tal-bniedem”[112], kif dejjem fittxet li tkun sa mill-bidu tal-eżistenza tagħha, fil-mixi tagħha mal-bniedem fil-ġrajja tad-dinja. L-enċiklika Rerum novarum hi prova mill-aqwa ta’ dan.

  1. F’għeluq il-mitt sena tar-Rerum novarum irrid inrodd ħajr lil dawk kollha li ddedikaw ruħhom għall-istudju, għat-tifsir, u għall-għarfien dejjem aħjar tat-tagħlim soċjali tal-Knisja. Biex jintlaħaq dan il-għan il-kollaborazzjoni tal-knejjes lokali ma nistgħux ngħaddu mingħajrha, u nittama li dan l-anniversarju iqanqal mill-ġdid ħeġġa għall-istudju, għax-xandir u għall-applikazzjoni ta’ dan it-tagħlim f’ħafna setturi.

B’mod partikulari nixtieq li dan it-tagħlim ikun magħruf u jiġi applikat f’dawk il-pajjiżi li, wara l-waqgħa tas-“soċjaliżmu reali” huma mġarrbin minn nuqqas serju ta’ direzzjoni fil-ħidma għall-bini mill-ġdid tagħhom. Il-pajjiżi tal-punent, min-naħa l-oħra, jinsabu fil periklu li jqisu din il-waqgħa bħala rebħa tas-sistema ekonomiku tagħhom, u mhux qegħdin għalhekk jaħsbu biex jagħmlu l-korrezzjonijiet meħtieġa fis-sistema ekonomiku tagħhom. Sadattant, il-pajjiżi tat-Tielet Dinja qegħdin dejjem aktar ibatu b’nuqqas ta’ żvilupp li qiegħed, minn jum għall-ieħor, isir dejjem aktar traġiku.

Wara li fassal il-prinċipji u d-direttivi għas-soluzzjoni tal-kwistjoni tal-ħaddiema, il-Papa Ljun XIII, għamel dikjarazzjoni deċisiva: “Kull wieħed għandu jmidd idu għax-xogħol li jmissu jagħmel, bla ebda tnikkir, għaliex aktar ma jkun hemm dewmien, aktar isir diffiċli l-fejqan minn deni li ġa hu serju ħafna.* Żied igħid ukoll: “Is-sehem tal-Knisja ma hu se jonqos qatt.”[113].

  1. Għall-Knisja, il-messaġġ soċjali tal-Evanġelju ma għandux jitqies li hu xi teorija, imma hu, fuq kollox, pediment u motiv ta’ ħidma. Imqanqlin minn dan il-messaġġ, xi wħud mill-ewwel insara qassmu ġidhom lill-foqra u hekk taw xhieda lin-nies, ġejjin minn ambjent soċjali differenti, setgħu jgħixu flimkien fis-sliem u s-solidarjetà. Bil-qawwa tal-Evanġelju, tul iż-żminijiet, l-irħieb ħadmu l-art; reliġjużi rġiel u nisa fetħu sptarijiet u djar ta’ kemm għall-foqra; il-fratellanzi u rġiel u nisa individwali ta’ kull kondizzjoni soċjali mpenjaw ruħhom ħa jgħinu l-foqra u l-imwarrbin, konvinti li kliem Kristu: “Kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25, 40) ma kellux ikun biss xewqa tajba, imma kellu jkun impenn għall-ħajja fil-fatt.

Illum aktar minn qabel, il-Knisja tħoss li l-messaġġ soċjali tagħha jitwemmen aktar jekk ikun hemm ix-xhieda tal-ħidma milli mill-fatt biss li hu messaġġ li jaqbel mar-raġuni. Għaliex tħoss dan, il-Knisja tasal ukoll għall-għażla preferenzjali favur il-foqra, bla ma twarrab gruppi oħra jew tiddiskrimina kontrihom. Fl-aħħar mill-aħħar, din l-għażla m’hijiex biss għażla favur dawk biss li qegħdin iġarrbu faqar materjali, għaliex hu magħruf biżżejjed li hemm ħafna suriet oħra ta’ faqar fis-soċjetà ta’ llum – faqar mhux biss ekonomiku, imma wkoll faqar kulturali u spiritwali. L-imħabba tal-Knisja għall-foqra, li mingħajrha l-Knisja ma tistax tgħaddi u li hi parti mit-tradizzjoni tagħha ta’ dejjem, iġġiegħelha tħares b’attenzjoni kbira lejn dinja, fejn il-faqar qiegħed jhedded li jikber fuq li jikber u jsir xi ħaġa tassew tal-biża, minkejja l-progress tekniku-ekonomiku li hemm. Fil-pajjiżi tal-punent qegħdin iġarrbu suriet differenti ta’ faqar l-emarġinati, l-anzjani u l-morda, il-vittmi tal-konsumiżmu, u, aktar u aktar, ir-rifuġjati u l-emigranti. Fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw qegħdin jidhru fuq ix-xefaq kriżijiet tal-biża, jekk ma jittieħdux passi f’livell internazzjonali qabel ma jkun tard wisq.

  1. L-imħabba għall-bniedem u, l-ewwelnett, għall-foqra, li fihom il-Knisja tara lil Kristu stess, tidher fil-fatt bit-tħabrik ħa tiġi ‘l quddiem il-ġustizzja. Iżda l-ġustizzja qatt ma tinkiseb għal kollox jekk il-bnedmin, fil-fqir li qiegħed jitlob l-għajnuna għall-għajxien tiegħu, jaraw biss sikkatura u piż, u mhux l-okkażjoni għalihom biex jagħmlu l-ġid u jistagħnu bih. Biss meta wieħed jintebaħ b’dan, ikollu l-kuraġġ jidħol għar-riskju u għall-bidla li trid issir fih, biex jagħmel sforz ħa jgħin lil ħaddieħor. Għaliex dan ma jfissirx biss li tagħti miż-żejjed tiegħek, imma li tgħin popli sħaħ. Li llum huma mwarrbin u emarġinati, biex ma jiġux miżmuma milli jkollhom sehem fil-progress ekonomiku u uman. Dan iseħħ mhux biss billi jintuża il-ħafna żejjed li d-dinja qiegħda tipproduċi b’mod tassew abbondanti, imma billi l-ewwelnett ikun hemm bidla fl-istil tal-ħajja, fil-mod kif issir il-produzzjoni u kif jiġi użat dak li jkun prodott, u fl-istrutturi qawwija tal-poter, li llum qegħdin imexxu s-soċjetà. Dan ma jfissirx li għandhom jinqerdu l-istrumenti tal-organizzazzjoni soċjali li wrew sa llum is-siwi tagħhom, imma li jiġu orjentati skond fehma sħiħa tal-ġid ta’ kulħadd fi ħdan il-familja kollha tal-bnedmin. Illum qiegħda isseħħ “amministrazzjoni mondjali tal-ekonomija”, li m’hijiex ta’ min iwarrabha għaliex tista’ toħloq opportunitajiet mhux tas-soltu għall-prosperità aqwa. Iżda dejjem aktar qiegħda tinħass il-ħtieġa li, flimkien ma’ internazzjonalizzazzjoni tal-ekonomija, ikun hemm ukoll aġenziji internazzjonali effettivi, kapaċi jikkontrollaw, imexxu u jindirizzaw l-ekonomija għall-ġid ta’ kulħadd: ħaġa li Stat wieħed, ukoll l-aktar setgħan, qatt ma jista’ jagħmel. Biex dan iseħħ, irid ikun hemm ftehim bejn il-pajjiżi l-kbar kollha, u fl-orġanizzazzjonijiet internazzjonali l-interessi tal-familja kollha, tal-bnedmin ikun rappreżentati ndaqs. Jeħtieġ ukoll li dawn, huma u jaraw is-siwi tad-deċiżjonijiet taħhom, iqisu wkoll sewwa l-qagħda ta’ dawk il-popli u pajjiżi li ftit għandhom piż fis-suq internazzjonali, waqt li huma mgħobbijin bi ħtiġijiet kbar u tal-biża’, u għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, jeħtieġu għajnuna akbar għall-iżvilupp tagħhom. Żgur li għad hemm ħafna x’isir f’dan il-qasam.
  2. Biex il-ġustizzja sseħħ, u jirnexxu l-isforzi tal-bnedmin biex isseħħ, hu meħtieġ id-don tal-grazzja li jiġi mingħand Alla. Bil-ħidma tal-grazzja, flimkien mal-libertà tal-bniedem, isseħħ dik il-preżenza misterjuża ta’ Alla fid-dinja li hi l-Provvidenza tiegħu.

L-esperjenza tat-tiġdid li tinkiseb fil-mixi wara Kristu, jeħtieġ li tasal għand il-bnedmin l-oħra, huma u jgħixu fil-fatt il-ħajja tagħhom ta’ kuljum fid-dinja, bid-diffikultajiet u t-tilwim, bil-problemi u l-isfidi tagħha, biex jiġu mdawwlin u jkunu jixirqu aktar lill-bniedem fid-dawl tal-fidi. Dan għaliex il-fidi mhux biss tgħin biex jinsabu soluzzjonijiet, imma tgħin ukoll biex ittaffi t-tbatijiet ħalli l-bniedem ma jinħonoqx bihom u ma jinsiex id-dinjità u l-vokazzjoni tiegħu.

Ghandha mbagħad importanza kbira d-duttrina soċjali tal-Knisja fir-relazzjoni tagħha max-xjenzi dwar il-bniedem. Il-verità dwar il-bniedem hi waħda, u biex din il-verità tidħol aħjar fil-ħajja soċjali, ekonomika u politika tal-bniedem, li hi ta’ ħafna suriet u dejjem tinbidel, irid ikun hemm djalogu dejjem sejjer bejn id-duttrina soċjali tal-Knisja u l-ħafna xjenzi li jistudjaw il-bniedem; b’hekk il-Knisja ddaħħal fid-duttrina soċjali tagħha dak li jagħtuha x-xjenzi tal-bniedem, u hi tgħinhom jinfetħu aktar għall-qadi ta’ kull bniedem billi jagħarfu u jħobbuħ fil-milja kollha tas-sejħa tiegħu. Flimkien mar-relazzjoni li d-duttrina soċjali tal-Knisja għandha max-xjenzi dwar il-bniedem, ta’ min ifakkar ukoll kemm hu ta’ siwi l-aspett prattiku u sperimentali ta’ din id-duttrina. Din id-duttrina ssib postha fejn il-ħajja u l-kuxjenza nirsranija jiltaqgħu mal-qagħda li fiha tkun tinsab id-dinja, u turi ruħha fl-isforzi li jsiru mill-individwi, mill-familji, min-nies tal-kultura u minn assistenti soċjali, minn politiċi u mexxejja tal-Istat, biex din id-duttrina tal-Knisja tiġi adattata u sseħħ fl-istorja tad-dinja.

  1. Huwa u jsemmi l-prinċipji li jridu jwasslu għas-soluzzjoni tal-kwistjoni tal-ħaddiema, il-Papa Ljun XIII kiteb: “Din il-problema hekk iebsa, biex jinsab tarf tiegħha, teħtieġ l-għajnuna u l-kooperazzjoni ta’ oħrajn”[114]. Kien żgur li l-problemi l-kbar li qanqlet is-soċjetà tal-industriji, setgħu jinħallu biss b’kollaborazzjoni bejn kulħadd. Din id-dikjarazzjoni saret parti għal dejjem tad-duttrina soċjali tal-Knisja, u dan juri, fost ħwejjeġ oħra, għaliex il-Papa Ġwanni XXIII indirizza l-enċiklika tiegħu dwar il-paċi wkoll “lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba.”

Iżda l-Papa Ljun XIII isogħobih jara li l-ideoloġiji ta’ żmienu, speċjalment il-liberaliżmu u l-marxiżmu, ma ridux din il-kollaborazzjoni. Sadattant, l-aktar f’dawn l-aħħar żminijiet, sar ħafna tibdil. Id-dinja ta’ llum dejjem aktar qiegħda tintebaħ li s-soluzzjoni tal-problemi kbar nazzjonali u internazzjonali ma tinsabx billi titqies biss il-produzzjoni ekonomika jew l-organizzazzjoni ġuridika jew soċjali biss, imma teħtieġ ukoll li jitqiesu valuri morali-reliġjużi preċiżi flimkien mat-tibdil fil-mentalità, fl-imgiba u fl-istrutturi. Il-Knisja, b’mod partikulari, tħoss li hi responsabbli li tagħti l-kontribut tagħha, u – kif ktibt fl-enċiklika Sollicitudo rei socialis – hemm tama sħiħa li għadd kbir ħafna ta’ nies li ma għandhomx reliġjon, jistgħu jagħtu sehemhom ħalli l-kwistjoni soċjali jkollha l-pedament morali meħtieġ[115].

Fl-istess enċiklika kont għamilt appell lill-Knejjes insara u lir-reliġjonijiet kbar kollha tad-dinja, u stedinthom jagħtu xhieda waħda flimkien tal-fehma l-istess li għandhom tad-dinjità tal-bniedem, maħluq minn Alla[116]. Jien żgur li r-reliġjonijiet, illum u għada, ikollhom influwenza kbira fil-ħarsien tal-paċi u fil-bini ta’ soċjetà li tkun tixraq lill-bniedem.

Fl-aħħar mill-aħħar, għandhom ikunu dejjem lesti jiddjalogaw u jaħdmu flimkien, il-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, u b’mod partikulari, dawk il-persuni u dawk il-gruppi li għandhom responsabbilitajiet speċifiċi fil-qasam politiku, ekonomiku u soċjali, sew f’livell nazzjonali u sew f’livell internazzjonali.

  1. Meta bdiet is-soċjetà industrijali, dak li wassal lill-Papa Ljun XIII jitkellem ha jiddefendi l-bniedem kien “il-piż qisu ta’ jasar” li kien jagħfas fuqu. Tul dawn l-aħħar mitt sena, il-Knijsa qatt ma naqset minn dan l-impenn! Tant li, fiż-żmien ta’ taħwid u ta’ taqlib wara l-Ewwel Gwerra Dinjija minħabba l-ġlieda bejn il-klassijiet, il-Knisja ndaħlet biex tiddefendi l-bniedem mill-isfruttament ekonomiku u mit-tirannija tas-sistemi totalitarji. Id-dinjità tal-persuna tal-bniedem kienet il-qofol tal-messaġġi soċjali tal-Knisja wara t-Tieni Gwerra Dinjija, u l-Knisja tenniet li l-ġid tad-dinja hu destinat għal kulħadd u li l-ordni soċjali għandu jkun ħieles minn kull moħqrija u mibni fuq spirtu ta’ kollaborazzjoni u solidarjetà. Imbagħad tenniet kontinwament li l-bniedem u s-soċjetà ma’ teħtiġux biss il-ġid tad-dinja, imma jeħtieġu wkoll valuri spiritwali u reliġjużi. Barra dan, dejjem aktar għarfet li ħafna bnedmin mhux qegħdin igħixu ħajja ta’ ġid bħal dik tal-pajjiżi tal-punent, imma fil-faqar tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u huma mgħobbijin “b’piż qisu ta’ jasar”; għalhekk ħasset u għadha tħoss id-dmir li tikkundanna b’mod ċar u ħieles din is-sitwazzjoni, għalkemm taf li din il-protesta tagħha mhux se tkun milqugħa dejjem minn kulħadd.

Mitt sena wara l-ħrug tar-Rerum novarum il-Knisja għad għandha quddiemha “ħwejjeġ ġodda” u sfidi ġodda. Dan iċ-ċentinarju għalhekk jwettaq fl-impenn tagħhom il-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, u b’mod speċjali, lil dawk kollha li jemmnu.

  1. B’din l-enċiklika jien ħarist lejn l-imgħoddi, imma biha ridt aktar inħares lejn il-ġejjieni. L-istess bħar-Rerum novarum, l-enċiklika tiegħi qiegħda fuq l-għatba ta’ seklu ġdid u trid tħejji għalih, bl-għajnuna ta’ Alla.

Il-“ħwejjeġ ġodda” jkunu tassew ġodda, u ġodda għal dejjem, bil-qawwa bla qies ta’ Alla, li jgħid; “Ara, se nġedded kollox!” (Apok 21, 5). Dan il-kliem hu dwar it-tmiem tal-istorja, meta Kristu “jerħi s-saltna f’idejn il-Missier…sabiex Alla jkun kollox f’kollox” (IKor 15, 24-28). Imma n-nisrani jaf li l-ħwejjeġ ġodda li qegħdin nistennew fil-milja tagħhom meta l-Mulej jerġa jiġi, ġa jinsabu hawn sa mill-ħolqien tad-dinja, jew, aħjar, sa minn meta Alla sar bniedem f’Ġesu Kristu, u fih u bih għamel “ħolqien ġdid” (2 Kor 5,17; Gal 6,15).

Nagħlaq din il-Kitba, billi nerġa nrodd ħajr lil Alla li jista’ kollox, li ta lill-Knisja tiegħu dawl u qawwa biex timxi mal-bniedem fid-dinja, huwa u mixi lejn id-destin ta’ dejjem tiegħu. Fit-tielet elf sena wkoll, il-Knisja tibqa’, bil-fedeltà kollha, tagħmel tagħha t-triq tal-bniedem, għax taf li m’hijiex waħedha f’din it-triq, imma mixja ma’ Kristu Sidna, li hu dak li għamel tiegħu t-triq tal-bniedem u jmexxih ukoll meta dan ma jkunx jintebaħ.

Marija, Omm il-Feddej, tibqa’ ħdejn Kristu fil-mixi tiegħu lejn il-bnedmin u magħhom, u timxi quddiem il-Knisja fil-mixja tal-fidi; jalla, bl-interċessjoni tagħha ta’ omm, timxi mal-fmilja kollha tal-bnedmin lejn it-tielet elf sena, b’fedeltà sħiħa lejn Dak “li kien, fl-imgħoddi, issa u għal dejjem” (Lh13, 8) Ġesú Kristu, Sidna: f’ismu jiena nberikhom ilkoll.

Minn Ruma, minn San Pietru, fl-1 ta’ Mejju – tifkira ta’ San Ġużepp Ħaddiem – tas-sena 1991, it-tlettax-il sena tal-pontifika.

Joannes Paulus pp II.

[1]. Ljun XIII, enċiklika Rerum novarum, 15 ta’ Mejju 1891

  1. Piju XI, enċiklika Quadragesimo anno, 15 ta’ Mejju 1931; Piju XII, messaġġ bir-radju fl-1 ta’ Ġunju 1941;

Ġwanni XXIII enċiklika Mater et Magistra tal-15 ta’ Mejju 1961; Pawlu VI, ittra appostolika Octogesimo

adveniens tal-14 ta’ Mejju 1871.

  1. Ara Piju XI, enċiklika Quadragesimo anno, III

  1. Enċiklika Laborem exercens tal-14 ta’ Settembru 1981; enċiklika Sollicitudo rei socialis tat-30 ta’ Diċembru

1987.

  1. San Irinew, Adversus haereses I, 10, I; III,4,I

[6]. Ljun XIII, enċiklika Rerum Novarum

[7]. Ara Ljun XIII, Epistola, Arcanum divinae sapientiae tal-10 ta’ Frar 1880; epistola Diuturnum illud tad-29 ta’ Ġunju 1881; enċiklika Libertas praestantissimum tal-20 ta’ Ġunju 1888, epistola Graves de communi tat-18ta’ Jannar 1901.

[8] . Enċiklika Rerum novarum

[9]. ibid

[10] ibid

[11]. Ara ibid id-deskrizzjoni tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-movimenti anti-nsara tal-ħaddiema.

[12] . ibid

[13] . ibid

[14] . ibid

[15] . Ara Enċiklika Laborem exercens, 1,2,6

[16] . Ata Enċiklika Rerum Novarum

[17] . Ara ibid

[18] . Ara ibid

[19] . Ara ibid

[20] . Ibid

[21] . Ara ibid

[22] . ibid

[23] . ibid

[24] . ibid

[25] . ibid

[26] . Ara Dikjarazzjoni universali tad-drittijiet tal-bniedem.

[27] . Ara enċiklika Rerum Novarum

[28]. Ara Ibid

[29] . Ibid

[30] . Ara Dukjarazzjoni universaqli tad-drittijiet tal-bniedem; Dikjarazzjoni dwar it-tneħħija ta’ kull xorta ta’

intolleranza u diskriminazzjoni minħabba reliġjon jew konvinzjoniiet.

[31] . Konċilju Vatikan II, Dikjarazzjoni dwar il-Libertá reliġjuża: Dignatatis humanae; Gwanni Pawlu II, Ittra lill-

Kapijiet tal-Istat tal-1 ta’ Settembru 1980; Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi, 1 ta’ Jannar 1988.

[32] . Ara l-Enċiklika Rerum novarum, 42

[33] . ibid

[34] . Ara l-enċiklika Sollicitudo rei socialis, 38-40; ukoll Ġwanni XXIII enċiklika Mater et Magistra.

[35] . Ara Ljun XIII enċiklika Rerum Novarum; Piju XI, enċiklika Quadragesimo anno; Pawlu VI, omelija egħluq is-Sena Mqaddsa 25 ta’ Diċembru 1975; Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi, 1 ta’ Jannar 1977.

[36] . Enċiklika Sollicitudo rei socialis

[37] . Ara enċiklika Rerum Novarum.

[38] . Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali dwar il-Knisja fid-dinja ta’ llum Gaudium et Spes, 24.

[39] . Enċiklika Rerum Novarum

[40] . Ara enċiklika Sollecitudo rei sociali, 15, 28.

[41] . Ara enċiklika Laborem exercens, 11-15

[42] . Piju XI, enċiklika Quadragesimo anno, III

[43] . Ara enċiklika Rerum novarum.

[44] . Ara enċiklika Laborem exercens, 20; Diskors lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol f’Ġinevra fil-15 ta’ Ġunju 1982; Pawlu VI, diskors lill-istess Organizzazzjoni fl-10 ta’ Ġunju 1969.

[45] . Ara enċiklika Laborem exercens, 8.

[46] . Ara Piju XI, enċiklika Quadragesimo anno, 14

[47] . Ara epistola Arcanum divinae sapientiae tal-10 ta’ Frar 1880, epistola Diunturnum illud tad-29 ta’ Ġunju

1881; epistola Immortale Dei tal-1 ta’ Novembru 1885; enċiklikaSapientiae cristianae tal-10 ta’ Jannar

1890; epistola Quod Apostolici muneris tal-28 ta’ Diċembru 1878, enċiklika Libertas

praestantissimum tal-20 ta’ Ġunju 1881

[48] . Ara Ljun XIII, enċiklika Libertas praestantissimum, 10.

[49] . Ara Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi 1980.

[50] . Ara enċiklika Sollicitudo rei socialis, 20.

[51] . Ġwanni XXIII, enċiklika Pacem in terries tal 11 ta’ April 1963, III.

[52] . Ara Dikjarazzjoni universali tad-drittijiet tal-bniedem li ħarġet fl-1948; Ġwanni XXIII, enċiklika Pacem in terris IV; l-“Aħħar Att” tal-Konferenza għall-kooperazzjoni u sigurtá fl-Ewropa, Helsinki, 1975.

[53] . Ara Pawlu VI, enċiklika Populorum progression tas-26 ta’ Marzu 1967, 61-65

[54] . Ara messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi 1980.

[55] . Ara Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali dwar il-Knisja fid-dinja ta’ llum, Gaudium et Spes, 36, 39.

[56] . Ara eżortazzjoni appostolika Christifideles laici tat-30 ta’ Diċembru 1988, 32-44.

[57] . Ara enċiklika Laborem exercens, 20

[58] . Ara Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-fidi, Istruzzjoni dwar il-Libertá nisranija u l-Liberazzjoni, Libertatis conscientia tat-22 ta’ Marzu 1986.

[59] . Ara diskors fil-Kwartier ġenerali tal-E.C.W.A. fl-okkażjoni tal-għaxar annivrsarju tal-“Appell favor is-Sahel” (Ouagadougou, Burkina Faso, 29 ta’ Jannar 1990).

[60] . Ara Ġwanni XXIII, enċiklika Pacem in terries, III.

[61] . Ara enċiklika Sollicitudo rei socialis, 27-28; Pawlu VI, enċiklika Popolarum progression, 43-44.

[62] . Ara enċiklika Sollicitudo rei socialis, 29-31.

[63] . Ara l-“Aħħar Att” ta’ Helsinki u l-ftehim ta’ Vienna; Ljun XIII, enċiklika Libertas praestantissimum, 5.

[64] . Ara enċiklika Redemptoris missio tas-7 ta’ Diċembru 1990, 7.

[65] . Ara enċiklika Rerun novarum.

[66] . ibid

[67] . Ara Piju XI enċiklika Quadragesimo anno II; Piju XII, messaġġ fuq ir-radju fl-1 ta’ Ġunju 1941; Ġwanni XXIII

enċiklika Mater et magistra; Pawlu VI enċiklika Populorum progressio, 22-24.

[68] . Konċilju Vatika II, Kostituzzjoni pastorali dwar il-Knisja fid-dinja ta’ llum, Gaudium et Spes, 69, 71.

[69]. Ara d-diskors lill-Isqfijiet tal-Amerika latina f’Puebla fl-1 ta’ Jannar 1979, III; enċiklika Laborem exercens, 14;

enċiklika Sollicitudo rei socialis, 42.

[70] . Ara enċiklikaSollicitudo rei socialis, 15.

[71] . ara enċiklika Laborem exercens, 21.

[72] . Ara Pawlu VI enċiklika Populorum progression, 33-47.

[73] . Ara enċiklika Laborem exercens, 7.

[74] . Ara ibid,8.

[75] . Ara Konċilju Vatika II, Kostituzzjonali pastorali dwar il-Knisja fid-dinja ta’ llum Gaudium et Spes, 35; Pawlu VI enċiklika Populorum progression, 19

[76] . Ara enċiklika Sollicitudo rei socialis, 34; messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi 1990.

[77] . Ara eżortazzjoni appostolika Reconciliatio et Paenitentia tat-2 ta’ Diċembru 1984, 16; Piju XI enċiklika

Quadragesimo anno III.

[78] . Enċiklika Sollicitudo rei socialis, 25.

[79] . Ara ibid, 34.

[80] . Ara enċiklika Redemptor hominis tal-4 ta’ Marzu 1979, 15.

[81] . Ara konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali dwar il-Knisja fid-dinja ta’ llum Gaudium et spes, 34.

[82] . Ara ibid, 41.

[83] . Ara ibid, 26.

[84] . Ara Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali dwar il-Knisja fid-dinja ta’ llum Gaudium et spes, 36. Pawlu

VI, epistola Octogesima adveniens, 2-5.

[85] . Ara enċiklika Laborem exercens, 15.

[86] . Ara ibid, 10.

[87] . Ara ibid, 14.

[88] . Ara ibid, 18.

[89] . Ara enċuklika Rerum novarum.

[90] . ibid.

[91] . Ara Ljun XIII enċiklika Libertas praestantissimum.

[92] . Ara Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali dwar il-Knisja fid-dinja ta’ llum Gaudium et Spes, 76.

[93] . Ara ibid 29; Piju XII, messaġġ fuq ir-radju għall-Milied, 24 ta’ Diċembru 1944.

[94] . Ara Konċilju Vatikan II, Dikjarazzjoni fuq il-Libertá reliġjuża, Dignitatis humanae.

[95] . Ara enċiklika Redemptoris missio, 11.

[96] . Ara enċiklika Redemptoris hominis, 17.

[97] . Ara messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi 1988, messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi 1991; Konċilju Vatikan II,

Dikjarazzjoni fuq il-Libertá reliġjuża, Dignitaltis humanae, 1-2.

[98] . Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali dwar il-Knisja fid-dinja ta’ llum Gaudium et Spes, 26.

[99] . Ara ibid, 22.

[100] . Piju XI, enċiklika Quadragesimo anno, I.

[101] . Ara eżortazzjoni appostolika Familiaris consortio tat-22 ta’ Novembru 1981, 45.

[102] . Ara diskors lill-UNESCO fit-2 ta’ Ġunju 1980.

[103] . Ara enċiklika Redemptoris mission, 39, 52.

[104] . Ara Benedittu XV Ubi primum tat-8 ta’ Settembru 1914; Piju XI messaġġ bir-radju lill-kattoliċi u lid-dinja

Kollha tad-29 ta’ Settembru 1938; Piju XII, messaġġ fuq ir-radju lid-dinja kollha fl-24 ta’ Awissu 1939;

Ġwanni XXIII enċiklika Pacem in terris III; Pawlu VI, diskors fil-Ġnus Maqgħuda fl-4 ta’ Ottubru 1965.

[105] . Ara enċiklika Populoerum progression, 76-77.

[106] . Ara eżortazzjoni appostolika Familiaris consortio, 48.

[107] . Enċuklika Rerum novarum.

[108] . Ara enċiklika Redemptor hominis, 13.

[109] . Ibid, 14.

[110] . Pawlu VI, omelija fl-aħħar sessjoni pubblika tal-Konċilju Vatikan II fis-7 ta’ Diċembru 1965.

[111] . Enċiklika Sollicitudo rei socislis, 41.

[112] . Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali dwar il-Knisja fid-dinja ta’ llum Guadium et Spes, 76; ara Ġwanni

Pawlu II, enċiklika Redemptor hominis,13.

[113] . Enċiklika Rerum novarum.

[114] . ibid.

[115] . Ara enċiklika Solicitudo rei socialis, 38.

[116] . ibid, 47.

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.