Ejjew niftakru fir-ragħajja li ġew qabilna


It-Tlieta, 4 ta’ Awwissu 2020: Quddiesa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna b’sufraġju għar-ruħ tal-Isqof Baldassare Cagliares (li kien l-ewwel isqof Malti) fil-Palazz tal-Arċisqof, il-Belt Valletta.

Capture.PNGa

It-Tlieta 4 ta’ Awwissu 2020, l-Arċisqof Charles Jude Scicluna ċċelebra quddiesa fil-Palazz tal-Arċisqof, fil-Belt Valletta, b’suffraġju għal ruħ l-Isqof Baldassare Cagliares, l-ewwel isqof Malti. Din hija l-ewwel darba li l-Arċisqof Scicluna ċċelebra quddiesa mill-Palazz.

Minn riċerka li saret irriżulta li l-Isqof Baldassare Cagliares, li bena dan il-palazz, kien ħalla fil-wirt li kull meta ssir quddies fl-Oratorju ta’ San Ġużepp (li jinsab fil-palazz stess) niftakru fih fit-talb tagħna. Mhux magħruf jekk ix-xewqa tiegħu twettqitx, għalhekk ġie maħsub li ssir quddiesa għal ruħu fil-post eżatt fejn xtaq, eżattament il-ġurnata tal-mewt tiegħu, li kienet l-4 ta’ Awwissu 1633.

Baldassare Cagliares kien l-ewwel isqof Malti li ġie nominat fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann. Fil-fatt sab ħafna oppożizzjoni mill-Ordni biex jibni dan il-palaz. Twieled il-Belt Valletta, fl-1575. Missieru kien ta’ dixxendenza Spanjola u ommu kienet Maltija mir-Rabat, Għawdex. Ġie nominat Isqof ta’ Malta ta’ 40 sena fit-18 ta’ Mejju 1615 u dam isqof ta’ Malta sa mewtu.

Meta sar isqof, Baldassare Cagliares xtaq li jkun fil-qalbha tal-Belt Valletta li kienet għadha kemm inbniet u li kienet saret il-qalba tal-ħajja politika, soċjali u kulturali tal-ġżira. Dak iż-żmien il-Kurja tal-Isqof, il-qrati kriminali u l-ħabs tiegħu kienu l-Borgo (il-Birgu) u għalhekk beda jibni il-palazz fuq biċċa art li jingħad kienet t’ommu. Iżda sab ħafna oppożizzjoni mill-Ordni biex jibni dan il-palazz. Iżda Cagliares argumenta li la l-Ordni qed tagħti permess lil kulħadd biex jibni r-reżidenza tagħhom, kienet tidher kerha kieku l-Granmastru Wignacourt ikun hu stess li jiċħad lill-Isqof ta’ Malta mid-drittiijiet tiegħu. B’hekk l-Isqof Cagliares tħalla jkompli bil-proġett tiegħu u mexxa l-residenza u l-Kurja tiegħu fil-Belt.

Mill-kitba ddatata 1631, nafu li l-Isqof Cagliares nafu li peress li nefaq xi 12,00 skud mill-fondi tad-djoċesi, barra flusu u l-art t’ommu, ħalla l-Palazz tal-Arċisqof lill-Katidral tal-Imdina u qatt m’għandu jinkera jew mibjugħ u għandu jintuża bħala residenza mill-isqfijiet ta’ Malta u l-vigarji kapitulari. Ġaladarba dan ma jixtiqux joqogħdu hawn, Cagliares kiteb li l-palazz tal-Arċisqof għandu jkun tribunal ekkleżjastiku.

Fil-fatt, illum fil-Palazz tal-Arċisqof insibu ż-żewġ tribunali ekkleżjastiċi, it-Tribunal Metropolitan tal-Ewwel Istanza, u t-Tribunal Reġjonali tat-Tieni Stanza li huwa t-tribunal tal-Appell għal Malta, Għawdex, Ġibiltà u l-Libja.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-kliem ta’ Ġesù huwa kliem qawwi ħafna: “Mexxejja għomja tal-għomja”. Kemm tkun traġedja kbira kieku naqgħu f’din il-ħasra li jkollna mexxejja ta’ nies li huma għomja.

Infatti, Cromatio ta’ Aquileia jikkumenta fuq is-silta mill-Evanġelju ta’ San Mattew dwar l-iskandlu u jinnota li Ġesù jitkellem dwar ir-riġlejn, l-idejn u l-għajnejn li jistgħu jfixklu l-bniedem, li jistgħu jkunu okkażjoni ta’ skandlu (ara Mt 18:8). Il-Mulej jgħid: “Aħjar jekk għandek riġlek ifixklek tkun mingħajru, jekk għandek idek tfixklek”. Cromatio ġustament jgħid li ħadd ma għandu jifhem li l-Mulej iridna naslu l-ġenna għomjin, zopop jew inkella bla jdejn, imma l-Mulej qed iħares lejn il-ġisem tiegħu. Cromatio jgħid ukoll li r-riġlejn huma d-djakni, l-idejn huma l-presbiteri u l-għajnejn huma l-isqfijiet. U l-Mulej qed jgħid lil Knisja tiegħu li jekk ikun hemm xi ħadd minn dawn li qed ifixkel, aħjar tkomplu timxu mingħajru għaliex il-mexxej, id-djakni, il-presbiteri u l-isqfijiet m’għadhomx ikunu okkażjoni ta’ skandlu.

L-ewwel nett aħna lkoll midinbin jiġifieri aħna nitolbu ’l Mulej biex jippurifikana u meta l-Mulej jgħid li “għomja jmexxu lill-ghomja” nifhem li jekk l-isqfijiet — biex nieħdu l-interpretazzjoni ta’ Cromatio — huma l-għajnejn, il-Knisja tkun fi stat ta’ ħasra kbira jekk dak li suppost jara ma jibqax viġilanti għaliex mhux kapaċi jara s-sinjali u jifhem is-sinjali taż-żminijiet imma wkoll jara x’inhi r-rieda tal-Mulej.

Imma aħna għandna wkoll mument fl-Evanġelju — jiena ngħaqqad ma’ dan il-kummentarju ta’ Cromatio ta’ Aquiliea — meta Pietru jħossu mbarrazzat li l-Mulej jaħsillu saqajh u Ġesù jgħidlu: “Jekk ma tħallinix naħsillek saqajk, inti m’għandekx x’taqsam meigħi”. Pietru jgħidlu: “Mela, Mulej mhux biss saqajja imma jdejja u rasi ukoll” (Ġw 13:8-9). F’din ir-rieda ta’ Pietru hemm ukoll it-talba tagħna lill-Mulej biex jaħsel ir-riġlejn, l-idejn u l-irjus tal-mexxej fil-Knisja. Pietru, f’isimna, jitlob lill-Mulej biex jippurifikana mhux biss f’riġlejna imma wkoll idejna u rasna.

Hawnhekk nirrelizzaw li Ġesù, meta jinsisti ma’ Pietru li jrid jaċċetta li l-Mulej huwa wkoll qaddej għal kull wieħed u waħda minna, jgħidlu wkoll: ‘u inti se taħsilna fil-misteru tal-Magħmudija u se taħsilna wkoll bil-misteru tad-demm tiegħek’.

San Ġorġ Preca kellu l-espressjoni sabiħa li kien jużaha għall-qrar: “Ejjew ninħaslu fil-banju tad-demm ta’ Ġesù”. San Ġorġ Preca kien jafu dan il-post għax fi żmienu hawnhekk kien il-headquarters tal-Knisja. Nellie Bartolo, li kienet tieħu ħsieb lil Dun Ġorġ Preca, kienet qaltli li meta jirċievi ittra li toħroġ minn hawn ma kinetx tagħtihielu qabel jiekol għax taqtagħlu l-aptit. Kienet taħbilu l-posta speċjalment dik li ġejja mill-Kurja u mbagħad wara jkun jista’ jieħu l-kedda li hemm bżonn.

San Ġorġ Preca kien f’dan il-palazz meta l-Vigarju sejjaħlu, tah ħasla papali u tah ukoll l-ordni biex jibda jagħlaq. Hu obda, beda jagħlaq, ma għalaqx kollox, beda jibda jagħlaq. Laħaq għalaq tliet oqsma sakemm imbagħad il-kappillan tal-Ħamrun ġie hawn u staqsa lill-Vigarju jekk kinux jafu x’qed jagħmlu b’idejhom. Bħalma jiġri dejjem, insomma. Id-djalogu jirrepeti ruħu f’kull ġenerazzjoni.

Dan il-palazz hu mibni mill-kjeriċi u l-istorja tgħid li ħin minnhom Balaguer lil kull min qed jaħdem għamillu t-tonsura biex ma jkunx jista’ jiġi taħt l-ġurisdizzjoni tal-Gran Mastru u allura jtellfu. Meta taqra l-ilmenti tal-Isqof Caglieres tirrealiza li din b’xi mod hija djalettika li fil-gżejjer tagħna kienet minn dejjem. M’għandniex għalfejn la naqtgħu qalbna u lanqas niskandalizzaw ruħna.

Illum, bl-interċessjoni tal-Kurat d’Ars, nitolbu b’suffraġju tal-Isqof Baldassere Cagliares imma wkoll tal-isqfijiet kollha ta’ Malta li telqu qabilna bis-sinjal tal-fidi.

Wieħed mill-volumi tal-opra li jisimha Sicilia Sacra fiha kapitlu li jagħti l-lista tal-isqfijiet f’Malta, minn San Publiju ’l isfel, u mingħalija jasal sal-Arċisqof Paul Alphéran de Bussan. Għalkemm aħna għandna portraits mill-1520, għandna 500 sena mhux biss ta’ armi u wiċċhom imma wkoll 500 sena ta’ tradizzjoni kbira. L-Isqof Baldassare Cagliares huwa parti minn patrimonju kbir staordinarju.

Nixtieq nirringrazzja wkoll lil min qiegħed jaħdem biex dan il-palazz ikun jista’ jsir parti mill-patrimonju Malti u jitgawda wkoll mill-poplu tagħna mhux biss b’tifkira ta’ Mons. Gonzi, li kien l-aħħar isqof li għex hawn, imma anke ta’ dawk li ġew qablu. Nirringrazzja wkoll lit-Trinbunal Ekkleżjastiku li matul l-aħħar għexieren ta’ snin ħalla dan il-post ħaj. Immaġinaw kieku ma kienx hawn it-tribunali hawnhekk x’kien isir mill-palazz. Nixtieq nirringrazjah personalment lis-Sur Jimmy Farrugia u lis-sinjura tiegħu, talli jieħdu ħsieb dan il-post.

Nitolbu ħafna għall-futur tal-Knisja. Aħna u niċċelebraw lil ta’ qabilna nirrealizzaw li għandna ħafna erwieħ moħbija u li l-frott li naraw mhux ġej bilfors mill-fergħa tagħna imma ġej minn siġra li għandha għeruq profondi u moħbija, u għalhekk huwa d-dover tagħna li niftakru fihom u nitolbu anke b’suffraġju tar-ragħajja li ġew qabilna.

Agħtihom, o Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem, jistrieħu fis-sliem, Ammen.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġer 30, 1-2.12-15.18-22
Salm: 101 (102), 16-18.19-21.29 u 22-23
Evanġelju: Mt 15, 1-2.10-14