Dies Domini tal-Papa Ġwanni Pawlu II


Stampa l-Ittra Appostolika …

ITTRA APPOSTOLIKA TAL-PAPA ĠWANNI PAWLU II

DIES DOMINI

IL-JUM TAL-ĦADD – JUM IL-MULEJ

31 Mejju 1998

I

Daħla

LIL ĦUTI FL-EPISKOPAT U LIS-SAĊERDOT

Ħuti għeżież,

  1. JUM IL-MULEJ – Hekk kien jissejjaħ il-Ħadd fi żmien l-Appostli – dejjem kien meqjus b’attenzjoni speċjali fil-ġrajja tal-Knisja, minħabba r-rabta li għandu mal-qofol stess tal-misteru nisrani. Dan għaliex, meta nqisu iż-żmien ġimgħa ġimgħa, il-Ħadd dejjem ifakkarna fil-qawmien tal-Mulej mill-imwiet. Hu l-Għid li jiġi kull ġimgħa biex niċċelebraw ir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt u fuq id-dnub, is-sbuħija fih tal-ħolqien kollu u l-bidu tal-“ħolqien ġdid” (ara 2 Kor 5, 17). Hu l-jum li jfakkarna fl-ewwel jum tad-dinja, aħna u naduraw bil-ħajr kollu tagħna l-Ħallieq ta’ kollox, bil-ħarsa kollha tagħna, mimlija bit-tama, lejn l-aħħar jum, meta Kristu jerġa’ jiġi fil-glorja (ara 1, 11; I Tess 4, 3-17) u jġedded kollox (Apok 21, 5).

Bir-raġun kollu nistgħu ngħidu li kliem is-Salmista jfisser sewwa l-Ħadd: “Dan hu l-jum li għamel il-Mulej: ħa nifirħu u nithennew bih (Salm 118, 24). Din l-istedina għall-ferħ, li l-liturġija ta’ l-Għid tagħmel tagħha, turi l-istagħġib tan-nisa li, wara li raw lil Kristu msallab, sabu l-qabar vojt, meta marru “kmieni ħafna fl-ewwel jum tal-ġimgħa” (Mk 16, 2). Hi stedina biex ngħixu mill-ġdid b’xi mod l-esperjenza taż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws li ħassu qalbhom “imħeġġa ġewwa fihom” dak il-ħin li Kristu kien miexi magħhom fit-triq, ifissrilhom l-Iskrittura u wera mbagħad lilu nnifsu lilhom “fil-qsim tal-ħobż” (ara Lq 24, 32. 35). U turi wkoll il-ferħ – għall-ewwel inċert u mbagħad kbir fuq li kbir – ta’ l-Appostli dakinhar stess filgħaxija meta żarhom Kristu rxoxt u tahom il-paċi tiegħu u l-Ispirtu qaddis tiegħu (ara Ġw 20, 19-21)

  1. Il-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet hu l-fatt fondamentali li fuqu hi mibnija l-fidi nisranija (ara I Kor 15, 14). Hu fatt tassew ta’ l-għaġeb, li nilqgħuh bid-dawl tal-fidi, u tiegħu ngħatat ix-xhieda minn dawk li kellhom il-privileġġ jaraw lil Kristu Rxoxt. Hi ġrajja ta’ l-għaġeb li mhux biss ma hemmx oħra bħalha fil-ġrajja tal-bniedem, iżda tinsab fil-qalbha tal-misteru taż-żmien. Dan għaliex “ta’ Kristu hu kull żmien u ż-żminijiet kollha”, kif tfakkarna l-liturġija tal-Vġili ta’ l-Għid bit-tberik tal-blandun. Għalhekk il-Knisja hija u tfakkarna jum il-Qawmien ta’ Kristu mill-imwiet, mhux darba biss fis-sena imma wkoll kull nhar ta’ Ħadd, trid turi lil kull żmien il-qofol ta’ l-istorja li lejh iwassal il-misteru tal-bidu tad-dinja u tad-destin tagħha.

Hi ħaġa sewwa għalhekk tippretendi, kif għamlet omelija tar-raba’ seklu li “Jum il-Mulej” hu “Sid il-jiem kollha” . Dawk li ħadu l-grazzja tal-fidi fi Kristu rxoxt żgur se jaslu biex ikollhom dik l-emozzjoni qawwija li wasslet lil San Ġlormu jgħid: “Il-Ħadd hu jum il-qawmien mill-imwiet, hu jum l-insara, hu l-jum tagħna” . Għall-insara, il-Ħadd hu l-“jum fundamentali” , imwaqqaf mhux biss biex juri l-mogħdija taż-żmien imma wkoll biex juri t-tifsir l-aktar għoli tiegħu.

  1. L-importanza fondamentali tal-Ħadd ingħarfet tul elfejn sena tal-ġrajja tal-bniedem, u ġiet imtennija bil-qawwa kollha mill-Konċilju Vatikan II. “Kull sebat ijiem il-Knisja tiċċelebra l-misteru ta’ l-Għid. Din hi tradizzjoni

li ġejja minn żmien l-Appostli, u bdiet minn dak il-jum stess li fih Kristu qam mill-imwiet – jum li bir-raġun kollu jissejjaħ Jum il-Mulej” . Il-Papa Pawlu VI tenna bil-qawwa kollha l-importanza ta’ dan il-jum, meta approva l-Kalendarju Ġenerali Ruman u n-Normi universali li jirregolaw is-Sena Liturġika . It-tielet millennju li dalwaqt jasal jistieden lil kull min jemmen biex jaħseb fuq il-kors ta’ l-istorja fid-dawl ta’ Kristu, u jistedinna wkoll biex b’ħeġġa akbar naraw xi jfisser il-Ħadd il-misteru tiegħu, iċ-ċelebrazzjoni tiegħu, it-tifsir tiegħu għall-ħajja tan-nisrani u tal-bniedem.

Jien nifraħ nara li fis-snin ta’ wara l-Konċilju dan is-suġġett importanti mhux biss wassal għal ħafna interventi tagħkom bħala għalliema tal-fidi, ħuti fl-Episkopat, imma wkoll zviluppajtu individwalment jew flimkien ukoll ħafna inizjattivi pastorali, bl-għajnuna tal-kleru tagħkom. Fuq il-għatba tal-Ġublew tas-sena 2000, din kienet ix-xewqa tiegħi, li nagħtikom din l-Ittra Appostolika biex ngħinkom fl-isforzi pastorali tagħkom f’dan il-qasam hekk vitali. Iżda fl-istess waqt irrid inkellem lilkom ukoll, insara fidili, qisni spiritwalment preżenti fil-komunitajiet kollha li fihom tinġabru mar-rgħajja tagħkom, kull nhar ta’ Ħadd biex tiċċelebraw l-Ewkaristija u “Jum il-Mulej”. Ħafna mill-ħsibijiet u l-intenzjonijiet li wassluni biex nikteb din l-ittra kibru miegħi sa minn żmien il-qadi episkopali tiegħi f”Krakow u, minn meta dħalt għall-ministeru ta’ isqof ta’ Ruma, u Suċċessur ta’ San Pietru, miż-żjajjar li għamilt fil-parroċċi ta’ Ruma, żjajjar kull nhar ta’ Ħadd fi żminijiet differenti tas-Sena Liturġika. Inħoss li din l-ittra qed tkompli d-djalogu ħaj li nifraħ li jkolli ma’ l-insara kollha, jiena u naħseb flimkien magħkom x’ifisser il-Ħadd u nuri għaliex għandna ngħixu l-Ħadd bħala “Jum il-Mulej”, ukoll f’dawn iż-żminijiet ta’ llum li kuljum qed jinbiddlu

  1. Sa ftit żmien ilu, kienet ħaġa tassew faċli, fil-pajjiżi tradizjonalment insara, li tiġi mħarsa l-qdusija tal-Ħadd għax kienet drawwa tista’ tgħid imxerrda ma’ kullimkien u wkoll għaliex fl-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, il-Ħadd kien meqjus bħala jum fiss fit-tqassim tax-xogħol. Iżda llum, ukoll f’dawk il-pajjizi li jagħrfu bil-liġi l-karattru festiv tal-Ħadd, it-tibdil li seħħ fil-kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi kullimkien spiss wasslu tibdil fl-imġiba soċjali u għalhekk għal tibdil ukoll fil-karattru tal-Ħadd. Id-drawwa tal-weekend xterdet dejjem aktar, żmien ta’ mistrieħ kull ġimgħa, forsi ′l bogħod ħafna mid-dar u spiss b’impenji ta’ partiċipazzjoni f’attivitajiet politiċi u sportivi li ġeneralment isiru f’dawn il-ġranet ta’ mistrieħ mix-xogħol ta’ kuljum. Dan il-fenomenu soċjali u kulturali m’huwiex nieqes minn ħafna aspetti pożittivi, jekk iwassal għall-progress tan-nies u l-iżvilupp tal-ħajja tas-soċjetà kollha kemm hi, sakemm jiġu rispettati l-valuri vera. Dan kollu jaqbel mhux biss mal-ħtieġa tal-mistrieħ, imma wkoll ma’ ħtieġa ta’ “festa” li hija parti mill-istess natura tal-bniedem. Disgrazzjatament, meta l-Ħadd jitlef it-tifsir fundamentali tiegħu u jsir parti mill-weekend, jista’ jwassal biex il-bniedem jingħalaq f’orizzont hekk limitat tant li ma jasalx biex jara aktar “is-sema” . U hekk, għalkemm lest biex jagħmel festa, isib ruħu mhux kapaċi għal dan.

Iżda d-dixxipli ta’ Kristu, huma mistiedna jevitaw li jħawdu ċ-ċelebrazzjoni tal-Ħadd, li bħala għan waħdieni għandu jkollha l-qdusija ta’ Jum il-Mulej, mal-weekend bħala biss żmien ta’ mistrieħ. Biex dan iseħħ, meħtieġ kobor spiritwali sħiħ, kobor li jagħti ħila lill-insara li “jkunu dak li huma”, fi qbil perfett mad-don tal-fidi, dejjem lesti biex jagħtu kont tat-tama li għandhom (ara I Piet 3, 15). Dan wassal għall-fehma aktar fil-fond ta’ x’inhu l-Ħadd tant li,f’qagħdiet diffiċli wkoll, jkunu jistgħu joqogħdu għal kollox għal dak li jnebbaħ l-Ispirtu.

  1. Fid-dawl ta’ dan,il-qagħda tidher ftit imħawda. Min-naħa hemm l-eżempju ta’ xi Knejjes ġodda, għadhom jitwaqqfu, li juru b’liema ħeġġa jista’ jiġi ċelebrat Jum il-Mulej, kemm fl-ibliet u kemm fl-irħula mxerrdin ma’ kullimkien. F’pajjiżi oħra tad-dinja, għall-kuntrarju, minħabba inflwenzi soċjoloġiċi li ġa semmejna, u forsi għax hi wkoll dgħajfa l-fidi, l-għadd ta’ dawk li jmorru għall-Quddies nhar ta’ Ħadd hu baxx ħafna. Fil-fehma ta’ ħafna nsara tidher qed tonqos mhux biss il-fehma li l-Ewkaristija hija ċ-ċentru tal-ħajja nisranija, imma wkoll qed jonqos is-sens tad-dmir ta’ radd il-ħajr lil Alla u ta’ talb lil Alla ma’ l-oħrajn fil-komunità tal-Knisja.

Hu veru wkoll li fil-pajjiżi tal-missjoni u fil-pajjiżi li ħaddnu l-Evanġelju mijiet ta’ snin ilu, in-nuqqas ta’ saċerdoti hu hekk kbir, li ma tistax tiġi żgurata l-Quddiesa kull nhar ta’ Ħadd f’kull komunità.

  1. Minħabba l-ħafna qagħdiet ġodda li hemm u l-kwistjonijiet li jinħolqu bihom, jidher li hi ħaġa meħtieġa wisq aktar minn qabel li jerġgħu jinstabu l-pedamenti dottrinali li fuqhom mibni l-preċett tal-Knisja dwar il-qdusija tal-Ħadd, sabiex l-insara kollha jaraw b’mod ċar is-siwi tal-Ħadd għall-ħajja nisranija, siwi li qatt ma jista’ jiġi nieqes. Meta nagħmlu dan, inkunu mixjin mit-triq tat-tradizzjoni antika tal-Knisja, imtennija bil-qawwa kollha tal-Konċilju Vatikan II fit-tagħlim tiegħu dwar il-Ħadd: “L-insara għandhom jinġabru flimkien, biex ifakkru l-passjoni, il-qawmien mill-imwiet u l-glorja tal-Mulej Ġesù, billi jisimgħu l-Kelma t’Alla, u jissieħbu fl-Ewkaristija, u jroddu ħajr lil Alla, li tahom twelid ġdid f’tama ħajja bil-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet” (ara I Piet 1,3) .
  2. Id-dmir tal-qdusija tal-Ħadd,speċjalment bit-tisħib fl-Ewkaristija, u b’mistrieħ bi spirtu ta’ ferħ u fraternità nisranija, nifmuh malajr jekk inqisu l-aspetti kollha ta’ dan il-jum, aspetti li fuqhom din l-Ittra trid tkellimna.

Il-Ħadd hu jum li għandu postu fil-qofol tal-ħajja nisranija. Mill-bidu tal-Pontifikat tiegħi, qatt ma waqaft intenni: “Tibżgħux! Iftħu beraħ il-bibien lil Kristu” . Hekk ukoll illum bil-qawwa kollha nħeġġeġ lil kulħadd biex jerġa’ jsib il-Ħadd. Tibżgħux tagħtu l-ħin tagħkom lil Kristu. Iva, ejjew niftħu żmienna lil Kristu, biex jitfa’ d-dawl tiegħu fuqu u jurih it-triq. Hu dak li jaf x’inhu s-sigriet taż-żmien u s-sigriet ta’ l-eternità, u jagħtina “il-jum tiegħu” bħala don ta’ mħabba dejjem ġdid. L-għarfien ta’ dan il-jum hu grazzja li għandna nitolbuha mhux biss biex ngħixu dak li titlob minna l-fidi, imma wkoll biex inkunu nistgħu nwieġbu bil-ħerqa kollha għat-tamiet l-aktar għoljin tal-bniedem. Iż-żmien mogħti lil Kristu, qatt ma hu żmien mitluf, imma żmien mirbuħ biex ir-relazzjonijiet kollha tagħna u l-istess ħajja tagħna jkunu dejjem aktar umani.

 

 

Kap I

Dies Domini

Iċ-ċelebrazzjoni tal-ħidma tal-Ħallieq

Kollox bih sar (Ġw 1, 3)

  1. Għan-nisrani, il-Ħadd hu qabel kollox ċelebrazzjoni ta’ l-Għid, kollha kemm hi mdawwla bid-dija ta’ Kristu rxoxt. Hi l-festa tal-“ħolqien ġdid”. Iżda jekk nifhmuh sewwa dan l-aspett ma nistgħux nifirdu mill-ewwel paġni ta’ l-Iskrittura li jgħidulna x’kien il-pjan ta’ Alla għall-ħolqien tad-dinja. Veru li l-Verb ta’ Alla sar bniedem “fil-milja taż-żminijiet” (Gal 4, 4), imma hu veru wkoll li, minħabba l-misteru ta’ l-Iben etern tal-Missier, hu l-bidu u l-għan tal-ħolqien kollu. “Kollox sar bih, u xejn ma sar mingħajru” (Ġw 1, 3). Dan jgħidu San Pawl ukoll fl-ittra lill-Kolossin “fih kien maħluq kollox, fis-sema u fl-art, dak kollu li jidher u dak li ma jidhirx…kollox bih u għalih kien maħluq” (Kol 1, 16). Din il-preżenza attiva ta’ l-Iben fil-ħidma tal-ħolqien ta’ Alla tidher fis-sħuħija kollha tagħna fil-misteru ta’ l-Għid, meta Kristu, imqajjem tassew, “l-ewwel frott fost dawk li raqdu” (I Kor 15, 20), waqqaf il-ħolqien ġdid u beda dak il-proċess li hu stess għad itemm meta jerġa’ jiġi “jerħi s-saltna f’idejn il-Missier… sabiex Alla jkun kollox f’kollox” (I Kor 15, 24. 28).

Sa mis-sebħ tal-ħolqien il-pjan ta’ Alla kien jitlob ′il-missjoni kosmika” ta’ Kristu. L-aspett Kristoċentriku, li jħaddan iż-żmien kollu kemm hu, deher li għoġob lil Alla, meta Dan, wara li temm l-opra tal-ħolqien, “bierek is-seba’ jum u qaddsu” (Ġen 2, 3). Skond is-saċerdot kittieb ta’ din l-ewwel ġrajja bibblika tal-ħolqien, twieled is-“Sibt”, li ta lil l-ewwel Patt il-karattru tiegħu, u b’xi mod ħabbar il-jum qaddis tal-Patt il-Ġdid u għal dejjem. “Il-mistrieħ ta’ Alla” (ara Ġen 2, 2) u l-mistrieħ li Alla offra lill-poplu ta’ l-Esodu meta wasal fl-Art imwegħda (ara Es 13, 15; Dewt 3, 20; 12. 9; Ġoż 21, 44; Salm 95, 11), jinqara fit-Testment il-Ġdid f’dawl ġdid, dak tal-“mistrieħ tas-Sibt” (Lhud 4, 9) definittiv, li fih Kristu nnifsu daħal bil-qawmien tiegħu mill-imwiet. Il-poplu ta’ Alla hu msejjaħ biex jidħol f’dan il-mistrieħ billi jibqa’ dejjem miexi fuq l-eżempji ta’ Kristu fl-ubbidjenza lejn il-Missier (ara Lhud 4, 3-16). Mela jekk irridu nifhmu sewwa x’ifisser il-Ħadd, irridu nerġgħu naqraw l-istorja kbira tal-ħolqien u nifhmu aktar fil-fond it-teoloġija tas-Sibt.

Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art (Ġen 1, 1)

  1. L-istil poetiku tal-ġrajja tal-Ġenesi juri sewwa l-għaġeb tal-poplu quddiem l-immensità tal-ħolqien u s-sens ta’ adorazzjoni li joħroġ minn dan l-istagħġib għal Dak li ħalaq dan kollu mix-xejn. Hi ġrajja ta’ tifsir reliġjuż tassew kbir, ġrajja li ma tieqaf qatt turi li l-Ħallieq ta’ l-Univers hu biss il-Mulej, kontra kull tendenza li ma tonqos qatt li tagħmel alla l-istess dinja. Fl-istess waqt, hi wkoll innu għat-tjieba tal-ħolqien, kollu kemm hu mfassal mill-id setgħana u ħanina ta’ Alla.

“Alla ra li kien tajjeb” (Ġen 1, 10.12…). Din is-sentenza mtennija tul il-ġrajja kollha, titfa’ dawl hieni fuq kull element ta’ l-univers u tħalli ż-żmien stess jurina s-sigriet biex nifhmu d-dinja u nġedduha: id-dinja hi tajba sakemm tibqa’ marbuta mal-bidu tagħha u, wara li tħassret mid-dnub, mill-ġdid saret tajba, meta, bl-għajnuna tal-ġrazzja, reġgħet lura għand Dak li ħalaqha. Hi ħaġa ċara li dan il-proċess direttament ma jolqotx lil ebda ħaġa bla ħajja u lill-annimali, imma biss il-bnedmin li ġew mogħtija d-don ta’ siwi bla qjies, u ta’ riskju wkoll: il-libertà. Immedjatament wara l-ġrajjet tal-ħolqien l-Iskrittura turi x’kuntrast drammatiku hemm bejn il-kobor tal-bniedem, maħluq fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla, u l-waqgħa tal-bniedem li wasslet lid-dinja d-dlamijiet tad-dnub u tal-mewt (ara Ġen 3).

  1. L-univers, għax magħmul minn id Alla, għandu fih is-sinjal tal-kobor ta’ Alla. Hu dinja ta’ ġmiel liema bħalu, li jġiegħelna nistgħaġbu u nifirħu, iżda wkoll jistedinna naħdmuh u niżviluppawh. Meta Alla “temm” il-ħidma tiegħu, id-dinja kienet imħejjija għall-ħidma tal-bniedem. “Fis-seba’ jum Alla temm ix-xogħol tiegħu kollu li kien għamel u waqaf fis-seba’ jum mix-xogħol tiegħu li kien għamel”(Ġen 2, 2). B’din id-dehra antropomorfika tax-“xogħol” ta’ Alla, l-Iskrittura mhux biss tagħtina ħjiel tar-relazzjoni misterjuża bejn il-Ħallieq u d-dinja maħluqa, imma wkoll iddawlilna l-ħidma tagħna l-bnedmin f’relazzjoni ma’ l-univers. Ix-“xogħol” ta’ Alla b’xi mod hu eżempju għall-bniedem, imsejjaħ mhux biss biex jgħin l-univers, imma wkoll biex jibnih, u hekk isir “sieħeb fix-xogħol” ma’ Alla. Kif ktibt fl-enċiklika Laborem exercens l-ewwel kapitli tal-Ktieb tal-Ġenesi huma b’xi mod l-ewwel Evanġelju tax-xogħol . Din hi il-verità li l-Konċilju Vatikan II insista ħafna fuqha. “Maħluq xbieha ta’ Alla, il-bniedem ġie mqabbad jaħkem fuq l-art u kull ma fiha, imexxi d-dinja bil-ġustizzja u l-qdusija, u, huwa u jagħraf lil Alla bħala l-Ħallieq ta’ kollox, iqis lilu nnifsu u kull ħaġa f’relazzjoni ma’ Alla, sabiex l-isem ta’ Alla jkun imsebbaħ fuq l-art għaliex kollox hu sottomess għalih” .

Il-progress tassew ta’ l-għaġeb fix-xjenza, fit-teknoloġija u fil-kultura fis-suriet kollha tagħhom – żvilupp tassew ta’ l-għaġeb dejjem aktar sejjer ′l quddiem b’għaġeb liema bħalu – hu l-konsegwenza storika tal-missjoni li Alla ried jafda lill-bniedem: il-ħidma u r-responsabbiltà li jimla d-dinja u jaħkimha bil-ħidma tiegħu, fil-ħarsien tal-liġi ta’ Alla.

“Shabbat”, il-mistrieħ ferrieħi tal-Ħallieq

  1. Jekk l-ewwel paġni tal-Ktieb tal-Ġenesi juruna x-“xogħol” ta’ Alla bħala eżempju għall-bniedem, dan hu veru wkoll għall-“mistrieħ” ta’ Alla… “Fis-seba’ jum Alla temm ix-xogħol tiegħu kollu li kien għamel” (Ġen 2, 2). Hawn ukoll għandna antropomorfiżmu mimli b’għana ta’ tifsir.

Hi fehma fiergħa li l-“mistrieħ” ta’ Alla kien xi sura ta’ nuqqas ta’ attività min-naħa ta’ Alla. Min-natura tagħha stess, il-ħidma kreattiva ta’ Alla, li biha nħolqot id-dinja, ma tieqaf qatt, u Alla dejjem jaħdem, kif qal Ġesù meta tkellem dwar il-kmandament tas-Sibt: “Missieri għadu jaħdem sa issa, mela naħdem jien ukoll” (Ġw 5, 17). Il-mistrieħ ta’ Alla fis-seba’ jum ma jgħidx li fis-seba’ jum Alla ma għamel xejn, imma juri bil-qawwa kollha l-milja ta’ dak kollu li sar. Qisu kliem bħal li kieku Alla waqaf jikkontempla x-xogħol “tajjeb ħafna” li għamel (Ġen 1, 31), ix-xogħol li għamlu idejh, biex fuqu jitfa’ ħarsa kollha hena. Hi ħarsa “kontemplattiva” li mhux qed tħares lejn xogħlijiet ġodda imma qed tithenna b’dak li ġa sar. Hi l-ħarsa li Alla għandu fuq kollox, iżda b’mod speċjali fuq il-bniedem, il-qofol tal-ħolqien. Hi ħarsa li ġa qed turi xi ħaġa mis-sura ta’ għerusija li Alla jrid ikollu mal-kreaturi maħluqa xbieha tiegħu, bis-sejħa li jagħmel lil din il-kreatura għall-patt ta’ mħabba miegħu. Dan hu dak li Alla għad jagħmel bil-mod il-mod, bl-offerta tas-salvazzjoni lill-ġens kollu tal-bnedmin permezz tal-patt salvatiku magħmul ma’ Iżrael u mitmum fi Kristu. Ikun il-Verb ta’ Alla magħmul bniedem, bid-don eskatoloġiku ta’ l-Ispirtu s- Santu u bid-dehra tal-Knisja bħala l-Ġisem tiegħu u l-Għarusa tiegħu, li jwassal lill-ġens kollu tal-bnedmin id-don tal-ħniena u s-sejħa għall-imħabba tal-Missier.

  1. Fil-pjan ta’ Alla l-Ħallieq hemm kemm għażla u kemm rabta bejn l-ordni tal-ħolqien u l-ordni tas-salvazzjoni. Dan jurih sewwa t-Testment il-Qadim, meta jorbot il-preċett tas-shabbat mhux biss mal-mistrieħ misterjuż ta’ Alla wara l-jiem tal-ħolqien (ara Es 20, 8-11) imma wkoll mas-salvazzjoni li joffri lil Iżreal mill-ħelsien mill-jasar ta’ l-Eġittu (ara Dewt 5, 12-15). Alla, li jistrieħ fis-seba’ jum, u jifraħ bil-ħolqien, hu l-istess Alla li juri l-glorja tiegħu bil-ħelsien ta’ wliedu mill-moħqrija tal-Fargħun. Nistgħu ngħidu, aħna u nużaw xebħ għażiż għall-profeti, li Alla kemm fil-ħolqien u kemm fil-ħelsien ta’ Iżreal juri ruħu bħala Għarus quddiem għarustu (ara Hos 2,16-24; Ġer 2, 2; Is 54, 4-8).

Kif jissuġġerulna xi elementi tat-traduzzjoni Lhudija, biex naslu fil- qofol tas-shabbat tal-mistrieħ ta’ Alla rridu ngħarfu l-qawwa kollha ta’ l-għerusija li tfisser ir-relazzjoni ta’ Alla mal-poplu tiegħu kemm fit-Testment il-Qadim u kemm fit-Testment il-Ġdid. Hosegha, biex insemmu eżempju, dan ifisser f’din is-silta tassew ta’ l-għaġeb. “F’dak il-jum nagħmel patt għalihom mal-bhejjem tar-raba’ u mat-tjur ta’ l-ajru, ma’ l-annimali li jitkaxkru ma’ l-art, u nkisser minn fuq l-art il-qaws, ix-xabla u l-gwerra; kulħadd jorqod moħħu mistrieħ. Għal dejjem ngħarrsek miegħi, mgħarrsek miegħi fis-sewwa u fil-ħaqq, fl-imħabba u l-ħniena, b’rabta fidila jiena ngħarrsek miegħi u int tagħraf il-Mulej” (Hos 2, 20-22).

Bierek Alla s-seba’ jum u qaddsu (Ġen 2, 3).

  1. Il-preċett tas-Sibt li fl-ewwel Patt iħejji għall-Ħadd tal-Patt il-Ġdid u għal dejjem, għandu għalhekk l-għeruq tiegħu fil-fond tal-pjan ta’ Alla. Hu għalhekk li, kontra ħafna preċetti oħra, mhux wieħed mill-ħafna direttivi dwar il-kult, imma hu parti mid-Dekalogu, mill-“għaxar kelmiet”, il-pedamenti tal-ħajja morali miktuba fil-qalb ta’ kull bniedem. Il-fatt li dan il-preċett hu parti mill-istruttura bażika ta’ l-etika, wassal lil Iżrael u mbagħad lill-Knisja, biex iqisuh mhux biss sempliċiment bħala dixxiplina reliġjuża komunitarja, imma bħala espressjoni li ma titħassar qatt tar-relazzjoni tagħna ma’ Alla, imħabbra u mxandra mit-tradizzjoni bibblika. Hu f’dan id-dawl li l-insara llum iridu jerġgħu jsibu dan il-preċett. Għalkemm jista’ jingħaqad b’mod naturali mal-ħtieġa tal-mistrieħ għall-bniedem, hi l-fidi biss li twassal il-bniedem biex jagħraf it-tifsir għoli tiegħu u jara li ma jsirx xi ħaġa fiergħa u ta’ ftit kont.
  2. Għalhekk il-Ħadd hu l-ewwelnett jum ta’ mistrieħ għaliex hu jum “imbierek” minn Alla, u “mqaddes minnu, u magħżul mill-ġranet l-oħra biex ikun fosthom “jum il-Mulej”.

Biex nifhmu sewwa x’ried ifisser l-ewwel rakkont bibbliku tal-ħolqien meta jgħid li għandna “nqaddsu” is-Sibt, irridu nqisu l-ġrajja kollha li b’mod aktar ċar turina kif kull realtà, bla ebda eċċezzjoni, għandha relazzjoni ma’ Alla. Iż-żmien u l-ispazju huma ta’ Alla. M’huwiex Alla ta’ jum wieħed biss, imma hu Alla tal-jiem kollha ta’ l-umanità.

Meta ngħidu li Alla “jqaddes” is-seba’ jum b’barka speċjali u jagħmlu “l-jum tiegħu” kollu kemm hu, dan għandna nifhmu fid-dawl tad-dinamiżmu tad-djalogu tal-Patt, anzi tad-djalogu ta’ l-“għerusija”. Dan hu dak id-djalogu li ma jafx b’waqfien, u li ma hu qatt dejjem l-istess, għax juża ħafna “reġistri” ta’ mħabba, minn dawk ordinarji u indiretti sa dawk kollhom ħeġġa, li l-kliem ta’ l-Iskrittura u x-xhieda ta’ ħafna mistiċi ma jibżgħux ifissruhom bi xbihat meħudin mill-esperjenza ta’ l-imħabba tal-miżżewġin.

  1. Il-ħajja kollha tal-bniedem, u għalhekk il-ħin kollu tal-bniedem irid ikun innu ta’ tifħir lill-Ħallieq, innu ta’ radd il-ħajr lilu. Iżda r-relazzjoni tal-bniedem ma’ Alla titlob ukoll żmien ta’ talb espliċitu, żmien li fih ir-relazzjoni tal-bniedem ma’ Alla jsir dialogu kollu ħeġġa, li jimpenja kull dimensjoni tal-persuna tal-bniedem. “Jum il-Mulej” hu b’mod speċjali l-jum għal din ir-relazzjoni, hu l-jum li fih l-irġiel u n-nisa kollha jgħannu lil Alla u leħenhom ikun leħen il-ħolqien kollu.

Hu proprju għalhekk li dan il-jum hu wkoll il-jum tal-mistrieħ. Hu jum li jitkellem b’mod tassew ħaj dwar “tiġdid” u “waqfien” mir-ritmu spiss tassew iebes tax-xogħol ta’ kuljum: b’hekk juri kemm il-bniedem u l-univers kollu jiddependu minn Alla. Kollox hu ta’ Alla. Jum il-Mulej jiġi u jerġa’ jiġi regolarment biex iħabbar dan il-prinċipju fit-tqassim taż-żmien f’ġimgħat. Is-Sibt għalhekk ġie mfisser u mfakkar bħala element determinanti ta’ dik “l-arkitettura mqaddsa” taż-żmien, li turina r-rivelazzjoni bibblika . Ifakkarna li l-univers u l-istorja huma ta’ Alla, u jekk il-bniedem ma jintebaħx kontinwament b’din il-verità ma jkunx jista’ jgħix fid-dinja bħala msieħeb mal-Ħallieq fix-xogħol.

“Tiftakar” biex “tqaddes”

  1. Il-kmandament tad-Dekalogu li bih Alla ordna il-ħarsien tas-Sibt insibuh fil-Ktieb ta’ l-Esodu b’mod tassew ċar: “Ftakar f’jum is-Sibt u qaddsu” (Es 20, 8). Il-ktieb ispirat imbagħad ikompli jgħid li jum is-Sibt għandu jkun imħares għax ifakkar fix-xogħol ta’ Alla. “Għax f’sitt ijiem il-Mulej għamel is-smewwiet u l-art, il-baħar u kull ma hemm fihom, u strieħ fis-seba’ jum. Għalhekk il-Mulej bierek is-seba’ jum u qaddsu” (Es 20, 11). Qabel jgħidilna x’għandu jsir, il-kmandament jgħidilna bil-ħeġġa kollha li hemm xi ħaġa li trid tiġi mfakkra. Hu sejħa biex niftakru fl-opra kbira u fundamentali ta’ Alla li hi l-ħolqien, tifkira li għandha tispira ħajja reliġjuża kollha tal-bniedem sal-jum li fih il-bniedem hu msejjaħ biex jistrieħ. Il-mistrieħ għalhekk jikseb valur reliġjuż: l-insara huma msejħin mhux biss biex jistrieħu kif Alla strieħ, imma wkoll biex jistrieħu fil-Mulej, huma u jwasslu l-ħolqien kollu b’tifhir u radd il-ħajr lil Alla, f’intimità bħal dik ta’ tifel żgħir u fi ħbiberija ta’ għerusija.
  2. Ir-rabta bejn il-mistrieħ tas-Sibt u “tifkira” ta’ l-għeġubijiet ta’ Alla jinsabu fil-ktieb tad-Dewtromonju (5, 12-15), fejn il-preċett hu inqas marbut mal-ħidma tal-ħolqien u aktar max-xogħol tal-ħelsien li għamel Alla fl-Esodu. “Ftakar li int kont ilsir fl-art ta’ l-Eġittu, u l-Mulej, Alla tiegħek, ħarġek minn hemm b’id qawwija u driegħ merfugħ, għalhekk Alla tiegħek ordnalek li tħares jum is-Sibt” (Dewt 5,15).

Dan il-kliem għandna nqisuh bħala qiegħed ikompli l-kliem li rajna qabel: u meħudin flimkien iż-żewġ siltiet ta’ kliem juruna x’inhu t-tifsir ta’ “Jum il-Mulej” f’dehra teoloġika waħda li tgħaqqad flimkien il-ħolqien u s-salvazzjoni.

Għalhekk il-ħsieb ewlieni tal-preċett mhuwiex biss sempliċi waqfien mix-xogħol, imma fuq kollox ċelebrazzjoni ta’ l-għeġubijiet li Alla għamel. Sakemm din it-tifkira” tibqa’ tifkira ħajja, kollha radd il-ħajr u tifħir ta’ Alla, il-mistrieħ tal-bniedem f’jum il-Mulej jikseb tifsir sħiħ. Hu hawn li l-bniedem jidħol fil-fond tal-“mistrieħ” ta’ Alla, u jkollu xi ħjiel tal-ferħ tal-Ħallieq li wara l-ħolqien ra li kull ma kien għamel kien sewwa ħafna. (Ġen 1,3).

Mis-Sibt sal-Ħadd

  1. Għaliex it-tielet kmandament jiddependi mit-tifkira ta’ l-għeġubijiet ta’ Alla għas-salvazzjoni tad-dinja, u għaliex l-insara fehmu x’kien iż-żmien ġdid definittiv li Kristu tah bidu ġdid, l-ewwel jum ta’ wara s-Sibt sar jum ta’ festa, għax kien il-jum li fih il-Mulej qam mill-imwiet. Il-misteru ta’ l-Għid ta’ Kristu hu rivelazzjoni sħiħa tal-misteru tal-bidu tad-dinja, il-milja tal-ġrajja tas-salvazzjoni, u l-antiċipazzjoni tat-tmiem eskatoloġiku tad-dinja.

Dak li Alla għamel fil-ħolqien u dak li għamel għall-poplu tiegħu fl-Esodu kellu l-espressjoni sħiħa tiegħu fil-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, għalkemm it-tmiem definittiv tiegħu ma seħħx qabel il-Parousia meta Kristu jerġa’ jiġi fil-glorja. Fih it-tifsira “spiritwali” tas-Sibt isseħħ fil-milja kollha tagħha, kif jikteb San Girgor il-Kbir: “Għalina s-Sibt tassew hu l-persuna tal-Feddej tagħna, Sidna Ġesù Kristu” . Din hi r-raġuni għaliex il-ferħ li bih Alla kkontempla fl-ewwel Sibt ta’ l-umanità, kulma ġie maħluq mix-xejn, issa jfisser il-ferħ li ġab Kristu f’Ħadd il-Għid meta deher fost id-dixxipli u wasslilhom id-don tal-paċi u d-don ta’ l-Ispirtu s-Santu (ara Ġw 20, 19-23). Kien fil-misteru ta’ l-Għid li l-umanità, flimkien mal-ħolqien kollu, li “għadu s’issa jitniegħed fl-uġigħ tal-ħlas” (Rum 8, 22), waslet biex tagħraf l-“esodu” l-ġdid li wassalha għall-ħelsien ta’ wlied Alla, li flimkien ma’ Kristu jistgħu jgħidu; “Abba Missier” (Rum 8,15; Gal 4, 6). Fid-dawl ta’ dan il-misteru, it-tifsir tal-preċett tat-testment il-Qadim dwar Jum il-Mulej jinstab, perfezzjonat u rivelat fil-milja kollha tiegħu, fil-glorja li tiddi f’wiċċ Kristu rxoxt (ara 2 Kor 4, 6). Nitilqu mis-Sibt u naslu “fl-ewwel jum wara s-Sibt”, mis-seba’ jum sa l-ewwel jum: id-Dies Domini ssir id-Dies Christi.

 

 

 

 

 

 

 

Kap II

Dies Christi

Jum Kristu rxoxt u d-don ta’ l-Ispirtu s-Santu

L-Għid ta’ kull ġimgħa

  1. “Niċċelebraw il-Ħadd minħabba l-qawmien kollu ġieħ tal-Mulej Ġesù Kristu mill-imwiet, u dan nagħmluh mhux biss fi żmien il-Għid imma fil-bidu ta’ kull ġimgħa” , kiteb il-Papa Innoċenz fil-bidu tas-seklu ħamsa, u hekk wera li din kienet drawwa li kienet ilha teżisti u kienet żviluppat mill-ewwel snin wara l-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet, San Bażilju jitkellem dwar il-“Ħadd qaddis” mogħti ġieħ bil-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet, l-ewwel frott tal-jiem l-oħra kollha” , u Santu Wistin isejjaħ il-Ħadd bħala “sagrament ta’ l-Għid” .

Ir-rabta intima bejn il-Ħadd u l-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet, tidher bil-qawwa kollha tagħha fil-Knejjes kollha tal-lvant u tal-punent. B’mod partikolari fit-tradizzjoni tal-Knejjes tal-lvant kull Ħadd hu anastasimos hemera (jum il-qawmien mill-imwiet) , u għalhekk li l-Ħadd u fil-qalba tal-qima ta’ Alla.

Fid-dawl ta’ din it-tradizzjoni li qatt ma tbiddlet u hi mxerrda ma’ kullimkien, hi ħaġa ċerta li Jum il-Mulej, għalkemm għandu l-“mistrieħ” bibbliku ta’ Alla, jitlob dejjem li nħarsu lejn il-qawmien mill-imwiet tal-Mulej, jekk irridu nifhmu sewwa x’inhu. Dan hu li jiġri fil-Ħadd nisrani li kull ġimgħa jwassal lill-insara biex jimmeditaw u jgħixu l-ġrajja ta’ l-Għid, il-veru bidu tas-salvazzjoni tad-dinja.

  1. Skond ix-xhieda ta’ l-Evanġelji kollha, il-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet seħħ “fl-ewwel jum wara s-Sibt” (Mk 16,2.5; Lq 23, 1; Ġw 20, 1). Dakinhar stess Ġesù deher liż-żewġ dixxipli ta’ Emmaus (ara Lq 24, 13-35) u lit-tnax-il Appostlu miġburin flimkien (ara Lq 24, 36; Ġw 20, 19). Ġimgħa wara – kif jirrakkontalna l-Evanġelju ta’ San Ġwann (ara 20, 26) – id-dixxipli reġgħu kienu jinsabu miġburin flimkien meta Ġesù reġa’ dehrilhom u wera lili nnifsu lil Tumas, billi wrieh il-marki tal-passjoni. Jum Għid il-Ħamsin – l-ewwel jum tat-tmien ġimgħa wara l-Għid tal-Lhud (ara Atti 2, 1), meta l-wegħda magħmulha minn Ġesù lid-dixxipli wara l-qawmien mill-imwiet seħħet bil-miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu (ara Lq 24, 49); Atti 1, 4-5) kien ukoll jum il-Ħadd. Dan kien il-jum ta’ l-ewwel tħabbira u ta’ l-ewwel magħmudijiet. Pietru ħabbar il-folla li nġemgħet li Kristu kien irxoxta u “dawk li laqgħu kliemu tgħammdu” (Atti 2, 1). Din kienet l-epifanija tal-Knisja li dehret bħala l-poplu li fih jingħaqdu flimkien, minkejja d-differenzi kollha tagħhom, l-ulied ta’ Alla li kienu xterdu.

L-ewwel jum tal-ġimgħa

  1. Hu għalhekk li sa minn żmien l-Appostli, “l-ewwel jum ta’ wara s-Sibt”, l-ewwel jum tal-ġimgħa, beda jmexxi r-ritmu tal-ħajja tad-dixxipli tal-Mulej (ara I Kor 16, 2). “L-ewwel jum wara s-Sibt” kien ukoll il-jum li fih il-fidili ta’ Troas kienu miġburin flimkien għall-“qsim tal-ħobż”, meta San Pawl selmilhom qabel tbiegħed minnhom, u b’miraklu ta’ l-ħajja mill-ġdid liż-żagħżugħ Ewtike (Atti 20, 7-12). Il-Ktieb ta’ l-Epokalissi hu xhieda tad-drawwa li ssejjaħ l-ewwel jum tal-ġimgħa Jum il-Mulej(1, 10). Din issa kienet il-karatteristika li tagħżel lill-insara mid-dinja madwarhom. Sa mill-bidu tat-tieni mitt sena, Plinju ż-Żgħir, gvernatur ta’ Bitinja, fir-rapport tiegħu jinnota li l-insara kellhom id-drawwa li f’jum wieħed, qabel ma jisbaħ, jinġabru flimkien biex ikantaw innu lil Kristu, bħallikieku kien Alla . U meta l-insara kienu jitkellmu fuq “Jum il-Mulej”, dan kienu jagħmluh huma u jagħtu tifsir sħiħ lit-tħabbira ta’ l-Għid: “Ġesù Kristu hu l-Mulej” (Fil 2, 11; ara Atti 2, 36; I Kor 12, 3). B”hekk lil Kristu ngħata l-istess titolu li bih is-Sebgħin kienu jagħtu lil Dak li fir-rivelazzjoni tat-Testment il-Qadim kien imfisser bil-Kelma YHWH, li qatt ma kien permess li tiġi mtennija.
  2. F’dawk l-ewwel żminijiet insara, it-tqassim tal-ġranet f’ġimgħa ma kienx parti mill-ħajja tal-pajjiżi fejn tħabbar l-Evanġelju, u l-jiem ta’ festa tal-Griegi u tar-Rumani ma kinux jaħbtu mal-Ħadd nisrani. Kienet għalhekk ħaġa diffiċli ħafna għall-insara li jħarsu Jum il-Mulej f’jum determinat tal-ġimgħa. Hu għalhekk li l-insara kienu jiltaqgħu qabel jisbaħ . Iżda t-tqassim tal-ġranet f’ġimgħa kellu jidħol għax mibni fuq it-Testment il-Ġdid, u marbut mar-rivelazzjoni tat-Testment il-Qadim. Fuq dan kieku jinsistu sewwa l-Apoloġisti u Missierijiet il-Knisja fil-kitba u l-predikazzjoni tagħhom. Huma u jitkellmu fuq il-Misteru ta’ l-Għid, kienu jagħmlu użu mill-istess siltiet ta’ l-Iskrittura li, skond ix-xhieda ta’ San Luqa (ara 24, 27; 44, 47), Kristu nnifsu kien fisser lid-dixxipli. Fid-dawl ta’ dawn is-siltiet, iċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Qawmien mill-imwiet kisbet valur dottrinali u simboliku, kapaċi jfisser il-misteru nisrani kollu kemm hu bħala ħaġa tassew ġdida.
  3. Hu dan it-tiġdid li l-katekeżi ta’ l-ewwel żminijiet kisbet bħala l-ħaġa l-iktar importanti tul l-ewwel mijiet ta’ snin, hija u tipprova turi kemm kien aqwa mis-Sibt Lhudi l-Ħadd nisrani. Kien is-Sibt, il-jum li fih il-Lhud kienu jinġabru fis-sinagogi u kienu jistrieħu skond kif kienet tordnalhom il-Liġi. L-Appostli, u San Pawl b’mod partikolari, għall-ewwel kienu jingħaqdu mal-ġemgħa fis-sinagoga, biex hemm ikunu jistgħu jħabbru ′l Kristu, huma u jfissru “kliem il-profeti li jinqara kull nhar ta’ Sibt” (Atti 13, 27); xi komunitajiet insara baqgħu jħarsu s-Sibt, waqt li kienu jiċċelebraw ukoll il-Ħadd. Iżda ż-żewġ ġranet ma damux ma jintgħażlu minn xulxin b’mod aktar ċar, l-aktar bħala reazzjoni għal dawk l-insara li għax kienu Lhud kienu mħajrin ukoll li jżommu l-preċett tas-Sibt. San Injazju ta’ Antjokja jikteb: “Jekk dawk li kienu jgħixu skond il-qagħda ta’qabel, issa waslu għal tama ġdida, u mhux iħarsu aktar is-Sibt imma qed jiċċelebraw Jum il-Mulej, il-jum li fih ħajjitna ġġedded bih u bil-mewt tiegħu…dak il-misteru li minnu ksibna l-fidi tagħna u fiha nżommu sħiħ biex nitqiesu bħala dixxipli ta’ Kristu, l-Imgħallem wieħed tagħna, kif nistgħu ngħixu mingħajru meta l-profeti wkoll, dixxipli tiegħu fl-Ispirtu, stennewh bħala l-Imgħallem? . Santu Wistin min-naħa tiegħu jgħid “Mela l-Mulej innifsu qiegħed is-siġill fuq il-jum tiegħu, li hu t-tielet jum wara jum il-passjoni. Iżda fil-mixja tal-ġimgħat hu t-tmien jum wara s-seba’, jiġifieri wara s-Sibt, u l-ewwel jum tal-ġimgħa” . L-għażla tal-Ħadd, mis-Sibt Lhudi, issaħħet aktar fil-ħsieb tal-Knisja, għalkemm kien hemm xi żminijiet fl-istorja, meta minħabba l-enfasi li kien hemm dwar l-mistrieħ tal-Ħadd, Jum il-Mulej sar aktar jixbah is-Sibt Lhudi. Kien hemm ukoll gruppi ta’ nsara li kienu jħarsu kemm is-Sibt u kemm il-Ħadd, li kienu jqisuhom “jiem aħwa” .

Jum il-ħolqien ġdid

Paragun bejn il-Ħadd nisrani u d-dehra tas-Sibt skond it-Testment il-Qadim, wassal għall-fehmiet teoloġiċi ta’ interess kbir. B’mod partikulari, dehret ir-rabta waħdanija bejn il-Qawmien u l-Ħolqien. Il-ħsieb nisrani minnufih rabat il-Qawmien mill-imwiet, li seħħ “fl-ewwel jum tal-ġimgħa” ma’ l-ewwel jum tal-ġimgħa kosmika (ara Ġen 1, 1-2, 4) li jagħti bidu għall-ġrajja tal-ħolqien fil-Ktieb tal-Ġenesi: jum il-ħolqien tad-dawl (Ġen 1, 3-5). Din ir-rabta wasslet għall-fehma tal-Qawmien mill-imwiet bħala ħolqien ġdid, li tiegħu l-ewwel frott hu Kristu fil-glorja, “ il-kbir fost il-ħlejjaq kollha” (Kol 1, 15), “il-kbir li qam mill-imwiet” (Kol 1, 8).

  1. Fil-fatt, il-Ħadd hu l-jum fuq il-jiem l-oħa kolha, li jistieden l-insara biex jiftakru fis-salvazzjoni li ġiet mogħtija llhom fil-magħmudija, u li biha ġġeddu fi Kristu. “Indfintu ma’ Kristu fil-magħmudija u fil-magħmudija rxuxtajtu miegħu permezz tal-fidi tagħkom fil-qawwa ta’ Alla li qajmu mill-imwiet” (Kol 2, 12); ara Rum 6, 4-6). Il-liturġija turi l-importanza tad-dimensjoni battesimali tal-Ħadd, kemm bis-sejħa għaċ-ċelebrazzjoni tal-magħmudija nhar ta’ Ħadd, u wkoll fil-Vġili tal-Għid – f’dak il-jum tal-ġimġha li fih il-knisja tfakkar il-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet – kemm bis-suġġeriment ta’ rit penitenzjali adatt, fil-bidu tal-Quddiesa, bit-traxxix ta’ l-ilma mbierek b’tifkira tal-magħmudija, li biha tibda kull ħajja nisranija .

It-tmien jum xbieha ta’ l-eternità

  1. Barra dan, il-qagħda tas-Sibt, bħala s-seba’ jum tal-ġimgħa, tat lill-Jum il-Mulej simboliżmu komplimentari, li kien tant għall-qalb ta’ Missirijiet il-Knisja. Il-Ħadd m’huwiex biss l-ewwel jum, imma hu wkoll it-“tmiem jum”, li jinsab matul is-sebat ijiem tal-ġimgħa f’qagħda unika u traxxendenti, li tfakkar mhux biss il-bidu taż-żmien imma wkoll it-tmiem tiegħu, iż-“żmien li għad irid jiġi”. San Bażilju jikteb li l-Ħadd hu simbolu ta’ dak il-jum singolari, li għad jiġi wara dan iż-żmien, il-jum bla tmiem li ma jkunx jaf la lejl u lanqas nhar, iż-żmien li ma jintemm qatt u lanqas jixjieħ. Il-Ħadd hu t-tħabbira dejjem sejra tal-ħajja bla tmiem li ġġedded il-ħajja ta’ l-insara u tħeġġiġhom tul ħajjithom . Santu Wistin, huwa hu jħares lejn l-aħħar jum li jtemm għal kollox is-simboliżmu eskatoloġiku tas-Sibt, jagħlaq l-Istqarrijiet tiegħu b’deskrizzjoni ta’ l-Eschaton bħala sliem ta’ mistrieħ, sliem tas-Sibt, sliem bla għaxija . In-nisrani, hu u jiċċelebra l-Ħadd, bħala l-ewwel u bħala “t-tmien” jum hu mmexxi lejn il-għan tal-ħajja ta’ dejjem .

Jum Kristu-Dawl

  1. Din il-viżjoni Kristoċentrika titfa’ dawl fuq simboliżmu ieħor li l-ħsieb nisrani u l-prattika pastorali jorbtu ma’ Jum il-Mulej. Ħsieb pastorali għaqli wassal lill-Knisja biex tagħmel nisrani l-ħsieb tal-Ħadd bħala “jum ix-xemx”: hekk kienu jsejħu r-Rumani dan il-jum u hekk għadu jissejjaħ f’xi ilsna ta’ llum . Dan sar biex l-insara jitwarrbu mill-ħajriet ta’ kulti li kienu jqimu x-xemx, u jiddedikaw iċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-jum għal Kristu, ix-“xemx” tassew ta’ l-umanità. San Ġustinu, huwa u jikteb lill-pagani, jitkellem kif kien jitkellmu n-nies ta’ żmienu u jgħid li l-insara jinġabru flimkien “fil-jum imsebbaħ għax-xemx” iżda għal dawk li kienu jemmnu din l-espressjoni kienet ġa ħadet tifsir ieħor, b’għeruqha fl-Evanġelju . “Kristu hu d-dawl tad-dinja” (ara Ġw 9, 5 u wkoll 1,4-5.9) u skond it-tqassim taż-żmien f’ġimgħat, il-jum tal-qawmien mill-imwiet hu riflessjoni dejjem sejra fuq l-epifanija tal-glorja tiegħu. Il-ħsieb li l-Ħadd hu l-jum imdawwal bir-rebħa ta’ Kristu rxoxt, insibuh ukoll fil-liturġija tas-Sigħat u jingħata importanza speċjali fil-Panichida, il-vġili li fil-liturġija tal-Lvant tħejji ċ-ċelebrazzjoni tal-Ħadd. Minn ġenerazzjoni għall-oħra, il-Knisja, hija u tinġabar f’dan il-jum, tagħmel tagħha l-istagħġib ta’ Zakkarija huwa u jħares lejn Kristu u jarah bħala sebħ “li jdawwal lil dawk li jinsabu fid-dlamijiet u fid-dell tal-mewt” (Lq 1, 78-79), u ttenni l-ferħ ta’ Xmun meta ħa fuq dirgħajh it-tarbija Ġesù u għarfu bħala Dak li hu “dawl li jdawwal il-ġnus” (Lq 2,32).

Jum id-don ta’ l-Ispirtu

Il-Ħadd hu jum id-dawl, imma jista’ jkun ukoll jum in-“nar” b’relazzjoni ma’ l-Ispirtu. Id-dawl ta’ Kristu għandu rabta intima man-“nar” ta’ l-Ispirtu, u ż-żewġ xbihat juru xi jfisser il-Ħadd nisrani . Meta Ġesù deher lill-Appostli l-Ħadd filgħaxija f’jum l-Għid, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma” (Ġw 20, 22-23). Id-don ta’ l-Ispirtu s-Santu kien l-aqwa don li Kristu rxoxt ta lid-dixxipli tiegħu nhar Ħadd il-Għid.

U kien jum il-Ħadd ukoll meta, ħamsin jum wara l-qawmien mill-imwiet, l-Ispirtu s-Santu niżel bħala “riħ qawwi” u “nar” (Atti 2,2-3), fuq l-Appostli, miġburin flimkien ma’ Marija. Għid il-Ħamsin m’huwiex biss il-jum li fih twaqqfet il-Knisja, imma hu wkoll il-misteru li dejjem jagħti il-ħajja lill-Knisja . Din il-ġrajja wkoll għandha l-mument liturġiku qawwi tagħha fiċ-ċelebrazzjoni ta’ kull sena li tagħlaq “il-Ħadd il-Kbir” , imma hija wkoll parti mit-tifsir għoli ta’ kull Ħadd, għax għandha rabta intima mal-misteru ta’ l-Għid. L-Ġħid ta’ kull ġimgħa” hekk isir b’xi mod l-“Għid il-Ħamsin ta ta’ kull ġimgħa”, meta l-insara jgħixu mill-ġdid il-laqgħa tagħhom ma’ Kristu rxoxt u jirċievu mingħandu n-nifs li jagħti l-ħajja.

Jum il-fidi

  1. Dawn il-ħafna dimensjonijiet li jagħżlu l-Ħadd mill-bqija tal-jiem, jagħmluh l-ogħla jum tal-fidi. Hu jum li fih, bil-qawwa ta’ l-Ispirtu, li hu t-“tifkira” ħajja tal-Knisja, (Ġw 14, 26), l-ewwel dehra ta’ Kristu rxoxt isir fatt li jiġġedded fl-“illum” ta’ kull dixxiplu tal-Mulej. Dawk iħossu ruħhom imsejħin bħal San Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara jdejja, u ressaq idek u qiegħda fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, imma emmen” (Ġw 20, 27), Iva, il-Ħadd hu jum il-fidi. Dan jurih sewwa l-fatt li l-liturġija ewkaristika tal-Ħadd, bħal dik tas-Solennitajiet kollha, għandha l-istqarrija tal-fidi. Kantat jew reċitat, il-Kredu juri l-karattru batteżimali ta’ l-Għid u n-natura tiegħu taċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Għid tal-Mulej, u hekk jagħmel il-Ħadd il-jum li fih l-imgħammdin kollha jġeddu r-rabta tagħhom ma’ Kristu u ma’ l-Evanġelju tiegħu, huma u jerġgħu jagħrfu b’mod ħaj tassew il-wegħdiet li għamlu fil-magħmudija tagħhom. L-imgħammdin, huma u jisimgħu l-Kelma u jitqarbnu bil-ġisem tal-Mulej, jikkontemplaw lil Kristu rxoxt, preżenti taħt “ix-xbihat qaddisa”, u jistqarru flimkien ma’ San Tumas, u jgħidu: “Alla tiegħi u Mulej tiegħi” (Ġw 20, 28).

Jum li ma ngħaddux mingħajru

  1. Hi mela għalhekk ħaġa ċara li fi żminijietna wkoll, li huma żminijiet diffiċli ħafna, l-identità ta’ jum il-Ħadd irridu nħarsuha u fuq kollox ngħixuha fil-qofol kollu tagħha. Kittieb mil-Lvant fil-bidu tat-tielet seklu jgħidilna li ġa minn dak iż-żmien kullimkien kienet imħarsa regolarment il-qdusija ta’ jum il-Ħadd . Dak li l-insara bdewh minn rajhom bħala drawwa, biż-żmien sar regola ġuridika. Jum il-Mulej insibuh dejjem lill-istorja tal-Knisja tul elfejn sena: kif mela nistgħu naħsbu li dan mhux se jkompli jseħħ fil-ġejjieni? L-influwenzi ta’ llum jistgħu jagħmlu aktar iebes il-ħarsien tal-Ħadd, u l-Knisja, bħala Omm li tħoss għal uliedha, tqis iċ-ċirkostanzi kollha ta’ kull wieħed u waħda minn uliedha. B’mod partikulari tħoss li għandha mpenn kateketiku u pastorali ġdid, ħa tiżgura li, tul il-ħajja normali ta’ uliedha, ħadd minnhom ma jkun imċaħħad mill-għana tal-grazzji li joħorġu miċ-ċelebrazzjoni ta’ kull Ħadd. Hu b’dan l-ispirtu li l-Konċilju Vatikan II semma’ l-possibiltà ta’ tibdil fil-Kalendarju tal-Knisja biex ikun jaqbel ma’ għadd ta’ kalendarji ċivili oħra, waqt li stqarriet li lesta taċċetta biss dawk l-adattamenti li jħarsu ġimgħa ta’ sebat ijiem li jkollha Ħadd . Minħabba l-ħafna aspetti u tifsiriet tal-Ħadd, u r- rabta tiegħu ma’ l-istess sisien tal-fidi, iċ-ċelebrazzjoni tal-Ħadd nisrani tibqa’ fuq l-għatba tat-tielet elf sena element indispensabbli ta’ l-identità nisranija tagħna.

 

Kap III

Dies Ecclesiae

Iċ-Ċelebrazzjoni ewkaristika: tagħti l-karattru lill-Ħadd

Il-preżenza ta’ Kristu rxoxt

  1. “Araw, jiena magħkom sa l-aħħar taż-żmien” (Mt 28, 20). Il-wegħda ta’ Kristu qatt ma waqfet tidwi fil-Knisja bħala s-sigriet li jagħtina kotra ta’ frott f’ħajjitna u bħala għajn tat-tamiet kollha tagħha. Bħala Jum il-qawmien mill-imwiet, il-Ħadd m’huwiex biss tifkira ta’ ġrajja li seħħet fl-imgħoddi; hi ċelebrazzjoni tal-preżenza ħajja ta’ Kristu rxoxt f’nofs il-poplu tiegħu.

Biex din il-preżenza titħabbar sewwa u ngħixuha kif imiss, mhux biżżejjed li d-dixxipli jitolbu kull wieħed għal rasu, u jfakkru l-mewt u l-qawmien tal-Mulej mill-imwiet fis-skiet ta’ qalbhom. Dawk li rċevew il-grazzja tal-magħmudija, jiksbu s-salvazzjoni mhux individwalment għal rashom, imma bħala membri tal-Ġisem mistiku, għax huma sehem mill-poplu ta’ Alla . Hi ħaġa mportanti għalhekk li jiltaqgħu flimkien biex juru, fil-milja kollha tagħha, l-istess identità tal-Knisja, l-ekklesia, il-ġemgħa msejħa minn Kristu rxoxt li offra ħajtu “biex jiġbor l-ulied Alla li kienu xterdu” (Ġw 11, 52). Huma “ħaġa waħda” ma’ Kristu (ara Gal 1, 28) permezz tad-don ta’ l-Ispirtu. Din l-għaqda tidher meta l-insara jinġabru flimkien: biex, b’mod ħaj, jagħrfu li huma poplu mifdi” minn kull tribù u lsien, minn kull poplu u nazzjon” (Apok 5, 9), u jagħtu xhieda ta’ dan quddiem id-dinja. Il-ġemgħa tad-dixxipli tal-Mulej, minn żmien għall-ieħor, turi x-xbieha ta’ dik l-ewwel komunità nisranija li San Luqa jsemmi fl-Atti ta’ l-Appostli, meta jgħid li dawk l-ewwel imgħammdin li emmnu “kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim ta’ l-Appostli, u fl-għaqda bejniethom, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb” (Atti 2, 42).

Il-laqgħa ewkaristika

  1. L-Ewkaristija m’hijiex biss espressjoni ta’ qawwa liema bħalha tar-realtà tal-ħajja tal-Knisja, imma hi wkoll b’xi mod “l-għajn ta’ din il-ħajja” . L-Ewkaristija tmantni u tibni l-Knisja. “La l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed: ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda” (I Kor 10.17). Minħabba r-rabta vitali mas-sagrament tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej, il-misteru tal-Knisja ngawduh, inħabbruh u ngħixuh b’mod mill-aqwa fl-Ewkaristija .

Din id-dimensjoni ekklesjali intrinsika fl-Ewkaristija sseħħ kull ċelebrazzjoni ewkaristika, imma titfisser b’mod tassew speċjali meta l-komunità kollha tinġabar flimkien biex tfakkar il-qawmien tal-Mulej mill-imwiet. Ifisser ħafna l-fatt li l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħallem li “Iċ-ċelebrazzjoni nhar ta’ Ħadd ta’ Jum il-Mulej u ta’ l-Ewkaristija hi fil-qalba tal-ħajja tal-Knisja” .

  1. Fil-Quddiesa tal-Ħadd, l-insara jgħixu mill-ġdid b’qawwa liema bħala l-esperjenza ta’ l-Appostli nhar l-Għid filgħaxija meta Kristu rxoxt dehrilhom, waqt li kienu miġburin flimkien (ara Ġw 20, 19). F’ċertu sens, il-Poplu kollu ta’ Alla taż-żminijiet kollha kien preżenti f’dik il-ġemgħa żgħira ta’ dixxipli, l-ewwel frott tal-knisja. Permezz tax-xhieda tagħhom, kull ġenerazzjoni ta’ dawk li jemmnu tisma’ t-tislima ta’ Kristu, kollha għanja bid-don tas-sliem, miksub b’demmu u mogħti flimkien ma’ l-Ispirtu tiegħu: “Il-paċi magħkom”. Meta Kristu reġa’ dehrilhom “ġimgħa wara” (Ġw 20, 26) ħabbrilhom minn qabel id-drawwa tal-komunità nisranija, dik li l-insara jiltaqgħu flimkien kull sebat ijiem, f’jum il-Mulej, biex jistqarru l-fidi tagħhom fil-qawmien mill-imwiet, u jkollhom il-barka li wegħedhom: “Ħenjin dawk li ma rawx u jemmnu” (Ġw 20, 29). Ir-rabta intima bejn id-dehra ta’ Kristu rxoxt u l-Ewkaristija jissuġġerhielna l-Evanġelju ta’ San Luqa fil-ġrajja tad-dixxipli ta’ Għemmaws, li magħhom Kristu ngħaqad, fissrilhom l-Iskrittura u mbagħad qagħad magħhom fuq il-mejda. Għarfuh meta “qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom” (Lq 24, 30). Il-ġesti ta’ Ġesù f’din il-ġrajja huma l-istess ġesti tiegħu fl-Aħħar Ikla, b’riferenza ċara għall-“qsim tal-ħobż” kif kienet tissejjaħ l-Ewkaristija mill-ewwel ġenerazzjonijiet ta’ nsara.

L-Ewkaristija tal-Ħadd

  1. Veru li l-Ewkaristija tal-Ħadd fiha nnifisha m’hijiex differenti mill-Ewkaristija ċelebrata fil-ġranet l-oħra tal-ġimgħa u lanqas nistgħu nifirduha mill-ħajja liturġika u sagramentali kollha kemm hi. Min-natura tagħha stess, l-Ewkaristija hi epifanija tal-Knisja , u dan hu mfisser bil-qawwa kollha meta l-komunità djoċesana tinġabar titlob mar-ragħaj tagħha. “Il-Knisja tidher b’mod l-aktar ċar meta l-Poplu qaddis ta’ Alla, kollu kemm hu, jieħu sehem sħiħ u attiv f’ċelebrazzjoni ewkaristika – imsieħeb fl-istess talba waħda u fl-istess artal wieħed, u jkun lippresiedi l-Isqof, imdawwar mill-presbiteri u l-ministri tiegħu” . Din ir-relazzjoni ma’ I-isqof u mal-komunità kollha tal-Knisja tinsab f’kull ċelebrazzjoni ewkaristika, ukoll meta l-Isqof ma jkunx jippresiedi, u jkun liema jkun il-jum li fih issir iċ-ċelebrazzjoni. L-isem ta’ l-Isqof li jingħad waqt it-talba ewkaristika juri dan.

Iżda l-Quddiesa tal-Ħadd, minħabba s-solennità speċjali tagħha u minħabba d-dmir li l-komunita tissieħeb fiċ-ċelebrazzjoni “fil-jum li fih Kristu ħareġ rebbieħ fuq il-mewt u tana sehem mill-ħajja ta’ dejjem” , b’enfasi aktar kbira, turi d-dimensjoni ekklesjali li hi kollha kemm hi tagħha. Hekk issir l-eżempju ta’ kull ċelebrazzjoni ewkaristika. Kull komunità tiġbor il-membri tagħha għall-“qsim tal-ħobż” u hekk issir il-post fejn il-misteru tal-Knisja jidher verament. Hija u tiċċelebra l-Ewkaristija il-komunità tinfetaħ għax-xirka mal-Knisja universali , hija u titlob lill-Missier biex “jiftakar fil-Knisja mxerrda mad-dinja” ħa tikber fl-għaqda ta’ l-insara kollha mal-Papa u mar-Rgħajja tal- Knejjes partikolari, sal-mument li fih l-imħabba tilħaq il-perfezzjoni sħiħa tagħha.

Jum il-Knisja

  1. Id-Dies Domini hu għalhekk ukoll Dies Ecclesiae. Din hi r-raġuni għaliex l-aspett pastorali tal-komunità għandu jkollu importanza speċjali. Kif għedt band’oħra, fost il-ħafna attivitajiet li jsiru f’parroċċa, ebda attività ma hi hekk vitali u hekk ta’ siwi għall-bini tal-komunità daqs iċ-ċelebrazzjoni tal-Ħadd bħala Jum il-Mulej u l-Ewkaristija tiegħu . Il-Konċilju Vatikan II, huwa u jagħraf dan, fakkar fil-ħtieġa li jridu jsiru sforzi biex jiżguraw li “fi ħdan il-parroċċa jkun hemm sens ħaj ta’ komunità, l-ewwelnett permezz taċ-ċelebrazzjoni komunitarja tal-Quddies tal-Ħadd” . Imbagħad direttivi liturġiċi oħra jkomplu jinsistu fuq din il-ħaġa, u jitolbu li ċ-ċelebrazzjoni ewkaristiċi li normalment isiru fi knejjes oħra u f’kappelli jkunu b’xi mod marbutin maċ-ċelebrazzjoni fil-parroċċa “biex jinżamm ħaj is-sens ta’ komunità, li jinżamm u jintwera b’mod partikolari biċ-ċelebrazzjoni komunitarja tal-Ħadd, kemm ma’ l-Isqof, speċjalment fil-Kattidral, u kemm fil-ġemgħa tal-parroċċa, fejn il-kappillan jirrappreżenta lill-Isqof” .
  2. Il-ġemgħa tal-Ħadd hi l-post privileġġjat ta’ għaqda: hi d-dehra taċ-ċelebrazzjoni tas-sacramentum unitatis li turi bil-qawwa kollha l-Knisja bħala poplu miġbur “mill-għaqda” u “fl-għalqa” tal-Missier, u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu . Il-familji nsara, fil-laqgħa tal-Ħadd jgħixu mod mill-aqwa l-identità tagħhom u l-“misteru” tagħhom bħala “knejjes fid-dar” , meta l-ġenituri jissieħbu ma’ wliedhom fil-mejda waħda tal-Kelma u tal-Ħobż ta’ Alla. Tajjeb li nfakkru hawnhekk li huma l-ġenituri li qabel kulħadd għandhom jgħallmu ′l uliedhom kif jissieħbu fil-Quddiesa tal-Ħadd, bl-għajnuna tal-katekisti, li jridu jaraw li t-tħejjija għat-tisħib fil-Quddiesa hi parti mill-formazzjoni li huma fid-dmir li jagħtu lit-tfal fdati lilhom billi juruhom u jfissrulhom x’inhuma r-raġunijiet għaliex għandu jkun imħares dan il-preċett. Meta jitolbuh iċ-ċirkostanzi, iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa għat-tfal, skond in-normi liturġiċi , tista’ tgħin ukoll f’dan.

Fil-Quddies tal-Ħadd fil-parroċċi, sakemm huma parroċċi ta’ “komunitajiet ewkaristiċi” , hi ħaġa regolari li jkun hemm gruppi, movimenti u assoċjazzjonijiet differenti kif ukoll komunitajiet reliġjużi żgħar fi ħdan il-parroċċa. Dan jgħin biex kulħadd ikollu flimkien l-esperjenza aktar fil-fond ta’ dak li hu tagħhom ilkoll, ′l hemm mill-karatteristiċi spiritwali li jagħżluhom u li l-Knisja tagħtihom u tgħarfilhom bid-dixxerniment ta’ l-awtorità tagħha . Hu għalhekk li mhux ta’ min jinkoraġixxi kull nhar ta’ Ħadd, li hu l-jum tal-ġemgħa, Quddies għall-gruppi żgħar: din m’hijiex kwistjoni biss biex tiżgura li l-komunitajiet parrokkjali ma jkunux imċaħħdin mil-ministeru meħtieġ tas-saċerdoti, imma wkoll biex jiżgura li l-ħajja u l-għaqda tal-komunità nisranija tkun imħarsa u tiġi ′l quddiem kollha kemm hi . Il-permezz għal xi eċċezzjonijiet għal din ir-regola, eċċezzjonijiet li għandhom ikunu limitati ħafna, jiddependu mill-għaqal tar-Rgħajja tal-Knejjes partikolari, eċċessjonijiet li jsiru minħabba ħtiġijiet speċjali fil-qasam tal-formazzjoni u tal-kura pastorali, waqt li jitqies sewwa l-ġid ta’ l-individwu u tal-gruppi – speċjalment jekk il-benefiċċji li joħorġu minn dawn l-eċċezzjonijiet jagħtu frott lill-komunità kollha kemm hi.

Poplu pellegrin

  1. Fil-mixi tal-Knisja tul iż-żminijiet, it-tifkira tal-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet u t-tifkira solenni kull ġimgħa jfakkruna fil-karattru eskatoloġiku tal-Poplu ta’ Alla fil-pellegrinaġġ tiegħu fid-dinja. Ħadd wara ieħor, il-Knisja tersaq lejn l-aħħar “Jum tal-Mulej”, lejn il-Jum li ma għandux tmiem. Il-mistennija għat-tieni miġja ta’ Kristu tinsab, imniżżla fil-qofol tal-misteru tal-Knisja , li tidher f’kull ċelebrazzjoni ewkaristika. Iżda għax f’Jum il-Mulej isir it-tifkira speċifika tal-glorja ta’ Kristu rxoxt, dan il-jum b’aqwa qawwa jfakkar il-glorja li għad ikollu l-Mulej meta “jerġa jiġi”. Dan iwassal biex il-Ħadd ikun il-jum li fih il-Knisja, hija u turi b’mod aktar ċar l-identità tagħha ta’ Għarusa, tantiċipa b’xi mod ir-realtà eskatoloġika ta’ Ġerusalemm tas-sema. Il-Knisja, hi u tiġbor ′l uliedha għaċ-ċelebrazzjoni ewkaristika u tgħallimhom jistennew “l-Għarus divin”, timpenja ruħha f’sura ta’ “ħidma ta’ tama” , hija u tħoss minn qabel l-hena ta’ art ġdida u smewwiet ġodda, meta l-belt qaddisa, Ġerusalemm tas-sema tinżel mingħand Alla, “imżejna bħal Ġħarusa għal Għarus tagħha” (Apok 21, 2).

Jum it-tama

  1. Jekk inħarsu lejn il-Ħadd b’dan il-mod, naraw li m’humiex biss jum ta’ fidi, imma wkoll jum it-tama nisranija. It-tisħib fl-“ikla tal-Mulej” hu tisħib minn qabel fl-ikla eskatoloġika tat-“tieġ tal-Ħaruf” (Apok 19, 9). Il-Komunità nisranija, hija u tiċċelebra it-tifkira ta’ Kristu, li qam mill-imwiet u tela’ fis-sema, tkun qed tistenna “l-hena u l-miġja tas-Salvatur tagħna Ġesù Kristu” , tama nisranija, li tiġġedded u titmantna b’mod l-aktar intensiv kull ġimgħa, issir il-ħmira u d-dawl tat-tama tal-bniedem. Hu għalhekk li t-Talba tal-Fidili twieġeb mhux biss għall-ħtigiet ta’ xi komunità nisranija partikolari imma wkoll għal dawk tal-bnedmin kollha u tal-Knisja. Il-Knisja, miġbura għaċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, turi lid-dinja li tagħmel tagħha “il-ferħ u t-tamiet, in-niket u l-qtigħ il-qalb tan-nies ta’ llum, speċjalment ta’ dawk li huma foqra u qed ibatu” . Bl-offerta ta’ l-Ewkaristija tal-Ħadd, il-Knisja tikkonsagra ix-xhieda li uliedha jħabirku biex jagħtu kull jum tal-ġimgħa, bix-xandir ta’ l-Evanġelju u b’għemejjel ta’ mħabba fid-dinja tax-xogħol u f’ħafna ħidmiet tal-ħajja kollha; hekk il-Knisja turi b’mod aktar ċar l-identità tagħha bħala “sagrament jew sinjal u strument ta’ l-għaqda intima ma’ Alla u ma’ l-unità tal-ġens kollu tal-bnedmin” .

Il-mejda tal-kelma

  1. F’kull ċelebrazzjoni Ewkaristika niltaqgħu ma’ Kristu rxoxt fil-ġemgħa tal-Ħadd, billi nissieħbu fiż-żewġ imwejjed tal-kelma u tal-Ħobż tal-ħajja. Il-mejda tal-kelma tagħti l-istess għarfien tal-ġrajja tas-salvazzjoni, speċjalment tal-misteru ta’ l-Għid, li l-Mulej innifsu ta lid-dixxipli tiegħu; hu Kristu li jitkellem għax hu preżenti fi kliemu, “meta fil-Knisja tinqara l-Iskrittura” . Fuq il-mejda tal-Ħobż tal-ħajja, Kristu hu realment, sostanzjalment u dejjem preżenti permezz tat-tifkira tal-Passjoni u l-Qawmien tiegħu, u l-Ħobż tal-Ħajja jingħata bħala rahan tal-ħajja ta’ dejjem. Il-Konċilju Vatikan II fakkar li “l-Liturġija tal-Kelma u l-Liturġija Ewkaristika huma hekk marbutin ma’ xulxin li jiffurmaw att wieħed ta’ qima” . Il-Konċilju wkoll ħeġġeġ biex “il-mejda tal-kelma ta’ Alla titħejja għall-insara b’mod aktar għani, billi tiftħilhom ħafna aktar it-teżori ta’ l-Iskrittura” . Imbagħad il-Konċilju ried li fil-Quddies tal-Ħadd u f’dak tal-festi kmandati, l-omelija ma għandha qatt titħalla barra jekk mhux ħlief għal raġunijiet serji . Dawn id-digrieti f’waqthom ġew fedelment imħarsa fir-riforma liturġika li dwarha kiteb il-Papa Pawlu VI, huwa u jikkummenta kemm żdied il-għana tal-qari mill-Iskrittura fil-Ħdud u l-festi kmandati. “Dan kollu sar biex dejjem aktar jiżdied fil-fidili ‘l-ġuħ għas-smigħ tal-kelma t’Alla’ (Għam 8, 11), li taħt it-tmexxija ta’ l-Ispirtu s-Santu timbutta l-poplu tal-Patt il-Ġdid lejn l-għaqda perfetta tal-Knisja .
  2. Issa li qed nikkonsidraw l-Ewkaristija tal-Ħadd aktar minn tletin sena wara l-Konċilju, irridu naraw sewwa kif qed tiġi mħabbra l-kelma ta’ Alla u kemm verament il-Poplu ta’ Alla kiber fl-għarfien u l-imħabba ta’ l-Iskrittura . Hemm żewġ aspetti ta’ din il-ħaġa – hemm iċ-ċelebrazzjoni, u hemm il-fatt li wieħed jagħmel tiegħu l-kelma li titħabbarlu – dawn iż-żewġ aspetti huma marbutin ħafna ma’ xulxin. Dwar l-aspetti taċ-ċelebrazzjoni l-Konċilju għamel possibbli t-tħabbira tal-kelma b’ilsien il-komunità li tkun qed tieħu sehem fiċ-ċelebrazzjoni, u dan għandu jqajjem fina sens ġdid ta’ responsabbiltà lejn il-kelma, billi nħallu jiddi l-karattru distintiv tal-kelma mqaddsa wkoll bil-mod kif inħabbruha jew inkantawha . Dwar l-aspett l-ieħor, is-smigħ tal-kelma ta’ Alla li tiġi mħabbra għandu jitħejja sewwa fil-qlub il-fidili b’tagħlim adatt ta’ l-Iskrittura, u fejn jista’ jkun, permezz ta’ inizjattivi ħa jkun hemm għarfien aktar fil-fond tal-qari bibbliku, speċjalment tal-qari tal-Ħdud u l-festi. Jekk l-individwi u l-familji nsara mhux qed jiksbu ħajja ġdida mill-qari ta’ l-Iskrittura bi spirtu ta’ talb u doċilità għat-tifsir li tagħti l-Knisja , ikun diffiċli ħafna li t-tħabbira liturġika tal-kelma ta’ Alla waħedha tagħti dak il-frott li nkunu nistennew. Dan huwa s-siwi ta’ l-inizjattivi ta’ dawk il-komunitajiet parrokkjali li jlaqqgħu flimkien matul kull ġimgħa lil dawk li jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija – is-saċerdot, il-ministri u l-fidili – biex iħejju l-liturġija tal-Ħadd, huma u jimmeditaw minn qabel tul il-ġimgħa, il-kelma ta’ Alla li tkun ser titħabbar. L-għan li jrid jintlaħaq hawn hu li ċ-ċelebrazzjoni kollha kemm hi – talb, kant smigħ u mhux biss l-omelija – trid b’mod jew ieħor tfisser il-mesaġġ tal-liturġija tal-Ħadd, hekk li b’qawwa aktar tolqot lil dawk kollha li jieħdu sehem fiha. Hi ħaġa ċara, li l-eżerċizzju tal-ministeru hu li jħejju r-riflessjoni fuq il-kelma ta’ Alla billi jitolbu u jistudjaw it-test bibbliku, biex imbagħad ikunu jistgħu jfissru x’fih bil-fedeltà kollha u japplikawh għall-ħtiġiet u għall-ħajja ta’ kuljum tan-nies ta’ llum.
  3. Irridu dejjem niftakru li t-tħabbira liturġika tal-kelma ta’ Alla, speċjalment fil-ġemgħa liturġika, m’huwiex tant żmien ta’meditazzjoni u ta’ katekeżi, imma hu aktar djalogu bejn Alla u l-poplu tiegħu, djalogu fejn jitħabbru l-għeġubijiet tas-salvazzjoni fejn bla heda jiġi mfakkar dak li jitlob l-Patt ta’ Alla. Min-naħa tiegħu, il-Poplu ta’ Alla hu msejjaħ biex iwieġeb f’dan id-djalogu ta’ mħabba b’radd il-ħajr u tifħir u juri fedeltà lejn id-dmir tiegħu għall-“konverżjoni” dejjem sejra. Il-ġemgħa tal-Ħadd għalhekk timpenjana għal tiġdid fina nfusna tal-wegħdiet tal-magħmudija tagħna, li jinsabu b’mod impliċitu fit-tlissin tal-Kredu, u jiġu mtennija espliċitament fil-Vġili ta’ l-Għid u kull darba li l-magħmudija tiġi ċelebrata bil-Quddiesa. Meta dan, it-tħabbira tal-kelma waqt iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika tal-Ħadd tieħu dak it-ton solenni li nsibu fit-Testment il-Qadim kull darba li kien jiġġedded il-Patt, meta kienet titħabbar il-Liġi, u kienet tissejjaħ il-ġemgħa ta’ Iżrael – bħal meta l-Poplu kien fid-deżert ħdejn l-għolja tas-Sinaj (ara Es 19, 7-8; 24, 3-7) – biex jgħid l-“Iva” tiegħu, u jġedded il-fehma li jkun fidil lejn Alla u jħares il-kmandamenti tiegħu. Meta Alla jgħid il-kelma tiegħu, jistenna t-tweġiba tagħna, tweġiba li Kristu ġa qalha għalina bl-“Ammen” tiegħu (ara 2 Kor 1, 20-22) u li tidwi ġewwa fina permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu biex dak li nisimgħu jimpenjajna bil-qawwa kollu tiegħu .

Il-mejda tal-Ġisem ta’ Kristu

  1. Il-mejda tal-kelma twassalna b’mod naturali għall-mejda tal-Ħobż ewkaristiku u tħejji l-komunità biex tgħix l-aspetti kollha tagħha, li fl-ewkaristija tal-Ħadd jiksbu solennità speċjali. Meta l-ġemgħa kollha tkun miġbura biex tiċċelebra “Jum il-Mulej”, l-Ewkaristija, aktar milli mill-ġranet l-oħra, tidher bħala dak ir-radd il-ħajr li bih il-Knisja mimlija bl-Ispirtu, iddur lejn il-Missier u ssir ħaġa waħda ma’ Kristu u titkellem f’isem il-bnedmin kollha. Tul il-mixja tal-ġimgħa niġbru b’tifkira kollha ħajr il-ġrajjiet tal-ġranet li jkunu għadhom kemm intemmu biex inqisuhom fid-dawl ta’ Alla u nroddulu ħajr għad-doni tiegħu bla għadd, waqt li nfaħħruh bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu. B’dan il-mod il-komunità nisranija tasal għall-għarfien mill-ġdid tal-fatt li kollox kien maħluq bi Kristu (ara Kol 1, 16; Ġw 1, 3) u li fi Kristu li ġie f’sura ta’ lsir biex jitgħabba bil-qagħda tagħna l-bnedmin u jifdina, jiġġedded kollox (ara Ef 1, 10) ħa jingħata lil Alla l-Missier, li minnu kollox jiġi u jieħu l-ħajja. Imbagħad il-poplu ta’ Alla li bl-“Amen” tiegħu juri li jaqbel mad-dossoloġija Ewkaristika, iħares b’fidi u tama lejn t-tmiem eskatoloġiku, meta Kristu “joffri s-Saltna ta’ Alla lill-Missier… biex Alla jkun kollox f’kulħadd” (I Kor 15, 24.28).
  2. Dan il-moviment “ ′l fuq” jinsab fin-natura taċ-ċelebrazzjoni ewkaristika u jagħmilha ġrajja ta’ ferħ, mimlija ħajr u tama. Dan jidher b’mod partikulari fil-Quddiesa tal-Ħadd minħabba r-rabta speċjali li għandha mat-tifkira tal-qawmien mill-imwiet. Min-naħa l-oħra, dan il-ferħ “ewkaristiku”, li “jerfa’ qlubna”, hu l-frott ta’ l-inżul ta’ Alla lejna, inżul li jibqa’ dejjem imdaħħal fl-element sagrifiċjali essenzjali ta’ l-Ewkaristija, l-ogħla espressjoni u ċelebrazzjoni tal-misteru tal-kenosis, l-inżul li bih Kristu “ċekken lilu nnifsu u obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (Fil 2, 8).

Il-Quddiesa, tassew tagħmel preżenti b’mod ħaj is-sagrifiċċju tas-salib. Taħt ix-xbihat tal-ħobż u l inbid, li fuqhom intalab, bil-kliem tal-konsagrazzjoni, l-Ispirtu li jaħdem b’setgħa ma hemmx oħra bħalha, Kristu joffri lilu nnifsu lil-Missier bl-istess għemil ta’ sagrifiċċju li bih offra lilu nnifsu fuq is-salib. “F’dan is-sagrifiċċju li jseħħ fil-Quddiesa, jinsab u jiġi offert bla tixrid ta’ demm Kristu li offra lilu nnifsu darba għal dejjem bit-tixrid tad-demm fuq l-artal tas-salib” . Mas-sagrifiċċju tiegħu, Kristu jgħaqqad is-sagrifiċċju tal-Knisja: “Fl-Ewkaristija s-sagrifiċċju ta’ Kristu jsir ukoll is-sagrifiċċju tal-membri tal-Ġisem tiegħu. Il-ħajja tal-fidili tiegħu, it-tifħir tagħhom, it-tbatijiet, it-talb u ix-xogħol jingħaqad ma’ dawk ta’ Kristu u ma’ l-offerta sħiħa tiegħu u jiksbu siwi ġdid” . Il-verità li l-komunità kollha tissieħeb fis-sagrifiċċju ta’ Kristu tidher mod ċar speċjalment fil-laqgħa tal-Ħadd, li biha jista’ jitwssal fuq l-artal dak kollu li jkun ġara matul il-ġimgħa, bit-toqol uman kollu tiegħu.

L-ikla ta’ l-Għid u l-laqgħa ta’ l-aħwa

  1. Il-karattru komunitarju ta’ l-Ewkaristija juri ruħu b’mod speċjali meta nħarsu lejha bħala l-ikla ta’ l-Għid li fiha Kristu nnifsu jsir l-ikel tagħna. Hu għalhekk li “Kristu ried jafda f’idejh il-Knisja dan is-sagrifiċċju, biex l-insara jkollhom sehem fih, kemm spiritwalment bil-fidi u l-imħabba, u kemm sagramentalment, fit-tqarbin. Is-sehem fl-ikla tal-Mulej hu dejjem xirka ma’ Kristu, li joffri lilu nnifsu għalina b’sagrifiċċju lill-Missier” . Hu għalhekk li l-Knisja trid li l-insara jitqarbnu meta jieħdu sehem fil-Quddiesa, sakemm huma mħejjija sewwa, u jekk ħatja ta’ xi dnub mejjet, irċevew il-maħfra ta’ Alla fis-sagrament tar-rikonċiljazzjoni , fid-dawl ta’ dak li San Pawl kiteb lill-Korintin (ara I Kor 11, 27-32). Hi ħaġa ċara li hemm aktar insistenza għat-tqarbina ewkaristika fil-Ħdud u tal-festi.

Hu mportanti ħafna wkoll li nagħrfu li x-xirka ma’ Kristu għandha rabta kbira ħafna max-xirka ta’ l-aħwa. Il-ġemgħa ewkaristika tal-Ħadd hi esperjenza ta’ fraternità, li trid tidher sewwa fiċ-ċelebrazzjoni, waqt li tibqa’ mħarsa n-natura taċ-ċelebrazzjoni liturġika. Dan kollu għandu jsib għajnuna mill-ħafna ġesti li bihom l-aħwa jiġu milqugħin u mit-ton tat-talb, dejjem attent għall-ħtiġijiet ta’ kulħadd fil-komunità. Is-sinjal tal-paċi – li fir-rit Ruman b’tifsira liema bħalha jingħata qabel it-tqarbin – hu ġest li tassew ifisser ħafna: bih l-insara huma mistiedna juru bħalha Poplu ta’ Alla li qed jaċċettaw kull ma sar fiċ-ċelebrazzjoni , li qed juru l-impenn tagħhom fl-imħabba tagħhom għal xulxin huma u jaqsmu ħobża waħda bejniethom, waqt li jiftakru fil-kliem impenjattiv tal-Mulej: “Meta tkun qed itella’ l-offerta tiegħek fuq l-artal, u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk fuq l-artal, u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk u mbagħad ejja tella’ l-offerta tiegħek” (Mt 5, 23-24).

Mill-Quddiesa għall-missjoni

  1. Meta jirċievu l-Ħobż tal-ħajja, id-dixxipli ta’ Kristu jħejju ruħhom biex jidħlu bil-qawwa ta’ Kristu rxoxt u ta’ l-Ispirtu tiegħu, għal dawk id-dmirijiet li qed jistennewhom fil-ħajja ta’ kuljum. Għall-insara li fehmu

x’jfisser dak li għamlu, iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika ma tiqafx fil-bieb tal-knisja. Bħall-ewwel xhieda tal-Qawmien ta’ Kristu, l-insara li jinġabru kull nhar ta’ Ħadd u li jħossu u jħabbru l-preżenza ta’ Kristu rxoxt, huma msejħin biex jagħtu xhieda ta’ l-Evanġelju u jxandruh fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Għalhekk dawk kollha li ssieħbu fl-Ewkaristija għandhom jagħrfu aħjar is-siwi tat-talba ta’ wara t-tqarbin u r-rit ta’ l-għeluq – il-barka u l-istedina biex imorru fil-paċi ta’ Kristu – biex jifhmu aktar fil-fond ir-responsabbiltajiet fdati lilhom. Meta l-ġemgħa tasal fit-tmiem tagħha, id-dixxipli kollha tal-Mulej imorru fl-ambjent tagħhom ta’ kuljum bl-impenn li jagħmlu ħajjithom kollha don u sagrifiċċju spiritwali li jogħġob lil Alla (ara Rum 12, 1). Iħossu ruħhom midjunin ma’ ħuthom minħabba dak li rċevew waqt iċ-ċelebrazzjoni, li hu mhux inqas minn dak li rċevew id-dixxipli ta’ Għemmaws li, malli għarfu ′l Kristu rxoxt “fil-qsim tal-ħobż” ħassew li kellhom jerġgħu lura minnufih biex jaqsmu ma’ ħuthom il-ferħ tal-laqgħa mal-Mulej (araLq 245, 33).

Il-preċett tal-Ħadd

  1. Għax l-ewkaristija hi fil-qalba tal-Ħadd, hi ħaġa ċara għaliex sa mill-ewwel żminijiet ir-rgħajja ta’ l-erwieħ qatt ma waqfu li jfakkru lill-insara fuq il-ħtieġa li jissieħbu fil-ġemgħa liturġika. “Ħallu kollox f’jum il-Mulej” twissi il-kitba tat-tielet seklu magħrufa bħala id-Didascalia, “ u ħaffu bl-attenzjoni kollha lejn il-ġemgħa, għax dan hu t-tifħir tiegħek lil Alla. Għaliex xi skuża jista’ jkollhom quddiem Alla dawk li ma jinġarbux f’jum il-Mulej biex jisimgħu l-kelma tal-ħajja u jitmantnu bl-ikel tas-sema li jibqa’ għal dejjem?” L-insara ġeneralment aċċettaw din l-istedina tar-rgħajja tagħhom b’konvinzjoni sħiħa, u għalkemm kien hemm żminijiet u qagħdiet meta dan id-dmir ma kienx imħares b’mod perfett, wieħed qatt ma għandu jinsa l-eroiżmu tas-saċerdoti u tal-fidili li qdew dan id-dmir ukoll fi żmien ta’ periklu għal ħajjithom u ta’ ċaħda tal-libertà reliġjuża tagħhom, kif juruna l-fatti mill-ewwel żminijiet tal-Kristjaneżmu sa żminijietna.

Fl-ewwel Apoloġija li San Ġustino kiteb lill-imperatur Antoninu u lis-Senat kollu, kollu kburi, jgħid x’kienet id-drawwa ta’ l-insara fil-laqgħa tal-Ħadd, li kienet issir fl-istess post fejn kienu jinġemgħu l-insara kemm mill-belt u kemm mill-kampanja . Meta fi żmien il-persekuzzjoni ta’ Djokleżjanu l-laqgħat ta’ l-insara kienu projbiti b’severità kbira, ħafna insara kellhom il-kuraġġ li jisfidaw id-digrieti ta’ l-Imperatur u aċċettaw il-mewt biex ma jitilfux l-Ewkaristija tal-Ħadd. Dan għamluh l-insara ta’ Abitina, fl-Afrika Prokonsolari, li wieġbu lil dawk li kienu jakkużawhom: “Bla biża’ ta’ xejn iċċelebrajna l-Ikla tal-Mulej, għax ma jistax ikun li nitilfuha: din hi l-liġi tagħna”. “Ma nistgħux ngħixu mingħajr l-ikla tal-Mulej”. Hija u tistqarr il-fidi tagħna, waħda mill-martri qalet: “Iva mort għall-laqgħa u ċċelebrajt l-ikla tal-Mulej ma’ ħuti għax jien nisranija .

  1. Fl-ewwel żminijiet ukoll, meta ma nħassitx il-ħtieġa tal-preċett tal-Ħadd, il-Knisja qatt ma naqset li tfakkar dan id-dmir tal-kuxjenza, li joħroġ mill-ħtieġa tar-ruħ, li kienu jħossu bil-qawwa kollha l-insara, ta’ l-ewwel żminijiet. Kien biss aktar tard il-Knisja, meta sabet ruħha quddiem in-nofs ħajra u t-traskuraġni ta’ xi wħud, ħasset li kellha tordna b’mod espliċitu li l-insara kienu fid-dmir li jħarsu l-Ħadd: dan l-aktar sar f’sura ta’ esortazzjoni, iżda f’xi żminijiet il-Knisja kellha tirrikorri għal dispożizzjonijiet kanoniċi speċifiċi. Dan sar f’għadd ta’ Konċilji lokali mir-raba’ seklu ′l quddiem (il-Konċilju ta’ Elvira tas-sena 300, ma jsemmix obbligu, imma biss kastigi wara tliet assenzi) , u b’mod aktar speċjali mis-sitt seklu ′l quddiem (hekk il-Konċilju ta’ Agde fis-sena 506) . Dawn id-digrieti tal-Konċilju lokali wasslu għal drawwa universali u beda jitqies bħala normali l-karattru obbligatorju tagħha .

 

Il-Kodiċi tal-Liġi Kanonika ta’ l-1917 għall-ewwel darba għamel liġi universali din it-tradizzjoni. Il-Kodiċi ta’ llum reġa tennieha u qal: “Fil-Ħdud u l-festi kmandati l-insara huma fid-dmir li jisimgħu l-quddies” . Normalment din il-liġi dejjem tqieset bħala obbligu gravi: dan hu t-tagħlim tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika u dan nifhmuh malajr jekk niftakru kemm hu vitali l-Ħadd fil-ħajja tan-nisrani.

  1. Illum, l-istess bħaż-żminijiet erojċi tal-bidu, ħafna li jridu jgħixu skond ma titlob minnhom il-fidi, qed isibu ruħhom f’qagħdiet diffiċli, f’ħafna pajjiżi tad-dinja. Qed jgħixu f’ambjenti li xi kultant huma deċiżament ostili u drabi oħra – u dan aktar ta’ spiss – f’ambjenti indifferenti tant li ma jimpurtahom xejn mill-messaġġ evanġeliku. Jekk dawk li jemmnu ma jridux jiġu mirbuha mill-ambjent, iridu jsibu l-għajnuna tal-komunità nisranija. Hu għalhekk li jridu jkunu konvinti li hi ħaġa mportanti ħafna għall-ħajja tal-fidi tagħhom li jinġabru flimkien ma’ loħrajn kull nhar ta’ Ħadd, ħa jiċċelebraw l-Għid tal-Mulej fis-sagrament tal-Patt il-Ġdid. Hi responsabbiltà speċjali ta’ l-isqfijiet li “jiżguraw li l-insara kollha jifhmu s-siwi tal-Ħadd u jiċċelebrawh tassew bħala Jum il-Mulej, meta l-Knisja tinġabar biex iġġedded it-tifkira tal-misteru ta’ l-Għid hija u tisma’ l-kelma ta’ Alla, toffri s-sagrifiċċju tal-Mulej, u tqaddes il-jum bit-talb, b’għemejjel ta’ mħabba u waqfien mix-xogħol” .
  2. Għaliex l-insara huma fid-dmir li jisimgħu l-Quddiesa meta ma hemmx xi impediment serju, ir-rgħajja min-naħa tagħhom huma fid-dmir li joffru lil kulħadd il-mezzi biex ikunu jistgħu jaqdu dan id-dmir. Il-liġi tal-Knisja timxi minn din it-triq: bħala eżempji ta’ dan insibu il-fakultà li għandhom is-saċerdoti, bil-permess mogħti min qabel mill-isqof djoċesan, li jiċċelebraw aktar minn Quddiesa waħda fil-Ħdud u l-festi ; il-Quddies ta’ filgħaxija ;il-permess li tissodisfa l-preċett tal-Ħadd mis-Sibt filgħaxija qabel l-ewwel jew wara l-ewwel Għasar tal-Ħadd . Mill-aspett liturġiku, festa tibda bl-ewwel Għasar u għalhekk il-liturġija ta’ dik li xi kultant tissejjaħ “Quddiesa ta’ lejlet il-Ħadd” fil-fatt hi l-Quddiesa “festiva” tal-Ħadd, u fiha ċ-ċelebrant irid jagħmel l-omelija u jgħid it-Talba tal-Fidili.

Barra dan, ir-rgħajja ta’ l-erwieħ huma fid-dmir li jfakkru lill-insara li meta jkunu bogħod minn darhom f’xi Ħadd huma fid-dmir li jisimgħu l-Quddies, ikunu fejn ikunu, u hekk jagħnu l-komunità tal-post bix-xhieda personali tagħhom. Fl-istess waqt għandhom iħossu d-dmir jilqgħu b’sens qawwi ta’ fraternità lil dawk l-aħwa li jżuruhom, speċjalment f’dawk il-pajjiżi li jiġbdu ħafna turisti u pellegrini, u spiss ikun hemm il-ħtieġa li dawn ikollhom għajnuna reliġjuża speċjali .

Ċelebrazzjoni ferrieħa bil-kant

  1. Minħabba n-natura tal-Quddiesa tal-Ħadd u l-importanza tagħha fil-ħajja ta’ l-insara, din trid tiġi mħejjija bil-għaqal kollu. Iridu jsiru sforzi biex iċ-ċelebrazzjoni jkollha karattru festiv li jkun jaqbel mal-jum li jfakkar il-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet: dan jiddependi mill-esperjenza pastorali, mid-drawwiet tal-post u min-normi liturġiċi. Għal dan il-għan irid ikun hemm ukoll attenzjoni għall-kant tal-ġemgħa, għax il-kant hu mezz l-aktar adatt biex juri l-ferħ tal-qalb, ikabbar is-solennità taċ-ċelebrazzjoni, u jsaħħaħ is-sens tal-fidi u ta’ l-imħabba għal xulxin. Għandu jkun hemm attenzjoni għall-kwalità tal-kant, kemm dwar il-kliem u kemm dwar il- melodiji, biex dak li llum qed jiġi propost bħala ġid u kreattiv ikun jaqbel ma’ dak li titlob il-liturġija u jkun jixraq lit-tradizzjoni tal-Knisja li fil-qasam tal-mużika sagra, tiftaħar li għandha wirt ta’ siwi għoli ħafna.

Ċelebrazzjoni li timpenja lil kulħadd

  1. Hu meħtieġ li jkun żgurat li dawk kollha li jkunu preżenti, tfal u kbar, jissieħbu attivament fiċ-ċelebrazzjoni, billi jiġu mħajrin jimpenjaw ruħħom f’dawk il-waqtiet li l-liturġija tissuġġerixxi u tinkoraġġixxi . Veru li huma dawk li għandhom il-ministeru saċerdotali li joffru s-sagrifiċċju ewkaristiku u joffruh f’isem il-poplu kollu . Dan hu l-pedament ta’ dik l-għażla, li hi wisq aktar minn kwistjoni ta’ dixxiplina, bejn id-dmir proprju taċ-ċelebrant u d-dmir tad-djakni u tal-fidili mhux ordnati . Iżda l-fidili għandhom jifhmu li minħabba s-saċerdożju komuni li rċevew fil-magħmudija, huma “jissiebħu fl-offerta ta’ l-Ewkaristija” . Għalhekk hemm għażla fid-dmirijiet li jaqdu, huma dejjem “joffru lil Alla l-vittma divina u lilhom infushom flimkien magħha”. Huma u joffru s-sagrifiċċju u jitqarbnu jkunu qed jieħdu sehem attiv fil-liturġija u jiksbu minnha dawl u qawwa biex jgħixu s-saċerdożju battesimali tagħhom u x-xhieda ta’ ħajja qaddisa.

Mumenti oħra tal-Ħadd nisrani

  1. It-tisħib fl-Ewkaristija hu l-qofol tal-Ħadd, iżda d-dmir tad-tqaddis tal-Ħadd ma jiqafx hawn. Dan għaliex Jum il-Mulej ngħixuh sewwa jekk mill-bidu sat-tmiem tiegħu jkun tifkira kollha ħajr u ħajja tal-ħidma salvifika ta’ Alla. Dan jimpenja d-dixxipli kollha tal-Mulej biex ifasslu l-mumenti l-oħra tal-ġurnata barra l-kontest liturġiku: – il-ħajja tal-familja, ir-relazzjonijiet soċjali, il-mumenti ta’ mistrieħ – b’mod li s-sliem u l-hena tal-qawmien tal-Mulej mill-imwiet jintisġu mill-ġrajjiet tal-ħajja ta’ kuljum. Bħala eżempju, nistgħu ngħidu li l-laqgħa hienja tal-ġenituri u l-ulied tista’ tkun mhux biss okkażjoni biex nisimgħu ′l xulxin, imma wkoll żmien li fih jaqsmu bejniethom mumenti ta’ informazzjoni u riflessjoni. F’ħajja lajka wkoll, fejn dan jista’ jkun, ma għandhomx ukoll jinstabu mumenti speċjali ta’ talb – speċjalment iċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Għasar, biex insemmu eżempju – jew mumenti ta’ katekeżi lejlet il-Ħadd bħala tħejjija u għad-don ta’ l-Ewkaristija fi qlub in-nies jew il-Ħadd wara nofsinhar biex jissaħħaħ dan id-don?

Il-mod tradizzjonali kif jitqaddes il-Ħadd forsi sar diffiċli ħafna għal ħafna nies, iżda l-Knisja tafda fil-qawwa ta’ Kristu rxoxt u fis-setgħa ta’ l-Ispirtu s-Santu meta tgħid li llum, wisq aktar milli fl-imgħoddi, hi m’hijiex kuntenta b’dak li hu ftit jew ta’ nofs kedda fejn tidħol il-fidi. Hi trid tgħin lill-insara jagħmlu dak li hu aktar perfett u jogħġob lill-Mulej. U minkejja d-diffikultajiet, hemm sinjali pożittivi li jqawwu l-qalb. F’ħafna partijiet tal-Knisja, tinħass ħtieġa ġdida ta’ talb fil-ħafna suriet tiegħu; u dan hu don ta’ l-Ispirtu s-Santu. Qed jistabu wkoll mill-ġdid drawwiet reliġjużi antiki, bħalma huma l-pellegrinaġġi u spiss l-insara qed jipprofettaw mill-jum tal-Ħadd biex imorru jżuru xi santwarju forsi mal-familja kollha, fejn igħaddu xi żmien iħossu esperjenza intensiva ta’ fidi. Dawn huma mumenti ta’ grazzja li għandhom jiġu ′l quddiem permezz ta’ l-evanġelizzazzjoni u mmexxijin b’għaqal pastorali.

Laqgħat tal-Ħadd mingħajr saċerdot

  1. Fadal il-problema tal-parroċċi li ma għandhomx il-ministeru tas-saċerdot għaċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa tal-Ħadd. Dan l-aktar li jiġri fil-Knejjes il-ġodda, fejn saċerdot wieħed hu responsabbli pastoralment tal-fidili mxerdin f’territorju kbir ħafna. Iżda din l-emerġenza tista’ tinħoloq ukoll f’pajjizi li għandhom tradizzjoni nisranija ta’ mijiet ta’ snin, meta l-għadd dejjem jonqos tas-saċerdoti qed iwassal għall-impossibiltà li jkun hemm saċerdot f’kull komunità parrokkjali. F’qagħda meta l-Ewkaristija ma tistax tiġi ċelebrata, il-Knisja tirrakkomanda li l-laqgħa tal-Ħadd issir dejjem, għalkemm mingħajr il-preżenza tas-saċerdot , skond id-direttivi tas-Santa Sede li ġew fdati lill-Konferenzi Episkopali biex isegwuhom . Iżda qatt ma għandu jiġi nieqes il-ħsieb taċ-ċelebrazzjoni tas-sagrifiċċju tal-Quddiesa, il-mezz waħdani li bih tassew iseħħ l-Għid tal-Mulej u jkun hemm verament ġemgħa liturġika sħiħa li fiha s-saċerdot jippresiedi in persona Christi huwa u jqassam il-ħobż tal-kelma u ta’ l-Ewkaristija. F’livell pastorali, għalhekk għandu jsir kull ma hu meħtieġ biex jiġi zgurat li s-sagrifiċċju tal-Quddiesa jiġi ċelebrat kemm jista’ jkun possibbli għall-insara li huma regolarment imċaħħdin minnu: dan jista’ jsir billi xi kultant lil dawn il-komunitajiet jintbagħtilhom xi saċerdot jew billi kull darba li tinqala’ l-okkażjoni tiġi organizzata laqgħa f’post ċentrali, li jista’jintlaħaq minn kulħadd.

Radju u televiżjoni

  1. Fl-aħħarnett, dawk l-insara, minħabba xi mard, diżabbiltà jew xi kawża oħra serja, ma jistgħux jissieħbu fil-Quddiesa, jistgħu jingħaqdu safejn jistgħu, maċ-ċelebrazzjoni tal-Ħadd, mill-bogħod, preferibilment bl-għajnuna tal-qari u tat-talb ta’ dak inhar permezz tal-messalin, u wkoll bix-xewqa ta’ l-Ewkaristija . F’xi pajjizi r-radju u t-televiżjoni jgħinu biex dawn jingħaqdu maċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija li tkun qed issir minn xi post qaddis . Veru li b’din is-sura ta’ trasmissjoni wieħed ma jkunx qed jaqdi d-dmir tal-Ħadd, li jitlob is-sehem tal-ġemgħa ta’ l-aħwa, miġburin flimkien f’post wieħed, fejn jista’ jsir it-tqarbin. Iżda għal dawk li ma jistgħux jieħdu sehem fl-Ewkaristija u għalhekk huma eżenti mill-obbligu, ir-radju u t-televiżjoni jistgħu jkunu ta’ għajnuna kbira għalihom, speċjalment jekk jistgħu igawdu mis-servizz ġeneruż tal-ministri straordinarji li jwasslu l-Ewkaristija lill-morda, u jġibulhom t-tislija u s-solidarjetà tal-komunità kollha. Il-Quddiesa tal-Ħadd tagħti kotra ta’ frott, lil dawn l-insara wkoll, għaliex huma wkoll jistgħu jħossu li l-Ħadd hu għalihom ukoll “Jum il-Mulej” u “Jum il-Knisja”.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Kap IV

Dies Hominis

Il-Ħadd Jum ta’ ferħ, hena u solidarjetà

Il-ferħ sħiħ ta’ Kristu

  1. “Ħenjin dawk li għollew il-jum il-kbir tal-Ħadd ′il fuq mill-jiem l-oħra kollha. Is-smewwiet u l-art, l-anġli u l-bnedmin jifirħu b’hena bla qjies” . Din l-għajta tal- liturġija Maronita turi sewwa liema qawwa għandu l-għajjat ta’ ferħ li minnu dejjem kien il-karatteristika tal-Ħadd fil-liturġiji tal-Lvant u tal-Punent. Barra dan, storikament – qabel stess mal-Ħadd ġie meqjus bħala jum ta’ mistrieħ, ħaġa li fiha qatt ma ħaseb il-kalendarju ċivili – l-insara dejjem iċċelebraw il-jum tal-Qawmien tal-Mulej mill-imwiet, bħala jum ta’ ferħ kbir. “Fl-ewwel jum tal-ġimgħa, intom ilkoll għandkom tifirħu”, tgħid id-Didascalia . Dan kienet titolbu wkoll id-drawwa liturġika bl-għażla ta’ ġesti adatti . Huwa u jfakkar dan l-għarfien fil-Knisja kollha, Santu Wistin jiddeskrivi il-ferħ ta’ l-Għid ta’ kull ġimgħa b’dan il-kliem: “Sawm ma jkunx hemm, it-talb jingħad bil-wieqfa, bħala sinjal tal-qawmien mill-imwiet, u huwa għalhekk ukoll li l-Hallelujah titkanta kull nhar ta’ Ħadd” .
  2. Barra mis-suriet ritwali partikolari, li jvarjaw minn żmien għal żmien u jiddependu mid-dixxiplina tal-Knisja, hemm il-fatt li l-Ħadd, li jfakkar kull ġimgħa l-ewwel laqgħa tad-dixxipli mal-Mulej, dejjem juri l-ferħ li ħassew id-dixxipli meta raw il-Mulej u sellmulu: “Id-dixxipli ferħu meta raw il-Mulej” (Ġw 20,20). Dan iwettaq il-kliem li qal Ġesù qabel il-passjoni tiegħu u li baqa’ jidwi f’kull ġenerazzjoni: “għad iġġarrbu in-niket, imma n-niket tagħkom għad jinbidel f’hena” (Ġw 16, 20). Forsi ma talabx hu stess għal dan, biex id-dixxipli jkollhom “il-milja tal-ferħ”? (ara Ġw 17, 13) Il-karattru festiv ta’ l-Ewkaristija tal-Ħadd turi l-ferħ li Kristu jwassal lill-Knisja bid-don ta’ l-Ispirtu (ara Rum 14, 17; Gal 5, 27).
  3. Mela jekk irridu nknu nafu mill-ġdid it-tifsir tal-Ħadd, irridu nerġgħu insibu d-dimensjoni tal-ħajja tal-fidi. Hi ħaġa zgura li, dan il-ferħ irid jinħass tul ħajjitna kollha, mhux biss f’jum wieħed tal-ġimgħa. Iżda minħabba li l-Ħadd hu l-jum ta’ Kristu rxoxt u jiċċelebra x-xogħol ta’ Alla fil-ħolqien, u “l-ħolqien ġdid”, il-Ħadd hu jum ta’ ferħ b’mod speċjali, anzi hu l-jum l-aktar adatt biex nitgħallmu x’inhu l-ferħ u x’inhi n-natura vera tiegħu u l-għeruq fil-fond tiegħu. M’għandniex naħsbu li l-ferħ hu l-istess ħaġa bħas-sentiment fieragħ ta’ sodisfazzjon u ta’ pjaċir, li jferraħ is-sensi u l-emozzjonijiet għal ftit minuti, imma jħalli fil-qalb nuqqas ta’ sodisfazzjon u mrar. Fil-fehma ta’ l-insara, il-ferħ jibqa’ u jfarraġ, kif jixhdu l-qassisin, u tista’ ssibu wkoll waqt il-lejl mudlam tat-tbatija . B’ċertu mod hu “virtù” li wieħed għandu jgħożż.
  4. Iżda ma hemm ebda oppożizzjoni bejn il-ferħ nisrani u l-ferħ uman veru, li fil-fatt jogħla ′l fuq u għandu s-sisien ewlenija tiegħu proprju fil-ferħ ta’ Kristu glorifikat, xbieha perfetta u rivelata tal-bniedem, kif riedu Alla. Kif kiteb Pawlu VI, il-Papa ta’ qabli, fl-eżortazzjoni tiegħu dwar il-ferħ nisrani: ”Fl-essenza tiegħu, il-ferħ nisrani huwa tisħib fil-ferħ bla qjies, divin u uman fl-istess waqt, li jinsab fil-qalb ta’ Kristu glorjuż” . Il-Papa Pawlu VI temm l-eżortazzjoni tiegħu billi talab li f’Jum il-Mulej il-Knisja tagħti xhieda qawwija tal-ferħ li ħassew l-Appostli meta raw il-Mulej fil-lejl ta’ l-Għid. Għal dan il-għan, hu ħeġġeġ lir-rgħajja biex jinsistu fuq il-ħtieġa li l-imgħammdin kollha jiċċelebraw bil-ferħ l-Ewkaristija tal-Ħadd.

Kif qatt setgħu jħallu fil-ġenb din l-laqgħa, din l-ikla li Kristu jħejji b’imħabba għalina? Jalla t-tisħib tagħna fiha jkun jixraq u kollu ferħ! Hu Kristu, imsallab u glorifikat, li jiġi fost id-dixxipli tiegħu, biex imexxihom ilkoll flimkien għat-tiġdid tal-Qawmien tiegħu mill-imwiet. Dan huwa l-qofol, hawn fid-dinja, tal-patt ta’mħabba bejn Alla u l-poplu tiegħu: is-sinjal u l-bidu tal-ferħ nisrani, pass ′l quddiem fil-mixi lejn “il-festa ta’ dejjem” . Din id-dehra ta’ fidi turi li l-Ħadd nisrani huwa tassew “żmien ta’ ċelebrazzjoni”, jum mogħti minn Alla lill-bnedmin għall-kobor sħiħ tagħhom, unam u spiritwali.

Il-milja tas-Sibt

  1. Dan l-aspett tal-Ħadd nisrani juri b’mod speċjali kif il-Ħadd iwettaq is-Sibt tal-Patt il-Qadim. F’Jum il-Mulej, kif ġa għedna, it-Testment il-Qadim jgħaqqad flimkien ix-xogħol tal-ħolqien (ara Ġen 2, 1-3; Es 20, 8-11;) u l-Esodu (ara Dewt 5,12-15), waqt li n-nisrani hu msejjaħ biex iħabbar il-ħolqien ġdid u l-patt l-ġdid li seħħ bil-misteru ta’ l-Għid ta’ Kristu. Iċ-ċelebrazzjoni tal-Ħolqien ma tneħħitx, imma saret aktar għolja f’dehra Kristoċentrika, għax bdiet tidher fid-dawl ta’ Alla li “jiġbor kollox fi Kristu, kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema” (Ef 1, 10). It-tifkira tal-ħelsien fl-Esodu wkoll tikseb tifsir sħiħ malli ssir tifkira tal-ħelsien li kiseb Kristu bil-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet. Il-Ħadd ma hax post is-Sibt imma wettqu u temmu u f’ċertu sens tawlu u wrieh fis-sħuħija kollha tiegħu fl-iżvilupp ordnat ta’ l-istorja tas-salvazzjoni, li tilħaq il-milja tagħha fi Kristu.
  2. Fid-dawl ta’ dan, it-teoloġija bibblika tas-Sibt terġa’ tingħaraf fis-sħuħija kollha tagħha, mingħajr ma tnaqqas xejn mill-karattru nisrani tal-Ħadd. Hi teoloġija li bla heda treġġegħna lura, mimlija stagħġib, lejn il-misteru tal-bidu, meta l-kelma ta’ Alla ta’ dejjem b’għemil ħieles ta’ mħabba, ħolqot id-dinja mix-xejn. Ix-xogħol tal-ħolqien ġie siġillat bil-barka u l-konsagrazzjoni tal-jum li fih Alla “waqaf mix-xogħol kollu tiegħu li kien għamel fil-ħolqien” (Ġen 2, 3). Jum il-mistrieħ ta’ Alla jagħti tifsir liż-żmien, li fir-ritmu regolari ta’ ġimgħa wara oħra, ikollu mhux biss regolarità kronoloġika imma wkoll, biex ngħidu hekk, risonanza teoloġika. Is-shabbat, li dejjem jerġa’ jiġi warrab is-sogru li ż-żmien jingħalaq fih innifsu, għax jibqa’ dejjem miftuħ għall-eternità huwa u jilqa’ ′l Alla u lil kairoi tiegħu jiġifieri l-mument tal-grazzja u ta’ l-għemil salvifiku tiegħu.
  3. Bħala s-seba’ jum, imbierek u konsagrat minn Alla, is-‘sħabbat’ itemm ix-xogħol kollu tal-ħolqien u għalhekk hu minnufih marbut max-xogħol tas-sitt jum, meta Alla ħalaq il-bniedem “fuq is-sura u x-xbieha tiegħu” (ara Ġen 1, 26). Din ir-rabta hekk mill-qrib bejn “Jum Alla” u “l-jum il-bniedem” intebħu biha Missirijiet il-Knisja fil-meditazzjoni tal-ġrajja bibblika tal-ħolqien. Dwar dan San Ambroġ jikteb: “Ħajr mela lil Alla Sidna li temm xogħol li fih seta’jsib mistrieħ. Ħalaq is-smewwiet, iżda mkien ma naqraw li fihom sab il-mistrieħ tiegħu; għamel il-kwiekeb, ix-xemx u l-qamar u lanqas hawn ma naqraw li sab il-mistrieħ tiegħu fihom. Iżda naqraw li għamel il-bniedem u mbagħad straħ, huwa u jsib fih xi ħadd li seta’ joffrilu l-maħfra ta’ dnubietu” . Għalhekk dejjem se jkun hemm rabta diretta bejn “il-jum ta’ Alla” u “jum il-bniedem”. Meta l-kmandament ta’ Alla jgħid: “Ftakar f’jum is-Sibt u qaddsu” (Es 20, 8) il-mistrieħ ordnat biex jingħata ġieħ lill-jum lil Alla bla ebda mod ma hu xi toqol fuq il-bniedem, imma għajnuna biex jagħraf li jiddependi għal kollox minn Alla għall-ħajja u l-ħelsien tiegħu, u fl-istess waqt jagħraf is-sejħa tiegħu biex jissieħeb fix-xogħol tal-Ħallieq u jikseb il-grazzja tiegħu. Meta jagħti ġieħ lill-“mistrieħ” ta’ Alla, il-bniedem isib lilu nnifsu kollu kemm hu, u hekk jum il-Mulej ikollu is-sinjal kbir tal-barka ta’ Alla (ara Ġen 2, 3) li biha, nistgħu ngħidu, jistagħna b’sura bħal dik ta’ “fertilità” (ara Ġen 1, 22.28). Din il-fertilità tidher fuq kollox fis-sens li tagħti ħajja ġdida, u, f’ċertu sens, fit-tkattir taż-żmien innifsu, bit-tkattir fil-bnedmin kollha tal-ferħ tal-ħajja u tax-xewqa li ġġib ′il quddiem u tagħti l-ħajja.
  4. Hu għalhekk dmir l-insara li jiftakru li, għalkemm ma għandhomx isiru l-għemejjel marbutin mas-Sibt Lhudi, għax daħlet flokhom il- “milja” li jġib il-Ħadd, ir-raġunijiet għaliex għandna nqaddsu jum il-Ħadd – imniżżel b’mod solenni fil-għaxar kmandamenti – għadhom jiswew, għalkemm iridu jitfissru mill-ġdid fid-dawl tat-teoloġija u l-ispiritwalità tal-Ħadd: “Ħares jum is-Sibt u qaddsu, bħalma ordnalek il-Mulej Alla tiegħek. Sitt ijiem tista’ taħdem u tagħmel ix-xogħol kollu tiegħek. Imma s-seba’ jum hu l-mistrieħ tal-Mulej, Alla tiegħek: ebda xogħol ma għandek tagħmel dakinhar, la int, la ibnek u lanqas bintek, la l-qaddej u lanqas il-qaddejja tiegħek; la l-barri, la l-ħmar u ebda waħda mill-bhejjem tiegħek; lanqas il-barrani li jgħix f’beltek, ħalli jistrieħu bħalek il-qaddejja tiegħek, rġiel u nisa. Ftakar li int kont ilsir fl-art ta’ l-Eġittu, u l-Mulej, Alla tiegħek, ħarġek minn hemm b’id qawwija u driegħ merfugħ: għalhekk il-Mulej Alla tiegħek, ordnalek li tħares jum is-Sibt” (Dewt 5, 12-15). Hawn il-ħarsien tas-Sibt hu marbut sewwa mal-ħelsien li Alla ta lill-poplu tiegħu.
  5. Kristu ġie biex jagħmel “Esodu” ġdid, biex jagħti ħelsien lill-maħqurin. Fejjaq ħafna f’jum is-Sibt (ara Mt 12, 9-14 u siltiet oħra bħalu): żgur dan għamlu mhux biex jikser Jum il-Mulej, imma biex juri t-tifsir sħiħ tiegħu: “Is-Sibt kien magħmul għall-bniedem, u mhux il-bniedem għas-Sibt” (Mk 2, 27). Huwa u jeħodha kontra t-tifsira legalistika dejqa ħafna li xi whud minn nies ta’ żmienu jagħtu lis-Sibt bibbliku, Ġesù bħala “Sid is-Sibt”(Mk 2, 28), jerġa’ jagħti lill-ħarsien tas-Sibt il-karattru tiegħu ta’ ħelsien, huwa u jħares bla mittiefsa d-dmirijiet u d-drittijiet tal-bniedem. Hu għalhekk li l-insara, imsejħin biex iħabbru l-ħelsien mirbuħ bid-demm ta’ Kristu, ħassew li kellhom is-setgħa li jgħaddu għall-Ħadd il-qawmien mill-imwiet it-tifsira tas-Sibt. L-Għid tal-Mulej ħeles il-bniedem minn jasar aktar kiefer minn dak li bih kien mgħobbi “poplu maħqur” – il-jasar tad-dnub, li jbiegħed lill-bniedem minn Alla, minnu nnifsu u mill-oħrajn u bla heda jiżra’ fil-ġrajja tal-bniedem iż-żerriegħa tal-ħażen u tal-vjolenza.

Jum il-mistrieħ

  1. Għal mijiet ta’ snin l-insara ħarsu l-Ħadd biss bħala jum ta’ qima, mingħajr qatt ma taw tifsira speċifika għall-mistrieħ tas-Sibt għax ma setgħux. Mir-raba’ seklu biss il-liġi ta’ l-Imperu Ruman għarfet ir-ritmu tal-ġimgħat, u riedet li f’jum ix-xemx l-imħallfin, in-nies ta’ l-ibliet u l-ħafna għaqdiet tal-ħaddiema ma jaħdmux . L-insara ferħu jaraw jitwarrab it-tfixkil li sa dak iż-żmien xi drabi kien jagħmlilhom erojku l-ħarsien ta’ Jum il-Mulej. Issa setgħu jiddedikaw ruħhom għat-talb flimkien, bla ebda tkixkil .

Ikun żball tqis il-liġijiet dwar ir-ritmu tal-ġimgħat biss bħala ċirkostanza storika bla ebda tifsir għall-Knisja li għalhekk segħtet twarrabha fil-ġenb. Iżda wkoll wara l-waqgħa ta’ l-Imperu Ruman, il-Knisja baqgħet tinsisti fuq l-arranġamenti li kien hemm dwar il-mistrieħ tal-Ħadd. Fil-pajjiżi fejn l-insara huma minoranza u l-festi tal-kalendarju ċivili ma jaqblux mal-Ħadd, huwa dejjem il-Ħadd li jibqa’ Jum il-Mulej, il-jum li fih l-insara jinġabru flimkien għall-ġemgħa ewkaristika. Iżda dan jista’ jitlob ħafna sagrifiċċji. Għall-insara m’hijiex ħaġa normali li l-Ħadd, li hu jum ta’ ċelebrazzjoni u ta’ ferħ ma jkunx ukoll jum ta’mistrieħ, u hi ħaġa diffiċli għalihom iqaddsu l-Ħadd meta ma għandhomx żmien liberu biżżejjed.

  1. Min-naħa l-oħra, ir-rabta bejn Jum il-Mulej u l-jum ta’ mistrieħ fis-soċjetà ċivili għandha tifsir u importanza li jmorru ′l hemm mill-fehma vera nisranija. L-alternanza bejn xogħol u mistrieħ, li hi fin-natura stess tal-bniedem, iridha Alla nnifsu, kif tidher mill-ġrajja tal-ħolqien fil-Ktieb tal-Ġenesi (ara 2, 2-3; Es 20, 8-11): il-mistrieħ hu xi ħaġa “qaddisa”’ għaliex hu dik is-sura li biha l-bniedem jitwarrab mix-xogħol, xi kultant impenjattiv ħafna fuq l-art, biex jerġa’ jintebaħ li kollox hu ħidma ta’ Alla. Hemm periklu li s-setgħat ta’ l-għaġeb fuq il-ħolqien li Alla ta’ lill-bniedem, jistgħu jwasslu biex il-bniedem jinsa li Alla hu Ħallieq li minnu kollox jiddependi. Hi xi ħaġa aktar urġenti fi żmienna li aħna nagħrfu din id-dipendenza, meta x-xjenza u t-teknoloġija żiedu b’mod tassew ta’ l-għaġeb s-setgħa li l-bniedem jista’ jħaddem bix-xogħol tiegħu.
  2. Fl-aħħarnett, ma għandniex ninsew li fi żmienna wkoll ix-xogħol hu ħaġa iebsa ħafna għal kotra l-kbira tan-nies, kemm minħabba l-qagħda iebsa tax-xogħol u t-tul tas-sigħat – speċjalment fir-reġjonijiet l-aktar foqra tad-dinja u kemm għaliex, fis-soċjetajiet l-aktar żviluppati ekonomikament għad fadal ħafna każijiet ta’ inġustizzja u ta’ sfruttament tal-bniedem minn bnedmin oħra. Meta l-Knisja, tul iż-żminijiet, għamlet liġijiet dwar il-mistrieħ tal-Ħadd , dejjem kellha fi ħsiebha l-aktar ix-xogħol tal-qaddejja u tal-ħaddiema, iżda dan żgur mhux għax dan ix-xogħol hu inqas ta’ siwi imqabbel mal-ħtiġijiet spiritwali tal-ħarsien tal-Ħadd, imma għax riedet tirregolah aktar biex tħaffiflu t-toqol u kulħadd ikun jista’ jqaddes Jum il-Mulej. F’din il-ħaġa, il-Papa Ljun XIII fl-enċiklika Rerum novarum tkellem dwar il-mistrieħ tal-Ħadd bħala dritt tal-ħaddiema, li għandu jkun garantit mill-Istat .

Fil-kuntest storiku tagħna hemm dejjem id-dmir li kulħadd ikun żgurat li jista’ jgawdi dak il-ħelsien u dak il-mistrieħ li titlob id-dinjità tal-bniedem, flimkien mal-ħtiġijiet reliġjużi, familjari, kulturali u interpersonali li jmorru magħhom; u li diffiċli li wieħed jissodisfahom jekk ma jkunx hemm almenu ġurnata fil-ġimgħa li fiha n-nies ikunu jistgħu kemm jistrieħu u kemm jiċċelebraw. Naturalment, id-dritt tal-ħaddiema għall-mistrieħ jissopponi d-dritt għax-xogħol, u, aħna u naħsbu fuq il-fehma nisranija tal-Ħadd, ma jistax ikun li ma niftakrux, b’sens kbir ta’ solidarjetà fit-tbatijiet ta’ tant u tant irġiel u nisa li għax qiegħda, bilfors ma jistgħux jaħdmu lanqas fil-ġranet tax-xogħol.

  1. Bil-mistrieħ tal-Ħadd il-ħsibijiet u l-ħidmiet ta’ kuljum jistgħu jidhru fil-verità proprja tagħhom: il-ħwejjeġ materjali li jinkwetawna jċedu posthom għall-valuri spiritwali; f’laqgħat u fi djalogu hieni nkunu nistgħu naraw il-wiċċ veru tan-nies li magħhom qed ngħixu. Il-ġmiel ukoll tan-natura – spiss imħassar bil-ħsieb ta’ l-isfruttament, li jispiċċa biex ikun ta’ ħsara għall-bniedem innifsu – nerġgħu nagħrfuh u ngawduh sewwa. Bħala l-jum li fih il-bniedem hu paċi ma’ Alla, miegħu nnifsu u ma’ l-oħrajn, il-Ħadd isir mument li fih in-nies jistgħu jerġgħu jħarsu lejn l-għeġubijiet tan-natura u jħallu taħtafhom l-armonija ta’ l-għaġeb u misterjuża, li fi kliem San Ambroġ tgħaqqad flimkien il-ħafna elementi ta’ l-univers “f’rabta ta’ għaqda u sliem” , permezz tal-liġi li ma titħassar qatt, iħossu aktar fil-fond li kif jgħid l-Appostlu, “kull ma ħalaq Alla hu tajjeb u xejn ma għandu jintrema jekk jiġi milqugħ b’radd il-ħajr, għaliex imbagħad ikun konsagrat bil-kelma ta’ Alla u bit-talb” (I Tim 41, 4-5). Jekk wara sitt ijiem xogħol – li llum saru ħamsa għal ħafna nies – il-bnedmin ifittxu żmien ta’ mistrieħ u jinteressaw ruħhom aktar fl-aspetti l-oħra ta’ ħajjithom, ikunu qed juru ħtieġa vera, ħtieġa li hi f’armonija perfetta mal-viżjoni tal-messaġġ evanġeliku. Dawk li jemmnu huma msejħin biex jissodisfaw din il-ħtieġa b’mod li jaqbel u jkun konsistwenti mal-fidi personali u komunitarja tagħhom, kif tfisser iċ-ċelebrazzjoni u l-qdusija ta’ Jum il-Mulej.

Mela, ukoll fiċ-ċirkostanzi partikolari ta’ żmienna, l-insara naturalment għandhom iħabirku biex il-leġislazzjoni ċivili tirrispettalhom id-dmir li jqaddsu l-Ħadd. Hu x’inhu, huma għandhom dmir fil-kuxjenza li jirranġaw il-mistrieħ tagħhom tal-Ħadd b’mod li jkunu jistgħu jieħdu sehem fl-Ewkaristija, billi ma jagħmlux xogħol u attivitajiet li ma jaqblux mal-qdusija ta’ Jum il-Mulej, bil-ferħ proprju tiegħu u bil-mistrieħ meħtieġ tar-ruħ u tal-ġisem .

  1. Biex il-mistrieħ ma jispiccax li jkun żmien vojt u ta’ dwejjaq, irid joffri għana spiritwali, aktar libertà u opportunitajiet ta’ kontemplazzjoni u ta’ xirka bejn l-aħwa. Għalhekk, mill-ħafna suriet ta’ kultura u rikreazzjoni li s-soċjetà toffri, l-insara għandhom jagħżlu dawk li aktar jaqblu mal-ħajja li jgħixu skond il-preċetti ta’ l-Evanġelju. Il-mistrieħ tal-Ħadd imbagħad isir “profetiku”, għax iħabbar mhux biss il-primat assolut ta’ Alla, imma wkoll il-primat u d-dinjità tal-persuna b’relazzjoni għal dik li titlob il-ħajja soċjali u ekonomika, waqt li tkun tantiċipa b’xi mod is-smewwiet ġodda u l-art ġdida fejn il-ħelsien mill-jasar tal-ħtiġijiet ikun sħiħ u jispiċċa darba għal dejjem. Fi ftit kliem Jum il-Mulej, isir ukoll jum il-bniedem b’mod l-aktar veru.
  2. Il-Ħadd għandu jkun għall-insara okkażjoni biex wieħed jagħmel għemejjel ta’ ħniena, imħabba u appostolat. Tħoss il-ferħ ta’ Kristu rxoxt fil-fond ta’ qalbek ifisser li li tkun tissieħeb għal kollox miegħu fl-imħabba li tħabbat f’qalbu: Ma hemmx ferħ bla imħabba! Ġesù stess ifissru dan meta jorbot “il-kmandament ġdid” mad-don tal-ferħ: “Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi intom tibqgħu f’imħabbti, kif jien ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed f’imħabbtu. Għedtilhom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ. Dan hu l-kmandament tiegħi, li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (Ġw 15, 10-12).

Mela l-Ewkaristija tal-Ħadd mhux biss ma teħlix lill-insara mid-dmir ta’ l-imħabba imma għall-kuntrarju timpemjahom wisq aktar “fl-għemejjel ta’ mħabba, ta’ ħniena, ta’ appostolat, li bihom il-fidili ta’ Kristu jidhru li m’humiex ta’din id-dinja, iżda hunma d-dawl tad-dinja, huma u jagħtu glorja lill-Missier quddiem id-dinja” .

  1. Minn żmien l-appostli, il-ġemgħa tal-Ħadd kienet mument ta’ qsim bejn l-aħwa l-aktar jekk foqra. “Fl-ewwel jum tal-ġimgħa kull wieħed minnkom iwarrab xi ħaġa u jfaddal skond ma jista’ ”(Kor 16, 2) jgħid San Pawl, huwa u jsemmi l-ġabra li kenet issir għall-knejjes foqra tal-Lhudija. Fl-Ewkaristija tal-Ħadd, il-qalb ta’ min jemmen trid tinfetaħ beraħ biex tħaddan id-dimensjoni kollha tal-Knisja. Iżda l-istedina ta’ l-Appostlu trid tiġi milqugħa fl-estensjoni kollha tagħha: aktar milli joħloq mentalità magħluqa ta’ “xi għotja” (tagħti xi ħaġa żgħira xi darba), San Pawl ried jistieden għall-kultura ta’ qsim tal-ġid impenjattiva, li jridu jgħixuha mhux biss il-membri tal-komunità imma s-soċjetà kollha kemm hi .

Wisq aktar jeħtieġ nerġgħu nisimgħu t-twissija severa li San Pawl jagħmel lill-Korintin, ħatja li umiljaw lill-foqra fl-agape bejn l-aħwa wara li kienu ssieħbu fl-Ikla tal-Mulej: “Meta tiltaqgħu f’post wieħed mhux l-ikla tal-Mulej li intom tieklu. Għax kull wieħed minnkom iġib, jaqbad u jiekol l-ikla tiegħu; wieħed bil-ġuħ u l-ieħor fis-sakra. Ma għandkomx djar fejn tieklu u tixorbu? Jew tridu twaqqgħu fl-għajb il-Knisja ta’ Alla u ġġiegħlu jistħu lil dawk li m’għandhomx?” (I Kor 11, 20-22). Hekk ukoll hu qawwi kliem l-Appostlu San Ġakbu: “jekk fil-laqgħat tagħkom jidħol xi ħadd biċ-ċrieket tad-deheb f’subgħajh u b’ilbies ilellex, imbagħad jidħol xi ħadd ieħor fqir liebes imċerċer, u intom idduru ma’ dak liebes ilellex u tgħidulu: Int oqgħod komdu bilqiegħda, waqt li lill-fqir tgħidulu: int oqgħod bil-wieqfa, jew: Int oqgħod bilqiegħda fuq il-mirfes ta’ riġlejja, ma jidhrilkomx li intom tkunu qegħdin tagħmlu għażla bejniethom, u hekk issiru mħallfin qarrieqa?” (2, 2-4).

  1. Dan il-kliem ta’ l-Appostli nħass sewwa sa mill-ewwel żminijiet u qanqal tweġib qawwi fil-predikazzjoni ta’ Missirijiet il-Knisja. San Ambroġ kellu kliem jaħraq għall-għonja li kienu jippretendu jaqdu d-dmirijiet reliġjużi tagħhom billi jmorru l-knisja mingħajr ma jaqsmu ġidhom mal-foqra, meta ma kinux jaħqruhom ukoll. “Tisma’, ja għani, x’jgħid il-Mulej? U int tiġi l-knisja mhux biex tagħti xi ħaġa lil min hu fqir, imma biex tieħu xi ħaġa” . Mhux inqas kien esiġenti San Ġwann Ġriżostmu: “Trid tagħti ġieħ lill-ġisem ta’ Kristu? Twarrbux fil-ġenb meta hu għeri. Tagħtihx ġieħ hawn fit-tempju bi drappijiet tal-ħarir, biex imbagħad twarrbu fil-ġenb meta hu barra jbati l-bard, u huwa għeri. Dak li qal: “Dan hu ġismi” huwa dak l-istess wieħed li qal: ‘Rajtuni bil-ġuħ u ma tmajtunix’, u ‘Kull ma għamiltu ma’ l-iċken fost dawn ħuti għamiltuh miegħi’… X’tiswa mejda ewkaristika mgħobbija b’kalċijiet tad-deheb meta barra hu qed imut bil-ġuħ? L-ewwel xabba lil min hu bil-ġuħ, imbagħad b’dak li jifdallek tista’ żżejjen l-artal” .

Dan hu kliem li bil-qawwa kollha jfakkar il-komunità nisranija bid-dmir tagħha li tagħmel l-Ewkaristija l-post fejn il-fraternità ssir solidarjetà bil-fatti, fejn dawk li huma l-aħħar ikunu l-ewwel fil-ħsieb u l-imħabba ta’ l-aħwa, fejn Kristu nnifsu, permezz tad-don ġeneruż magħmul mill-għonja lill-foqra, b’xi mod ikun jista’ jkompli tul iż-żmien il-miraklu tat-tkattir tal-ħobż .

  1. L-Ewkaristija hi fatt u programm ta’ fraternità. Mill-Quddiesa tal-Ħadd toħroġ mewġa ta’ mħabba li trid tixtered fil-ħajja kollha ta’ l-insara, u tibda billi tispira l-mod kif għandhom jgħixu l-bqija tal-Ħadd. Jekk il-Ħadd hu jum ta’ ferħ, jeħtieġ li n-nisrani, bil-fatti u bl-imġiba tiegħu, juri li ma jistax ikun ferħan “waħdu”. Iħares madwaru, biex jara min jeħtieġ għajnuna u solidarjetà tiegħu. Jista’ jiġri li fl-ambjent madwaru u fost in-nies li jaf hemm morda, xjuħ, tfal, immigranti li jintebħu proprju nhar ta’ Ħadd kemm hu aktar kiefer il-fatt li jinsabu waħedhom, li huma neqsin minn kollox, li qegħdin ibatu. Żgur li l-impenji favur tagħhom ma għandhomx ikunu biss x’inizjattiva ta’ darba f’xi Ħadd. Iżda jeħtieġ qagħda ta’ mpenn sħiħ: għaliex jum il-Ħadd ma għandux ikun jum ta’ qsim ta’ ġid akbar fost l-aħwa, b’kull xorta ta’ inizjattivi, li l-karità nisranija kapaċi toħloq? Tistieden għall-ikla tal-Ħadd xi persuna waħedha, iżżur il-morda, tipprovdi l-ikel għal xi familja fil-bżonn, tagħti xi siegħa ta’ ħidma f’inizjattivi ta’ volontarjat u ta’ solidarjetà, dawn żgur huma kollha mezzi biex twassal l-imħabba ta’ Kristu, li tinkiseb mill-mejda ewkaristika, fil-ħajja tan-nies.
  2. Meta wieħed jgħix il-Ħadd b’dan il-mod, mhux biss l-Ewkaristija tal-Ħadd imma l-Ħadd kollu kemm hu jsir skola ta’ imħabba, ta’ ġustizzja u ta’ sliem. Il-preżenza ta’ Kristu rxoxt fost dawk li huma tiegħu, issir programm ta’ solidarjetà, ħtieġa ta’ tiġdid fir-ruħ, ħerqa għat-tibdil ta’ l-istrutturi tad-dnub li fihom l-individwi, il-komunitajiet u xi drabi popli sħaħ isibu ruħhom. Il-Ħadd nisrani aktar minn ħarba mid-dinja hu “profezija”, miktuba fiż-żmien, profezija li tobbliga lil kull min jemmen biex jimxi wara Kristu, li ġie fid-dinja biex jagħti “il-ħelsien lill-imjassrin, iwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, id-dawl mill-ġdid lill-għomja, irodd il-ħelsien lill-maħqurin, u jxandar sena ta’ grazzja tal-Mulej” (Lq 4,18-19). In-nisrani, huwa u jitgħallem minn Kristu, fit-tifkira kull nhar ta’ Ħadd ta’ l-Għid tal-Mulej, u huwa u jiftakar fil-wegħda tal-Mulej: “Jien inħallilkom is-sliem,nagħtikom is-sliem tiegħi” (Ġw 14, 27), isir hu stess ħaddiem tas-sliem.

 

 

 

 

 

 

 

 

Kap V

Dies Dierum

Il-Ħadd, il-festa ewlenija li turi x’ifisser iż-żmien

Kristu, l-Alla u l-Omega taż-żmien

  1. “Fil-Kristjaneżmu ż-żmien għandu mportanza fundamentali. Maż-żmien inħolqot id-dinja, fiż-żmien isseħħ il-ġrajja tas-salvazzjoni, li tilħaq il-qofol tagħha “fil-milja taż-żmien” ta’ l-Inkarnazzjoni waqt li l-għan ta’ l-aħħar tiegħu hu t-tieni miġja ta’ l-Iben ta’ Alla fil-glorja fl-aħħar taż-żmien. F’Ġesù Kristu, il-Verb ta’ Alla magħmul bniedem, iż-żmien jieħu d-dimensjoni ta’ Alla li fih innifsu hu bla żmien .

Is-snin tal-ħajja ta’ Kristu fid-dinja, fid-dawl tat-Testment il-Ġdid, huma tassew iċ-ċentru taż-żmien. Dan iċ-ċentru taż-żmien jilħaq il-qofol tiegħu fil-qawmien mill-imwiet. Jekk hu minnu li Alla sar bniedem mill-ewwel mument li tnissel fil-ġuf tal-Verġni mqaddsa, hu veru wkoll li biss bil-qawmien mill-imwiet l-umanità ġiet kollha kemm hi trasfigurata u glorifikata, u hekk dehret fiha l-identità u l-glorja divina fil-milja kollha tagħha. Fid-diskors li San Pawl għamel fis-sinagoga ta’ Antjokja ta’ Pisidja, (ara Atti 13, 33) applika għall-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu kliem it-tieni Salm: “Ibni int, jien illum nissiltek”. Hu proprju għalhekk li l-Vġili ta’ l-Għid il-Knisja turina lil Kristu rxoxta bħala “il-Bidu u t-Tmiem, l-Alfa u l-Omega”. Dan il-kliem li jgħid iċ-ċelebrant huwa u jħejji l-blandun, li fuqu tiġi minquxa s-sena li tkun, juri ċar li Kristu hu Sid iż-żmien, hu l-bidu u t-tmiem tiegħu; kull sena, kull jum, kull mument jitħaddnu mill-Inkarnazzjoni u mill-qawmien mill-imwiet biex hekk isibu posthom “fil-milja taż-żminijiet’ .

  1. Għaliex il-Ħadd hu l-Għid ta’ kull gimgħa, li fih jiġi mfakkar u jseħħ il-jum li fih Kristu qam mill-imwiet, hu wkoll il-jum li juri x’inhu ż-żmien. Ma għandu xejn x’jaqsam maċ-ċikli kosmiċi li r-reliġjon naturali u l-kultura umana jqisuhom bħala dawk li jirregolaw ir-ritmu taż-żmien, u forsi jaħsbu wkoll fil-ħrafa li d-dinja tibqa’ tintemm u terġa’ ssir eternament. Il-Ħadd nisrani hu xi ħaġa għal kollox differenti. Il-Ħadd nisrani, li joħroġ mill-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, jgħaddi min-nofs iż-żmien tal-bniedem, mix-xhur is-snin u s-sekli, bħal vleġġa li turihom it-triq u tmexxihom lejn il-mument tat-tieni miġja ta’ Kristu. Il-Ħadd hu xbieha minn qabel ta’ l-aħħar jum, tal-Parusia, li b’xi mod ġa ġiet antiċipata mill-glorja ta’ Kristu fil-qawmien mill-imwiet.

Fil-fatt kulma jiġri, sa l-aħħar tad-dinja, ma huwiex ħlief estensjoni u espliċitazzjoni ta’ dak li seħħ fil-jum li fih il-ġisem martirizzat ta’ l-Imsallab, irxoxta bil-qawwa ta’ l-Ispirtu u min-naħa tiegħu sar ukoll fawwara ta’ l-Ispirtu għall-ġens kollu tal-bnedmin. In-nisrani għalhekk jaf li ma għandux jistenna xi żmien ieħor ta’ salvazzjoni, għax id-dinja, li ddum kemm se ddum fiż-żmien, ġa tinsab fl-aħħar taż-żmien. Mhux biss il-Knisja, imma l-universe ukoll u l-istorja huma kontinwament iggvernati u mmexxija minn Kristu glorifikat. Hi din il-qawwa ta’ ħajja li qed timbutta ′l quddiem il-ħolqien, li “għadu jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas” (Rum 8, 22), lejn il-ħelsien sħiħ tiegħu. Il-bniedem għandu ħjiel dgħajjef ħafna ta’ dan il-mixi; iżda l-insara għandhom il-muftieħ u ċ-ċertezza tiegħu, u tqaddis tal-Ħadd hu xhieda, tfisser ħafna, li l-insara huma msejħin biex jagħtu, għax iż-żmien tal-bniedem hu dejjem imwettaq mit-tama.

Il-Ħadd fis-sena liturġika

  1. Jekk jum il-Mulej, bir-ritmu tiegħu ta’ kul ġimgħa, għandu l-għeruq tiegħu fit-tradizzjoni l-aktar antika tal-Knisja, u għandu mportanza vitali għan-nisrani, hemm ritmu ieħor li ma damx wisq biex juri ruħu fil-Knisja: ir-ritmu tas-snin ta’ sena wara oħra. Taqbel ħafna mal-psikoloġija tal-bniedem id-drawwa ta’ l-anniversarji, li jsieħbu it-tifkira ta’ ġrajjiet ta’ l-imgħoddi mad-dati u l-istaġuni li fihom seħħu.

Meta mbagħad dawn il-ġrajjiet kienu fatti deċiżivi fil-ħajja tal-poplu, hi ħaġa normali li kull meta tiġi d-data ta’ dawn il-ġrajjiet, iġġib magħha s-sens ta’ festa li jikser il-monotonija tal-ħajja ta’ kuljum.

Issa l-ġrajjiet ewlenin li fuqhom tinbena l-ħajja tal-Knisja kienu fil-ħsieb ta’ Alla marbutin ma’ l-Għid u ma’ l-Għid il-Ħamsin, li bħala żewġ festi tal-Lhud ħabbru minn qabel il-festi nsara. Mit-tieni seklu, iċ-ċelebrazzjoni kull sena mill-insara tal-festa ta’ l-Għid, miżjuda maċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Għid kull ġimgħa, wasslet biex il-meditazzjoni fuq il-misteru ta’ Kristu mejjet u rxoxt titwessa aktar. Il-festa ta’ l-Għid, imħejjia b’sawma, u ċelebrata matul vġili twila u mtawla b’ħamsin jum sa l-Għid il-Ħamsin, saret “il-festa tal-festi kollha”, u l-jum tad-dħul solenni tal-katekumeni fil-ħajja nisranija. Fil-fatt, huma bil-magħmudija jmutu għad-dnub u jqumu għal ħajja ġdida u dan għaliex Kristu “ġie mogħti għall-mewt għal dnubietna u mqajjem għall-ġustifikazzjoni tagħna” (Rum 4, 25, ara 6, 3-11). Minħabba r-rabta intima mal-misteru ta’ l-Għid, il-festa ta’ l-Għid il-Ħamsin, li fiha niċċelebraw il-miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli, miġburin flimkien ma’ Marija, u l-bidu tal-missjoni ta’ l-Appostli fost il-popli kollha tikseb importanza speċjali .

  1. Loġika kommemorattiva bħal din waslet għall-istruttura tas-sena liturġika. Kif ifakkar il-Konċilju Vatikan II, il-Knisja riedet tqassam “il-misteru ta’ Kristu mill-Inkarnazzjoni u l-Milied sat-Tlugħ fis-sema, sa jum Għid il-Ħamsin, u l-mistennija tat-tama hienja tad-dehra tal-Mulej meta jerġa’ jiġi. Il-Knisja, hija u tfakkar b’dan il-mod il-misteri tal-fidwa, tiftaħ għall-fidili tagħha t-teżori tal-qawwa u l-merti tal-Mulej, biex b’xi mod ikunu preżenti f’kull żmien, u l-fidili jkunu jistgħu jgawduhom u jimtlew bil-grazzja tas-salvazzjoni .

Ċelebrazzjoni mill-aktar solenni wara l-Għid u l-Għid il-Ħamsin, hi l-Milied, li fih l-insara jaħsbu fuq il-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni u jikkontemplaw il-Verb ta’ Alla li għoġbu jsir bniedem bħalna biex jagħtina sehem min-natura tiegħu ta’ Alla.

  1. F’dan iċ-ċiklu ta’ kull sena tal-misteru ta’ Kristu, il-Knisja “tivvenera b’imħabba speċjali l-Verġni Marija, Omm Alla, marbuta b’mod li ma jinħall qatt ma’ l-opra salvifika ta’ Binha” . Hekk ukoll il-Knisja, hija u ddaħħal f’dan iċ-ċiklu ta’ kull sena, fl-okkażjoni ta’ l-anniversarji tagħhom, it-tifkira tal-Martri u tal-Qaddisin l-oħra, “ixxandar il-misteru ta’ l-Għid fil-Qaddisin li batew ma’ Kristu u miegħu ġew glorifikati” . It-tifkira tal-Qaddisin, ċelebrata skond l-ispirtu veru tal-liturġija, ma toskurax il-post ċentrali li għandu Kristu, anzi tgħollih, għax juri l-qawwa tal-fidwa tiegħu. Kif ikanta San Paolino ta’ Nola: “Kollox jgħaddi, iżda l-glorja tal-Qaddisin tibqa’ fi Kristu, li jġedded kollox, iżda hu jibqa’ dejjem l-istess” . Din ir-relazzjoni intrinsika tal-glorja tal-Qaddisin ma’ din ta’ Kristu tinsab fl-istruttura stess tas-sena liturġika. U ssib l-espressjoni l-aktar għolja tagħha proprju fil-karattru fondamentali u dominanti tal-Ħadd bħala Jum il-Mulej. L-impenn ekklesjali u spiritwali tan-nisrani, huwa u jgħix is-sena liturġika, fil-ħarsien tal-Ħdud li jirregolawha, ikollu għeruq fil-fond fi Kristu, li fih isib għaliex għandu jgħix u li minnu hu ispirat u jirċievi l-manteniment.
  2. Il-Ħadd għalhekk jidher bħala l-mudell naturali biex nifhmu x’inhuma, u niċċelebra, dawk is-solennitajiet tas-sena liturġika li għandhom siwi kbir għall-ħajja nisranija, siwi hekk kbir li l-Knisja riedet turih billi obbligat lill-insara f’nharhom għal tisħib fil-quddiesa u l-mistrieħ mix-xogħol, minkejja li jiġu mhux f’xi Ħadd, imma ma’ xi jum tal-ġimgħa . L-għadd ta’ dawn il-festi tbiddel kemm-il darba tul iż-żminijiet skond il-qagħdiet soċjali u ekonomiċi u skond l-għeruq tagħhom fit-tradizzjoni u l-appoġġ ta’ l-awtoritajiet ċivili .

Skond l-ordni kanoniku-liturġiku li hemm illum kull Konferenza Episkopali, minħabba ċ-ċirkostanzi proprji ta’ kull pajjiż, tista’ tnaqqas l-għadd tal-festi kmandati. Dawn id-deċiżjonijiet iridu jitwettqu b’approvazzjoni speċjali tas-Santa Sede u f’dan il-każ iċ-ċelebrazzjoni ta’ misteru tal-Mulej, bħalma huma l-Epifanija, Tlugħ il-Mulej fis-sema u Corpus Christi jiġu trasferiti għall-Ħadd skond in-normi liturġiċi, biex l-insara ma jiġux imċaħħdin mill-meditazzjoni tagħhom . Ir-rgħajja ta’ l-erwieħ għandhom ukoll iħossu d-dmir li jħeġġu l-fidili biex jissieħbu fil-Quddiesa fil-festi ta’ ċerta mportanza, li jiġu matul il-ġimgħa .

  1. hi meħtieġa attenzjoni pastorali speċjali f’ħafna ċirkostanzi, meta minħabba tradizzjonijiet popolari u kulturali proprji ta’ xi ambjent, jistgħu jidħlu fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ħadd u ta’ festi liturġiċi oħra u jitħalltu ma l-ispirtu ta’ fidi vera nisranija, elementi li ma għandhomx x’jaqsmu sew magħha u forsi jistgħu jisfigurawha. Dawn l-affarijiet iridu jiġu ċċarati permezz tal-katekeżi u ta’ interventi pastorali f’waqthom, u jiġi mwarrab kull ma jaqbilx ma’ l-Evangelju ta’ Kristu. Iżda ma għandu jintesa qatt li dawn it-tradizzjonijiet – u dan jgħodd ukoll għall-programmi kulturali ġodda tas-soċjetà ċivili – m’humiex neqsin xi valuri li jistgħu jiġu integrati bla ebda diffikultà ma’ dak li titlob il-fidi. Hu dmir ir-rgħajja li b’dixxerniment għaqli jżommu dawk il-valuri li jinsabu fil-kultura ta’ xi ambjent soċjali determinat u l-aktar fir-reliġjożità popolari, b’mod li ċ-ċelebrazzjoni liturġika, speċjalment dik tal-Ħdud u l-festi, ma ġġarrabx ħsara, iżda tikseb benefiċċju u vantaġġi .

 

 

Għeluq

  1. L-għana spiritwali u pastorali tal-Ħadd kif ġie mwassal lilna mit-tradizzjoni, hu tassew kbir. Meta jifhmu x’inhu t-tifsir u x’jitlob il-Ħadd fil-milja kollha tiegħu, b’xi mod naraw li huwa sintesi tal-ħajja kollha nisranija u kondizzjoni biex wieħed jgħix ħajja tajba. Dan juri b’mod ċar għaliex il-ħarsien tal-Ħadd hu tant għall-qalb tal-Knisja, u għaliex il-Ħadd baqa’ obbligu gravi fid-dixxipplina tal-Knisja. Iżda aktar milli preċett, l-obbligu tal-Ħadd għandu jitqies bħala ħtieġa li toħroġ mill-fond tal-ħajja nisranija. Hu verament importanti li l-insara kollha jkunu kollha konvinti li ma jistgħux jgħixu l-fidi tagħhom u jkollhom sehem sħiħ fil-ħajja tal-komunità nisranija jekk ma jissieħbux regolarment mal-ġemgħa Ewkaristika tal-Ħadd. Fl-Ewkaristija sseħħ il-qima fil-milja kollha tagħha, dik il-qima li l-bnedmin kollha huma fid-dmir li jagħtu lil Alla, u li ma tistax tiġi mqabbla ma’ ebda esperjenza reliġjuża oħra. Espressjoni tassew effikaċi ta’ dan hi l-laqgħa tal-Ħadd tal-komunità kollha, hija u tobdi leħen il-Mulej imqajjem mill-imwiet li jistieden flimkien il-fidili tiegħu biex idawwalhom bil-kelma tiegħu jmantnihom bil-Ġisem tiegħu, bħala għajn sagramentali tas-salvazzjoni li ma tieqaf qatt. Il-grazzja li tfawwar minn dan il-għajn iġġedded il-bniedem, il-ħajja u l-istorja.
  2. U b’din il-konvinzjoni hekk qawwija ta’ fidi, u bl-għarfien tal-wirt ta’ valuri umani li jiġu mill-ħarsien tal-Ħadd, li l-insara llum iridu jħabbtu wiċċhom mal-ħajriet ta’ kultura li taċċetta l-ġid tal-mistrieħ u tal-ħin liberu, iżda li spiss tużahom b’mod superfiċjali u xi drabi titħajjar għal suriet ta’ divertiment moralment mhux tajbin. Veru li l-insara m’humiex xi nies differenti minn nies l-oħra, fit-tgawdija tal-mistrieħ kull ġimgħa; iżda fl-istess waqt huma jafu sewwa x’inhi l-oriġinalità tal-Ħadd, u li ma hemmx jum ieħor bħalu. Għax hu l-jum li fih huma msejħin biex jiċċelebraw is-salvazzjoni tagħhom u dik tal-bnedmin kollha. Il-Ħadd hu jum ta’ ferħ u hu jum ta’ mistrieħ proprju għaliex hu “Jum il-Mulej”, jum l-Irxoxt.
  3. Meta l-Ħadd ngħixuh u nifhmuh b’dan il-mod, isir ir-ruħ tal-jiem l-oħra, u f’dan is-sens nistgħu nifhmu l-ħsieb ta’ l-Origene li n-nisrani perfett hu dejjem f’jum il-Mulej, jiċċelebra kuljum jum il-Mulej . Il-Ħadd hu skola tassew u hu programm tal-pedagoġija tal-Knisja li ma tieqaf qatt – pedagoġija li ebda pedagoġija oħra ma tista’ teħdilha postha, speċjalment fejn il-kondizzjonijiet soċjali ta’ llum hemm ħafna tifrik dejjem jikber u hemm pluraliżmu kulturali li kontinwament hu ta’ prova għall-fedeltà ta’ kull individwu nisrani għal dak li titlob minnu l-fidi tiegħu. F’ħafna pajjiżi tad-dinja naraw “djaspora” tal-Kristjaneżmu, li għaddejja kontinwament minn prova għaliex id-dixxipli ta’ Kristu jinsabu mxerrdin u mhux faċli għalihom li jżommu kuntat ma’ xulxin. U neqsin mill-istrutturi u t-tradizzjonijiet proprji ta’ kultura nisranija. F’għaqda diffiċli bħal din, l-okkażjoni li tiltaqa’ ma’ nsara oħra bħalek u tibdel magħhom id-don tal-fraternità hu għajnuna li ma tistax tgħaddi mingħajrha.
  4. Għax iwettaq il-ħajja nisranija, il-Ħadd għandu wkoll il-valur ta’ xhieda u ta’ tħabbira bħala jum ta’talb, xirka u ferħ, il-Ħadd jinħass fis-soċjetà kollha kemm hi, u jxerred enerġija ta’ ħajja u r-raġunijiet ta’ tama. Il-Ħadd ixandar li ż-żmien li fih dak li hu Kristu rxoxt, Sid il-ġrajjiet kollha, jagħmel l-għamara tiegħu, mhux il-qabar ta’ ħsibijiet fiergħa tagħna, imma l-benniena ta’ ġejjieni dejjem ġdid, okkażjoni mogħtija lilna biex inbiddlu l-mumenti li jtiru ta’ din il-ħajja fuq l-art f’żerriegħa ta’ l-eternità. Il-Ħadd hu stedina biex inħarsu l-quddiem, hu l-jum li fih il-komunità nisranija tgħid lil Kristu: “Maranatha: Ejja, Mulej Ġesù” (I Kor 16, 22). B’din l-għajta ta’ tama u ta’ stennija, il-Knisja hi s-sieħba u l-għajnuna tat-tama nisranija. Minn Ħadd għal Ħadd. imdawwla minn Kristu, il-Knisja timxi ′l quddiem lejn il-Ħadd bla tmiem ta’ Ġerusalemm tas-sema, li “ma teħtieġ la xemx u lanqas qamar idawluha, għax biex iddawwalha għandha l-glorja ta’ Alla u l-musbieħ tagħna hu l-Ħaruf” (Apok 22, 23).
  5. Hija u miexja lejn l-għan aħħari tagħha, il-knisja hi mwettqa u mogħtija l-ħajja mill-Ispirtu. Huwa hu li jfakkar u jagħmel preżenti f’kull ġenerazzjoni ta’ nsara l-fatt tal-qawmien mill-imwiet. Hu d-don intimu li jgħaqqadna ma’ Kristu rxoxt u ma’ ħutna fl-intimità tal-ġisem wieħed, iqajjem il-fidi tagħna, jimla ′l qlubna bl-imħabba u jġeddidilna t-tama. L-Ispirtu qatt ma hu nieqes minn ebda wieħed mill-ġranet tal-Knisja u jiġi meta ma jkunx mistenni u jxerred bil-kotra l-għana tad-doni tiegħu. Iżda hu fil-laqgħa tal-Ħadd, fiċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Għid kull ġimgħa, li l-Knisja tisma’ leħen l-Ispirtu b’mod speċjali u bih tinġibed lejn Kristu, ħerqana għat-tieni miġja tiegħu fil-glorja: “L-Ispirtu u l-Għarusa jgħidu: Ejja!” (Apok 22, 17). Hu proprju għax ridt inqis il-ħidma ta’ l-Ispirtu, xtaqt li din l-eżortazzjoni li trid twassal għall-għarfien mill-ġdid tal-Ħadd, tidher fis-sena tat-tħejjija mmedjata għall-Ġublew, iddedikata lill-Ispirtu s-Santu.
  6. Inħalli din l-eżortazzjoni appostolika f’idejn il-Verġni Marija biex tiġi milqugħa u mħarsa mill-komunità nisranija. Mingħajr ma tnaqqas bl-ebda mod iċ-ċentralità ta’ Kristu u ta’ l-Ispirtu tiegħu, hi dejjem hemm f’kull Ħadd tal-Knisja. Hu l-istess misteru ta’ Kristu li jitlob dan: kif jista’jkun li hi l-Mater Domini u l-Mater Ecclesiae ma tkunx preżenti b’titlu speċjali fil-jum li hu u dies Domini u dies Ecclesiae?

Lejn il-Verġni Marija jħarsu l-insara li jisimgħu l-kelma li titħabbar fil-ġemgħa tal-Hadd; minn għandha jitgħallmu kif iħarsuha u jimmeditawha f’qalbhom (ara Lq 2, 19). Mingħand Marija jitgħallmu kif joqogħdu ħdejn is-salib, huma u joffru lill-Missier is-sagrifiċċju ta’ Kristu u miegħu jgħaqdu is-sagrifiċċju ta’ ħajjithom. Ma’ Marija jġarrbu l-ferħ tal-qawmien mill-imwiet, huma u jagħmlu tagħhom kliem il-Magnificat li jagħti ġieħ lid-doni bla qjies tal-ħniena ta’ Alla tul il-mixja ta’ żminijiet. “Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu” (Lq 1, 50). Ħadd wara Ħadd il-poplu nisrani jimxi wara Marija, u t-talb tagħha ta’ Omm jagħti ħeġġa u qawwa speċjali lit-talba li l-Knisja tagħmel lit-Trinità Qaddisa.

  1. Għeżież ħuti, il-Ġublew, li hu hekk fil-qrib, jistedinna nidħlu fil-fond ta’l-impenn spiritwali u pastorali tagħna. Dan hu fl-aħħar mill-aħħar, l-għan ewlieni tal-Ġublew. Fis-sena li ser ikun iċċelebrat, ħafna inizjattivi se juru x’inhu tassew il-karattru tiegħu u jingħatalu sinjal li ma jistax ikun għajr it-tmiem tat-tieni elf sena u l-bidu tat-tielet elf sena mill-Inkarnazzjoni tal-Verb ta’ Alla. Din is-sena u dan iż-żmien għad jgħaddu u jiġi ġublewijiet oħra u okkażjonijiet oħra solenni, iżda l-Ħadd bis-solennità ordinarja tiegħu jibqa’ jżomm ir-ritmu tal-pellegrinaġġ tal-Knisja fid-dinja sa ma jasal il-Ħadd li ma għandux tmiem.

Inħeġġiġkom għalhekk, ħuti fl-Episkopat u fis-saċerdozju, biex tħabirku bla serħan, flimkien ma’ l-insara tagħkom, biex is-siwi ta’ dan il-jum qaddis jingħaraf dejjem aktar u jgħixu kulħadd. Dan iġib kotra ta’ frott lill-komunitajiet insara kollha u ma jonqos lanqas li jkun ta’ ġid għas-soċjetà ċivili kollha kemm hi.

L-irġiel u n-nisa tat-tielet elf sena, huma u jiltaqgħu mal-Knisja kull nhar ta’ Ħadd, hija u tiċċelebra bil-ferħ il-misteru li minnu tikseb il-ħajja kollha tagħha, jistgħu jiltaqgħu ma’ Kristu nnifsu mqajjem mill-imwiet. U d-dixxipli tiegħu, huma u jiġġeddu bit-tifkira ta’ l-Għid kull ġimgħa jsiru ħabbara dejjem aktar emmnuti ta’ l-Evanġelju li jsalva, u bennejja taċ-ċiviltà ta’ l-imħabba.

Lil kulħadd nagħti l-barka appostolika tiegħi.

Mill-Vatikan, il-31 ta’ Mejju, solennità ta’ l-Għid il-Ħamsin, tas-sena 1998, l-għoxrin sena tal-pontifikat.

IOANNES PAULUS PP II

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.