Ibqa’ magħna Mulej


Stampa d-dokument …

ITTRA APPOSTOLIKA TAL-PAPA ĠWANNI PAWLU II

MANE NOBISCUM DOMINE

LILL-ISQFIJIET, KLERU U FIDILI

GĦAS-SENA TAL-EWKARISTIJA

OTTUBRU 2004 – OTTUBRU 2005

7 ta’ Ottubru 2004


INTRODUZZJONI

  1. “Ibqa’ magħna Mulej, għax diġa dalam” (Lq 24:49). Din kienet l-istedina insistenti taż-żewġ dixxipli li kienu qed jivvjaġġaw lejn Għemmaws filgħaxija tal-qawmien tal-Mulej u dan il-kliem kien indirizzat lil Dak li kien qed jakkumpanjahom matul it-triq. Imtaqqla bin-niket, huma qatt ma mmaġinaw li dak il-barrani ma kien ħadd għajr l-Imgħallem, imqajjem mill-mewt. Imma ħassew qalbhom taqbad ġo fihom (v.32) waqt li kien qed “jispjegalhom” l-Iskrittura. Id-dawl tal-Kelma ħallet l-ebusija ta’ qalbhom u “fethitilhom għajnejhom” (v.31). Qalb id-dellijiet tal-ġurnata u d-dlamijiet li dellew l-ispirtu tagħhom. Dak li kien qed jivvjaġġa magħhom ġabilhom raġġ ta’ dawl li reġa’ qawwa t-tama ta’ ġo fihom u mexxa l-qalb tagħhom sabiex tkun tixxennaq għall-milja tad-dawl. “Ibqa’ magħna”, talbuh. U hu qabel magħhom. Ftit wara, il-wiċċ ta’ Ġesù kien sa jisparixxi, imma l-Imgħallem kien sa “jibqa’” magħhom, moħbi fil-“ksur tal-ħobż” li fetħilhom lil għajnejhom biex jagħarfuh.
  2. Ix-xbieha tad-dixxipli fit-triq tagħhom lejn Għemmaws tista’ taqdina bħala gwida matul din is-Sena meta l-Knisja qed tħeġġiġna b’mod partikulari sabiex ngħixu kif xieraq il-mistru ta’ l-Ewkaristija Mqaddsa. Fost il-mistoqsijiet u d-diffikultajiet tagħna, u fost id-diżappunti tagħna, il-Vjaġġatur Divin ikompli miexi magħna, jiftħilna l-Iskrittura u jwassalna sabiex nifhmu b’manjiera aktar profonda l-misterui ta’ Alla. Meta niltaqgħu miegħu b’mod sħiħ, aħna ngħaddu mid-dawl tal-Kelma għad-dawl li joħroġ mill-“Ħobż tal-Ħajja”, il-milja suprema tal-wegħda tiegħu “li jkun dejjem magħna, sa tmiem iż-żminijiet” (Mt 28:20).
  3. Il-“ksur tal-ħobż” – kif kienet imsejħa l-Ewkaristija sa mill-bidu taż-żmien – kien minn dejjem fil-qalba tal-ħajja tal-Knisja. Permezz tagħha Ġesù Kristu jagħmel preżenti fiż-żmien il-misteru tal-mewt u l-qawmien tiegħu. Fiha, aħna nirċevuh bħala persuna, bħala “il-ħobż ħaj nieżel mis-sema” (Ġw 6:51), u miegħu aħna nirċievu l-pleġġ tal-ħajja eterna u ntiegħmu sa minn issa l-ikla eterna ta’ Ġerusalemm tas-sema. Ispirat mit-tagħlim tal-Padri, il-Konċilji Ekumeniċi u l-Predeċessuri tiegħi, jien kemm-il darba ħeġġiġt lill-Knisja sabiex tirrifletti fuq l-Ewkaristija, u dan għamiltu reċentament permezz ta’ l-enċiklika Ecclesia de Eucharistia. Hawnhekk ma rridx intenni dan it-tagħlim, li nittama li jkun iżjed studjat u mifhum. Fl-istess waqt ħsibt li jkun ta’ għajnuna għal dan l-iskop li niddedika Sena sħiħa għal dan is-sagrament hekk ta’ l-għaġeb.
  4. Kif jaf kulħadd, is-Sena ta’ l-Ewkaristija sa tkun iċċelebrata bejn Ottubru 2004 u Ottubru 2005. L-idea għal din iċ-ċelebrazzjoni ġejja minn żewġ ġrajjiet li sa jservu sabiex jimmarkaw il-bidu u t-tmiem tagħha: Il-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali ta’ bejn l-10 u s-17 ta’ Ottubru 2004 fi Guadalajara fil-Messiku, u Assemblea Ordinarja tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet li sa tinżamm fil-Belt tal-Vatikan bejn it-2 u d-29 ta’ Ottubru 2005 fuq it-tema: “L-Ewkaristija: Għajn u Quċċata tal-Ħajja u l-Missjoni tal-Knisja”. Jien ġejt iggwidat ukoll minn kunsiderazzjoni oħra: Il-jum Dinji taż-żgħażagħ għal din is-sena bejn is-16 u l-21 ta’ Awwissu 2005. Nixtieq ħafna li ż-żagħżagħ jinġabru madwar l-Ewkaristija bħala għajn vitali li tmantni l-fidi u l-entużjażmu tassew tagħhom. Inizjattiva Ewkaristika ta’ dan it-tip ilha żmien sewwa f’moħħi: hija żvilupp naturali ta’ l-impuls pastorali li jien ridt nagħti lill-Knisja, partikularment matul is-snin ta’ tħejjija għall-Ġublew u s-snin ta’ wara.
  5. F’din l-Ittra Appostolika, irrid nafferma mill-ġdid din il-kontinwità pastorali u ngħin lil kulħadd jifhem is-sinifikat spiritwali. F’dak li għandu x’jaqsam mas-sura ta’ din is-Sena Ewkaristika, jien qed nibni ħafna fuq l-involviment personali tar-Ragħajja tal-Knejjes partikulari, li d-devozzjoni tagħhom lejn dan il-Misteru żgur li sa tkun ta’ għajnuna f’dan.

Ħuti l-Isqfijiet żgur li jifhmu li din l-inizjattiva, hekk kif din is-sena qed tiġi ċċelebrata wara s-Sena tar-Rużarju, u allura tikseb sens spiritwali profond u b’hekk b’ebda mod ma ttellef il-programmi pastoral ital-Knejjes individwali. Anzi, hija tista’ titfa’ dawl fuq dawn il-programmi u tankrahom fl-istess Misteru li jmantni minnu nnifsu l-ħajja spiritwali tal-individwali sabiex jibdlu l-programmi pastorali, imma rrid nenfasizza d-dimensjoni Ewkaristika li hija parti mill-ħajja sħiħa tal-Knisja. Irrid f’din l-ittra noffri xi linji gwida bażiċi; jiena ċert li l-Poplu ta’ Alla f’kull livell, jilqa’ l-proposta tiegħi b’entużjażmu u mħabba sħiħa.

I

FID-DAWL TAL-KONĊILJU U TAL-ĠUBLEW IL-KBIR

Inħarsu lejn Kristu

  1. Għaxar snin ilu, fit-Tertio Millennio Adveniente (10 ta’ Novembru 1994), jien fraħt jien u nipproponi lill-Knisja programm ta’ tħejjija għall-Ġublew il-Kbir tas-Sena 2000. Għalija dan il-mument ippreżenta ruħu bħala wieħed ta’ grazzja. Fhimt li grajja kronoloġika bħal din, hekk evokattiva, waħidha ma kenitx sa ġġib bidliet. B’xorti ħażina, il-Millennju beda bi ġrajjiet li kienu f’kontinwità traġika mal-passat. Kellna xenarju, li minkejja elementi pożittivi, kien imtappan b’atti ta’ vjolenza u tixrid ta’ demm. Minkejja dan, jien u nistieden lill-Knisja għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew tal-elfejn anniversarju ta’ l-Inkarnazzjoni, jien kont konvint – u għadni issa wkoll, iktar minn qabel – li din iċ-ċelebrazzjoni kienet sa tkun ta’ benefiċċju għall-umanità aktar ma jgħaddi ż-żmien.

Ġesù Kristu jinsab fiċ-ċentru, mhux biss ta’ l-istorja tal-Knisja, imma ta’ l-istorja ta’ l-umanità. Fih, kollox jinġabar ħaġa waħda (Efes 1:10; Kol 1:15-20). Kif nistgħu ninsew l-entużjażmu li bih il-Konċilju Vatikan II, ipproklama, fi kliem Papa Pawlu VI, li Kristu “huwa l-iskop ta’ l-istorja umana, il-punt fokali tax-xewqat ta’ l-istorja u ċ-ċiviltà, iċ-ċentru ta’ l-umanità, il-ferħ tal-qlub, u l-milja ta’ l-ispirazzjonijiet kollha?”[1]. It-tagħlim tal-Konċilju ta profondità kbira lilna lkoll biex nifhmu n-natura tal-Knisja, u lil dawk li jemmnu tahom sens iżjed ċar mhux biss tal-misterui tal-fidi imma wkoll tar-realtajiet tad-dinja fid-dawl ta’ Kristu. Fil-Kelma Inkarnata, kemm il-misteru ta’ Alla kif ukoll dak tal-bniedem huma rivelati[2]. Fih, l-umanità ssib il-fidwa u l-milja tagħha.

  1. Fl-Enċiklika Redemptor Hominis, fil-bidu tal-Pontifikat tiegħi, jien żviluppajt din l-idea, u sikwit semmejtha f’okkażjonijiet oħra. Il-Ġublew kien żmien adattat sabiex nistieden lil dawk li jemmnu biex jerġgħu jikkunsidraw din il-verità fundamentali. It-tħejjija għall-grajja l-kbira kienet waħda kollha kemm hi Trinitarja u Kristocċentrika. F’dan il-pjan, ried bilfors ikun hemm post għall-Ewkaristija. Fil-bidu ta’ din is-Sena Ewkaristika, nirrepeti l-kelmiet li ktibt fit-Tertio Millennio Adveniente: “Is-sena 2000 sa tkun intensament Ewkaristika; fis-Sagrament ta’ l-Ewkaristija, is-Salvatur, li ħa l-ġisem fil-ġuf ta’ Marija għoxrin seklu ilu, jkompli joffri lilu nnifsu lill-umanità bħala l-għajn tal-ħajja divina”[3]. Il-Kungress Ewkarisitiku Internazzjonali, miżmum f’dik is-sena f’Ruma, għen ukoll sabiex jiffoka l-attenzjoni fuq dan l-aspett tal-Ġublew il-Kbir. Ta’ min hawn isemmi wkoll l-Ittra Appostolika Dies Domini, miktuba bi tħejjija għall-Ġublew, li tistieden lil dawk li jemmnu biex jimmeditaw fuq il-Ħadd bħala Jum il-Mulej Irxuxtat u l-ġurnata speċjali tal-Knisja. F’dak iż-żmien, ħeġġiġt lil kulħadd biex jiskopri mill-ġdid iċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija bħala l-qalba tal-Ħadd[4].

Nikkontemplaw ma’ Marija l-wiċċ ta’ Kristu  

  1. Il-frott tal-Ġublew il-Kbir inġabar fl-ittra Appostolika Novo Millennio Ineunte. F’dan id-dokument-programm, jien issuġerejt li ssir kontemplazzjoni aktar pastorali tal-wiċċ ta’ Kristu, bħala parti minn pedagoġija ekkleżjali mmirata għal “livell għola” ta’ qdusija u li dan isir realtà permezz ta’ l-arti tat-talb[5]. Kif seta qatt programm bħal dan ikun sħiħ mingħajr impenn għal-liturġija u b’mod partikulari l-kultivazzjoni tal-ħajja Ewkaristika? Kif għidt dakinhar: “Fis-seklu għoxrin, speċjalment sa mill-Konċilju, kien hemm żvilupp kbir fil-mod kif il-komunità Nisranija tiċċelebra s-Sagramenti, speċjalment l-Ewkaristija. Huwa neċessarju li nkomplu f’din id-direzzjoni, u li nenfasizza b’mod partikulari l-Ewkaristija tal-Ħadd u l-Ħadd innifsu esperjenza bħala jum speċjali tal-fidi, il-jum tal-Mulej Irxuxtat, u tad-don ta’ l-Ispirtu, l-Ghid ta’ kull ġimgħa tassew[6]. F’dan il-kuntest ta’ tħeġġiġ għat-talb, jien nirrakkomanda ċ-ċelebrazzjoni tal-Liturġija tas-Sigħat, li biha l-Knisja tqaddes is-sigħat differenti tal-ġurnata u l-passaġġ taż-żmien matul is-sena liturġika.
  2. Għalhekk, bil-proklamazzjoni tas-Sena tar-Rużarju u l-pubblikazzjoni ta’ l-Ittra Appostolika Rosarium Virginis Mariae, jien irritornajt għat-tema tal-kontemplazzjoni tal-wiċċ ta’ Kristu, issa minn perspettiva Marjana, billi ninkuraġġixxi għal darb’oħra r-reċta tar-Rużarju. Din it-talba tradizzjonali, hekk rakkomandata mill-Maġisteru u hekk għażiża għall-poplu ta’ Alla, għandha karattru bibbliku u evanġeliku ċar u qawwi, iffokat fuq l-Isem u l-Wiċċ ta’ Ġesù kif kuntemplat fil-misterui u bir-ripetizzjoni tas-“Sliema”. Fir-ripetizzjonijiet tagħha, tirrapreżenta tip ta’ pedagoġija ta’ mħabba, immirata sabiex tevoka fi qlubna dik l-istess imħabba li Marija kellha għal Ġesù binha. Għal din ir-raġuni, jien żviluppajt din it-talba bil-misterui tad-dawl, u hekk fittixt li nagħmel aktar sħiħa din il-forma privileġġjata ta’ talb u “kompendju tal-Vanġelu”[7]. U kif jistgħu l-misterui tad-dawl ma jsibux il-qofol tagħhom fl-Ewkaristija?

Mis-Sena tar-Rużarju għas-Sena ta’ l-Ewkaristija  

  1. Fil-qalba tas-Sena tar-Rużarju, jien ħriġt l-enċiklika Ecclesia de Eucharistia, bl-intenzjoni li nitfa’ dawl fuq il-misteru ta’ l-Ewkaristija fir-relazzjoni vitali u inseparabbli tagħha mal-Knisja. Jien ħeġġiġt il-fidili kollha biex jiċċelebraw is-sagrifiċċju Ewkaristiku b’reverenza, u joffri lil Ġesù preżenti fl-Ewkaristija, kemm fil u anke barra mill-quddiesa, il-qima mitluba minn Misteru hekk kbir. Fuq kollox, issuġġerejt għal darba oħra l-bżonn ta’ spiritwalità Ewkaristika u ppuntajt lejn Marija, “il-mara ta’ l-Ewkarisitija”[8], bħala l-mudell tagħha.

Is-Sena ta’ l-Ewkaristija sseħħ fuq l-isfond li stagħna mal-mixja tas-snin, waqt li jibqa’ dejjem jagħraf għeruqu fit-tema ta’ Kristu u l-kontemplazzjoni ta’ wiċċu. F’ċertu sens, din għandha tkun sena ta’ sintesi, il-punt l-aktar għoli ta’ vjaġġ li jkompli. Jista’ jingħad ħafna dwar kif tista’ tkun iċċelebrata sena bħal din. Jien sa noffri biss xi riflessjonijiet bl-għan li jgħinuna nesperjenzaw din is-sena b’tali mod li tħall l-frott.

II

L-EWKARISTIJA, MISTERU TA’ DAWL

“Hu fissrilhom l-Iskrittura, u l-ħwejjeġ li jingħadu dwaru” (Lq 24: 27).

  1. Ir-rakkont ta’ Ġesù Rxoxt jidher liż-żewġ dixxipli fit-triq lejn Għemmaws tgħinna sabiex niffukaw fuq aspett primarju tal-misteru Ewkaristiku, wieħed li għandu jkun dejjem preżenti fid-devozzjoni tal-Poplu ta’ Alla: L-Ewkaristija hija misteru ta’ dawl! X’ifisser dan, u x’inhuma l-implikazzjonijiet għall-ħajja u l-ispiritwalità Nisranija?

Ġesù jiddeskrivi lilu nnifsu bħala “d-dawl tad-dinja” (Ġw 8:12), u din il-kwalità tidher b’mod ċar f’dawk il-mumenti fil-ħajja tiegħu, bħat-Trasfigurazzjoni u l-Qawmien, li fihom il-glorja divina tiegħu tiddi b’qawwa. Madankollu fl-Ewkaristija, il-glorja ta’ Kristu tibqa’ taħt velu. L-Ewkaristija hija pre-eminentement mysterium fidei. Permezz tal-misteru tal-ħabi sħiħ, Kristu jsir misteru ta’ dawl, u b’hekk dawk li jemmnu jsibu ruħhom fil-profondità tal-ħajja divina. B’intuwizzjoni ta’ ferħ, f’ikona ċelebri ta’ Rublev li turi t-Trinità tqiegħed b’mod ċar l-Ewkaristija fiċ-entru tal-ħajja tat-Trinità.

  1. L-Ewkaristija hija dawl l-ewwelnett għaliex f’kull Quddiesa, l-liturġija tal-Kelma ta’ Alla tippreċedi l-liturġija ta’ l-Ewkaristija fl-unità taż-żewġ “imwejjed”, il-mejda tal-Kelma u l-mejda tal-Ħobż. Din il-kontinwità hija espressa fid-diskors Ewkaristiku tal-Vanġelu ta’ San Ġwann, fejn Ġesù jibda t-tagħlim tiegħu billi jitkellem mill-misteru tal-persuna tiegħu u mbagħad jgħaddi biex jitratta d-dimensjoni Ewkaristika tiegħu: “Ġismi huwa ikel tassew, u demmi xorb tassew” (Ġw 6:55). Aħna nafu li dan il-kliem ħawwad lil ħafna mis-semmiegħa, u wassal lil Pietru biex jesprimi l-fidi ta’ l-Appostili u tal-Knisja matul l-istorja: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6:68). Fir-rakkont tad-dixxipli fit-triq lejn Għemmaws, Kristu nnifsu jintervjeni biex juri “minn Mose u l-profeti”, kif “l-Iskrittura kollha” jħarsu lejn il-misteru tal-persuna tiegħu (Lq 24:27). Il-kelmiet tiegħu jwasslu biex il-qlub tad-dixxipli “jaqbdu” bħal nar ġewwa fihom, joħroġhom mid-dlam u n-niket, u jqajjem fihom ix-xewqa sabiex jibqa’ magħhom: “Ibqa’ magħna Mulej” (v.29)
  2. Il-Padri tal-Konċilju Vatikan II, fil-Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium fittxew li jagħmlu “il-mejda tal-Kelma” toffri t-teżor tal-Iskrittura b’mod aktar sħiħ lill-fidili[9]. B’konsegwenza ta’ dan, huma ħallew il-qari bibbliku tal-liturġija jkun proklamat fil-lingwa li jkun mifhum minn kulħadd. Huwa Kristu nnifsu li jitkellem meta l-Iskrittura Mqaddsa tinqara fil-Knisja[10]. Il-Padri Konċiljari ħeġġew ukoll liċ-ċelebrant sabiex jitratta l-omelija bħala parti mil-liturġija, bl-għan li tispjega l-kelma ta’ Alla u tislet it-tifisra tagħha għall-ħajja Nisranija[11]. Erbgħin sena wara l-Konċilju, is-Sena ta’ l-Ewkaristija tista’ sservi bħala opportunità mportant għall-komunitajiet Insara sabiex jevalwaw il-progress f’dan il-qasam. M’huwiex biżżejjed li s-siltiet bibbliċi jinqraw fil-vernakular, jekk ma jkunux proklamati bil-kura, bit-tħejjija, bl-attenzjoni devota u bis-silenzju meditattiv li jwassal il-Kelma sabiex tmiss il-qlub u l-imħuħ tal-bnedmin.

Huma għarfuh fil-qsim tal-ħobż” (Lq 24:35)

  1. Huwa sinifikanti li ż-żewġ dixxipli fi triqthom lejn Għemmaws, imħejjija minn kliem il-Mulej, għarfuh mal-mejda permezz tal-ġest sempliċi tal-“qsim tal-ħobż”. Meta l-imħuħ jiddawlu u l-qlub jitqawwew, is-sinjali jibdew “jitkellmu”. L-Ewkaristija tinbidel f’kuntest dinamiku ta’ sinjali b’messaġġ għani u mimli Dawl. B’dawn is-sinjali, il-misteru jinfetaħ quddiem għajnejn dawk li jemmnu.

Kif enfasizzajt fl-enċiklika Ecclesia de Eucharistia, huwa mportanti li ebda dimensjoni ta’ dan is-sagrament ma tkun imwarrba. Aħna kontinwament ittentati li nirriduċu l-Ewkaristija għad-dimensjonijiet tagħha, waqt li fir-realtà huwa aħna li rridu ninfetħu għad-dimensjonijiet tal-Misteru. “L-Ewkaristija hija don wisq kbir biex tittollera ambigwità u nuqqas ta’ apprezzament”[12].

  1. M’hemmx dubju li l-aktar dimensjoni evidenti tal-Ewkaristija hija l-aspett ta’ l-ikla. L-Ewkaristija twieldet, lejlet Ħamis ix-xirka, fil-kuntest tal-ikla tal-Mogħdija. L-ikla hija parti mill-istruttura tagħha. “Ħudu, kulu…Imbagħad ħa l-kalċi u…tahulhom u qal: Ixorbu minnu lkoll” (Mt 26:26). Hawn tespimi l-għaqda li Alla jrid jgħaddielna sabiex inkunu nistgħu ninbnew flimkien.

Imma ma rridux ninsew li l-ikla Ewkaristika għandha wkoll tifsira primarjament u profondament sagrifikali[13]. Fl-Ewkaristija, Kristu jirrendi preżenti għalina s-sagrifiċċju offrut darba għal dejjem fuq il-Golgota. Preżenti fl-Ewkarisitja bħala l-Mulej Irxuxtat, hu xorta waħda jġorr il-marki tal-passjoni, li tagħha kull Quddiesa hija “memorjal”, hekk kif il-Liturġija tfakkarna fl-akklamazzjoni ta’ wara l-konsagrazzjoni: “Inħabbru l-mewt tiegħek Mulej, inxandru bil-ferħ il-qawmien tiegħek…” Fl-istess waqt, waqt li l-Ewkaristija tagħmel preżenti dak li seħħ fl-imgħoddi, hija tħeġġiġna għall-ġejjieni, meta Kristu jerġa’ jiġi fi tmiem l-istorja. Dan l-aspett “eskatoloġiku” jirrendi s-Sagrament tal-Ewkaristija ġrajja li tiġborna fiha u timla l-vjaġġ Nisrani tagħna bit-tama.

Jiena magħkom dejjem…” (Mt 28:20)

  1. Dawn id-dimensjonijiet kollha ta’ l-Ewkarisitja jiġu flimkien f’aspett wieħed li jitlob minna l-fidi: il-misteru tal-preżenza “reali”. Mat-tradizzjoni sħiħa tal-Knisja, aħna nemmnu li Ġesù huwa tassew preżenti taħt l-ispeċi Ewkaristika. Din il-preżenza – kif spjega tajjeb Papa Pawlu VI – hija msejħa “reali” mhux b’mod esklussiv, bħallikieku sabiex tissuġġerixxi li forom oħra tal-preżenza ta’ Kristu m’humiex reali, imma par excellence, għaliex Kristu jagħmel lilu nnifsu sustanzjalment preżenti, sħiħ u inter, fir-realtà tal-ġisem u d-demm tiegħu[14]. Il-fidi titlob li aħna nersqu lejn l-Ewkaristija konxji li qed noqorbu lejn Kristu nnifsu. Hija preċiżament il-preżenza tiegħu li tagħti lill-aspetti l-oħra ta’ l-Ewkaristija – bħala ikla, memorjal tal-Misteru Paskwali, antiċipazzjoni eskatoloġika – is-sinifikat li jmur lil hinn minn sempliċi simboliżmu. L-Ewkaristija hija misteru ta’ preżenza, il-milja perfetta tal-wegħda ta’ Ġesù li jibqa’ magħna sa l-aħħar tad-dinja.

Niċċelebraw, naduraw, nikkontemplaw

  1. L-Ewkarisitija hija misteru kbir! U hija misteru li għandu jkun iċċelebrat kif jixraq. Il-quddiesa jeħtieġ li titqiegħed fiċ-ċentru tal-ħajja Nisranija u ċċelebrata f’manjiera dinjituża, fi qbil man-normi stabiliti, bil-parteċipazzjoni tal-assemblea, bil-preżenza tal-ministri li jwettqu l-ħidmiet proprji tagħhom, u bl-akkumpanjament tal-kant u l-mużika liturġika sagra. Proġett sinifikanti ta’ din is-Sena ta’ l-Ewkaristija jista’ jkun li kull parroċċa tistudja l-Istruzzjoni Ġenerali tal-Missal Ruman. L-aħjar mod biex wieħed fil-misteru tas-salvazzjoni preżenti fis-“sinjali” sagri jibqa’ dak li wieħed jimxi mas-sena liturġika. Ir-ragħajja għandhom jidħlu b’impenn għall-katekeżi “mistagoġika” hekk għażiża għall-Padri tal-Knisja, li bihom il-fidili huma mgħejjuna jifhmu it-tifsira tal-kelmiet u l-azzjonijiet tal-Liturġija, jgħaddu mis-sinjali għall-misteru, u jidħlu fil-misteru permezz ta’ kull aspett ta’ ħajjithom.
  2. Hemm ħtieġa partikulari li nikkultivaw konoxxenza ħajja tal-preżenza reali ta’ Kristu, kemm fiċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa u anke fl-adorazzjoni Ewkaristika barra l-Quddiesa. Il-kura trid tidher fit-ton tal-vuċi, ġesti, qagħda u direzzjoni. F’dan il-qasam, il-liġi liturġika titlob – u jien dan l-aħħar affermajt dan[15] – l-importanza ta’ mumenti ta’ silenzju kemm fiċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa u anke fl-adorazzjoni. Il-mod kif il-ministri u l-fidili jitrattaw l-Ewkaristija jrid ikun immarkat minn rispett profond[16]. Il-preżenza ta’ Ġesù fit-tabernaklu trid tkun qisha kalamita li tiġbed numru akbar ta’ erwieħ, lesti li jistennew b’sabar biex jisimgħu l-vuċi tiegħu, u jħossu t-taħbita ta’ qalbu. “Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej!” (Salm 34:8).

Matul din is-sena, l-adorazzjoni Ewkaristika barra l-Quddiesa trid issir impenn partikulari għall-komunitajiet parrokkjali u reliġjużi. Ejjew insibu ħin biex ninżlu għarkobbtejna quddiem Ġesù preżenti fl-Ewkaristija sabiex nagħmlu riparazzjoni bil-fidi tagħna u bl-imħabba tagħna għall-azzjonijiet ta’ abbandun, u anke għall-insulti li l-Mulej Salvatur tagħna jrid ikun suġġett għalihom f’ħafna partijiet tad-dinja. Ejjew naprofondixxu permezz tal-adorazzjoni, il-kontemplazzjoni persoanli u komunitarja tagħna, u nibnu fuq l-għajnuna tat-talb ispirtat mill-kelma ta’ Alla u l-esperjenza ta’ ħafna mistiċi, qodma u ġodda. Ir-Rużarju nnifsu, meta mifhum fil-forma bibblika u kristoċentrika tiegħu kif ktibt dwaru jien fir-Rosarium Virginis Mariae, ikun introduzzjoni mill-aqwa għall-kontemplazzjoni Ewkaristika, kontemplazzjoni flimkien ma’ Marija bħala l-akkumpanjatriċi u l-gwida[17].

Din is-sena ejjew niċċelebraw b’devozzjoni partikulari s-Solennità tal-Corpus Christi, bil-purċissjoni tradizzjonali. Il-fidi tagħna f’Alla li ħa l-ġisem sabiex isir il-kumpann tagħna trid tkun proklamata ma kullimkien, speċjalment fir-toroq tagħna u fid-djar tagħna, bħala espressjoni tal-imħabba u l-għajn qatt ma taqta’ ta’ barkiet.

III

L-EWKARISTIJA GĦAJN U WIRJA TA’ KOMUNJONI

Ibqgħu fija u Jiena fikom” (Ġw 15:4)

  1. Meta d-dixxipli fit-triq lejn Għemmaws talbu ‘l Ġesù biex “jibqa’ magħhom”, hu weġibhom billi taħom don akbar permezz tas-sagrament ta’ l-Ewkaristija, hu sab mod kif jibqa’ “fihom”. Li tirċievi l-Ewkaristija jfisser li tidħol f’komunjoni profonda ma’ Ġesù. “Ibqgħu fija u jiena fikom” (Ġw 15:4). Din ir-relazzjoni profonda u mutwa ta’ “tagħmir kontinwu” tagħmilha possibli li jkollna togħma minn issa tas-sema fuq l-art. M’hijiex jewwilla din l-akbar xewqa tal-bnedmin? M’huwiex dan dak li Alla kellu f’moħħu meta wettaq fl-istorja l-pjan tas-salvazzjoni? Alla qiegħed fil-qlub tal-bnedmin il-“ġuħ” għall-kelma tiegħu (Għam 8:11), ġuħ li jkun sodisfatt biss bl-għaqda sħiħa miegħu. Il-komunjoni Ewkaristika ngħatat sabiex aħna “nitgħajxu” b’Alla hawn fuq l-art, fi stennija tal-milja sħiħa fis-sema.

Ħobż wieħed, ġisem wieħed

  1. Din il-qrubija speċjali li toħroġ mill-“komunjoni” Ewkaristika ma tistax tkun mifhuma jew esperjenzata apparti mill-komunjoni ekkleżjali. Jien enfasizzajt dan kemm-il darba fl-enċiklika Ecclesia de Eucharistia. Il-Knisja hija l-Ġisem ta’ Kristu: aħna nimxu “ma’ Kristu” sal-punt li jibqgħu f’relazzjoni “ma’ ġismu”. Kristu ħa ħsieb din il-kreazzjoni u l-Iżvilupp ta’ din l-unità billi sawwab l-Ispirtu s-Santu. Hu jżomm ħaj din il-preżenza bl-Ewkaristija. Huwa l-Ħobż Ewkaristiku li jagħmilha ġisem wieħed. Kif jgħid San Pawl: “Għax hemm biss ħobż wieħed, aħna li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed, għax nieklu mill-ħobża waħda” (1 Kor 10:17). Fil misteru ta’ l-Ewkaristija, Ġesù jibni l-Knisja bħala komunjoni, fi qbil mal-mudell suprem evokat fit-talba saċerdotali: “Kif int Missier, inti fija, u Jiena fik, hekk huma lkoll fina, biex id-dinja temmen li inti bgħattni” (Ġw 17:21).
  2. L-Ewkaristija hija kemm l-għajn ta’ l-għaqda tal-Knisja, u anke l-manifestazzjoni l-aktar kbira. L-Ewkaristija hija l-epifanija ta’ komunjoni. Għal din ir-raġuni, il-Knisja tqiegħed kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni sħiħa fiċ-ċelebrazzjonijiet ta’ L-Ewkaristija[18]. Dawn il-limitazzjonijiet varji ridu jagħmluna iżjed konxji ta’ dak li tirrikjedi l-komunjoni li Ġesù jitlob minna. Hija komunjoni ġerarkika, bbażata fuq il-konoxxenza ta’ varjetà ta’ rwoli u ministeri, kif tinsab tassew f’riferenza għall-Papa u l-Isqof Djoċesan fit-Talba Ewkarisika. Hija komunjoni fraterna, kultivata minn “spiritwalità ta’ komunjoni” li tħaddan ftuħ reċiproku, affezzjoni, komprensjoni u maħfra[19].

“…qalb u ruħ waħda” (Atti 4:32)

  1. F’kull Quddiesa aħna msejħin sabiex inqisu lilna nfusna f’konfront ma’ l-ideal ta’ komunjoni li l-Atti ta’ l-Appostli jpittrilna bħala mudell għall-Knisja f’kull żmien. Hija l-Knisja miġbura madwar l-Appostli, imsejħa mill-kelma ta’ Alla, kapaċi li taqsam il-ġid spiritwali u anke dawk matrjali (Atti 2:42-47; 4:32-35). F’din is-Sena ta’ l-Ewkaristija il-Mulej jistedinna sabiex nesperjenzaw dawk l-okkażjonijiet imsemmija fil-liturġija għall-“Quddiesa Stazzjonali” ta’ l-Isqof, li hu jiċċelebra fil-katidral mal-presbiteri u mad-djakni, bil-parteċipazzjoni tal-Poplu kollu ta’ Alla. Hawn naraw il-“manifestazzjoni” prinċipali tal-Knisja[20]. Ikun xieraq li nsemmu okkażjonijiet oħra sinifikanti, anke fuq livell parrokkjali, li jkattru s-sens ta’ komunjoni u jsibu fl-Ewkaristija għajn ta’ fervur imġedded.

Jum il-Mulej

  1. B’mod partikulari, jien nitlob li jsir kull tentattiv din is-sena sabiex tesperjenzaw il-Ħadd bħala jum il-Mulej u jum il-Knisja. Jien inkun kuntent jekk kulħadd jirrifletti għal darb’oħra fuq il-kliem tiegħi fl-ittra Appostolika Dies Domini. “Fil-Quddiesa tal-Ħadd, l-Insara jgħixu b’intensità partikulari l-esperjenza ta’ l-Appostli fil-lejla ta’ l-Għid, meta l-Mulej Irxuxtat deherilhom kif kienu miġbura (Ġw 20:19). F’ċertu sens, il-Poplu ta’ Alla ta’ kull żmien kien preżenti f’dak in-nukleu ċkejken ta’ dixxipli, l-ewwel frott tal-Knisja”[21]. Matul din is-sena ta’ grazzja, is-saċerdoti fil-ministeru pastorali tagħhom għandhom ikunu iżjed attenti għall-Quddiesa tal-Ħadd bħala ċ-ċelebrazzjoni li tressaq lejn xulxin il-komunità parrokkjali kollha, bil-parteċipazzjoni tad-diversi gruppi movimenti u assoċjazzjonijiet.

IV

L-EWKARISTIJA, PRINĊIPJU U PJAN

TA’ “MISSJONI”

“Huma telqu mill-ewwel” (Lq 24:33)

  1. Iż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws, malli għarfu lill-Mulej, “telqu mill-ewwel” (Lq 24:33) sabiex jitkellmu dwar dak li raw u semgħu. Meta nkunu verament iltqajna mal-Mulej Irxuxtat billi niehdu sehem fil-ġisem u d-demm tiegħu, aħna ma nżommux għalina l-ferħ li nesperjenzaw. Il-laqgħa ma’ Kristu, kontinwament intensifikata u approfondita fl-Ewkaristija, tnissel fil-Knisja u f’kull Nisrani xewqa urġenti għax-xhieda u l-evanġelizzazzjoni. Ridt nenfasizza dan fl-omelija tiegħi jien u nħabbar is-Sena ta’ l-Ewkaristija, ibbażata fuq il-kliem ta’ San Pawl: “Kull darba li tieklu dal-ħobż u tixorbu dal-kalċi, nħabbru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi” (1 Kor 11:26). L-Appostlu jorbot l-ikla u l-proklamazzjoni: li tidhol f’komunjoni ma’ Kristu fil-memorjal tal-Mogħdija tiegħu jfisser ukoll li tħoss id-dmir li tkun missjunarju tal-ġrajja magħmula preżenti f’dak ir-rit[22]. Il-proklamazzjoni tat-tluq fis-sliem fi tmiem kull Quddiesa hija missjoni mogħtija lill-Insara, u tistedinhom sabiex jaħdmu għall-firxa tal-Vanġelu u tal-valuri Insara fis-soċjetà.
  2. L-Ewkarisitija mhux biss tipprovdi qawwa nterjuri għal din il-missjoni, imma hija wkoll f’ċertu sens – il-pjan tagħha. Għax l-Ewkaristija hija mod jew stil ta’ ħajja, li tgħaddi minn Ġesù għal għand kull Nisrani, li mbagħad bix-xhieda tiegħu tinfirex fis-soċjetà u l-kultura. Sabiex dan iseħħ, kull membru tal-familja jrid jassimila, permezz tal-meditazzjoni personali u kommunali, il-valuri li l-Ewkaristija tesprimi, l-attitudnijiet li tispira, ir-riżoluzzjonijiet li hija trodd. Kapaċi naraw hawnhekk missjoni speċjali li toħroġ preċiżament minn din is-Sena ta’ l-Ewkaristija?

Inroddu ħajr

  1. Element fundamentali ta’ dan il-pjan insibuh fl-istess tifsira tal-kelma “Ewkaristija”: radd il-ħajr. F’Ġesù, fis-sagrifiċċju tiegħu, fl-“Iva” inkundizzjonali tiegħu għar-rieda tal-Missier, tinsab din l-“iva”, il-“grazzi” u l-“ammen” ta’ l-umanità kollha. Il-Knisja hija msejħa sabiex tfakkar il-bnedmin f’din il-verità kbira. Dan huwa urġenti speċjalment fil-kuntest tal-kultura sekularizzata tagħna, karatterizzata kif inhi min-nuqqas ta’ Alla u mix-xewqa vana tas-suffiċjenza tal-jien personali. Li ninkarnaw il-“pjan” Ewkaristiku fil-ħajja ta’ kuljum, kull fejn in-nies jgħixu u jaħdmu – fil-familji, fl-iskejjel, fil-post tax-xogħol, fl-oqsma kollha tal-ħajja – ifisser li nagħtu xhieda li r-realtà umana ma tistax tiġi ġġustifikata mingħajr riferenza għall-Ħallieq: “Mingħajr il-Ħallieq, il-ħlejqa tisparixxi”[23]. Dan il-punt traxxendenti ta’ riferenza, li kontinwament jimpenja biex inroddu ħajr għal dak li għandna u li aħna – fi kliem ieħor, għall-attitudni “Ewkaristika” – bl-ebda mod ma jaqtagħna mill-awtonomija leġittima tar-realtajiet umani[24], imma tqiegħed din l-awtonomija f’postha b’aktar qawwa billi tpoġġiha fi ħdan il-limiti proprji tagħha.

F’din is-Sena ta’ l-Ewkaristija, l-Insara jeħtieġu li jkunu mpenjati sabiex jagħtu xhieda aktar qawwija għall-preżenza ta’ Alla fid-dinja. Ma rridux nibżgħu nitkellmu dwar Alla u nagħtu xhieda għall-fidi tagħna. Il-“kultura ta’ l-Ewkaristija” tippromwovi kultura ta’ djalogu, li hawnhekk issib qawwa u għajxien. Huwa żball li naħsbu li kull riferenza pubblika għall-fidi tkun ta’ ħsara għall-awtonomija ġusta ta’ l-Istat u l-istituzzjonijiet ċivili, jew li tista’ tinkuraġixxi attitudnijiet ta’ ntolleranza. Jekk l-istorja tkun xhieda ta’ dan l-iżball li diġà seħħ fost dawk li jemmnu kif jien ktibt fl-okkażjoni tal-Ġublew, dan irid ikun attribwit mhux lill-“għeruq Insara”, imma lill-falliment ta’ l-Insara li jfallu milli jkunu fidili għall-għeruqhom. Wieħed li jitgħallem jgħid “grazzi” fil-manjiera ta’ Kristu Msallab jista’ jispiċċa bħala martri, imma qatt bħal persekutur.

It-Triq tas-solidarjetà

  1. L-Ewkarisitija m’hijiex sempliċiment espressjoni ta’ komunjoni fil-ħajja tal-Knisja; hija wkoll proġett ta’ solidarjetà għall-umanità kollha. Fiċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija, il-Knisja kostantament iġġedded il-konoxxenza tagħha li tkun “sinjal u strument” mhux biss ta’ l-unjoni intima ma’ Alla imma wkoll ta’ l-unità tar-razza umana kollha kemm hi[25]. Kull quddiesa, mqar meta ċċelebrata f’oskurità u f’iżolament, dejjem għandha karattru universali. In-Nisrani li jieħu sehem fl-Ewkaristija jitgħallem kif isir promotur ta’ komunjoni, paċi u solidarjetà f’kull sitwazzjoni. Iktar minn qatt qabel, id-dinja mħawda li qed ngħixu fiha, li bdiet il-Millennju l-ġdid bis-sinjal tat-terroriżmu u t-traġedja tal-gwerra titlob li kull Nisrani jitgħallem jesperjenza l-Ewkaristija bħala skola kbira ta’ paċi, li tifforma l-bnedmin fid-diversi levelli ta’ responsabiltà fil-ħajja soċjali, kulturali u politika, ħalli juru promoturi tad-djalogu u l-għaqda.

Fis-servizz taċ-ċkejknin

  1. Hemm punt ieħor important li rrid nenfasizza, għaliex jaffettwa l-awtentiċità tal-qsim komunali tagħna fl-Ewkaristija. Huwa l-impuls li l-Ewkaristija tagħti lill-komunità għal impenn prattiku sabiex tinbena soċjetà aktar ġusta u fraterna. Fl-Ewkaristija Alla tagħna wera l-imħabba fil-qofol tagħha, u qaleb dawk il-kriterji tas-setgħa li ħafna drabi jiggvernaw ir-relazzjonijiet umani u radikalment jafferma l-kriterji tas-servizz: “Min irid ikun l-akbar, jeħtieġ li jkun l-aħħar wieħed u l-qaddej ta’ kulħadd” (Mk 9:35). M’hijiex kumbinazzjoni li l-Evanġelju ta’ Ġwanni ma fih ebda rakkont tat-twaqqif ta’ l-Ewkaristija, imma minflok jirrakkonta “il-ħasil tar-riġlejn” (Ġw 13: 1-20): meta niżel fuq għarkobbtejh biex jaħsel riġlejn id-dixxipli, Ġesù spjega t-tifsira ta’ l-Ewkaristija bl-aqwa mod. San Pawl jafferma mill-ġdid l-improprjetà ta’ ċelebrazzjoni Ewkaristika li tkun nieqsa mill-karità espressa permezz tal-qsim prattiku mal-foqra (1 Kor 11:17-22, 27-34).

Nistgħu nagħmlu din is-Sena ta’ L-Ewkaristija okkażjoni għall-komunitajiet djoċesani u parrokkjali sabiex jimpenjaw lilhom infushom b’mod partikulari sabiex iwieġbu b’solleċitudni fraterna għal waħda mid-diversi forom ta’ faqar preżenti fid-dinja? Naħseb per eżempju fit-traġedja tal-ġuħ li qed tolqot mijiet ta’ miljuni ta’ nies, il-mard li qed ikisser bosta pajjiżi, is-solitudni ta’ ħafna xjuħ, it-tbatijiet ta’ dawk bla xogħol, it-taħbit ta’ l-immigranti. Dan huwa ħażen li jinsab preżenti – fi gradi differenti – anke f’oqsma ta’ għana l-iżjed kbir. Ma nistgħux niddeludu lilna nfusna: bl-imħabba tagħna, u partikularment, bl-interess tagħna għal dawk fil-bżonn, aħna nkunu nintagħarfu bħala d-dixxipli veri ta’ Kristu (Ġw 13: 35; Mt 25: 31-46). Dan sa jkun il-kriterju li bih l-awtentiċità taċ-ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi tagħna jkunu ġġudikati.

KONKLUŻJONI

  1. O Sacrum Convivium, in quo Christus sumitur! Is-Sena ta’ l-Ewkaristija għandha l-għajn tagħna fl-istagħġib qaddis li bih il-Knisja tikkontempla dan il-misteru kbir. Huwa stagħġib li jien kontinwament nesperjenza. Dan kien li qanqalni biex nikteb l-Ecclesia de Eucharistia. Jien u nħares lejn is-sebgħa u għoxrin sena tal-ministru Petrin tiegħi, jien nikkunsidraha grazzja kbira li nkun nista’ nsejjaħ lill-Knisja kollha sabiex tikkontempla, tfaħħar u tadura b’mod speċjali dan is-Sagrament ta’ l-għaġeb. Jalla s-Sena ta’ l-Ewkaristija tkun għal kulħadd opportunità prezzjuża sabiex nikbru fil-konoxxenza tat-teżor inkomparabbli li Kristu fada lill-Knisja tiegħu. Jalla tinkuraġġina favur ċelebrazzjoni aktar ħajja permezz ta’ l-imħabba.

Hawn ta’ min isemmi numru ta’ inizjattivi, skond il-ġudizzju tar-Ragħajja tal-Knejjes Partikulari. Il-Kongregazzjon tal-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti m’hijiex sa toqgħod lura milli tipprovdi suġġerimenti u proposti għal dan. Ma nitlob xejn straordinarju, imma biss li kull inizjattiva tkun immarkata minn interjorità profonda. Jekk l-uniku riżultat ta’ din is-Sena jkun it-tiġdid fi ħdan il-komunitajiet Insara kollha, taċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, din is-Sena ta’ grazzja tkun ta’ suċċess abbundanti. Fl-istess waqt, tajjeb li wieħed iħares fil-għoli u ma jikkuntentax bil-medjokrità, ladarba nafu li dejjem nistgħu nistrieħu fuq l-għajnuna ta’ Alla.

  1. Lilkom, għeżież ħuti Isqfijiet, nirrakkomanda din is-Sena, kunfidenti li sa tilqgħu l-istedina tiegħi b’żelu appostoliku sħiħ.

Għeżież saċerdoti, li tirrepetu ta’ kull ġurnata l-kliem tal-konsagrazzjoni, u li intom xhieda u ħabbara tal-miraklu kbir ta’ l-imħabba li jseħħ fuq idejkom: ħossu l-isfida tal-grazzja ta’ din is-Sena speċjali, ċċelebraw il-Quddiesa ta’ kuljum bl-istess ferħ u fervur li bih qaddistu l-ewwel Quddiesa tagħkom, u qattgħu l-ħin quddiem it-tabernaklu.

Jalla din is-Sena ta’ grazzja tkun għalikom, djakni, li tinsabu hekk qrib tal-ministeru tal-kelma u s-servizz ta’ l-altar. Nitlob minnkom letturi, akkolti u ministri straordinarji tat-tqarbin, li ssiru dejjem iżjed konxji tad-doni li rcivejtu fis-servizz afdat lilkom favur ċelebrazzjoni aktar xierqa ta’ l-Ewkaristija.

B’mod partikulari nappella lilkom, saċerdoti tal-ġejjieni. Matul iż-żmien tagħkom fis-seminarju għamlu kull tentattiv biex tesperjenzaw is-sbuħija mhux biss tas-sehem ta’ kuljum fil-Quddiesa, imma wkoll tal-ħin ta’ djalogu ma’ Ġesù Ewkaristija.

Irġiel u nisa kkonsagrati, imsejħa bl-istess konsagrazzjoni għal aktar ħin imgħoddi fil-kontemplazzjoni: tinsew qatt li Ġesù fit-tabernaklu, iridkom qrib tiegħu anzi ma’ ġenbu, sabiex jista’ jimlielkom qlubkom bl-esperjenza tal-ħbiberija tiegħu, li waħidha tagħti sens u milja lil ħajjitkom.

Jalla intom ilkoll, Insara fidili, tiskopru mill-ġdid id-don ta’ l-Ewkaristija bħal dawl u qawwa għal ħajjithom ta’ kuljum fid-dinja, fl-eżerċizzju tal-professjonijiet rispettivi tagħkom qalb sitwazzjonijiet differenti. Għarfu mill-ġdid dan, qabel kollox, sabiex tesperjenzaw b’mod sħiħ is-sbuħija u l-missjoni tal-familja.

Għandi ħafna tamiet u stennija minnkom, għeżież żgħażagħ, jien u nħares ‘il quddiem lejn il-laqgħa li jmiss għalikom f’Cologne. It-tema tal-laqgħa – “Ġejna biex nagħtuħ qima” – tissuġġerixxi l-aħjar mod kif tistgħu tesperjenzaw din is-sena Ewkaristika. Ġibu magħkom f’din il-laqgħa ma’ Ġesù moħbi fl-Ewkaristija, l-entużjażmu ta’ l-età tagħkom, ix-xewqa tagħkom ta’ mħabba.

  1. Għandna quddiem l-eżempju tal-Qaddisin, li fl-Ewkaristija sabu l-għajxien għall-vjaġġ tagħha lejn il-perfezzjoni. Kemm drabi ġelben ma ħaddejhom id-dmugħ ta’ l-emozzjoni profonda fil-preżenza ta’ dan il-misteru kbir, jew inkella esperjenzaw sigħat ta’ ferħ ta’ “namur” inespressabbli f’riġlejn is-sagrament ta’ l-altari! Jalla nsibu l-għajnuna ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija, li l-ħajja tagħha kollha nkarnat it-tifsira ta’ l-Ewkaristija. “Il-Knisja, li tħares lejn Marija bħal lejn mudell, hija wkoll imsejħa sabiex timitaha fir-relazzjoni tagħha ma’ dan il-misteru hekk qaddis[26]. Il-ħobż Ewkaristiku li aħna nirċievu fil-ġisem bla tebgħa ta’ Binha: Ave verum corpus natum de Maria Virgine. F’din is-Sena ta’ grazzja, sostnuti minn Marija, jalla l-Knisja tiskopri l-entużjażmu ġdid għall-missjoni tagħha u tasal biex tagħraf b’aktar sħuħija li l-Ewkaristija hija għajn u l-quċċata tal-ħajja kolla tagħha.

Lilkom ilkoll nagħti l-Barka tiegħi b’rahan ta’ grazzja u hena.

Mill-Vatikan, nhar is-7 ta’ Ottubru, it-Tifkira tal-Madonna tar-Rużarju, fis-sena 2004, is-sitta u għoxrin tal-Pontifikat tiegħi.

JOANNES PAULUS PP II

[1] . Kostituzzjoni Appostolika dwar il-Knisja fid-Dinja tal-Lum Gaudium et Spes, 45.

[2] . Cf. ibid. 22.

[3] . No.55:AAS 87 (1995), 38.

[4] . Cf. Nos. 32-34:AAS 90 (1998), 732-734.

[5] . Cf. Nos. 30-32: AAS 93 (2001), 287-289.

[6] . Ibid. 35: loc. Cit., 290-291.

 

[7] . Cf. Ittra Appostolika Rosarium Virginis Mariae (16 ta’ Ottubru 2002), 19-21: AAS 95 (2003), 18-20.

[8] . Ittra Enċiklika Ecclesia de Eucharistia (17 ta’ April 2003), 53: AAS 95 (2003), 469.

 [9] . Cf. No. 51.

[10] . Ibid. 7.

[11] . Cf. Ibid., 52.

[12] . Ittra Enċiklika Ecclesia de Eucharistia (17 ta’ April 2003), 10: AAS 95 (2003), 439.

[13] . Cf. Ġwanni Pawlu II, Ittra Enċiklika Ecclesia de Eucharistia (17 ta’ April 2003), 10, AAS 95 (2003), 439.

Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, Istruzzjoni Redemptrionis Sacramentum dwar

ċerti materji biex jiġu osservati jew evitati rigward l-Ewkaristija Imqaddsa (25 ta’ Marzu 2004), 38:

L’Osservatore Romano, Edizzjini ta’ kull ġimgħa bl-Ingliż, 28 ta’ April 2004, Insert speċjali, p.3.

[14] . Cf. Ittra Enċiklika Mysterium Fide (3 ta’ Settembru 1965), 39: AAS 57 (1965), 764; Sagra Kongregazzjoni

tar-Riti, Istruzzjoni Eucharisticum Mysterium fuq il-Kult tal-Misteru Ewkaristiku (25 ta’ Mejju 1967), 9: AAS

59 (1967), 547

[15] . Cf. Messaġġ Spiritus et Sponsa, għall-erbgħin anniversarju tal-Kostituzzjoni tal-Liturġija Mqaddsa

Sacrosanctum Concilium (4 ta’ Diċembru 2003), 13: AAS 96 (2004), 425.

[16]. Cf. Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, Istruzzjoni Redemptionis Sacramentum

 dwar ċerti materji biex jiġu osservati jew evitati rigward l-Ewkaristija Mqaddsa (25 ta’ Marzu 2004): L-

 Osservatore Romano, Edizzjoni ta’ kull ġimgħa bl-Ingliż, 28 ta’ April 2004, Insert speċjali.

[17] . Cf. Ibid., 137, loc. Cit., p.11.

[18] . Cf Ġwanni Pawlu II, Ittra Ecclesia de Eucharistia (17 ta’ April 2003), 44: AAS 95 (2003), 462; Kodiċi tal-Liġi

 Kanonika, kanoni 908; Kodiċi Kanoni tal-Knejjes tal-Lvant, kanoni 702; Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni

ta’ l-Għaqda bejn l-Insara, Directorium Oecumenticum (25 ta’ Marzu 1993), 122-125, 129-131: AAS 85

(1993), 1086-1089; Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Ittra Ad Exsequendam (18 ta’ Mejju 2001): AAS

93 (2001), 786.

[19] . Cf Ġwanni Pawlu II, Ittra Appostolika Novo Millennio Ineunte (6 ta’ Jannar 2001), 43: AAS 93 (2001), 297.

[20] . Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium, 41.

[21] . No. 33: AAS 90 (1998). 733.

[22] . Cf. Omelija tas-Solennitá tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Ġesú (10 ta’ Ġunju 2004): L’Osservatore

 Romano, 11-12 ta’ Ġunju 2004, p. 6.

[23] . Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Appostolika dwar il-Knisja fid-Dinja tal-Lum Gaudium et Spes,

 36.

[24] . Ibid.

[25]. Cf. Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Pastorali dwar il-Knisja Lumen Gentium, 1.

[26] . Ġwanni Pawlu II, Ittra Enċiklika Ecclesia de Eucharistia (17 ta’ April 2003), 53: AAS 95 (2003), 469.

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.