Santa Tereża tal-Bambin Ġesù Duttur tal-Knisja


Stampa l-Ittra tal-Papa …

Ittra Appostolika tal-Papa Ġwanni Pawlu II

Santa Tereża tal-Bambin Ġesù u tal-Wiċċ Imqaddes

dikjarata Duttur tal-Knisja Universali

19 ta’ Ottubru 1997


Waħda miċ-ċkejknin tal-Mulej

  1. Ix-xjenza tal-imħabba ta’ Alla li l-Missier ta’ kull ħniena jxerred permezz ta’ Ġesù Kristu fl-Ispirtu s-Santu, hi don, mogħti liż-żgħar u lill-umli, biex ikunu jafu jxandru l-ħwejjeġ moħbija tas-Saltna, moħbijin lil min għandu l-għerf u d-dehen, għalhekk Ġesù feraħ fl-Ispirtu s-Santu u faħħar lill-Missier, għax hekk għoġbu (ara Lq 10, 21-22; Mt 11, 25-26).

Tifraħ ukoll il-Knisja Omm meta tara li, tul iż-żminijiet kollha, il-Mulej juri ruħu liċ-ċkejknin u lill-umli u jagħti l-ħila lill-magħżulin tiegħu, permezz tal-Ispirtu s-Santu, li “jgħarblu kollox, sa fil-qiegħ ta’ Alla” ( 1 Kor 2, 10), u jitkellmu “fuq id-doni li Alla tana… mhux bi kliem li tgħallmuh mill-għerf tal-bnedmin, imma mill-Ispirtu, u fissru ħwejjeġ spiritwali lil nies spiritwali” (ara 1 Kor 12. 13). B’dan il-mod l-Ispirtu s-Santu jmexxi l-Knisja lejn il-verità kollha, jipprovdilha doni ta’ kull xorta, iżejjinha bil-frott tiegħu, jagħtiha żogħżija bil-qawwa tal-Evanġelju, u jagħtiha l-ħila li taqra s-sinjali taż-żminijiet biex dejjem aħjar twieġeb għar-rieda ta’ Alla (ara Lumen gentium 4.12; Gaudium et spes 4).

Fost iċ-ċkejknin li lilhom intwerew b’mod tassew speċjali l-ħwejjeġ moħbija tas-Saltna, tiddi Santa Tereża tal-Bambin Ġesù u tal-Wiċċ Imqaddes, soru professa tal-Karmelitani Skalzi, li tagħha din is-sena hi l-mitt sena tad-daħla tagħha fil-pajjiż tagħna tas-sema.

Tul ħajjitha kollha Santa Tereża sabet “dwal ġodda, tifsir moħbi u misterjuż” (Ms A 83 v) u kisbet mingħand l-Imgħallem divin dik “ix-xjenza tal-imħabba” li mbagħad uriet b’mod tassew oriġinali fil-kitbiet tagħha (ara Ms B I r). Din ix-xjenza hi l-espressjoni kollha dawl tal-għarfien tagħha tal-misteru tas-Saltna u tal-esperjenza personali tagħha tal-grazzja. Dan nistgħu nqisuh bħala kariżma partikolari tal-għerf evanġeliku li Santa Tereża, l-istess bħal ħafna qaddisin u għalliema tal-fidi, kisbu bit-talb (ara Ms C 36 r).

L-għarfien malajr tal-qdusija ta’ Santa Tereża

  1. L-eżempju ta’ ħajjitha u t-tagħlim evanġeliku tagħha ġew milqugħin fi żmienna b’ħeffa kbira, ma’ kullimkien u dejjem: l-istess bħall-kobor spiritwali sħiħ tagħha fi żmien hekk qasir, il-qdusija tagħha ġiet magħrufa mill-Knisja f’perjodu ta’ ftit snin. Fl-10 ta’ Ġunju 1914 San Piju X iffirma d-digriet biex tibda l-kawża tal-beatifikazzjoni tagħha, fl-14 ta’ Awwissu 1921, l-Papa Benedittu XV xandar li l-Qaddejja ta’ Alla għexet b’mod erojku kull virtù, u dakinhar il-Papa għamel diskors dwar it-triq tat-tfulija spiritwali u l-Papa Piju XI fid-29 ta’ April 1923 iddikjaraha beata. Ftit wara, fis-17 ta’ Mejju 1925, dan l-istess Papa, quddiem folla kbira daqs li kbira, iddikjaraha qaddisa fil-Bażilika ta’ San Pietru, u wera sewwa x’kienet id-dija tal-virtujiet tagħha u kemm kien oriġinali t-tagħlim tagħha u sentejn wara, fl-14 ta’ Diċembru 1927, laqa’ t-talba ta’ ħafna isqfijiet missjunarji, u xandarha, flimkien ma’ San Franġisk Saverju, Patruna tal-missjonijiet.

Wara dan l-għarfien kollu d-dija tal-ħeġġa spiritwali ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù aktar kibret fil-Knisja u xterdet mad-dinja kollha. Ħafna istituti ta’ ħajja konsagrata u ħafna movimenti ekklesjali, speċjalment fil-Knejjes żgħażagħ, għażluha bħala patruna u għalliema u fittxew l-ispirazzjoni tagħhom fit-tagħlim spiritwali tagħha. Il-messaġġ tagħha, li spiss jiġi mfisser fil-qosor f’żewġ kelmiet “It-triq iċ-ċkejkna”, li mhijiex ħaġ’oħra ħlief it-triq evanġelika tal-qdusija ta’ kulħadd, ġie studjat sewwa minn teologi u studjużi ta’ spiritwalità. Inbnew u ġew iddedikati lill-Mulej, taħt il-patroċinju tal-Qaddisa ta’ Lisieux, kattidrali, bażiliki, santwarji u knejjes mad-dinja kollha. Il-qima tagħha fil-Knisja Kattolika nsibuha fir-riti kollha tal-lvant u tal-punent. Ħafna nsara ħassew il-qawwa tal-interċessjoni tagħha. Ħafna minn dawk li ġew imsejħin għall-ministeru saċerdotali jew għall-ħajja konsagrata, speċjalment fil-missjonijiet jew fil-monasteri, jgħidu li kisbu l-grazzja divina tal-vokazzjoni tagħhom bl-interċessjoni u l-eżempju tagħha.

Qaddisa u għalliema ta’ ħajja spiritwali

  1. Ir-Ragħajja tal-Knisja, ibda mill-Papiet ta’ qabli f’dan is-seklu, urew li l-qdusija tagħha kienet eżempju għal kulħadd u wrew ukoll sewwa li Santa Tereża hi għalliema ta’ ħajja spiritwali permezz ta’ duttrina, sempliċi iva imma għolja ħafna wkoll, li kisbet mill-għejun tal-Evanġelju, taħt it-tmexxija tal-Imgħallem divin, li mbagħad wasslet lill-aħwa kollha fil-Knisja b’mod effikaċi kullimkien (ara Ms B 2 v-3 r).

Din id-duttrina spiritwali waslitilna l-aktar mill-awtobijografija tagħha li, meħuda mit-tliet manuskritti li kitbet fl-aħħar snin ta’ ħajjitha u ppubblikati sena wara mewtha bit-titlu Histoire d’une Ame (Lisieux 1898) qanqlet interess tassew tal-għaġeb sa żmienna wkoll. Din l-awtobijografija maqluba f’xi 50 ilsien, flimkien mal-kitbiet l-oħra tagħha, uriet min kienet Santa Tereża lin-naħiet kollha tad-dinja, ukoll lil min mhuwiex fil-Knisja Kattolika. Mitt sena wara mewtha, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù għadha magħrufa bħala waħda mill-għalliema kbar tal-ħajja spiritwali ta’ żmienna.

  1. Għalhekk mhijiex xi ħaġa tal-għaġeb li saru ħafna talbiet lis-Sede Appostolika biex lil Santa Tereża jingħatalha t-titlu ta’ Duttur tal-Knisja Universali.

Minn xi sena ‘l hawn, b’mod speċjali meta bdiet toqrob it-tifkira hienja taċ-ċentinarju ta’ mewtha żdiedu ħafna dawn it-talbiet ukoll mill-Konferenza Episkopali; barra dan saru Kungressi ta’ studju u żdiedu l-pubblikazzjonijiet li wrew kemm Santa Tereża kellha għerf tassew tal-għaġeb u għenet tant irġiel u nisa ta’ kull kundizzjoni biex isiru jħobbu u jgħarfu lil Ġesù u l-Evanġelju tiegħu.

Fid-dawl ta’ dan kollu ddeċidejt li jsir b’attenzjoni sħiħa studju biex juri jekk il-Qaddisa ta’ Lisieux kellhiex il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa biex tiżżejjen bit-titlu ta’ Duttur tal-Knisja Universali.

Il-ħajja fil-qosor ta’ Santa Tereża

  1. Ħaġa tassew għal qalbi jekk issa nfakkar fil-qosor xi mumenti tal-ħajja ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Twieldet f’Alençon fi Franza fit-2 ta’ Jannar 1873. Ġiet mgħammda jumejn wara fil-knisja ta’ Notre-Dame, u tawha l-ismijiet ta’ Marija Franġiska Tereża. Il-ġenituri tagħha kienu Louis Martin u Zelie Guerin li tagħhom dan l-aħħar jien għaraft li għexu b’mod erojku l-virtujiet kollha. Wara l-mewt tal-omm, fit-28 ta’ Awwissu 1877, Tereża flimkien mal-familja kollha tagħha, marret toqgħod f’Lisieux fejn, imdawra mill-imħabba ta’ missierha u ta’ ħutha, irċeviet formazzjoni, esiġenti iva, imma wkoll kollha tjieba.

Lejn qrib it-tmiem tas-sena 1879 resqet għall-ewwel darba għas-sagrament tal-penitenza. Nhar Għid il-Ħamsin tas-sena 1883 kellha l-grazzja singulari li tfieq minn marda serja ħafna bl-interċessjoni ta’ Sidtna tal-Vittorja. Ġiet edukata mis-sorijiet Benedittini ta’ Lisieux u għamlet l-ewwel tqarbina fit-8 ta’ Mejju 1884 wara tħejjija ħerqana, li ntemmet bl-esperjenza singulari tal-grazzja tal-għaqda intima ma’ Ġesù. Ftit ġimgħat wara, fl-14 ta’ Ġunju tal-istess sena, irċeviet is-sagrament tal-Griżma, b’għarfien sħiħ ta’ dak li jagħti d-don tal-Ispirtu s-Santu fit-tisħib personali mal-grazzja ta’ Għid il-Ħamsin. Fil-Milied tal-1886 għaddiet minn esperjenza spiritwali mill-aktar għolja, li hi qisitha bħala “konverżjoni sħiħa”. Din l-esperjenza wasslitha biex tegħleb id-dgħufija emottiva tat-telfa ta’ ommha u tat bidu “għall-ġirja ta’ ġgant” fit-triq tal-perfezzjoni (ara Mms A 44v-45v).

Tereża xtaqet tħaddan il-ħajja kontemplattiva ta’ ħutha, Pawlina u Marija, fil-Karmelu ta’ Lisieux, iżda dan ma setax ikun għax kienet għadha żgħira. Waqt pellegrinaġġ fl-Italja, wara żjara lid-Dar Imqaddsa ta’ Loretu u l-postijiet tal-Belt eterna, waqt l-udjenza li l-Papa ta lill-insara ta’ Lisieux, fl-20 ta’ Novembru 1887, b’kuraġġ ta’ bint, talbet lill-Papa Ljun XIII il-permess li tidħol fil-Karmelu ta’ 15-il sena.

Fid-9 ta’ April 1888 daħlet fil-Karmelu ta’ Lisieux, u rċeviet l-abitu tal-Madonna fl-10 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara u għamlet il-professjoni reliġjuża fit-8 ta’ Settembru 1890, festa tat-twelid tal-Verġni Marija. Fil-Karmelu bdiet il-mixja lejn il-perfezzjoni kif ġiet imfassla mill-fundatriċi, Santa Tereża ta’ Ġesù, b’ħeġġa u fedeltà tassew, hija u taqdi l-uffiċċji komunitarji fdati lilha. Imdawla bil-Kelma ta’ Alla, imġarrba b’mod partikolari mill-marda tal-maħbub missierha, Louis Martin, li miet fid-29 ta’ Lulju 1894, Santa Tereża kompliet mixja fit-triq tal-qdusija, dejjem tinsisti li l-imħabba hi l-qofol ta’ kollox. Għarfet u wasslet lin-novizzi fdati lilha t-triq iċ-ċkejkna tat-tfulija spiritwali, u, bil-mixi ‘l quddiem tagħha fiha, daħlet dejjem aktar fil-fond tal-misteru tal-Knisja, u, miġbuda mill-imħabba ta’ Kristu, ħasset tikber fiha l-vokazzjoni appostolika u missjunarja li mbuttatha biex tiġbed lil kulħadd magħha għall-laqgħa mal-Għarus divin.

Fid-9 ta’ Ġunju tas-sena 1895, nhar il-festa tat-Trintà Qaddisa, offriet ruħha bħala vittma tas-sagrifiċċju lill-Imħabba kollha ħniena ta’ Alla. Fit-3 ta’ April tas-sena ta’ wara, fil-lejl bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa Mqaddsa kellha l-ewwel sinjal tal-marda li kienet se twassalha għall-mewt. Santa Tereża laqgħetha bħala żjara misterjuża tal-Għarus divin. Fl-istess waqt bdiet għaddejja mill-prova tal-fidi, li baqgħetilha sa mewtha. B’saħħitha dejjem sejra lura, mit-8 ta’ Lulju 1897 ittieħdet fl-infermerija tal-monasteru. Ħutha u s-sorijiet l-oħra kienu jilqgħu kliemha, waqt li t-tbatijiet u l-provi tagħha aċċettati bis-sabar kollu, dejjem aktar żdiedu sakemm mietet wara nofsinhar tat-30 ta’ Settembru 1897. “Jien mhux immut, imma dieħla fil-ħajja”, kitbet lil ħuha spiritwali Dun Belleire (LT 244). L-aħħar kelmiet tagħha: “Alla tiegħi, jien inħobbok” jissiġillaw ħajjitha kollha.

Il-kitba ta’ Santa Tereża

  1. Santa Tereża tal-Bambin Ġesù ħallietilna kitbiet li bir-raġun kollu bihom immeritat l-kwalifika ta’ għalliema spiritwali. L-opra ewlenija tagħha tibqa’ dejjem ir-rakkont ta’ ħajjitha fit-tliet manuskritti awtobijografiċi (Manuscripts autobiographiques A, B, C), għall-ewwel pubblikati bl-isem ta’ Histoire d’une Ame, isem li malajr sar magħruf.

Fil-manuskritt A, miktub fuq talba ta’ oħtha Anjeża ta’ Ġesù, li dak iż-żmien kienet prijura tal-monasteru, u mogħti lilha fil-21 ta’ Jannar 1896, Santa Tereża tiddeskrivi l-passi kollha tal-esperjenza reliġjuża tagħha: l-ewwel snin ta’ tfulitha, speċjalment il-ġrajja tal-ewwel tqarbina u tal-Griżma, l-adoloxxenza sad-dħul tagħha fil-Karmel u sal-ewwel professjoni reliġjuża tagħha.

Fil-manuskritt B, miktub tul l-irtir spiritwali tal-istess sena, fuq talba ta’ oħtha Marija tal-Qalb ta’ Ġesù, hemm l-isbaħ paġni, l-aktar u l-aktar ċitati tal-Qaddisa ta’ Lisieux. Fihom jidher il-kobor sħiħ tal-Qaddisa, li titkellem dwar il-vokazzjoni tagħha fil-Knisja, Għarusa ta’ Kristu u Omm l-erwieħ.

Il-manuskritt C, miktub fix-xahar ta’ Ġunju u fl-ewwel jiem ta’ Lulju tas-sena 1897, ftit xhur qabel mewtha, hu dedikat lill-prijura Marija ta’ Gonzaga, li kienet talbitulha, ikompli u jtemm it-tifkiriet tal-manuskritt A dwar il-ħajja fil-Karmelu. Dawn il-paġni juru l-għerf soprannaturali tal-kittieba. Santa Tereża, dwar dan l-aħħar żmien ta’ ħajjitha, ssemmi xi esperjenzi għoljin tagħha. Tiddedika paġni tassew iqanqlu dwar il-prova tal-fidi: grazzja ta’ tisfija li titfaħħa fil-lejl mudlam twil u ta’ tbatija kbira, imdawwal mill-fiduċja fl-imħabba kollha ħniena ta’ Alla l-Missier. Għal darb’oħra, mingħajr ma tirripeti ruħha, Santa Tereża turi d-dawl kollu dija tal-Evanġelju. Hawn insibu l-isbaħ paġni tagħha dwar it-telqa tagħha kollha fiduċja f’idejn Alla, dwar l-għaqda bejn l-imħabba ta’ Alla u l-imħabba tal-proxxmu, dwar il-vokazzjoni missjunarja tagħha fil-Knisja.

Santa Tereża f’dawn it-tliet manuskritti differenti, li huma dwar suġġett wieħed u jiddeskrivu l-mixi ‘l quddiem fil-ħajja spiritwali tagħha, jagħtuna awtobijografija tassew oriġinali li hi l-ħajja tar-ruħ tagħha. Minn din l-awtobijografija jidher li ħajjitha kienet eżistenza li fiha Alla ried jagħti messaġġ preċiż għad-dinja, billi juri triq evanġelika, it-“triq iċ-ċkejkna”, li kulħadd jista’ jgħaddi minnha, għax kulħadd hu msejjaħ għall-qdusija.

Fis-26 Lettres li għandha, miktubin lill-qraba, lis-sorijiet, lil “ħutha” il-missjunarji, Santa Tereża twassal l-għerf tagħha, billi tiżviluppa tagħlim li fil-fatt mhuwiex ħlief eżerċizzju tassew għoli ta’ direzzjoni spiritwali tal-erwieħ.

“Mal-kitba tagħha hemm ukoll 54 Poésies, xi wħud minnhom ta’ qawwa kbira teoloġika u spiritwali, ispirati mill-Iskrittura. Fosthom ta’ min isemmi b’mod speċjali Vivre D’Amour… (P 17) u Pourquoi je t’aime, o Marie! (P 54), ġabra oriġinali fil-qosor tal-mixja ta’ Marija skont l-Evanġelju. Ma’ dawn irridu nżidu 8 Récreations pieuses: kompożizzjonijiet poetiċi u teatrali li ħasbet u wriet il-qaddisa għall-komunità tagħha fl-okkażjoni ta’ xi festi, skont it-tradizzjoni tal-Karmelu. Fost il-kitbiet l-oħra tagħha, irridu nfakkru l-21 Priéres. U anqas m’għandha tintesa l-ġabra tal-kliem li qalet fl-aħħar xhur ta’ ħajjitha. Dawn il-kelmiet, li tagħhom hemm ħafna verżjonijiet, magħrufin bħala Novissima verba, huma magħrufin ukoll bit-titolu ta’ Derniers Entretiens.

Kariżma partikolari ta’ għerf

  1. Mill-istudju eżatt li sar tal-kitbiet ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù u mit-tweġiba li kellhom fil-Knisja, jistgħu jidhru sewwa l-aspetti ewlenin ta’ dik “id-duttrina tassew għolja”, li hi l-element fundamentali li jagħtu d-dritt għat-titlu ta’ Duttur tal-Knisja.

L-ewwel nett jidher ċar li kien hemm kariżma partikolari ta’ għerf. Din il-karmelitana żagħżugħa, mingħajr ma kellha ebda tħejjija teoloġika speċjali, imma imdawla bid-dija tal-Evanġelju ħasset ruħha mgħallma mill-Imgħallem divin li, kif kienet tgħid hi stess, hu “id-Duttur tad-Dutturi” (Ms A 83 v), li mingħandu tikseb “it-tagħlim divin” (Ms B 1 r). Tħoss li fiha seħħu l-kliem tal-Iskrittura: “min hu ċkejken ħa jiġi għandi… iż-żgħar isibu ħniena” (Ms Blv; Prov 9, 4; Għerf 6,6), u taf li ġiet mgħallma x-xjenza tal-imħabba, li hi moħbija lil min għandu l-għerf u d-dehen, u li l-Imgħallem divin għoġbu jirrevelah lilha bħalma rrivelah liċ-ċkejknin (Ms A 49r; ara Lq 10, 21-22).

Piju XI li qies lil Santa Tereża ta’ Lisieux bħala “l-istilla tal-pontifikat tiegħu”, ma ħasibhiex darbtejn biex, fl-omelija ta’ jum il-kanonizzazzjoni tagħha, nhar is-17 ta’ Mejju 1925, jgħid: “… l-istess spirtu tal-verità wrieha u fissrilha dak li soltu jżomm moħbi lil min għandu l-għerf u d-dehen, u jurih liċ-ċkejknin; għax din – u xhud ta’ dan hu l-Papa ta’ qabli – kienet tant ta’ ħila fil-ħwejjeġ tas-sema, li setgħet turi lill-oħrajn triq żgura ta’ salvazzjoni” (AAS 17 (1925) p. 213).

It-tagħlim tagħha mhux biss jaqbel mal-Iskrittura u mal-fidi kattolika, imma hu wkoll tassew mill-aqwa, minħabba l-għoli u l-kobor ta’ għerf li jinsab fih. Id-duttrina tagħha hi fl-istess waqt stqarrija tal-fidi tal-Knisja, esperjenza tal-misteru nisrani u triq lejn il-qdusija. Santa Tereża toffrilna fil-qosor ħajja spiritwali, titkellem bil-qawwa u b’awtorità, b’ħila liema bħalha biex tipperswadi u tikkomunika, kif juri l-fatt li l-messaġġ tagħha ġie milqugħ u nxtered fil-Poplu ta’ Alla.

It-tagħlim ta’ Santa Tereża ifisser b’mod kurrenti u jgħaqqad flimkien f’armonija sħiħa d-dommi tal-fidi nisranija bħala duttrina ta’ verità u esperjenza ta’ ħajja. Hawn ma għandniex ninsew li l-għarfien tad-depożitu tal-fidi, mgħoddi mill-Appostli, kif jgħallem il-Konċilju Vatikan II, jimxi ‘l quddiem fil-Knisja bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu: “jikber kemm bl-għarfien tar-realtajiet u l-kliem li twasslu minn żmien għall-ieħor, kemm mill-kontemplazzjoni u l-interess ta’ dawk li jemmnu, li jaħsbu fuqhom bejnhom u bejn ruħhom (ara Lq 2, 19 u 51), kemm mill-għarfien intimu tal-ħwejjeġ spiritwali li jkollhom, u kemm mit-tħabbir ta’ dawk li mis-suċċessjoni episkopali rċevew il-kariżma tal-verità” (Dei Verbum 8).

Fil-kitba ta’ Santa Tereża ma nsibux, kif insibu fil-kitba ta’ Dutturi oħra, preżentazzjoni xjentifika tal-veritajiet ta’ Alla, imma nistgħu nintebħu b’xhieda mdawla ta’ fidi li turi l-misteru u l-qdusija tal-Knisja, hija u tilqa’ b’imħabba u fiduċja l-ħniena kollha li juriha Alla u s-salvazzjoni ta’ Kristu.

Bir-raġun kollu għalhekk irridu nammettu li fil-Qaddisa ta’ Lisieux kien hemm il-kariżma ta’ Duttur tal-Knisja kemm bħala don tal-Ispirtu s-Santu li rċeviet biex tgħix u turi l-esperjenza tagħha tal-fidi, u kemm minħabba l-għarfien partikolari tagħha tal-misteru ta’ Kristu. Fiha ngħaqdu d-doni tal-liġi l-ġdida, jiġifieri l-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, li juri ruħu fil-fidi ħajja li taħdem bl-imħabba (ara San Tumas ta’ Aquino, Summa Teol. I-II, . 106, art. 1; q. 108, art. 1).

Nistgħu ngħidu għal Santa Tereża ta’ Lisieux dak li l-Papa ta’ qabli, Pawlu VI, qal dwar qaddisa oħra żagħżugħa, Duttur tal-Knisja, Santa Katerina ta’ Siena: “Dak li l-aktar jolqtok fil-Qaddisa hu l-għerf li ssawwab fiha, il-mod tassew ċar, għoli u jgħaxxaq li bih għamlet tagħha l-veritajiet ta’ Alla u l-misteru tal-fidi… ħaġa li iva setgħat tagħmel minħabba l-kwalitajiet naturali tagħha tassew tal-għaġeb, imma kien miraklu li għamlitha, għaliex għamlitha permezz tal-kariżma tal-għerf li taha l-Ispirtu s-Santu” (AAS 62 (1970) p. 675).

Għalliema tal-fidi u tal-ħajja nisranija

  1. Bid-duttrina singulari tagħha u bi stil ta’ kitba kollu kemm hu proprju tagħha, Santa Tereża tidher bħala vera għalliema tal-fidi u tal-ħajja nisranija. Mill-kitba tagħha tgħaddi, kif kienet tgħaddi minn dak li kienu jgħidu Missirijiet il-Knisja, dik in-nixxigħa li tagħti l-ħajja tat-tradizzjoni kattolika, li l-għana tagħha, kif jixhed il-Konċilju Vatikan II, “jinxtered fid-drawwiet u l-ħajja ta’ kuljum tal-Knisja li temmen u titlob” (Dei Verbum 8).

Id-duttrina ta’ Santa Tereża ta’ Lisieux, jekk inħarsu lejn is-sura letterarja tagħha, naraw li taqbel mal-edukazzjoni u l-kultura li kellha, jekk inqisuha skont iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ żmienha, tidher bħala għaqda providenzjali mat-tradizzjoni l-aktar vera tal-Knisja, kemm fl-istqarrija tal-fidi kattolika u kemm fil-promozzjoni ta’ ħajja spiritwali tassew awtentika, li titwassal lill-insara kollha bi kliem ħaj u jifhmu kulħadd.

Hi wriet id-dija tal-ħlewwa tal-Evanġelju liż-żminijiet tagħna; il-missjoni tagħha kienet li twassal għall-għarfien u l-imħabba tal-Knisja, il-Ġisem mistiku ta’ Kristu; kienet ta’ għajnuna kbira fil-fejqan ta’ dawk maħkumin mill-ebusija u l-biża’ tad-duttrina ġansenista, li kienet aktar miġbuda biex tinsisti fuq il-ġustizzja ta’ Alla milli fuq il-ħniena tiegħu. Ikkontemplat u adurat lill-ħniena ta’ Alla fil-perfezzjonijiet kollha tiegħu, għaliex “il-ġustizzja wkoll (forsi aktar minn kull perfezzjoni oħra) tidher liebsa bl-imħabba” (Ms A 83v). B’hekk saret ikona ħajja ta’ dak Alla li “jagħtina l-aqwa xhieda tas-setgħa tiegħu bla tarf billi jaħfrilna u jħenn għalina” (ara Missal Ruman, kolletta tas-26 Ħadd matul is-sena).

Għalkemm Santa Tereża ma ħallietx ġabra vera u proprja ta’ duttrina, madankollu mill-kitba tagħha jiddu dijiet partikolari ta’ duttrina li, qisu b’ kariżma tal-Ispirtu s-Santu, juru l-qofol tar-rivelazzjoni, f’dehra tassew oriġinali li qatt ma dehret qabel, hija u twassal tagħlim mill-aqwa.

Il-qofol tal-messaġġ tagħha hu Alla-Mħabba, Alla Trinità, ta’ perfezzjoni bla qjies fih innifsu. Jekk l-esperjenza spiritwali nisranija vera trid tkun taqbel mal-veritajiet rivelati, li fihom Alla juri lilu nnifsu u l-misteru tar-rieda tiegħu (ara Dei Verbum 2) ikollna ngħidu li Santa Tereża kellha esperjenza tar-Rivelazzjoni divina, għax waslet biex tikkontempla l-veritajiet fundamentali tal-fidi tagħna fil-misteru tal-ħajja tat-Trinità qaddisa. Fil-quċċata, bħala bidu u tmiem, hemm l-imħabba kollha ħniena tat-Tliet Persuni divini, kif kienet tgħid hi, speċjalment fl-Att ta’ offerta lill-Imħabba kollha ħniena. Fundamentalment, min-naħa ta’ dak li jkun, hemm l-esperjenza li biha aħna nsiru wlied adottivi ta’ Alla fi Kristu; dan hu l-veru sens tat-tfulija spiritwali, jiġifieri l-esperjenza tal-għarfien li aħna wlied adottivi ta’ Alla, imqanqlin mill-Ispirtu s-Santu. Fundamentalment ukoll quddiemna hemm għajrna, l-oħrajn kollha, li għas-salvazzjoni tagħhom aħna rridu nagħtu sehemna ma’ Kristu u fi Kristu, mal-istess imħabba kollha ħniena.

Permezz tat-tfulija spiritwali nħossu li kollox ġej mingħand Alla, kollox jerġa’ lura lejh u fih jgħammar, għas-salvazzjoni ta’ kulħadd, f’misteru ta’ mħabba kollha ħniena. Dan hu l-messaġġ tad-duttrina li għallmet u għexet din il-Qaddisa.

L-istess bħall-qaddisin l-oħra kollha tal-Knisja ta’ kull żmien, għaliha wkoll fl-esperjenza spiritwali tagħha, qofol u milja tar-rivelazzjoni hu Kristu. Santa Tereża b’ħeġġa ta’ għarusa, għarfet lil Ġesù, ħabbitu, u wasslet lill-oħrajn iħobbuh. Daħlet fil-misteru ta’ tfulitu, fi kliem l-Evanġelju tiegħu, fil-passjoni tal-Qaddej ibati, minquxa fil-wiċċ imqaddes tiegħu, fid-dija tal-ħajja tiegħu fil-glorja, fil-preżenza tiegħu fl-Ewkaristija. Kantat l-għemejjel kollha tal-imħabba divina ta’ Kristu, kif insibuhom fl-Evanġelju (ara PN 4; Jesus, mon Bien Aimé, rappelle-toi!).

Santa Tereża ġiet imdawla b’mod partikolari dwar ir-realtà tal-Ġisem mistiku ta’ Kristu, dwar il-ħafna kariżmi tiegħu, doni tal-Ispirtu s-Santu, dwar il-qawwa tassew kbira tal-imħabba, li hi qisha l-qalb stess tal-Knisja, li fiha Santa Tereża sabet il-vokazzjoni tagħha ta’ soru kontemplattiva u missjunarja (ara Ms B 2r – 3v).

Fl-aħħar nett, fost il-kapitli l-aktar oriġinali tax-xjenza spiritwali tagħha, għandu jitfakkar ukoll l-istħarriġ kollu għerf li Santa Tereża żviluppat dwar il-misteru u l-mixi tal-Verġni Marija, u kisbet riżultati qrib ħafna d-duttrina tal-Konċilju Vatikan II fil-kap VIII tal-Kostituzzjoni Lumen Gentium u dak li pproponejt fl-enċiklika tiegħi Redemptoris Mater tal-25 ta’ Marzu 1987.

Il-Kelma ta’ Alla għajn tal-esperjenza spiritwali tagħha

  1. L-għajn ewlenija tal-esperjenza spiritwali u tat-tagħlim ta’ Santa Tereża hi l-Kelma ta’ Alla fit-Testment il-Qadim u fit-Testment il-Ġdid; dan tgħidu hi stess, speċjalment hija u turi l-ħeġġa tal-imħabba li kellha għall-Evanġelju (ara Ms A 83v). Fil-kitba tagħha nsibu aktar minn 1000 ċitazzjoni mill-Bibbja: aktar minn 400 mit-Testment il-Qadim u aktar minn 600 mit-Testment il-Ġdid.

Minkejja tħejjija mhux sħiħa u n-nuqqas ta’ mezzi ta’ studju u ta’ tifsir tal-Kotba Mqaddsa, Santa Tereża daħlet sewwa fil-meditazzjoni tal-Kelma ta’ Alla b’fidi u ħeġġa liema bħalhom. Taħt l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu kisbet għaliha u għall-oħrajn għarfien tassew għoli tar-rivelazzjoni. Ħsibijietha kienu kollhom kemm huma miġbudin b’imħabba lejn l-Iskrittura – xtaqet tkunn taf l-Ebrajk u l-Grieg biex tifhem l-ispirtu u l-kitba tal-Kotba Mqaddsa – uriet l-importanza li għandhom għall-ħajja spiritwali l-għejjun tal-Bibbja, uriet kemm hu oriġinali l-Evanġelju u kemm jiswa għal kull żmien, fittxet bla ebda esaġerazzjoni l-esiġeżi spiritwali tal-Kelma ta’ Alla, sew tat-Testment il-Qadim u sew tat-Testment il-Ġdid. Hekk sabet ħafna teżori moħbija, u għamlet tagħha kliem u episodji, xi drabi b’sogru spiritwali, bħal meta, hija u taqra kliem San Pawl (ara 1 Kor 12-13) intebħet bil-vokazzjoni tagħha għall-imħabba (ara Ms B 3r-3v). Imdawla mill-kelma tar-rivelazzjoni, Santa Tereża kitbet paġni inġenjużi dwar l-għaqda bejn l-imħabba ta’ Alla u l-imħabba tal-proxxmu (ara Ms C 11v-19r); saret ħaġa waħda mat-talba ta’ Ġesù fl-Aħħar Ikla tiegħu, bħala espressjoni tat-talba tagħha għas-salvazzjoni ta’ kulħadd (ara Ms C 33r-35v).

Kif għedna, id-duttrina tagħha taqbel mat-tagħlim tal-Knisja. Sa minn meta kienet għadha tifla, qrabatha għallmuha tieħu sehem fit-talb u l-kult liturġiku. Bi tħejjija għall-ewwel qrara tagħha, għall-ewwel tqarbina tagħha, u għas-sagrament tal-Griżma, uriet imħabba tal-għaġeb għall-veritajiet tal-fidi, u tgħallmet kważi kelma b’kelma l-Katekiżmu (ara Ms A 37r-37v). Fit-tmiem ta’ ħajjitha kitbet b’demmha l-Kredu tal-Appostli, bħala espressjoni tar-rabta tagħha bla ebda kundizzjoni ma’ din il-professjoni tal-fidi.

Barra milli bil-kliem tal-Iskrittura u mid-duttrina tal-Knisja, Santa Tereża sa minn żgħożitha tmantniet ukoll bit-tagħlim tal-Imitazzjoni ta’ Kristu li, kif tgħid hi stess, kienet tafha kważi kollha bl-amment (Ms A 47r). Wasslu biex seħħet il-vokazzjoni karmelitana tagħha t-testi spiritwali tal-Omm Fundatriċi tat-Tereżjani, Santa Tereża ta’ Ġesù, speċjalment dawk li juru s-sens kontemplattiv u ekklesjali tal-kariżma tal-Karmelu Tereżjan (ara Ms C 33v). Iżda b’mod tassew speċjali, Santa Tereża tmantniet bid-duttrina mistika ta’ San Ġwann tas-Salib, li kien verament l-imgħallem spiritwali tagħha (ara Ms A 83r). Mhijiex ħaġa tal-għaġeb għalhekk li, fl-iskola ta’ dawn iż-żewġ qaddisin, li aktar tard ġew dikjarati Dutturi tal-Knisja, Santa Tereża, dixxiplu mill-aħjar tagħhom, waslet biex hi wkoll issir għalliema ta’ ħajja spiritwali.

Ix-xhieda tal-Papiet

  1. Id-duttrina spiritwali ta’ Santa Tereża ta’ Lisieux għenet fit-tixrid tas-Saltna ta’ Alla. Bl-eżempju ta’ qdusitha, bil-fedeltà perfetta tagħha lejn il-Knisja-Omm, bix-xirka sħiħa mal-kattedra ta’ San Pietru, u wkoll bil-ħafna grazzji partikolari li kisbet għal tant ħutha missjunarji, irġiel u nisa, tat servizz partikolari għat-tħabbir mill-ġdid u għall-esperjenza tal-Evanġelju ta’ Kristu u għax-xandir tal-fidi kattolika fost il-ġnus kollha tal-art.

Ma hemmx għalfejn intawwlu wisq fuq l-universalità tad-duttrina tereżjana u kif ġie milqugħ kullimkien il-messaġġ tagħha tul il-mitt sena li għaddew mill-mewt tagħha: dan ġie dokumentat sewwa mill-istudji li saru biex jingħatalha t-titlu ta’ Duttur tal-Knisja Universali.

F’dan għandu importanza speċjali l-fatt li l-istess Maġisteru tal-Knisja mhux biss għaraf il-qdusija ta’ Santa Tereża, iżda wera wkoll fid-dawl l-għerf u d-duttrina tagħha. San Piju X ġa kien qal li Santa Tereża kienet “l-akbar qaddisa taż-żmien tal-lum”. Laqa’ bil-qalb l-ewwel edizzjoni bit-Taljan ta’ L-Istorja ta’ Ruħ, u faħħar sewwa l-frott li jinkiseb mill-ispiritwalità tereżjana. Benedittu XV, fl-okkażjoni tad-dikjarazzjoni li l-Qaddejja ta’ Alla għexet kull virtù b’mod erojku, wera x’kienet t-triq tat-tfulija spiritwali u faħħar ix-xjenza tal-ħwejjeġ ta’ Alla, mogħtija lil Santa Tereża minn Alla stess biex tgħallem lill-oħrajn it-triq tas-salvazzjoni (ara AAS 13 (1921) 449-452). Piju XI kemm fil-beatifikazzjoni u kemm fil-kanonizzazzjoni tagħha, fisser u rrakkomanda d-duttrina tal-Qaddisa, u b’mod partikolari wera kif kienet imdawla minn Alla (Discorsi di Pio XI, vol. 1, Torino 1959, p. 91), u qal li kienet tassew għalliema tal-ħajja (ara AAS 17 (1925) pp. 211-214). Piju XII, meta ġiet konsagrata l-Bażilika ta’ Lisieux, fl-1954, fost affarijiet qal li Santa Tereża bid-duttrina tagħha kienet daħlet fil-qalba stess tal-Evanġelju (ara AAS 46 (1954) pp. 404-408). Il-kardinal Angelo Roncalli, li aktar tard sar il-Papa Ġwanni XXIII, spiss mar iżur Lisieux speċjalment meta kien Nunzju f’Pariġi. Tul il-pontifikat tiegħu wera, f’kemm-il ċirkostanza, id-devozzjoni tiegħu lejn il-Qaddisa, u fisser ir-relazzjoni li hemm bejn id-duttrina tal-Qaddisa ta’ Avila u dik ta’ bintha, Tereża ta’ Lisieux (Discorsi, Messaggi, Colloqui vol. II (1959-1960) pp. 771-772). Kemm-il darba, waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Konċilju Vatikan II, l-isqfijiet fakkru l-eżempju u d-duttrina tagħha. Pawlu VI, fiċ-ċentinarju ta’ twelidha, fit-2 ta’ Jannar 1973, kiteb ittra lill-isqof ta’ Bayeux u Lisieux li fiha faħħar l-eżempju ta’ Santa Tereża u wrieha bħala għalliema tat-talb u tat-tama teologali, mudell ta’ xirka mal-Knisja, u ried li d-duttrina tagħha tiġi studjata mill-għalliema, mill-edukaturi, mir-ragħajja tal-erwieħ u saħansitra mit-teologi (ara AAS 65 (1973) pp. 12-15). Jien stess, f’ħafna ċirkostanzi, kelli l-ferħ li nsemmi d-duttrina u l-figura tal-Qaddisa, b’mod speċjali fiż-żjara li ma ninsiha qatt li għamilt f’Lisieux fit-2 ta’ Ġunju 1980, meta ridt infakkar lil kulħadd: “Dwar Santa Tereża ta’ Lisieux bil-konvinzjoni kollha jista’ jingħad li l-Ispirtu ta’ Alla ippermetta lil qalbha li tirrivela direttament, lill-bnedmin taż-żminijiet tagħna, il-misteru fundamentali, ir-realtà tal-Evanġelju … It-“triq iċ-ċkejkna” hi t-triq tat-“tfulija qaddisa”. F’din it-triq hemm xi ħaġa li ma hemmx oħra bħalha, il-ġenju ta’ Santa Tereża ta’ Lisieux. Fl-istess waqt titwettaq u tiġġedded il-verità l-aktar fundamentali u l-aktar universali. Għaliex liema verità tal-messaġġ tal-Evanġelju hi fil-fatt l-aktar fundamentali u l-aktar universali minn din: Alla hu Missierna u aħna wliedu?” (Insegnamenti di Giovanni Paolo II, vol. III/1 (1980) p. 1659).

Ix-xhieda tal-Knisja kollha

Dawn il-ftit riferenzi għal tant xhieda, li ma waqfu qatt, ta’ Papiet ta’ dan is-seklu dwar il-qdusija u d-duttrina ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù u għat-tixrid ma’ kullimkien tal-messaġġ tagħha, juru b’mod ċar kif il-Knisja laqgħet, fir-ragħajja u l-fidili tagħha, id-duttrina spiritwali ta’ din il-qaddisa żagħżugħa.

Sinjal li t-tagħlim ta’ din il-qaddisa ġie milqugħ mill-Knisja hu l-fatt li d-duttrina tagħha ġiet milqugħa f’ħafna dokumenti tal-Maġisteru ordinarju tal-Knisja, speċjalment meta jitkellem fuq il-vokazzjoni kontemplattiva u missjunarja, fuq il-fiduċja f’Alla ġust u ħanin, fuq il-ferħ nisrani, fuq il-vokazzjoni għall-qdusija. Xhieda ta’ dan hi l-preżenza tad-duttrina tagħha fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika ta’ dan l-aħħar (nn. 127, 826, 956, 1011, 2011, 2558). Dik li tant ħabbet titgħallem fil-katekiżmu l-veritajiet tal-fidi, stħoqqilha li tissemma’ fost ix-xhieda l-aktar awtorevoli tad-duttrina kattolika.

Santa Tereża għandha universalità singulari. Il-persuna tagħha, il-messaġġ evanġeliku tat-“triq iċ-ċkejkna” tal-fiduċja u tat-tfulija spiritwali intlaqgħu u għadhom jintlaqgħu b’mod tal-għaġeb u qasmu kull fruntiera.

L-influwenza tal-messaġġ tagħha tħaddan l-ewwel nett dawk l-irġiel u n-nisa li l-istess Knisja għarfet il-qdusija tagħhom jew li għexu kull virtù b’mod erojku, ragħajja tal-Knisja, studjużi tat-teoloġija u tal-ispiritwalità, saċerdoti u seminaristi, reliġjużi rġiel u nisa, movimenti ekklesjali u komunitajiet ġodda, irġiel u nisa ta’ kull qagħda u minn kull kontinent. Lil kulħadd Santa Tereża turi personalment li l-misteru nisrani, li tiegħu saret xhieda u appostlu, hija u tagħti ruħha għat-talb, bħal “appostlu tal-appostli” (Ms A 56r), kif hi stess tfisser bil-qlubija kollha, għandu jiġi milqugħ litteralment bir-realiżmu kollu possibbli, għaliex għandu valur universali fiż-żmien u f’kull imkien. Il-qawwa tal-messaġġ tagħha tidher għaliex uriet bil-fatt li l-wegħdiet kollha ta’ Ġesù jseħħu għal kollox f’min jemmen u bil-fiduċja kollha jilqa’ f’ħajtu l-preżenza tal-Feddej li jsalva.

Għaliex stħoqqilha t-titolu ta’ Duttur tal-Knisja

  1. Dawn ir-raġunijiet kollha huma xhieda ċara ta’ kemm tiswa għal-lum id-duttrina tal-Qaddisa ta’ Lisieux u l-influwenza speċjali tat-tagħlim tagħha fuq l-irġiel u n-nisa tal-lum. Hemm imbagħad ċirkostanzi oħra li jagħtu tifsir aqwa lill-fatt li ġiet dikjarata Għalliema għall-Knisja ta’ żmienna.

L-ewwel nett, Santa Tereża hija mara li, hija u tersaq lejn l-Evanġelju, għarfet tiġbor l-għana moħbi fih b’dak il-mod konkret u b’dak l-għerf u l-qawwa li huma proprji tal-ġenju tal-mara. Hi minn quddiem fl-universalità tagħha fost il-qtajja ta’ nisa qaddisa li jiddu għall-għerf tagħhom tal-Evanġelju.

Santa Tereża imbagħad kienet ukoll mara kontemplattiva. Moħbija bejn il-ħitan tal-Karmelu, għexet l-avventura kbira tagħha tal-esperjenza nisranija, u waslet biex tagħraf it-tul u l-wisa’, l-għoli u l-fond tal-imħabba ta’ Kristu (ara Ef 3, 18-19). Alla ma riedx li jibqgħu moħbija s-sigrieti tiegħu, iżda ta l-ħila lil Santa Tereża li xxandar is-sigrieti tas-Sultan (Ms C 2v), b’ħajjitha bħala dedikazzjoni sħiħa lil Kristu, l-Għarus tal-Knisja, u bħala dikjarazzjoni ħajja tal-primat ta’ Alla fuq kollox. Ħajjitha hi ħajja moħbija li tat kotra ta’ frott f’misteru għax-xandir tal-Evanġelju u timla l-Knisja u d-dinja bil-fwieħa ta’ Kristu (ara LT 169, 2v).

Fl-aħħar nett Santa Tereża hi żagħżugħa: laħqet il-kobor sħiħ ta’ qdusitha f’nofs żgħożitha (ara Ms C 4c). B’dan il-mod turi ruħha bħala għalliema ta’ ħajja evanġelika, l-aktar biex bil-qawwa kollha ddawwal it-triqat taż-żgħażagħ, li d-dmir tagħhom hu li jagħtu xhieda tal-Evanġelju lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda.

Santa Tereża tal-Bambin Ġesù mhijiex biss id-Duttur tal-Knisja l-aktar żagħżugħa, imma hi wkoll dik l-aktar qrib tagħna fiż-żmien, qisha trid turi li l-Ispirtu s-Santu qatt ma jieqaf jibgħat fil-Knisja l-ħabbara tiegħu, irġiel u nisa, bħala għalliema u xhieda tal-fidi. Huma x’inhuma t-tibdiliet li naraw fl-istorja u minkejja l-influwenza li jista’ jkollhom fuq il-ħajja u l-fehmiet tan-nies ta’ Knisja: jibqgħu dejjem f’kull ċirkostanza storika, xhieda tal-Evanġelju, li ma jitbiddel qatt u, bid-dawl u l-qawwa li tiġihom mill-Ispirtu s-Santu, isiru ħabbara tiegħu, huma u jxandruh fis-safa kollu tiegħu lin-nies ta’ żmienhom. Santa Tereża hi għalliema għal żmienna, kollu għatx għal kliem ħaj u essenzjali, għal xhiediet qalbiena li jitwemmnu. Għalhekk hi maħbuba u milqugħa wkoll mill-aħwa tal-komunitajiet insara l-oħra, u wkoll minn min mhuwiex nisrani.

Il-proċess li wassal għall-għoti ta’ Duttur tal-Knisja lil Santa Tereża

  1. Din is-sena li fiha qegħdin niċċelebraw iċ-ċentinarju tal-mewt glorjuża ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù u tal-Wiċċ Imqaddes, waqt li qegħdin inħejju ruħna għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew il-Kbir tas-sena 2000, wara li rċevejt tant talbiet awtorevoli, speċjalment minn ħafna Konferenzi Episkopali tad-dinja kollha, u wara li lqajt it-talba uffiċċjali jew Supplex libellus li ntbagħtet lili bid-data tat-8 ta’ Marzu 1997 mill-Isqof ta’ Bayeaux u Lisieux, kif ukoll dik tal-Propostu Ġenerali tal-istess Ordni, ridt nafda lill-Kongregazzjoni għall-Kawżi tal-Qaddisin, li hi dik kompetenti f’din il-ħaġa, biex “wara li jittieħed il-vot tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-fidi dwar id-duttrina għolja tagħha” (Kost. Apost. Pastor bonus 73), isir l-istħarriġ tal-kawża dwar jekk għandux jingħata t-titolu ta’ Duttur lil din il-Qaddisa.

Wara li nġabru d-dokumenti meħtieġa ż-żewġ kongregazzjonijiet stħarrġu l-kwistjoni fil-Konsulti tagħhom: il-Konsulta tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi fil-5 ta’ Mejju 1997 dwar dak li għandu x’jaqsam mal-għoli tad-duttrina tagħha, u fil-Konsulta tal-Kongregazzjoni għall-kawżi tal-Qaddisin fid-29 ta’ Mejju tal-istess sena biex jistħarrġu l-positio speċjali. Fis-17 ta’ Ġunju mbagħad il-Kardinali u l-Isqfijiet ta’ dawn iż-żewġ Kongregazzjonijiet, skont il-proċedura li jien kont approvajt għall-okkażjoni bħal din, iltaqgħu f’sessjoni plenarja taż-żewġ Dikasteri flimkien, iddiskutew il-kawża u qablu lkoll li kellu jingħata t-titolu ta’ Duttur tal-Knisja Universali lil Santa Tereża tal-Bambin Ġesù u tal-Wiċċ Imqaddes. Din id-deċiżjoni twasslet lili personalment mill-Kardinal Josef Ratzinger, Prefett tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi, u mill-Pro-Prefett tal-Kongregazzjoni għall-kawżi tal-Qaddisin, Mons Alberto Bovone, Arċisqof titulari ta’ Ċesarija fin-Numidja.

Jien u nqis dan, fl-24 ta’ Awwissu li għadda, waqt it-talba tal-Angelus, quddiem mal-mitt isqof u folla bla qjies ta’ żgħażagħ mid-dinja kollha, miġburin f’Pariġi għat-Tnax-il Ġurnata Dinjija taż-Żgħażagħ, ridt inħabbar personalment il-ħsieb li nxandar li Santa Tereża tal-Bambin Ġesù u tal-Wiċċ Imqaddes hi Duttur tal-Knisja Universali, fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjoni tal-Ġurnata Missjunarja f’Ruma.

Illum 19 ta’ Ottubru 1997, fi Pjazza San Pietru, mimlija bin-nies li ġew minn kull naħa tad-dinja, quddiem għadd kbir ta’ Kardinali, Arċisqfijiet u Isqfijiet, waqt ċelebrazzjoni ewkaristika solenni xandart bħala Duttur tal-Knisja Universali lil Santa Tereża tal-Bambin Ġesù u tal-Wiċċ Imqaddes b’dan il-kliem: Biex nilqa’ x-xewqat ta’ għadd kbir ta’ ħuti fl-Episkopat, ta’ kotra bla għadd ta’ nsara mid-dinja kollha, wara li ħadt il-parir tal-Kongregazzjoni għall-kawżi tal-Qaddisin u l-vot tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi dwar id-duttrina għolja tagħha, b’għarfien sħiħ tal-ħaġa u b’deċiżjoni maħsuba sewwa, bil-qawwa tal-awtorità appostolika kollha tiegħi, niddikjara lil Santa Tereża tal-Bambin Ġesù u tal-Wiċċ Imqaddes, verġni, Duttur tal-Knisja Universali. Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Mitmum dan kif kellu jkun, irrid li din l-Ittra Appostolika tinżamm bil-għaqal kollu u tibda sseħħ kollha kemm hi minnufih u fil-ġejjieni: u hekk dan kollu jitqies sewwa u jitfisser u jkun fieragħ u bla fundament kull ħaġa kuntrarja għal dan li jista’ jipprova jagħmel xi ħadd, b’kull awtorità li jista’ jkollu, kemm jekk ikun jaf x’qed jagħmel u kemm jekk dak li jagħmel ikun jagħmlu b’injoranza.

Minn Ruma, minn San Pietru, bis-siġill tas-Sajjied, fid-19 ta’ Ottubru 1997 fl-għoxrin sena tal-Pontifikat.

JOANNES PAULUS PP II

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.