Is-Saċerdot u t-Tielet Millenju Nisrani


Stampa test …

IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II

IS-SAĊERDOT U T-TIELET MILLENNJU NISRANI

Għalliem tal-Kelma,

Ministru tas-Sagramenti u Mexxej tal-Komunità

9 ta’ Marzu 1993

DAĦLA

It-tradizzjoni Dottrinali Kattolika turi li s-saċerdot huwa għalliem tal-Kelma, Ministru tas-Sagramenti u Mexxej tal-Komunità fdati lilu ([1]). Minn hawn trid tibda kull riflessjoni fuq l-identità u l-missjoni tas-saċerdot fil-Knisja. Fid-dawl ta’ l-evanġelizzazzjoni l-ġdida li għaliha l-Ispirtu s-Santu qiegħed isejjaħ lill-insara kollha permezz tal-persuna u l-awtorità tal-Papa. Irridu nirriflettu b’fidi u tama fuq din id-Duttrina li qatt ma tinbidel u dejjem ġdida.

Il-Knisja kollha hi msejħa biex tidħol għal impenn appostoliku aqwa, impenn li hu kemm personali kif ukoll komunitarju, imġedded u qalbieni. Imħeġġin mill-eżempju personali u mit-tagħlim ċar tal-Papa Ġwanni Pawlu II, kemm ir-rgħajja kif ukoll l-insara jridu jifhmu, b’mod mill-aktar inċisiv, li wasslilhom iż-żmien li jħaffu t-tħejjija tagħhom bi spirtu appostoliku imġedded, biex jaqsmu l-għatba tas-seklu wieħed u għoxrin u jiftħu bibien l-istorja lil Ġesù Kristu, li hu Alla tagħna u l-Feddej waħdieni tagħna. Ir-rgħajja u l-insara fis-sena 2000 huma msejħin biex ixandru b’qawwa mġedda: Ecce natus est nobis Salvator mundi.

F’pajjiżi b’għeruq insara antiki ħafna, u xi kultant ukoll fil-knejjes ġodda, ġemgħat kbar ta’ insara mgħammdin tilfu kull sentiment ħaj tal-fidi u xi kultant ukoll ma jqisux ruħhom aktar bħala membri tal-Knisja, u qed jgħixu ħajja ′l bogħod minn Kristu u l-Evanġelju tiegħu. Dak li hu meħtieġ hawn hi l-evanġelizzazzjoni ġdida jew “ri-evanġelizzazzjoni” ([2]). L-evanġelizzazjoni l-ġdida hi għalhekk qabel xejn ir-reazzjoni tal-Knisja Omm għad-dgħufija tal-fidi u d-dalma tal-ħajja morali nisranija fil-kuxjenzi ta’ wlied il-Knisja. Ħafna mgħammdin qed jgħixu f’dinja li ma jimpurtaha xejn mir-reliġjon. Dawn, għalkemm juru xi sura ta’fidi, fil-fatt qed jgħixu bla ebda interess fir-reliġjon u l-morali, ′l bogħod mill-Kelma ta’ Alla u mis-Sagramenti, tant meħtieġa għall-ħajja nisranija. Hemm oħrajn imbagħad li, għalkemm imwielda minn ġenituri nsara u mgħammdin, qatt ma nbnew fuq pedament tal-fidi, u fil-prattika qed jgħixu qisu m’hemmx Alla. Lejhom il-Knisja b’imħabba u b’mod partikulari tħoss id-dmir urġenti li tiġbidhom lejn ix-xirka tal-Knisja, fejn, bil-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu, isibu mill-ġdid lil Ġesù Kristu u lill-Missier.

Flimkien ma l-evanġelizzazzjoni l-ġdida, li trid tkebbes mill-ġdid il-fidi fil-kuxjenza nisranija ta’ ħafna nies, u twassal biex it-tħabbira ferrieħa tas-salvazzjoni tiddi mill-ġdid fis-soċjetà, il-Knisja tħoss ukoll b’mod speċjali li għandha missjoni ad gentes – id-dritt/dmir li twassal l-Evanġelju lill-bnedmin kollha li għad ma jafux bi Kristu u mhux ikollhom sehem mid-doni tiegħu għas-salvazzjoni. Għall-Knisja ta’ llum Omm u Għalliema, il-missjoni ad gentes u l-evanġelizzazzjoni l-ġdida huma żewġ aspetti li jistgħux jinfirdu minn xulxin tal-missjoni tagħha li tgħallem, tqaddes u tmexxi l-bnedmin kollha lejn il-Missier. Dawk l-insara kollhom ħeġġa jeħtieġu wkoll li, b’imħabba liema bħalha, jiġu mħajra bla heda biex bit-tħabrik jiksbu dik il-qdusija personali li għaliha qed isejħilhom Alla u l-Knisja. Dan huwa l-qofol veru ta’ l-evanġelizzazzjoni l-ġdida.

L-insara kollha, l-ulied kollha tal-Knisja jridu jħossu r-responsabbiltà urġenti tagħhom, kollha flimkien. Is-saċerdoti b’mod partikolari għandhom dan id-dmir għax għalhekk ġew magħżulin, u kkonsagrati u mibgħuta biex juru l-preżenza ta’ Kristu, għax huma rappreżentanti veri u messaġġiera tiegħu ([3]). Jeħtieġ għalhekk li s-saċerdoti kollha, kemm dawk djoċesani u kemm dawk reliġjużi, ikollhom dik l-għajnuna li jeħtieġu biex “jidħlu għar-responsabbiltà pastorali importanti ta’ l-evanġelizzazzjoni l-ġdida” ([4]), u fid-dawl ta’ dan l-impenn jagħrfu, mill-ġdid is-sejħa biex jaqdu dak il-qasam tal-poplu ta’ Alla li ġie fdat lilhom, għalliema tal-Kelma, ministri tas-Sagramenti u mexxejja tal-komunità.

 

KAP 1

GĦALL-QADI TAL-EVANĠELIZZAZZJONI L-ĠDIDA

Mhux intom għażiltu lili imma jien għażilt lilkom u ħtartkom biex tmorru (Ġw 15,16)

 

  1. L-evanġelizzazzjoni l-ġdida, responsabbiltà

tal-Knisja kollha

Is-sejħa tal-Mulej u l-missjoni li jafda lil dawk li jsejjaħ, minn dejjem kellhom importanza kbira, iżda ċ-ċirkostanzi storiċi ta’ żmienna jagħtuhom importanza tassew partikolari. L-għeluq tas-seklu għoxrin, mill-aspett reliġjuż, juri għadd ta’ fenomini kontra xulxin. Min-naħa sekularizzazzjoni qawwija fis-soċjetà waslet għat-twarrib ta’ Alla u għal kull referenza għal dak li hu traxxendenti, waqt li min-naħa l-oħra qed tidher sensittività reliġjuża aqwa, li qed tfittex tissodisfa x-xewqa ta’ Alla li tinsab fil-qalb ta’ kull bniedem għalkemm mhux dejjem jagħraf ifissirha sewwa. “Il-Missjoni ta’ Kristu l-Feddej li ġiet fdata lill-Knisja għad fadlilha ħafna biex tkun mitmuma. Issa li qed joqrob it-tmiem tat-Tieni Millennju wara l-miġja ta’ Kristu, ħarsa ġenerali fuq il-ġens kollu tal-bnedmin jurina li din il-missjoni għadha biss fil-bidu tagħha, u li aħna fid-dmir li ninpenjaw ruħna bil-ħeġġa kollha ta’ qalbna għall-qadi tagħha” ([5]). Illum din il-ħidma missjunarja qed issir l-aktar bħala l-evanġelizzazzjoni l-ġdida ta’ ħafna pajjiżi tat-tradizzjoni nisranija antika fejn, milli jidher, qisu qed jonqos l-għarfien nisrani tal-ħajja. Din il-ħidma qed issir ukoll fi ħdan l-umanità kollha, fejn mhux kulħadd sema’ u fehem it-tħabbira tas-salvazzjoni li ġab Kristu.

Huwa fatt ta’ niket, iżda fatt veru li ħafna semgħu bi Kristu iżda, milli jidher, jafu jaċċettaw it-tagħlim tiegħu biss bħala ġabra ta’ normi etiċi aktar milli impenn għall-ħajja bil-fatti. Kotra kbira ta’ imgħammdin m’għadhomx jimxu wara Kristu u qed jgħixu skond il-prinċipji tar-relattiviżmu. Ħafna drabi, il-ħidma tal-fidi nisranija qed titqies biss bħala xi fattur kulturali, limitat biss għall-ħajja privata bla ebda importanza għall-bniedem u għall-popli ([6]).

Wara għoxrin seklu ta’ Kristjaneżmu għad fadal oqsma kbar għall-ħidma missjunarja. L-insara kollha għandhom jifhmu li bis-saħħa tas-saċerdozju batteżimali tagħhom (ara Piet 2,4-5, 9; Apok 1 5-6, 9-10; 20, 6) huma msejħin biex jagħtu sehemhom sa fejn jippermettulhom iċ-ċirkostanzi personali tagħhom, fl-evanġelizzazzjoni l-ġdida li tidher bħala responsabbiltà ekkleżjali ta’ kulħadd ([7]). Ir-responsabbiltà għall-ħidma missjunarja “hi qabel xejn responsabbiltà tal-kulleġġ ta’ l-isqfijiet, taħt il-kap tiegħu is-suċċessur ta’ San Pietru” ([8]). Is-saċerdoti li jikkollaburaw ma’ l-Isqof bis-saħħa tas-sagrament ta’ l-Ordni, huma msejħin biex ikollhom sehem bil-ħerqa għall-missjoni ([9]). Nistgħu għalhekk ngħidu li f’ċertu sens is-saċerdoti għandhom responsabbiltà ewlenija għall-evanġelizzazzjoni il-ġdida fit-Tielet Millennju ([10]).

Is-soċjetà ta’ żmienna, qalbha qawwija bil-progress xjentifiku u tekniku li seħħ, żviluppat sens kbir ta’ indipendenza kritika minn kull awtorità swekulari u reliġjuża u minn kull sura ta’ duttrina. Din il-qagħda titlob tifsira sħiħa u preżentazzjoni tal-messaġġ nisrani tas-salvazzjoni li perὸ jibqa’ dejjem misteru. Dan kollu jsir b’rispett sħiħ u bil-qawwa kollha ta’ metodi adatti li toffri t-teknoloġija moderna; iżda qatt ma għandha ninsew li it-teknoġija qatt ma tista’ tieħu l-post tax-xhieda mogħtija mill-qdusija tal-ħajja. Il-Knisja teħtieġ xhieda veri li jwassluha fl-oqsma kollha tas-soċjetà. Minn hawn tiġi l-ħtieġa li l-insara kollha, b’mod ġenerali, u s-saċerdoti, b’mod partikulari, lkollhom, stħarriġ adatt u fil-fond tal-filosofija u t-teknoloġija ([11]), għax dan jgħinhom biex jagħtu sodisfazzjoni tat-tama u l-fidi tagħhom. Dan ukoll iwassalhom biex jaraw l-importanza li jxandru l-fidi b’mod kostruttiv, permezz ta’ djalogu personali u ftehim. Iżda t-tħabbira ta’ l-Evanġelju m’għandhiex tkun biss djalogu. Il-kuraġġ tal-verità hu bil-fatti sfida li ma tistax teħles minnha, meta hemm it-tentazzjoni li tmur mal-kurrent jew tikseb popolarità jew biex ma tkunx imħabbat.

Meta wieħed qed jevanġelizza irid jiftakar li l-kotra l-kbira tal-kultura ta’ llum ma tifhimx il-kliem tradizzjonali ta’ l-evanġelizzazzjoni.Ċerti ambjenti huma għal kollox magħluqin għas-sens nisrani posittiv u għal ċertu kliem u espressjonijiet bħalma huma d-dnub tan-nisel u l-konsegwenzi tiegħu, il-fidwa permezz tas-salib, il-ħtieġa tat-talb, is-sagrifiċċju volontarju, il-kastità, ir-rażan, l-ubbidjenza, l-umiltà, il-penitenza, il-faqar u l-bqija. L-evanġelizzazzjoni l-ġdida, b’fedeltà sħiħa lejn id-duttrina tal-fidi, li dejjem għallmet il-Knisja, u b’sens kbir ta’ responsabbiltà lejn il-vokabolarju tad-duttrina nisranija, trid issir mezz biex tfisser x’inhi hi stess fid-dinja ta’ llum ħa tgħinna tikseb mill-ġdid it-tifsir għoli ta’ dawn ir-realtajiet fondamentali ta’ l-umanità, mingħajr ma twarrab il-mod kif ġew imfissra fil-fidi u li jinsabu fil-qosor fil-Kredu ([12]).

 

  1. Il-ħidma meħtieġa u indispensabbli tas-saċerdot

Ir-rgħajja tal-Knisja jafu li huma ma ġewx magħżulin minn Kristu biex waħedhom jidħlu għall-missjoni salvifika kollha kemm hi tal-Knisja fid-dinja ([13]), iżda jifhmu li qed jagħmlu ħidma ta’ evanġelizzazzjoni li l-Knisja ma tistax tgħaddi mingħajrha. L-evanġelizzazzjoni l-ġdida teħtieġ minnufih sura li fit-tħaddim tal-ministeru saċerdotali li tkun taqbel mal-qagħda ta’ llum, biex tkun tista’ twieġeb kif jixraq skond iċ-ċirkostanzi li fihom tinsab. Iżda dan jista’ jsir biss jekk inħarsu kontinwament lejn Kristu, il-mudell tagħna, li jagħtina l-ħila li nimxu ′l quddiem fiċ-ċirkostanzi ta’ llum, mingħajr ma nitilfu l-għan aħħari tagħna. Tiġdid pastorali veru ma joħroġx biss minn konsiderazzjoni soċjo-kulturali, imma – u dan hu aktar importanti – minn imħabba imħeġġa għal Kristu u għall-Knisja tiegħu. L-għan ta’ l-isforzi kollha tagħna hu s-saltna definittiva ta’ Kristu: il-bidu mill-ġdid tal-ħolqien kollu fih. Dan jinkiseb biss fl-aħħar taż-żmien, imma ġa jinsab illum fostna bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu li jagħti l-ħajja,li bih Ġesù Kristu waqqaf il-Ġisem tiegħu, li hu l-Knisja bħala sagrament universali tas-salvazzjoni ([14]).

Kristu, ir-Ras tal-Knisja u Sid il-ħolqien, ikompli l-missjoni salvifika tiegħu fost il-bnedmin. Is-saċerdozju ministerjali jinsab proprju f’dan il-kwardu ta’ ħidma. Kristu, huwa u jiġbed kollox lejh (ara Ġw 12, 32) irid jimpenja s-saċerdoti tiegħu b’mod speċjali. Dan hu l-pjan ta’ Alla. Alla jrid li l-Knisja u l-ministri tagħha jkunu mpenjati fil-ħidma tas-salvazzjoni, iżda dan il-pjan, għalkemm jidher ċar fid-dawl tad-duttrina u tat-teoloġija, hu diffiċli ħafna biex jiġi aċċettat mill-bniedem ta’ llum. Il-medjazzjoni sagramentali u l-istruttura ġerarkika tal-Knisja u r-raġunijiet tagħhom huma kkontestati: Għalfejn meħtieġa? Għal liema skop?

Kif il-ħajja ta’ Kristu kienet marbuta mat-tħabbira vera tar-rieda kollha mħabba tal-Missier, (ara Ġw 17, 4; Lh 10, 7-10) hekk ukoll il-ħajja tas-saċerdoti hija marbuta f’ismu ma’ l-istess tħabbira. Ġesù, “bil-kliem u bl-għemil” 9(ara Atti 1, 1) iddedika l-ħajja pubblika kollha tiegħu jitkellem bħala wieħed li kellu s-setgħa (ara Matt 7, 29). Din is-setgħa ħarġet l-ewwelnett mill-qagħda tiegħu ta’ Alla, imma wkoll, f’għajnejn in-nies, mill-imġiba tiegħu sinċiera, qaddisa u perfetta. Hekk ukoll is-saċerdot irid isaħħaħ l-awtorità spiritwali oġġettiva, li tiġih mil-qawwa ta’ l-ordinazzjoni mqaddsa tiegħu ([15]), u l-awtorità soġġettiva tiegħu li tiġih mis-sinċerità u l-qdusija ta’ ħajtu ([16]), u minn dik l-imħabba pastorali li tixhed l-imħabba ta’ Kristu ([17]). Kliem San Girgor il-Kbir lis-saċerdoti tiegħu għad għandhom l-importanza tagħhom: “Ir-ragħaj irid ikun safi fi ħsibijietu, jagħti eżempju tajjeb b’għemilu, ikun għaqli bi skietu u ta’ siwi bi kliemu. Irid ikun qrib kulħadd bil-mogħdrija tiegħu, u aktar minn kulħadd mogħti għall-kontemplazzjoni, ikun sieħeb umli ma’ dawk kollha li jagħmlu l-ġid. Fil-ħeġġa tiegħu għall-ġustizzja jrid ikun iebes mal-vizzji tal-midinbin, m’għandux jittraskura l-ħajja tar-ruħ, bit-tħassib għall-ħwejjeġ tad-dinja, u ma jonqos qatt li jieħu ħsieb tal-ħtiġijiet tad-dinja, minħabba l-ħerqan għall-ġid tar-ruħ ([18]).

Fi żmienna, kif dejjem ġara fil-Knisja, “ħabbara ta’ l-Evanġelju, esperti fl-umanità, li jafu sewwa l-qalb tal-bniedem ta’ llum, jaqsmu miegħu l-ferħ u t-tamiet tiegħu, il-biki u n-niket tiegħu, waqt li jkunu kontemplattivi ta’ l-imħabba ta’ Alla”. Il-Papa huwa u jitkellem proprju dwar il-kristjanizzazzjoni mill-ġdid ta’ l-Ewropa, bi kliem li jgħodd għal kullimkien, jgħid li l-Qaddisin kienu l-aqwa ħabbara ta’ l-Evanġelu fl-Ewropa. Għandna nitolbu lill-Mulej biex ikattar l-ispirtu tal-qdusija fil-Knisja u jibgħat Qaddisin biex jevanġelizzaw id-dinja ta’ llum ([19]). M’għandniex ninsew li ħafna nies ta’ żmienna jaslu biex ikollhom fehmiet dwar Kristu u l-Knisja permezz tal-kuntatti tagħhom mal-ministri sagri tagħha. Għalhekk hi meħtieġa xhieda vera ta’ l-Evanġelju, li dejjem aktar qed issir urġenti bħala “ix-xbieha ħajja u trasparenti ta’ Kristu saċerdot” ([20]).

Fid-dawl tal-ħidma salvifika ta’ Kristu, hemm żewġ aspetti li ma jistgħux jinfirdu minn xulxin: min-naħa hemm l-aspett intellettwali li jfittex jgħallem folol ta’ nies li ma għandhomx ragħaj (ara Mt. 9, 36), u jqanqalhom għall-konversjoni (ara Mt. 4, 17); min-naħa l-oħra hemm ix-xewqa li jqanqal il-qlub ta’ dawk li jisimgħu għas-sobgħa u għall-indiema ta’ dnubiethom u hekk jaqbdu t-triq għall-maħfra ta’Alla. Dan jibqa’ veru llum ukoll: is-sejħa għall-evanġelizzazzjoni l-ġdida li hi fuq kollox sejħa għall-konversjoni ([21]) u meta l-Kelma ta’ Alla tkun għallmet il-fehma tal-bniedem u qanqlet ir-rieda tiegħu biex jiċħad id-dnub, il-ħidma evanġelizzatriċi tkun laħqet l-għan tagħha b’kotra ta’frott mit-tisħib fis-Sagramenti u l-aktar fiċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija. Pawlu VI għallem li “l-ħidma ta’ l-evanġelizzazzjoni hi proprju ħidma għall-edukazzjoni tan-nies fil-fidi b’mod li twassal kull individwu nisrani ħa jgħix is-Sagramenti tal-fidi, u mhux jirċevihom passivament u fuq qalbu ([22]).

L-evanġelizzazzjoni hi tħabbira, xhieda, djalogu u qadi. Mibnija fuq tliet elementi li ma jistgħux jinfirdu minn xulxin: it-tħabbira tal-Kelma, il-ministeru tas-Sagramenti, u t-tmexxija ta’ l-insara ([23]). Il-predikazzjoni tkun bla sens jekk ma twassalx għall-formazzjoni dejjem sejra ta’ l-insara u għat-tisħib fis-Sagramenti. Iżda t-tisħib fis-Sagramenti, mingħajr vera konversjoni tal-qalb, aċċettazzjoni sħiħa tal-fidi u tal-prinċipji tal-morali nisranija, ma jfisser xejn. Mill-aspett pastorali, il-ħidma ewlenija ta’ l-evanġelizzazzjoni, loġikament għandha tkun il-predikazzjoni ([24]).

Iżda mill-aspett ta’ l-intenzjoni, l-element ewlieni ta’ l-evanġelizzazzjoni hu ċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti u l-aktar tas-Sagramenti tal-Penitenza u ta’ l-Ewkaristija ([25]). Iżda s-sħuħija tal-ministeru pastorali tas-saċerdoti fil-qadi ta’ l-evanġelizzazzjoni l-ġdida tinsab fl-għaqda bejniethom, kollha armonija, ta’ dawn iż-żewġ elementi.

Il-formazzjoni ekumenika ta’ l-insara hi aspett ieħor ta’ l-evanġelizzazzjoni l-ġdida, li dejjem aktar qed issir importanti. Il-Konċilju Vatikan II ħeġġeġ lill-insara kollha biex ikollhom sehem attiv u intelliġenti fil-ħidma ta’ l-ekumeniżmu u japprezzaw l-elementi nsara tal-wirt tagħna lkoll li jinsabu għand ħutna l-mifrudin ([26]). Fl-istess waqt, irridu ngħidu li ma hemm xejn aktar barrani għall-ispirtu ta’ l-ekumeniżmu, minn ċertu ireniżmu qarrieqi li jagħmel ħsara lis-safa tad-duttrina kattolika u jdallam it-tifsir veru u ċert tagħha ([27]). Is-saċerdoti jridu jaraw li l-ekumeniżmu jitmexxa skond il-prinċipji stabbiliti mill-Maġisteru tal-Knisja biex ma jkunx hemm firdiet iżda armonija dejjem sejra.

 

MISTOQSIJIET FUQ KAP I

Qegħda tinħass fil-komunitajiet ekkleżjali tagħna, speċjalment fost is-saċerdoti, l-urġenza ta’ l-evanġelizzazzjoni l-ġdida?

Hi predikata spiss fil-laqgħat tas-saċerdoti, fil-programm pastorali, fil-formazzjoni dejjem sejra tas-saċerdoti, u qed tissemma’ l-evanġelizzazzjoni l-ġdida?

Is-saċerdoti huma b’mod speċjali mpenjati fil-missjoni evanġelizzatriċi l-ġdida – fil-ħeġġa, fil-metodi u fl-espressjoni tagħha ([28]) – kemm ad intra u kemm ad extra fil-Knisja?

L-insara jqisu s-saċerdozju bħala don ta’ Alla kemm għal dawk li jircevuh u kemm għall-komunitajiet tagħhom, jew iqisu s-saċerdozju biss bħala xi ħidma amministrattiva? Hu mħeġġeġ biżżejjed it-talb għall-vokazzjonijiet saċerdotali, kif ukoll għal dik il-ġenerożità li biha wieħed jgħid “iva” għall-vokazzjonijiet saċerdotali?

Qiegħed jinżamm proporzjoni bejn istruzzjoni fil-fidi u prattika sagramentali fit-tħabbira tal-Kelma ta’ Alla u fil-katekeżi? Fil-ħidma evanġelizzatriċi tas-saċerdot, il-predikazzjoni u s-sagramenti jikkomplementaw lil xulxin? Huma marbutin sewwa bejniethom, il-“munus docendi” u “il-munus sanctificandi”?

X’jista’ jsir biex is-saċerdoti jkunu ministri li jibnu f’armonija sħiħa komunità profetika, liturġika u karitattiva, li hi l-Knisja?

Mit-tħejjija għall-Ġublew il-Kbir tas-sena 2000, is-saċerdoti qegħdin isibu okkażjonijiet u ideat ħa jfasslu programm realistiku ta’ evanġelizzazzjoni ġdida?

 

KAP II

GĦALLIEMA TAL-KELMA

Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu (Mk 16, 15)

  1. Is-saċerdot, ministru tal-Kelma, “nomine Christi et nomine Ecclesiae”

Għarfien tajjeb tal-ministeru pastorali tal-Kelma, jitlob konsiderazzjoni tar-rivelazzjoni ta’ Alla fiha nnifisha. F’din ir-rivelazzjoni, Alla li ma jidhirx (ara Kol 1, 16; 1 Tim 1, 17), mill-milja ta’ mħabbtu, ikellem lill-bnedmin bħala ħbiebu (ara Eż 33, 11; Ġw 15, 14-15) u jitħallat magħhom biex jistedinhom u jilqagħhom miegħu” ([29]). It-tħabbira tal-Kelma fl-Iskrittura mhux biss titkellem dwar il-glorja ta’ Alla, imma wkoll ixxandar din il-glorja hija u tħabbara. L-Evanġelju, imxandar mill-Knisja, m’huwiex sempliċi messaġġ, imma hu esperjenża divina li tagħti l-ħajja lil dawk li jemmnu, jisimgħu, jilqgħu u jobdu l-messaġġ.

Ir-rivelazzjoni għalhekk m’hijiex biss tagħlim dwar Alla li jgħammar f’dawl li ħadd ma’ jista’ jilħqu, imma hi wkoll tħabbira ta’ l-għeġubijiet li Alla għamel għalina bil-grazzja tiegħu. Il-Kelma rivelata, li sseħħ u tkun dak li tkun, “fil”-Knisja u “bil”-Knisja, hi strument li bih Kristu jaħdem fina bl-ispirtu tiegħu. Hi kemm ġudiżżju u kemm grazzja. Fis-smigħ tal-Kelma, il-laqgħa ma’ Alla nnifsu hi sejħa lill-qalb tal-bniedem u titlob deċiżjoni, li wieħed ma jasalx għaliha bl-għerf tal-fehma tiegħu biss, imma titlob minnu wkoll konverżjoni tal-qalb. Is-saċerdoti, bħala imsieħba fil-ħidma ta’ l-isqfijiet, huma l-ewwel “li jxandru l-Evanġelju lill-bnedmin kollha…(biex)… iwaqqfu u jkabbru l-poplu ta’ Alla” ([30]). Proprju għax ix-xandir ta’ l-Evanġelju m’huwiex sempliċi eżerċizzju intellettwali biex jitwassal messaġġ, imma hu “l-qawwa ta’ Alla għas-salvazzjoni ta’ dawk li jemmnu” (Rum 1, 16), li seħħet darba għal dejjem fi Kristu, ix-xandir tiegħu jrid minn dawk li jħabbruh pedament soprannaturali bħala garanzija ta’ awtentiċità u kapaċità. It-tħabbira ta’ l-Evanġelju mill-ministri sagri tal-Knisja, f’ċertu sens, hi tisħib fin-natura salvifika tal-Kelma, mhux biss għax titkellem dwar Kristu imma wkoll għax tħabbar l-Evanġelju lil dawk li qed jisimgħuha b’dik il-qawwa li tiġi mit-tisħib fil-konsagrazzjoni u l-missjoni tal-Verb magħmul bniedem. Kliem il-Mulej għadu jidwi f’widnejn il-ministri tiegħu: “Min jisma’ lilkom, ikun jisma lili; u min imaqdar lilkom, ikum imaqdar lili” (Lq 10, 16). Flimkien ma’ San Pawl jistgħu jixhdu: “Aħna ma ħadniex l-ispirtu ta’ din id-dinja, imma l-ispirtu ta’ Alla, biex nagħrfu d-doni li Alla għoġbu jagħtina. Dawn il-ħwejjeġ ħabbarnihomlkom bi kliem li ma tgħallimnihx mill-għerf tal-bnedmin, imma mill-ispirtu, u fissirna ħwejjeġ spiritwali lil nies spiritwali” ( 1 Kor 2, 12-14).

It-tħabbira ta’ l-Evanġelju hija ministeru li joħroġ mis-Sagrament ta’ l-Ordni u jitħaddem bl-awtorità ta’ Kristu. Is-setgħa ta’ l-Ispirtu s-Santu m’hijiex garanzija għal kull għemil tal-ministri sagri bl-istess mod. Fl-amministrazzjoni tas-Sagramenti din il-garanzija hi hekk żgura li lanqas il-qagħda tal-midneb tal-ministru ma hi se tfixkel il-frott tal-grazzja; iżda mbagħad hemm għemil ieħor fejn il-kwalitajiet umani tal-ministru jiksbu importanza kbira. Dawn il-kwalitajiet jistgħu jgħinu biex iġibu ′l quddiem jew ifixklu l-qawwa appostolika tal-Knisja ([31]). Waqt li l-munus pastorale kollu kemm hu jrid jikseb il-karattru tiegħu mill-qadi li jingħata; b’mod speċjali hu meħtieġ il-qadi li jagħti l-ministru fit-tħabbira tal-Kelma, għaliex il-qawwa salvifika tagħha taħdem aktar meta l-ministru, li qatt ma hu sid il-Kelma, isir il-qaddej tagħha.

Il-qari jitlob impenn personali mill-ministru tal-Kelma li jħabbar. Fl-aħħar mill-aħħar dan l-impenn isir ma’ Alla: “lilu naqdi b’qalbi kollha billi nxandar l-Evanġelju ta’ Ibnu” (Rum 1, 9). Il-ministru m’għandux joħloq tfixkil billi jfittex għaniet li m’għandhomx x’jaqsmu mal-missjoni tiegħu, jew billi jafda fl-għerf tad-dinja, jew billi jġib ′il quddiem u jsemmi esperjenzi personali li jistgħu jdallmu l-Evanġelju. Il-Kelma ta’ Alla qatt ma għandha tiġi strumentalizzata. Il-predikatur irid l-ewwel ikun midħla tal-Kelma ta’ Alla u jkun l-ewwel wieħed li “jemmen” fil-Kelma, konvint li l-kliem tal-predikazzjoni m’huwiex kliem tiegħu, imma kliem min bagħtu ([32]).

Hemm relazzjoni essenzjali bejn it-talb personali u l-predikazzjoni. Mill-meditazzjoni fuq il-Kelma ta’ Alla waqt it-talb personali tas-saċerdot, toħroġ ix-xhieda ewlenija ta’ ħajja li tagħraf il-qawwa ta’ l-imħabba ta’ Alla u tagħmel konvinċenti kliemu ([33]). Il-predikazzjoni effettiva hi frott ieħor ta’ talb personali. Hi effettiva mhux biss għax koerenti spekulativa, imma għax ħierġa minn qalb setgħana u sinċiera li tagħraf li l-ministri huma fid-dmir li jxandru mhux l-għerf tagħhom, imma l-Kelma ta’ Alla, u bla heda jistiednu lil kulħadd għall-konversjoni u l-qdusija ([34]). Il-predikazzjoni tal-ministri ta’ Kristu biex tkun effettiva trid tkun mibnija fuq l-ispirtu tat-talb tagħhom ta’ wlied: “ut orator antequam dictor” ([35]).

It-talb personali jagħti lis-saċerdot dik l-għajnuna u dak il-kuraġġ li hu jeħtieġ mill-fehma tiegħu tal-ministeru, mill-vokazzjoni tiegħu fil-ħajja, mill-fidi ħajja u appostolika tagħhom. Bit-talb personali tiegħu jikseb kuljum il-ħeġġa għall-evanġelizzazzjoni. Konvint minn dan darba għal dejjem, it-talb tiegħu jsir predikazzjoni perswasiva, koerenti u konvinċenti. It-talb tal-Liturġija tas-Sigħat mhux biss hu xi aspett ta’ tjieba personali, u lanqas ma hu biss ġabra kollha kemm hi tat-talb pubbliku tal-Knisja. Hu ta’ siwi pastorali mill-aqwa, ([36]) għax hu okkażjoni speċjali biex is-saċerdot jidħol fih innifsu u jsir midħla tat-tagħlim bibliku, patristiku, teoloġiku u maġisterjali. Imbagħad ikun jista’ jitwassal lill-poplu ta’ Alla bil-predikazzjoni.

 

  1. Lejn tħabbira effettiva tal-Kelma

L-evanġelizzazzjoni l-ġdida trid turi li l-vokazzjoni batteżimali ta’ l-insara tilħaq il-kobor sħiħ tagħha u hekk twassal lill-insara biex jintebħu li ġew imsejħin minn Alla biex jimxu mill-qrib wara Kristu u jkollhom sehem personali fil-missjoni tal-Knisja. Twassal il-fidi jfisser tħabbar u tidħol fil-fond tal-vokazzjoni nisranija, li hi s-sejħa ta’ Alla lill-bnedmin kollha huwa u jgħarrafhom il-misteru tas-salvazzjoni ([37]). Il-ħidma tal-predikazzjoni hi mela dik li tippreżenta ′l Kristu lill-bnedmin kollha, għax hu waħdu hu l- “Adam il-ġdid”, fir-rivelazzjoni tal-misteru tal-Missier u ta’ l-imħabba tiegħu; tirrivela l-bniedem kollu kemm hu lilu nnifsu u turih fid-dawl il-vokazzjoni għolja tiegħu ([38]).

L-evanġelizzazzjoni l-ġdida u s-sens vokazzjonali ta’ l-eżistenza nsibuhom flimkien fin-nisrani. Din hi l-“bxara t-tajba” li trid titħabbar lill-insara mingħajr ma jitnaqqas xejn minn dak li għandu x’jaqsam mat-tjieba u minn dak li jintalab biex iseħħ. Irridu niftakru dejjem li n-nisrani hu marbut mill-ħtieġa u mid-dmir li jeħodha kontra d-deni permezz ta’ ħafna tiġrib u jġarrab il-mewt, iżda bħal wieħed li ġie msieħeb fil-misteru ta’ l-Għid u sar xebh ma’ Kristu fil-mewt tiegħu jimxi ′l quddiem lejn il-qawmien mill-imwiet, qawwi fit-tama ([39]).

L-evanġelizzazzjoni l-ġdida titlob ministri kollhom ħeġġa għall-Kelma li trid tkun sħiħa u b’pedamenti sodi: irid ikollha kontenut sod teoloġiku, spiritwali, liturġiku u morali waqt li jitqiesu l-ħtiġijiet ta’ dawk li jridu jintlaħqu minnha. Din m’hijiex xi tentazzjoni ta’ intellettwaliżmu li tista’ ddallam aktar milli ddawwal l-intelliġenza tan-nisrani. Għall-kuntrarju hi meħtieġa vera mħabba intellettwali li tinkiseb permezz ta’ katekeżi kollha sabar ta’ l-aspetti fondamentali tal-fidi nisranija u tal-morali u dwar l-influwenza tagħhom fuq il-ħajja spiritwali. L-istruzzjoni nisranija hi minn quddiem fost l-għemejjel tal-ħniena. Is-salvazzjoni tiġi mill-għarfien ta’ Kristu għax “ma hemmx isem ieħor mogħti lill-bnedmin, li bih aħna nkunu salvi” (Atti 4, 12).

It-tħabbira kateketika ma tistax issir mingħajr teoloġija soda, għax mhux biss trid titħabbar id-duttrina rivelata, imma wkoll trid tiġi ffurmata l-intelliġenza u l-kuxjenza ta’ l-insara permezz tad-duttrina rivelata sabiex ikunu jistgħu jgħixu b’mod awtentiku dak li titlob minnhom l-vokazzjoni batteżimali tagħhom. L-evanġelizzazzjoni l-ġdida sseħħ mhux biss skond il-qies tal-Knisja kollha kemm hi u ta’ l-istituzzjonijiet tagħha, imma wkoll skond kif kull individwu nisrani qiegħed jgħix il-fidi b’mod awtentiku, u hekk jagħti xhieda li titwemmen ta’ l-istess fidi.

Tevanġelizza tfisser tħabbar u xxerred dak li ġie rivelat bil-mezzi kollha tajba u adatti li hemm (il-fidi kristoloġika u trinitarja, it-tifsir tad-domma tal-ħolqien, il-veritajiet eskatoloġiċi, id-duttrini dwar il-Knisja, il-bniedem, is-sagramenti u l-mezzi l-oħra kollha għas-salvazzjoni). Importanti wkoll li n-nies jiġu mgħallmin bil-fatti kif dawn il-veritajiet idaħħluhom f’ħajjithom permezz ta’ formazzjoni spiritwali u morali biex hekk isiru xhieda tal-ħajja u ta’ l-impenn missjunarju.

Il-ħidma ta’ formazzjoni spiritwali u teoloġika (kif ukoll il-formazzjoni dejjem sejra tas-saċerdoti, tad-djakni u tal-lajċi) hi ħidma tassew kbira li wieħed ma jistax jgħaddi mingħajrha. Għalhekk il-ministeru tal-Kelma u l-ministri tal-Kelma jridu jkunu kapaċi jwieġbu għaċ-ċirkostanzi ta’ issa. Veru li l-effiċjenza ta’ din il-formazzjoni tiddependi mill-għajnuna ta’ Alla, iżda titlob ukoll grad mill-aktar għoli tal-perfezzjoni umana. It-tħabbira dottrinali, teoloġika, spiritwali mġedda tal-messaġġ nisrani, bil-ħsieb aktar li tħeġġeġ u ssaffi l-kuxjenza ta’ l-imgħammdin kollha ma tistax isseħħ jekk issir bla ħsieb, b’nofs ħajra u mingħajr sens ta’ responsabbiltà jiġri x’jiġri. Wisq anqas isseħħ jekk ikun hemm nuqqas ta’ rieda fis-saċerdoti li jidħlu għar-responsabbiltajiet tagħhom fit-tħabbira ta’ l-Evanġelju – speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-ministeru ta’ l-omelija, li qatt ma għandu jiġi delegat lil min mhux ordnat saċerdot ([40]) u lanqas fdat malajr lil min mhux preparat għalih.

Il-predikazzjoni, kif dejjem intqal, titlob li s-saċerdot jagħti importanza speċjali lit-tħejjija mill-bogħod. Din tista’ ssir bl-istudju u bit-tfittixx ta’ dak kollu li jista’ jgħin il-ministri sagri fit-tħejjija tagħhom. Il-predikaturi għandhom dejjem iħossu pastoralment il-problemi li qed jiġu diskussi u qed iħasbu d-dinja ta’ llum, u jkunu kapaċi jsibu soluzzjoni għalihom. Jekk is-saċerdoti jridu jagħtu tweġiba adatti għall-problemi li qed jiddiskutu n-nies ta’ llum, jeħtieġ ikunu jafu sewwa d-dikjarazzjonijiet tal-Maġisteru tal-Knisja u b’mod speċjali dwar il-Konċilju tal-Papiet. Għandhom jikkonsultaw il-kittieba l-aktar magħrufin tat-teoloġija ([41]), u wkoll il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika. Irid ikun hemm ukoll insistenza fuq il-formazzjoni dejjem sejra tal-kleru li b’mod speċjali tkun taqbel mad-Direttorju għall-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdoti ([42]). L-isforzi li jsiru dwar dan dejjem jagħtu frott mill-aqwa. Barra dak kollu li qed jingħad, jeħtieġ ukoll attenzjoni għall-formazzjoni mill-qrib tal-predikazzjoni tal-Kelma ta’ Alla. Barra minn cirkostanzi eċċezzjonali, meta ma hemm xejn aktar li jista’ jsir, l-umiltà u t-tħabrik jitolbu almenu ħsieb attent dwar dak li fuqu s-saċerdot irid jippriedka.

L-għan ewlieni tal-predikazzjoni hu bla dubju ta’ xejn l-Iskrittura, meditata fil-fond waqt it-talb personali, u assimilata permezz ta’ l-istudju u l-qari ta’ kotba adatti ([43]). L-esperjenza pastorali turi x’ħila u x’qawwa għandu t-test sagru biex iqanqal qlub dawk li jisimgħuha. Missirijiet il-Knisja u kittieba oħra ta’ tradizzjoni kattolika jgħinuna biex naslu ħa nifhmu t-tifsir tal-Kelma rivelata u nwassluha lill-oħrajn ([44]). Dan ma għandu x’jaqsam xejn mal-fundamentaliżmu bibliku jew ma tgħawwiġ tal-messaġġ divin. Il-pedagoġija li biha l-Knisja taqra, tfisser u tapplika l-Kelma ta’ Alla tul iż-żminijiet liturġiċi għandha sservi wkoll ta’ riferenza għall-predikazzjoni. Il-ħajjiet tal-qaddisin, it-taħbit u l-eroiżmu tagħhom, dejjem ħallew effetti mill-aħjar fi qlub l-insara li llum jeħtieġu l-eżempji qalbiena tal-qaddisin huma u jiddedikaw ruħhom għall-imħabba ta’ Alla u, permezz ta/ Alla, għall-imħabba ta’ ħuthom. Ir-riferenzi għall-ħajjiet tal-qaddisin, għandhom tifsir ġdid għan-nies ta’ llum, mentri l-insara huma kontinwament imhedda minn valuri u duttrini b’tifsir kontradittorju. Dan ukoll hu ta’ għajnuna għall-evanġelizzazzjoni kif ukoll għall-promozzjoni tas-sentiment ta’ l-imħabba ta’ Alla fost l-insara, solidarjetà ma’ kulħadd, spirtu ta’qadi u ġenerożità fl-għoti tiegħek innifsek lill-oħrajn. Il-kuxjenza nisranija tilħaq il-kobor sħiħ tagħha meta tintrabat bla heda ma’ l-imħabba.

Is-saċerdot għandu jieħu ħsieb ukoll ta’ l-aspett formali tal-predikazzjoni. Qed ngħixu fi żmien li kull informazzjoni titwassal kullimkien b’ħeffa liema bħalha. Spiss nisimgħu esperti u speċjalisti fuq it-TV u r-radju. F’ċertu sens is-saċerdot (li hu wkoll komunikatur soċjali) irid jikkompeti ma’ dawn in-nies fil-predikazzjoni tiegħu lill-insara. Għalhekk irid iħejji sewwa l-messaġġ tiegħu b’mod li jħajjar. L-ispirtu appostoliku tiegħu għandu jqanqlu biex ikun kapaċi juża’ “il-pulpti ġodda” li joffrulu l-komunikazzjonijiet ta’ llum u jiżgura li l-predikazzjoni tiegħu tkun dejjem ta’ grad li jixraq lill-Kelma li jħabbar. L-universitajiet ta’ llum qegħdin juru nteress mill-ġdid f’dik li hi r-retorika. L-istess interess għandu jkollhom is-saċerdoti, flimkien max-xewqa li juru qagħda nobbli u dinjituża huma u jippriedkaw.

Il-predikazzjoni tas-saċerdot, bħal dik ta’ Kristu, trid tkun pożittiva, tqanqal u tiġbed lin-nies għat-tajjeb, għall-ġmiel, u għall-verità ta’ Alla. L-insara huma fid-dmir li jxandru “l-glorja ta’ Alla li tiddi f’wiċċ Kristu” (Kor 4, 6), u juru l-veritajiet rivelati b’mod li jsaħħar. Mhux impossibbli tiċħad il-qawwa li tħajjar tan-natura hienja tal-ħajja nisranija, u ma hemm xejn li jista’ jbeżżagħna f’dan. “Mill-mument li fih il-Knisja rċeviet il-misteru ta’ l-Għid, rċeviet ukoll id-don tal-verità dwar il-ħajja tal-bniedem. Hi mxiet mat-triqat tad-dinja tħabbar lil Kristu bħala t-triq, il-verità u l-ħajja (Ġw 14, 6). Hu dmir il-Knisja li taqdi l-ġens kollu tal-bnedmin f’ħafna suriet, iżda hemm sura waħda li titlob minnha responsabbiltà speċjali – id-djakonija għall-qadi tal-verità ([45]).

Diskors eżatt u eleganti, li jiftiehem min-nies ta’ llum, ta’ kull grad soċjali, dejjem jiswa ħafna għall-predikazzjoni. Diskors banali u komuni għandu jitħalla fil-ġenb ([46]). Il-predikatur, għax għandu jitkellem dwar id-dehra vera tal-fidi, irid dejjem juża kliem li jifhmu kulħadd u jevita kull diskors speċjalizzat u mlibbes bi spirtu ta’ materjaliżmu. Il-“muftieħ” uman għall-predikazzjoni effettiva tal-Kelma jinsab fil-professjonaliżmu tal-predikatur li jaf x’għandu jgħid u għandu dejjem tħejjija tajba mill-bogħod u mill-qrib. Dan m’għandu x’jaqsam xejn ma’ l-improvviżazzjoni tad-dilettanti. It-tħabrik biex taħbi l-verità u l-qawwa kollha tagħha hu sura ta’ ireniżmu qarrieq. Għalhekk wieħed irid joqgħod attent għat-tifsir tal-kliem li jgħid u għall-mod kif jgħidu. Temi mportanti jridu jintwerew mingħajr ostentazzjoni, u, wara riflessjoni attenta, wieħed għandu jfittex li jgħid diskors li jogħġob. Il-predikaturi għandhom ikunu jafu lil min iridu jilħqu, iridu jkunu jafu sewwa l-qagħda eżistenzjali u kulturali tal-kongregazzjonijiet tagħhom. Għandhom dejjem jitħallew fil-ġenb teoriji u ġeneralizzazzjonijiet astratti. Għalhekk kull predikatur irid ikun jaf sewwa l-merħla tiegħu, u jara kif jogħġob, milli jweġġa’ lin-nies, jolqot il-kuxjenzi u ma jibżax jgħid kull ħaġa b’isimha.

Saċerdoti mpenjati fil-ħidmiet pastorali differenti għandhom jgħinu lil xulxin b’pariri bejn l-aħwa fuq dan u fuq materji oħra bħalma huma l-kontenut tal-predikazzjoni u s-sura teoloġika u lingwistika tagħha u t-tul ta’ l-omelija (li għandu jkun raġjonevoli), l-użu tajjeb ta’ l-ambone, l-iżvilupp ta’ ton tal-vuċi normali, bla ksuħat bi flessjoni naturali tal-vuċi waqt il-predikazzjoni. L-umiltà hi meħtieġa jekk is-saċerdot irid isib l-għajnuna ta’ ħutu s-saċerdoti l-oħra u indirettament tal-lajċi li qegħdin jgħinuh fl-attivitajiet pastorali tiegħu.

 

MISTOQSIJIET GĦAT-II KAP

Napprezzaw verament l-effett tal-ministeru tal-Kelma fil-ħajja tal-komunità? Irridu nużaw dan il-mezz ekkleżjali ta’ evanġelizzazzjoni bil- professjonaliżmu kollu li jista’ jkollna?

Attenti biżżejjed biex intejbu l-ħafna suriet tat-tħabbira tal-Kelma permezz ta’ korsi permanenti ta’ formazzjoni?

Is-saċerdoti huma mħeġġin jistudjaw it-teoloġija u l-kitba ta’ Missirijiet il-Knisja u tad-Duttrina tal-Knisja u tal-Qaddisin? Qed isiru sforzi pożittivi biex jingħarfu u jkunu magħrufin għalliema kbar ta’ l-ispiritwalità nisranija?

Hemm inkoraġġament biex jitwaqqfu libreriji tajba għas-saċerdoti li juru dehra dottrinali soda?

F’pajjiżna għandna mezzi biex nużaw il-libreriji permezz ta’ l-internet?

Is-saċerdoti qegħdin jużaw il-katekeżi u t-tagħlim tal-Papa u l-ħafna dokumenti publikati mis-Santa Sede?

Hemm għarfien għall-ħtieġa tat-tħejjija tan-nies (saċerdoti, djakni permanenti, reliġjużi u lajċi) kapaċi jużaw tajjeb il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali li huma aspetti ewlenin fl-evanġelizzazzjoni tal-kultura ta’ llum?

 

Kap III

MINISTRI TAS-SAGRAMENTI

Ministri ta’ Kristu, amministraturi tal-misteri ta’ Alla (1Kor 1, 4)

  1. In persona Christi Capitis

Il-missjoni tal-Knisja m’hijiex xi ħaġa miżjuda mal-missjoni ta’Kristu u ta’ l-Ispirtu s-Santu imma hija s-sagrament tagħha: fl-eżistenza kollha tagħha u fil-membri kollha tagħha, il-Knisja tintbagħat biex tħabbar, tagħti xhieda, ġġib u ixxandar il-misteru tax-xirka tat-Trinità Qaddisa ([47]). Din id-dimensjoni sagramentali tal-missjoni kollha tal-Knisja toħroġ minn natura tagħha stess bħala realtà li hi kemm umana kemm divina; li tidher, iżda mżejna minn realtajiet li ma jidhrux; kollha ħeġġa fil-ħidma, iżda mogħtija għall-kontemplazzjoni; preżenti fid-dinja, iżda bħala pellegrina ([48]): fil-Knisja, “is-sagrament universali tas-salvazzjoni” ([49]), fejn Kristu juri u jwassal il-misteru ta’ l-imħabba ta’ Alla għall-bnedmin ([50]).

Is-Sagramenti, mumenti privileġġjati li bihom tingħata l-ħajja divina lill-bnedmin, huma fil-qalba tal-ministeru saċerdotali. Is-saċerdoti jħossu sewwa li huma strumenti ħajjin ta’ Kristu saċerdot. Il-ħidma tagħhom, minħabba l-qawwa sagramentali, hi ħidma ta’ bnedmin, imsieħba mal-ħidma ta’ Alla permezz ta’ għemil strumentali flimkien.

Ix-xebħ ma’ Kristu, li jseħħ fl-ordinazzjoni, jpoġġi lis-saċerdot fil-qalba tal-poplu ta’ Alla. Tagħtiħ li jissieħeb bil-mod proprju tiegħu u skond l-istruttura kollha kemm hi tal-komunità ekklesjali fit-tliet suriet tal-munus Christ. Is-saċerdot, huwa u jagħmel il-ħidma tiegħu in persona Christi Capitis, jitma’ l-merħla, il-poplu ta’ Alla, imexxiha lejn il-qdusija ([51]), u għalhekk hi meħtieġa fidi li titwemmen fl-aspetti kollha tal-ħajja saċerdotali u fir-rispett tiegħu lejn is-Sagramenti u ċ-ċelebrazzjoni tagħhom ([52]). Id-duttrina klassika, imtennija mill-Konċilju Vatikan II, qatt ma għandha tintesa.

Waqt li hu minnu li Alla jtemm l-opra tas-salvazzjoni permezz ta’ ministri xierqa. Madankollu Alla ġeneralment jippreferixxi juri l-kobor tiegħu permezz ta’ dawk li aktar joqogħdu għas-suġġerimenti tiegħu u għat-tmexxija ta’ l-ispirtu qaddis tiegħu, tant li dawn jistgħu jgħidu dwar l-appostolat tagħhom, minħabba l-għaqda intima tagħhom ma’ Kristu u l-qdusija tal-ħajja: “Ngħix jien, imma mhux jien, iżda jgħix fija Kristu” (Gal 2,20) ([53]).

Is-saċerdoti, huma u jiċċelebraw is-Sagramenti, jagħmlu ħidma bħala ministri ta’ Kristu, u permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu jissieħbu fis-saċerdozju tiegħu b’mod speċjali ([54]). Għalhekk is-Sagramenti huma mumenti ta’ qima, ta’ importanza liema bħalha għall-evanġelizzazzjoni l-ġdida: irridu niftakru li s-Sagramenti saru mumenti effettivi waħdanin li jwasslu dak li hemm fil-fidi. Waqt li dan hu minnu għall-insara kollha, hu aktar veru għal dawk li tilfu l-prattika tal-fidi u xi kull tant jissieħbu fil-liturġija għal raġunijiet familjari jew soċjali (Magħmudijiet, Konfermazzjonijiet, Żwiġijiet, Funerali, Ordinazzjonijiet, u l-bqija). L-imġiba tas-saċerdot li juri li jemmen f’dak li qiegħed jagħmel, trid tkun imsieħba ma’ ċelebrazzjoni mill-aħjar tal-liturġija u taċ-ċerimonji ([55]) mhux bħallikieku qiegħed jagħmel xi wirja spettakolari għan-nies, imma biex juri li l-aspett uman ta’ dak li qed jagħmel hu subordinat għall-aspett divin tal-ħidma tiegħu, dak li qed jidher subordinat għal dak li ma jidhirx, il-ħidma li qiegħed jagħmel trid twassal għall-kontemplazzjoni, ir-realtà ta’ issa għall-belt tas-sema li għad tiġi ([56]).

  1. Ministri ta’ l-Ewkaristija: il-qalba tal-ministeru saċerdotali

Ġesù sejjaħ lid-dixxipli tiegħu “ħbieb”. Lilna wkoll isejħilna “ħbieb” għax għandna sehem mis-saċerdozju tiegħu minħabba s-Sagrament ta’ l-Ordni Sagri. Sata’ Kristu jfisser il-ħbiberija tiegħu magħna b’mod aqwa milli ppermetta li aħna, saċerdoti tal-Patt il-Ġdid, nagħmlu ħidma f’ismu, ħidma in persona Christi Capitis? Hu dan li jiġri f’kull servizz saċerdotali tagħna meta namministraw is-Sagramenti u speċjalment meta niċċelebraw l-Ewkaristija. Intennu l-kliem li qal Hu fuq il-ħobż u l-inbid u bil-ministeru tagħna nagħmlu dik il-konsagrazzjoni li għamel Kristu: jista’ jkun hemm sinjal aqwa ta’ ħbiberija minn dan? Din hi proprju l-qalba tas-saċerdozju tagħna ([57]).

L-evanġelizzazzjoni l-ġdida trid turi b’mod ċar u ġdid lill-insara li l-Ewkaristija hija ċ-ċentru, il-bidu u t-tmiem tal-ħajja nisranija kollha ([58]). Ebda komunità nisranija ma tista’ teżisti jekk ma jkollhiex l-għeruq fl-Ewkaristija u tkun iddur magħha ([59]). Dan ukoll għaliex “is-sagramenti l-oħra u l-ministeri ekkleżjali kollha u l-ħidmiet ta’ l-appostolat huma marbutin ma l-Ewkaristija u jwasslu lejha. Dan għaliex fl-Ewkaristija jinsab il-ġid spiritwali kollu tal-Knisja ([60]).

L-Ewkaristija hi wkoll meħteġa mill-ministeru pastorali. L-insara biex jiksbu l-frott minnha jridu jkunu mħejjijin sewwa. Waqt li hi meħtieġa tħejjija “xierqa u attenta” ta’ l-insara, tħejjija li tagħti kotra ta’ frott, fil-liturġija, hu meħtieġ ukoll li jaslu biex jintebħu li huma wkoll mistednin u mħajrin joffru flimkien ma’ Kristu lilhom infushom, l-għemil kollu tagħhom u l-ħolqien kollu. Minħabba f’dan l-Ewkaristija tidher bħala l-bidu u l-qofol tax-xandir ta’ l-Evanġelju ([61]). Minn din il-verità joħorġu ħafna konsegwenzi għall-ministeru pastorali.

Hu mportanti ħafna li l-insara jkollhom informazzjoni dwar l-essenza tas-sagrifiċċju ta’ l-artal u jiġu mħajrin jieħdu sehem u jiksbu kotra ta’ frott minnu ([62]). Trid issir insistenza fuq l-obbligu tal-Ħadd ([63]), u fuq it-tisħib ta’ spiss, jekk mhux kuljum, fiċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa u fit-tqarbin. Irid ikun hemm insistenza fuq l-obbligu gravi tal-ħarsien tal-kondizzjonijiet spiritwali u korporali li jirregolaw it-tqarbin bil-Ġisem ta’ Kristu – speċjalment il-qrara sagramentali individwali minn dawk li jafu li m’humiex fi stat ta’ grazzja. Il-qawwa tal-ħajja nisranija f’kull Knisja partikulari u f’kull komunità parrokkjali jiddependu ħafna jekk jerġa’ jingħaraf, bil-fidi u l-adorazzjoni, id-don kbir ta’ l-Ewkaristija. Meta r-rabta bejn il-ħajja ta’ kuljum u l-Ewkaristija m’hijiex aktar ċara fit-tagħlim, fil-predikazzjoni u fil-ħajja tas-saċerdot, it-tisħib fl-Ewkaristija jibda jonqos.

F’din il-ħaġa, l-imġiba tas-saċerdot li qiegħed jiċċelebra hi fondamentali; ċelebrazzjoni xierqa ta’ l-Ewkaristija hi aspett importanti ta’ l-ewwel katekeżi fuq is-sagrifiċċju mqaddes ([64]). Għalkemm dan ma jkunx il-ħsieb ewlieni tas-saċerdot li qiegħed iqaddes, jiswa ħafna li n-nies jarawh iħejji ruħu sewwa billi jinġabar fih innifsu qabel jiċċelebra s-sagrifiċċju ewkaristiku. Għandhom jaraw x’imħabba u devozzjoni għandu s-saċerdot għall-Ewkaristija u, fuq l-eżempju tiegħu, jitgħallmu jibqgħu għal ftit taż-żmien iroddu ħajr wara t-tqarbin.

Waqt li parti essenzjali tal-ħidma tal-Knisja fl-evanġelizzazzjoni hi dik li tgħallem lill-bnedmin kollha jitolbu lill-Missier, bl-Iben, fl-Ispirtu s-Santu, l-evanġelizzazzjoni l-ġdida titlob li jingħarfu mill-ġdid u li jissaħħu dawk id-drawwiet pastorali li jixhdu l-fidi fil-preżenza reali tal-Mulej taħt l-ispeċi ewkaristiċi. “Hi missjoni tas-saċerdot li jġib ′il quddiem il-qima lejn il-preżenza ewkartistika, ukoll barra ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, biex hekk jagħmel l-Knisja tiegħu “dar tat-talb” ([65]). L-insara għandhom ikunu jafu sewwa l-kondizzjonijiet meħtieġa għat-tqarbin. Hi ħaġa mportanti ħafna tqanqal fost l-insara devozzjoni lejn Kristu li qiegħed jistenniehom fit-tabernaklu. Sura sempliċi u effettiva ta’ katekeżi ewkaristika hi l-kura materjali ta’ dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ l-artal u t-tabernaklu: indafa u ġieh; paramenti u tgħamir xieraq, attenzjoni fiċ-ċerimonji liturġiċi ([66]), ġenuflessjonijiet, u l-bqija; atmosfera ta’ ġabra trid tinħass dejjem fil-kappella tas-Sagrament. Din hi tradizzjoni ta’ mijiet ta’ snin u tiżgura skiet u hekk tħaffef id-djalogu ma’ Alla. Fil-qalba tal-knejjes tagħna hemm il-kappella tas-Sagrament jew il-post fejn jinżamm u hu meqjum Kristu ewkaristiku. L-aċċess għal dan il-post irid ikun jidher u jinstab malajr; u għandu jkun miftuħ kemm jista’ jkun matul il-ġurnata u għandu jkun imżejjen sewwa.

Dawn is-sinjali kollha m’humiex ġejjin minn xi sura ta’ “spiritwaliżmu” imma minn tradizzjoni liturġika ta’ devozzjoni lejn l-Ewkaristija teoloġikament soda. Dan juri ruħu biss jekk is-saċerdot ikun bniedem ta’ talb u devot ta’ l-Ewkaristija. Dak ir-ragħaj biss li jitlob kif għandu jitlob u jgħallem lill-oħrajn jitolbu u jwassal il-grazzja ta’ Alla lil dawk fdati għall-kura pastorali tiegħu. U hekk joħloq konverżjonijiet, fehmiet aktar imħeġġa ta’ ħajja, vokazzjonijiet u konsagrazzjonijiet speċjali. Is-saċerdot biss li jitlob għandu esperjenza ta’ conversatio in caelis u li ħajtu hi mmexxija minn Kristu, jista’ jimxi sewwa ′l quddiem lejn evanġelizzazzjoni vera u mġedda.

  1. Ministri ta’ rikonċiljazzjoni ma’ Alla u mal-Knisja

F’dinja fejn is-sens tad-dnub qiegħed jonqos ([67]), hu meħtieġ li jkun hemm wisq aktar insistenza li n-nuqqas ta’ mħabba għal Alla qed iddallam l-għarfien tagħna tar-realtà tad-dnub u l-ħazen. Il-bidu tal-konverżjoni m’huwiex sempliċi mument fir-ruħ, imma dispożizzjoni soda li għandha l-bidu tagħha fl-għarfien ta’ l-imħabba ta’ Alla, kollu ħniena. “Dawk li jaslu biex jagħrfu u jaraw lil Alla b’dan il-mod, ma jistgħux jgħixu jekk mhux f’konverżjoni dejjem sejra lejh. Hekk ikunu jgħixu f’qagħda ta’ konverżjoni ([68]). Il-penitenza hija parti essenzjali u kostituttiva tal-wirt tal-ħajja nisranija fl-imgħammdin. Iżda hi mmarkata bit-tama tal-maħfra: “Intom li darba ma kontux issibu ħniena, issa ssibu l-ħniena” (1 Piet 2, 10).

L-evanġelizzazzjoni l-ġdida titlob sforzi ġodda biex l-insara jerġgħu jitwasslu lejn is-Sagrament tal-Penitenza ([69]). Bla ebda mod ma nistgħu ngħaddu mingħajr din il-ħidma pastorali. Is-Sagrament tal-Penitenza “jiftaħ it-triq għal kulħadd, u l-aktar għal dawk imtaqqlin bi dnubiet gravi biex individwalment iġarrbu ħniena, dik l-imħabba aktar qawwija mid-dnub ([70]). M’għandna nonqsu qatt li nħajru għal dan is-Sagrament u nġibuh ′il quddiem waqt li nħabirku b’mod intelliġenti ħa nġeddu u nagħtu ħajja ġdida lit-tradizzjonijiet insara ta’ l-imgħoddi. L-ewwel pass, bl-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu, għandu jwassal lill-insara għal dik il-konverżjoni li hi għarfien sinċier kollu sogħba ta’ dawk in-nuqqasijiet u ta’dawk id-difetti li jinsabu fil-ħajja ta’ kuljum ta’ kulħadd. Hi meħtieġa insistenza fuq l-importanza tal-qrar individwali ta’ spiss biex wieħed jasal, fejn hu possibbli, għal direzzjoni spiritwali personali awtentika.

Mingħajr ma nħalltu l-mument sagramentali mad-direzzjoni spiritwali,is-saċerdoti għandhom ikunu jafu kif joħolqu okkażjonijiet ħa jagħtu bidu għal djalogi spiritwali barra ċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament. L-għarfien mill-ġdid u l-promozzjoni ta’ din id-drawwa ta’ djalogu spiritwali, ukoll waqt il-ħafna mumenti tas-Sagrament tal-penitenza, hu ġid mill-aqwa għall-Knisja ta’ llum ([71]). Dan iwassal għat-tifsir u l-qawwa tas-Sagrament u joħloq il-kondizzjonijiet meħtieġa biex tingħeleb l-kriżi ta’ llum. Id-direzzjoni spiritwali personali tagħmel veri appostli kapaċi jagħtu ħajja lill-evanġelizzazzjoni l-ġdida fi ħdan is-soċjetà. Biex tirnexxi l-missjoni ta’ l-evanġelizzazzjoni l-ġdida fost tant insara li tbegħdu mill-Knisja, hi meħtieġa formazzjoni soda għal dawk kollha li baqgħu qrib tagħha.

L-evanġelizzazzjoni l-ġdida tiddependi minn għadd xieraq ta’ saċerdoti, u l-esperjenza tgħallimna li ħafna jaslu biex iwieġbu pożittivament għas-sejħa tal-vokazzjoni kemm minħabba d-direzzjoni spiritwali u kemm minħabba l-eżempju ta’ saċerdoti li internament u esternament juru fedeltà sħiħa lejn l-idendità saċerdotali tagħhom. “Fil-ħidma pastorali, kull saċerdot għandu jkollu interess speċjali fil-vokazzjonijiet, iħeġġeġ għat-talb għall-vokazzjonijiet, u jagħmel ħiltu fil-ħidma kateketiku tiegħu huwa u jieħu ħsieb il-formazzjoni tal-ministri. Joħloq inizjattivi adatti f’relazzjonijiet personali ma’ dawk li huma fdati lilu, iħalluh jagħraf it-talenti li għandhom, u jintebah bir-rieda ta’ Alla għalihom, u hekk jagħtihom okkażjoni għal għażla qalbiena fil-mixi wara Kristu. Hi ħaġa mixtieqa li kull saċerdot ikun impenjat iħajjar almenu għall-vokazzjoni saċerdotali waħda biex hekk ikun jista’ jitkompla l-ministeru” ([72]).

Meħtieġa dedikazzjoni kbira minn min irid joffri okkażjoni lill-insara ħa jersqu għall-qrar ([73]). Tajjeb li jkun hemm ħinijiet fissi li fihom is-saċerdoti jkunu jinstabu fil-konfessinarji jistennew in-nies jiġu jqerru; dawn il-ħinijiet jridu jkunu magħrufin sewwa u l-preżenza tas-saċerdot ma tridx tkun biss fit-teorija, imma trid tkun preżenza fil-prattika. Xi drabi, il-fatt li wieħed irid imur ifittex xi konfessur biex iqerr, huwa biżżejjed biex iħalli l-qrara tiegħu għal darb’oħra. L-insara, min-naħa l-oħra, jersqu bil-qalb lejn is-Sagrament fejn jafu li ser isibu konfessuri ([74]). Il-knejjes parrokkjali u l-knejjes miftuħin għan-nies, għandu jkollhom kappella xierqa, imdawla tajba, riservata għall-qrar, u s-saċerdoti għandhom jipprovdu u jħarsu orarju regolari u organizzat għall-qrar. Biex l-insara jitħajru aktar għall-qrar, il-konfessinarji għandhom jitnaddfu ta’ spiss, jidhru sewwa fejn ikunu u, jekk jista’ jkun, ikollhom il-grada għall-penitenti li jridu jibqgħu anonimi ([75]).

M’hijiex dejjem ħaġa ħafifa tħares dawn id-drawwiet pastorali, iżda din m’hijiex skuża biex ma tagħtix kas tas-siwi pastorali tagħhom jew biex ma terġax iddaħħalhom jekk ma għandhomx jintużaw aktar. Għandu jkun hemm kooperazzjoni bejn il-kleru djoċesan u l-kleru reliġjuż biex il-kura pastorali jkollha dejjem l-ewwel post. Għall-istess raġuni għandu jkun hemm għarfien għas-servizz li kuljum jingħata minn ħafna saċerdoti anzjani li huma veri għalliema tal-ħajja spiritwali fi ħdan il-komunitajiet insara.

Dan il-qadi fil-Knisja jista’ jeħfief jekk is-saċerdoti jkunu l-ewwel nies li jersqu jqerru regolarment ([76]). L-użu personali tas-Sagrament mis-saċerdot bħala penitent hi kondizzjoni meħtieġa biex ikun hemm ministeru ġeneruż ta’ rikonċiljazzjoni.

Kull ħidma saċerdotali bilfors tmur lura jekk saċerdot, għax traskurat jew minħabba raġunijiet oħra, ma jersaqx iqerr ta’ spiss, imqanqal minn fidi vera u devozzjoni. Jekk saċerdot ma jersaqx iqerr jew iqerr ħażin malajr ibati l-ministeru tiegħu u b’dan malajr tintebaħ il-komunità li tagħha hu r-ragħaj ([77]).

Il-ministeru tas-saċerdot hu fuq kollox xirka u kooperazzjoni responsabbli mal-ministeru ta’ l-Isqof fil-ħsieb tal-Knisja, universali u tal-Knejjes partikulari individwali, li fil-qadi tagħhom ma’ l-Isqof jagħmlu presbiterju wieħed ([78]). L-aħwa fil-presbiterju dejjem għandhom jaraw b’mod speċjali l-imħabba pastorali tas-saċerdot billi jgħinhom materjalment u spiritwalment, billi jagħtihom okkażjonijiet li jqerru jew li jfittxu direzzjoni spiritwali, billi jħeġġiġhom fil-qadi tagħhom, billi jgħinhom fi ħtiġijiethom, billi joffrilhom l-għajnuna tiegħu bħala ħutu, meta jixjieħu jew jimirdu. Dan hu qasam tajjeb fejn jitħaddmu l-virtujiet saċerdotali.

L-għaqal pastorali hi virtù fondamentali għat-tħaddim bi frott tal-ministeru tar-rikonċiljazzjoni. Hekk kif ministeru jagħti l-assuluzzjoni, ikun jieħu sehem bħala strument effettiv tal-ħidma sagramentali. Dmiru fir-rit penitenzjali hu li jwassal lill-midneb quddiem Kristu u hekk iħaffef bil-prudenza kollha l-laqgħa tal-ħniena. Nuqqas ta’ftehim mal-penitenti li ma jqisux ir-realtà tad-dnub għandhom jiġu evitati. Iżda l-konfessur għandu jkollu tagħlim adatt ([79]). Iżda d-djalogu penitenzjali għandu jkun dejjem mimli b’dak l-għarfien li bil-mod il-mod iwassal għall-konverżjoni; iżda dan ma jfissirx li wieħed jista’ jagħmel użu min dik il qiegħda tissejjaħ “il-gradwalità tan-normi morali”.

Meta tonqos id-drawwa tal-qrar, xi drabi, bi ħsara tal-ħajja morali u tal-kuxjenza ta’ l-insara, malajr jinħoloq il-periklu tat-tnaqqis tal-kwalità teoloġika u morali tat-tħaddim tal-ministeru tal-konfessinarju. Il-konfessuri għandhom dejjem jitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex jimla dan il-mument tas-salvazzjoni ([80]) b’tifsir sagramentali u biex jibdlu f’laqgħa vera tal-penitent ma’ Ġesù kollu ħniena u maħfra. Għandu jagħmel użu mill-konfessinarju biex jifforma sewwa l-kuxjenza ta’ l-insara – ħidma tassew importanti – billi, meta jkun meħtieġ, jagħmel dawk il-mistoqsijiet li jwasslu għall-integrità tal-qrara u għall-validità tas-Sagrament. Għandu jgħin lill-penitent irodd ħajr lil Alla għall-ħniena tiegħu, u jgħinu jagħmel proponiment sod li jbiddel l-imġiba tal-ħajja morali tiegħu. Qatt ma għandu jonqos li jagħmel il-qalb lill-penitent, ifarrġu u jgħinu jagħmel għemejjel ta’ penitenza u ta’ tpattija għall-dnubietu u biex jikber fil-virtù.

 

MISTOQSIJIET FUQ KAP III

L-essenza u l-qawwa salvifika tas-Sagramenti ma nbiddlux. Żguri minn din il-verità kif se nġeddu l-ħidma pastorali sagramentali ħa tkun tiswa għall-evanġelizzazzjoni l-ġdida?

Il-komunità tagħna hi “il-Knisja ta’ l-Ewkaristija u tal-Penitenza”? Id-devozzjoni ewkaristika fis-suriet kollha tagħha hi miġjuba ′il quddiem? Id-drawwa tal-qrar personali qegħdin niffaċilitawha u nħajru għaliha?

Tissemma’ regolarment il-preżenza ta’ Kristu fit-tabernaklu u qeda tigi mħajra ż-żjara kuljum lil Ġesù fl-Ewkaristija? Jsiru spiss attivitajiet ta’ qima lejn l-Ewkaristija? Il-knejjes tagħna jħajru għat-talb quddiem Ġesù Sagramentat?

Qiegħed jingħata bi spirtu pastorali ħsieb veru ta’ manteniment xieraq tal-knisja? Is-saċerdoti qegħdin iħarsu in-normi kanoniċi (kan. 284 u 669 tad-Direttorju għall-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdoti) u n-normi liturġiċi billi jilbsu b’mod xieraq u bil-qima kollha l-ilbies liturġiku u jilbsu wkoll il-paramenti kollha preskritti?

Is-saċerdoti jqerru regolarment u huma dejjem lesti jaqdu dan il-ministeru hekk importanti?

Fi tħaddim tal-ministeru pastorali xi sforzi qegħdin isiru fil-qasam ta’ rikonċiljazzjoni u l-penitenza? Fil-knejjes u s-santwarji hemm orarju fiss għall-qrar? Qiegħed jiġi osservat?

X’inizjattivi hemm għall-formazzjoni permanenti biex jgħinu lis-saċerdoti jipperfezzjonaw il-ministeru tagħhom ta’ konfessuri? Huma mħeġġin biex ikunu aġġornati sewwa għall-qadi ta’ dan il-ministeru hekk importanti?

Is-saċerdoti qegħdin jiġu mfakkrin in-normi li jitolbu għaqal fil-konfessinarju billi jżommu ruħhom lura huma u jittrattaw mal-penitenti? F’dan, id-drawwa tradizzjonali tal-konfessinarju għadha hemm?

Minħabba l-importanza ta’ l-evanġelizzazzjoni l-ġdida għat-tiġdid tal-qrar individwali, huma mħarsa n-normi dwar l-assoluzzjoni ġenerali? Iċ-ċelebrazzjonijiet penitenzjali fil-knejjes u l-kappelli jitħejjew bil-għaqal u b’imħabba pastorali? Jingħataw okkażjonijiet għall-eżamijiet tal-kuxjenza adatti skond l-età u l-kondizzjoni soċjali tal-penitenti?

X’inizzjattivi konkreti qegħdin jittieħdu bħala nkorraġġiment biex il-fidili jattendu għall-Quddiesa fil-Ħdud u l-festi Kmandati?

 

Kap IV

RGĦAJJA KOLLHOM IMĦABBA GĦALL-MERĦLA

Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-ngħaġ tiegħu (Ġw 10, 11)

  1. Ma’ Kristu, biex tkun inkarnata u mxerrda l-ħniena tal-Missier

“Il-Knisja tgħix ħajja awtentika meta tħaddan u tħabbar il-ħniena – l-aqwa attribut ta’ l-għaġeb tal-Ħallieq u tal-Feddej – meta twassal lin-nies qrib l-għejun tal-ħniena tas-Salvatur li ġew fdati lilha u li hi tqassam minnhom ([81]). Din il-verità tagħżel il-Knisja minn istituzzjonijiet oħra favur il-bniedem, li għalkemm juru solidarjetà u filantropija u forsi huma wkoll mimlijin bi spirtu reliġjuż, waħedhom dawn l-istituzzjonijiet ma jistgħux iqassmu effettivament l-ħniena ta’ Alla. Il-ħniena ta’ Alla li toffri l-Knisja, kontra l-fehmiet sekolarizzati tal-ħniena li m’għandhomx il-ħila jbiddlu l-bniedem minn ġewwa, hi fuq kollox maħfra u fejqan salvifiku. Turi l-effetti tagħha fil-bniedem, jekk dan jaċċetta l-verità sħiħa dwar l-eżistenza tiegħu, il-ħidma tiegħu u l-ħtija tiegħu. Għalhekk il-ħtieġa tas-sogħba u dan jitlob li t-tħabbira tal-ħniena tintrabat mal-milja tal-verità. Dawn id-dikjarazzjonijiet huma vitali għas-saċerdoti li għandhom vokazzjoni partikulari biex iħabbru u juru li jseħħ il-misteru ta’ Alla l-Missier, permezz tal-ministeru tagħhom li jgħixuh b’imħabba fil-verità (ara Ef 4, 15) bla tfixkil, u mnebħin mill-Ispirtu s-Santu.

Il-ħniena ta’ Alla, li turi ruħha fl-imħabba tal-Missier, niltaqgħu magħha fi Kristu. Hu juri il-ħidma messjanika tiegħu (ara Lq 4, 16) bħala l-ħidma tal-missier għal dawk kollha li jeħtiġuhom, u l-aktar għall-midinbin li jeħtieġu maħfra u paċi fir-ruħ. Hu l-aktar għal dawk ta’ l-aħħar li l-Messija li jsir b’mod mill-aktar ċar sinjal ta’ Alla, li hu mħabba, sinjal tal-Missier. F’dan is-sinjal li jidher, in-nies ta’ żmienna, bħan-nies ta’ dari, jistgħu jaraw il-Missier ([82]). Alla li “hu mħabba” (Ġw 4, 16) ma jistax juri ruħu jekk mhux bħala ħniena ([83]). Bis-sagrifiċċju ta’ Ibnu, ried jidħol fid-dramm tas-salvazzjoni tal-bniedem.

Waqt li fil-predikazzjoni ta’ Kristu l-ħniena tikseb ħafna karatteristiċi li jolqtu u li jmorru ′l hemm minn dak kollu li jista’ jagħmel il-bniedem – kif jidher mill-parabbola ta’ l-iben il-ħali (ara Lq 15, 11-32) – hu fis-sagrifiċċju tas-Salib li t-tifsir sħiħ tagħha u speċifikament rivelat. Kristu msallab hu l-manifestazzjoni radikali tal-ħniena tal-Missier, ta’ “dik l-imħabba li tmur kontra l-istess għerq tal-ħażen fil-ġrajja tal-bniedem; kontra d-dnub u l-mewt” ([84]). It-tradizzjoni spiritwali nisranija tqies il-Qalb ta’ Ġesù li tiġbed lejha qlub is-saċerdoti, bħala sintesi għolja u misterjuża tal-ħniena bla qjies tal-Missier.

Id-dimensjoni soterjoloġika tal-munus pastorale, kollu kemm hu tas-saċerdot għandu l-qalba tiegħu fis-sagrifiċċju ewkaristiku, fit-tifkira ta’ l-offerta li għamel Ġesù tiegħu nnifsu. “Hemm fil-fatt relazzjoni intima bejn iċ-ċentralità ta’ l-Ewkaristija, l-imħabba pastorali, u l-unità fil-ħajja tas-saċerdot. Jekk is-saċerdot joffri ′l Kristu, il-Qassis il-kbir u ta’ dejjem, l-intelliġenza tiegħu, ir-rieda tiegħu, leħnu, idejh, biex ikun jista’ joffri bil-ministeru tiegħu s-sagrifiċċju sagramentali tal-fidwa tal-Missier, irid jagħmel tiegħu l-qagħda ta’ l-Imgħallem u bħalu jgħix dawk id-doni għal ħutu fil-fidi. Irid għalhekk jingħaqad intimament ma’ l-offerta u jqiegħed ħajtu kollha kemm hi fuq l-artal tas-sagrifiċċju bħala sinjal tal-imħabba ta’ Alla, mogħtija minn qabel u bla ebda interess ta’ xi qligħ ([85]). Fid-don (li jibqa’) tas-sagrifiċċju ewkaristiku, tifkira tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, is-saċerdoti rċevew sagramentalment il-ħila ministerjali, m’hemmx oħra bħalha, li jagħtu xhieda ta’ l-imħabba bla qies ta’ Alla għall-bniedem, li fil-grajja tas-salvazzjoni tidher aktar setgħana mid-dnub. Kristu ta’ l-Għid hu l-inkarnazzjoni definittiva tal-ħniena u sinjal ħaj tagħha, kemm fil-ġrajja tas-salvazzjoni u kemm eskatoloġikament ([86]). Skond il-Kurat ta’ Ars, is-saċerdozju hu “l-imħabba tal-Qalb ta’ Ġesù”([87]). Minħabba l-konsagrazzjoni u l-ministeru tagħhom, is-saċerdoti, flimkien ma’ Kristu, huma sinjali ħajja u effettivi ta’ dik l-imħabba kbira li Santu Wistin ifisser bħala amoris officium ([88]).

 

  1. Sacerdos et hostia

Il-karattru awtentiku tal-ħniena jrid ikun essenzjalment don mhux mistħoqq mogħti b’xejn. Din il-ġenerożità hi parti mill-pjan tas-salvazzjoni tal-Missier, għax “hawn qiegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna lil, imma għax ħabbna hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna” (1Ġw 4, 10). Il-ministru ordnat proprju f’dan isib ir-raġuni ta’ l-eżistenza tiegħu. Ħadd ma jista’ jagħti l-grazzja lilu nnifsu imma dejjem lest biex jaċċettaha meta tingħatalu. Dan jissupponi li jkun hemm ministri tal-grazzja li rċevew is-setgħa u l-awtorità mingħand Kristu. Fit-tradizzjoni tal-Knisja jissejjaħ “sagrament” il-ministeru ordnat li bih, mibgħutin minn Kristu u b’don mingħand Alla jagħmlu u joffru dak li huma stess minn rajhom la jistgħu jagħmlu u lanqas jagħtu ([89]).

Is-saċerdoti għalhekk għandhom spiss iqisu ruħhom bħala sinjali ħajja li qegħdin iwasslu l-ħniena li huma joffru, mhux bħallikieku xi ħaġa tagħhom. Imma bħala don mingħand Alla, anzi huma qaddejja tal-ħniena ta’ Alla, ix-xewqa tal-qadi almenu hi essenzjali fil-ministeru saċerdotali u titlob minnhom disposizzjoni meħtieġa mill-kas. Is-saċerdot juri lin-nies ir-ragħaj li ġie mhux biex ikun moqdi imma biex jaqdi (Mt 20, 28). Is-saċerdot, qabel kollox, jaqdi lil Kristu, iżda dan il-qadi jrid isir permezz tal-qadi fil-Knisja u fil-missjoni tagħha.

Kristu jħobbna u jxerred demmu biex ineħħilna dnubietna. Pontifex qui dilexisti nos et lavasti a peccatis in sanguine tuo, ta lilu nnifsu għalina tradidisti temetipsum Deo oblationem et hostiam. Kristu jdaħħal is-sagrifiċċju tiegħu nnifsu, il-ħlas għall-fidwa tagħna, fis-santwarju ta’ dejjem. L-offerta jiġifieri l-vittma tas-sagrifiċċju, ma tistax tinfired mis-saċerdot ([90]). Għalhekk Kristu hu fl-istess waqt sacerdos et hostia il-ministeru tiegħu, imdaħħal f’dan id-dinamiżmu tal-missjoni tal-Knisja, hu sagramentalment saċerdot, imma hu wkoll dejjem imsejjaħ biex ikun hostia u hekk ikollu l-istess sentimenti li kellu Ġesù (Fil 2, 5). Kull ħidma evanġelika tkun effettiva jekk mibnija fuq l-għaqda li ma tinħall qatt bejn is-saċerdot u l-vittma tas-sagrifiċċju ([91]), bejn is-saċerdozju u l-Ewkaristija. Illum il-qawwa tal-ħniena ta’ Alla, li tinsab fil-Kelma u fis-Sagramenti tiddependi mir-rabta fl-Ispirtu s-Santu, ta’ Kristu mal-ministru tiegħu, li ma jihux post Kristu, imma jafda fih u jħallih jaħdem fih u bih. It-tifsir ta’ l-Evanġelju ta’ San Ġwann jista’ jiġi applikat għal din ir-rabta bejn il-ministeru tas-saċerdot u Ġesù: “Jiena d-dielja… mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15, 14).

Is-sejħa biex inkunu bħal Ġesù, hostia turi kemm jaqblu bejniethom l-impenn għaċ-ċelibat u l-ministeru saċerdotali fil-Knisja. Ifisser is-sehem tas-saċerdot fis-sagrifiċċju li bih Kristu ħabb il-Knisja u ta lili nnifsu għaliha biex iqaddisha (Ef ara 5, 25-26). Is-saċerdot hu msejjaħ biex ikun xbieha ħajja ta’ Ġesù Kristu, l-Għarus tal-Knisja, u jagħmel ħajtu kollha offerta għaliha ([92]). Iċ-ċelibat saċerdotali hu don tas-saċerdot tiegħu nnifsu fi Kristu u ma’ Kristu fil-Knisja, u jfisser il-qadi tas-saċerdot fil-Mulej u mal-Mulej ([93]).

  1. Il-ministeru pastorali tas-saċerdot: qadi li jwassal għall-imħabba u l-qawwa

“Is-saċerdoti jaqdu l-missjoni ta’ Kristu r-ragħaj u r-ras skond l-awtorità li għandhom. F’isem l-isqof jiġbru l-familja ta’ Alla bħala xirka ta’ aħwa, imżejna bl-ispirtu ta’ għaqda u mmexxija minn Kristu fl-Ispirtu s-Santu lejn Alla l-Missier” ([94]). It-tħaddim indispensabbli tal-munus regendi mis-saċerdot m’huwiex xi kunċett soċjoloġiku jew biss xi ħila organizzattiva, imma joħroġ ukoll mis-saċerdożju sagramentali, “bil-qawwa tas-saħħa tas-sagrament ta’ l-Ordni Sagri, fuq ix-xbieha ta’ Kristu, il-Qaddis il-kbir u għal dejjem (Lh5, 1-10; 7, 24; 11, 29). Is-saċerdoti huma konsagrati biex jippriedkaw l-Evanġelju u jirgħu lill-insara u wkoll jiċċelebraw il-kult divin bħala veri saċerdot tal-Patt il-Ġdid ([95]).

Għaliex is-saċerdoti għandhom sehem fl-awtorità ta’ Kristu, huma jingħażlu sewwa mill-insara, iżda dawn iridu jifhmu li “l-preżenza ta’ Kristu fil-ministeru tagħhom m’għandhomx jifhmuha hekk li jaħsbu li huma mħarsin minn kull dgħufija tal-bniedem, mill-ispirtu tal-ħakma, mill-iżbalji, u mid-dnub ukoll ([96]). Il-kelma u t-tmexxija tal-ministri jiddependu ftit jew wisq mis-sura ta’ l-intelliġenza naturali li għandhom u li kisbu, mir-rieda, mill-karattru tagħhom u mill-kobor sħiħ tagħhom. Dan l-għarfien, flimkien ma’ dak li jagħti s-Sagrament, li minnu jieħu bidu l-ministeru pastorali jħajjarhom biex ikunu jixbħu l-Kristu, ir-ragħaj it-tajjeb u jagħmlu l-imħabba pastorali tagħhom virtù li ma jistgħux jgħaddu mingħajrha biex il-ħidma tal-ministeru tagħhom jagħti kotra ta’ frott.

L-għan essenzjali tal-ħidma tagħhom bħala rgħajja flimkien ma’ l-awtorità mogħtija lilhom hu li jwasslu l-komunitajiet fdati lilhom għall-kobor sħiħ spiritwali u ekkleżjali ([97]). Iżda d-dimensjoni komunitarja tal-ħidma pastorali ma tista’ tħalli fil-ġenb il-ħtiġijiet ta’ kull wieħed mill-insara … nistgħu ngħidu li Ġesù nnifsu, ir-Ragħaj it-Tajjeb, isejjaħ in-ngħaġ tiegħu b’isimhom waħda waħda b’leħen li jagħrfuh sewwa (ara Ġw 10, 3-4); bl-eżempju tiegħu fassal l-ewwel regola tal-kura pastorali individwali: li jkunu jafu n-nies u jkunu ħbieb tagħhom ([98]). Fil-Knisja, d-dehra komunitarja tal-ministeru pastorali trid tkun taqbel ma’ din il-kura pastorali individwali. Anzi huwa u jibni l-Knisja, ir-ragħaj dejjem irid jibda mid-dimensjoni personali ħa jasal għad-dimensjoni komunitarja. Fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ individwi u komunitajiet, is-saċerdot irid jieħu ħsieb jittratta b’eximia humanitate lil kulħadd ([99]). Qatt ma għandu jaqdi xi ideoloġija jew xi partit ([100]) u jrid jittratta n-nies mhux skond il-gosti tiegħu, imma skond ma titlob id-duttrina u l-ħajja nisranija([101]).

Illum aktar minn dari, s-sura tal-ħidma pastorali trid tkun tista’ twieġeb għal dak li jitolbu l-komunitajiet tradizzjonalment insara, li llum saru tista’ tgħid għal kollox sekularizzati. F’qagħda bħal din, il-fehma tal-munus regendi fit-tifsir missjunarju oriġinali tiegħu, jikseb tifsir aqwa. Iżda l-munus regendi qatt ma għandu jitqies biss bħala xi ħaġa burokratika u organizzattiva. Jitlob it-tħaddim ta’ qawwa kollha mħabba mis-saċerdoti; eżempju għalihom għandha tkun il-ħidma pastorali ta’ Ġesù Kristu. Ġesù, kif juru sewwa l-Evanġelji, qatt ma ċaħad li jidħol għal responsabbiltajiet li joħorġu mill-awtorità messjanika tiegħu u jħaddimha b’imħabba u qawwa. Din l-awtorità m’hijiex xi dominazzjoni kiefra imma spirtu ta’ qadi, disponibbiltà. Dawn iż-żewġ aspetti ta’ responsabbiltà u ta’qadi jridu juru li l-munus regendi tas-saċerdot hu li dejjem jimpenja ruħu f’ħidma li taqbel u tissieħeb mal-qagħda ta’ Kristu, ir-ras u r-Ragħaj tal-merħla([102]).

Is-saċerdot, ma’ l-Isqof u taħt l-Isqof, hu wkoll ir-ragħaj tal-komunità fdata lilu. Imqanqal minn imħabba pastorali, m’għandux jibża’ jħaddem l-awtorità f’dawk l-oqsma fejn għandu jħaddimha, għax għal dan il-għan ġiet mogħtija lilu din l-awtorità. Għandna niftakru li meta titħaddem l-awtorità, ukoll bil-qawwa kollha, dan ma jsirx non tam praeesse quam prodesse (mhux bi kmand, imma b’qadi) ([103]). Min għandu l-awtorità għandu jirbaħ it-tentazzjoni li jeżenta ruħu minn din ir-responsabbiltà – jekk ma jużax l-awtorità ma jkunx qiegħed jaqdi aktar. F’xirka sħiħa ma’ l-Isqof tiegħu u ma’ l-insara, is-saċerdot m’għandux idaħħal fil-ministeru pastorali dawk is-suriet kollha ta’ awtoritariżmu u ta’ amministrazzjoni demokratika li ma jaqblu xejn mar-realtà għolja tal-ministeru għax dawn iwasslu għas-sekularizzazzjoni tas-saċerdot u għall-klerikalizzazzjoni tal-lajċi ([104]). Moħbija f’din l-imġiba tal-ministru aktarx hemm il-biża’ tar-responsabbiltà jew nuqqas ta’ ħajra, jew il-biża’ ta’ xi żbalji, jew li ma togħġobx, jew li ma tkunx popolari, jew ukoll nuqqas ta’ ħajra li taċċetta salib. Fl-aħħar mill-aħħar dan kollu jiġi għax iddallmet l-għajn vera ta’ l-identità saċerdotali, ix-xebh ta’ Kristu, ir-Ras u r-Ragħaj tal-merħla.

L-evanġelizzazzjoni l-ġdida tistenna li s-saċerdot juri li hu preżenti fi ħdan il-komunità jiġifieri li l-ministri ta’ Kristu jridu jidhru li qgħdin hemm u jistgħu jintlaħqu minn kulħadd ([105]). Hu mportanti ħafna għalhekk li s-saċerdoti jidħlu bħala ħbieb fil-komunità. Minn dawn naraw l-importanza tad-dixxiplina dwar l-ilbies tas-saċerdoti. Is-saċerdot għandu dejjem iħares din id-dixxiplina għax hi tħabbira pubblika tad-dedikazzjoni tiegħu, dejjem u kullimkien, lejn Kristu, lejn ħutu u lejn il-bnedmin kollha. Aktar ma tkun sekolarizzata s-soċjetà, aktar huma meħtieġa sinjali bħal dawn.

Is-saċerdot irid jevita li jsib ruħu f’qagħda kontradittorja hekk li ma jaqdix l-awtorità speċifika tiegħu fl-oqsma fejn għandu jħaddimha, waqt li mbagħad isib ruħu mdaħħal fi kwistjonijiet temporali, soċjali u politiċi ([106]), li Alla ħalla għad-dispożizzjoni tal-bnedmin l-oħra.

Is-saċerdot iġawdi ċertu prestiġju fost l-insara u f’xi postijiet l-awtoritajiet ċivili wkoll dan jagħrfuh. Iżda s-saċerdot għandu jkun jaf li dan il-prestiġju għandu jgħixu bl-umiltà kollha u jużah tajjeb biex iġib ′l quddiem s-salus animarum waqt li għandu dejjem jiftakar li Kristu hu l-veru kap tal-poplu ta’ Alla. Lejn Alla jrid iwasal lill-insara kollha, u mhux lejn xi saċerdot individwali. L-insara huma ta’ Kristu biss, għax hu biss fdiehom bid-demm għażiż tiegħu għas-sebħ t’ Alla l-Missier. Hu biss is-sis ta’ kull ġid soprannaturali, hu biss l-Għalliem li jitkellem bħala wieħed li għandu s-setgħa. Fi Kristu u fl-Ispirtu s-Santu, is-saċerdot hu sempliċi amministratur tad-doni fdati lilu mill-Knisja. M’għandu ebda dritt li jinjorahom, jew jgħawwiġhom, jew jagħtihom xi sura oħra li togħġob lilu ([107]). Ircieva s-setgħa (biex insemmu eżempju) mhux li jgħallem lill-insara biss xi veritajiet rivelati u jħalli barra veritajiet oħra li personalment iqishom diffiċli biex hu jaċċettahom jew jidhirlu li m’huwiex waqthom ([108]).

Is-saċerdoti għandhom jidħlu għall-evanġelizzazzjoni l-ġdida u għat-tmexxija pastorali b’għażliet sinċieri u attenti. Meta saċerdot juri li ma jridx jimponi l-fehmiet tiegħu, xi drabi dan jagħmlu għax ikollu fehma żbaljata ta’ l-aspett teoloġiku tal-ministeru pastorali, jew ikun jagħmlu minħabba nuqqas ta’ karattru, jew għax irid jeħles mir-responsabbiltajiet tiegħu, jew għax hemm xi rabta żejda ma’ xi persuni, jew ma’ xi ministeri partikulari, jew minħabba xewqat żbaljati ta’ popolarità, jew għax hemm nuqqas ta’ intenzjoni tajba.

L-imħabba pastorali nieqsa mill-umiltà ma tiswa xejn. Is-suppervja jew ix-xewqa li tkun notat, forsi wkoll mingħajr ma turihom, joħolqu spirtu ta’ ribelljoni motivat, retiċenza quddiem tibdil pastorali li jkun iridu l-Isqof, predikazzjoni u ċelebrazzjoni eċċentrika tal-liturġija, ċaħda ta’ l-ilbies saċerdotali, jew tibdil f’dan l-ilbies skond il-gosti ta’ dak li jkun.

L-evanġelizzazzjoni l-ġdida titlob tiġdid fl-impenn għall-ministeru pastorali, speċjalment mis-saċerdoti. Kif jgħid il-Konċilju: “id-don spiritwali li s-saċerdoti rċevew fl-ordinazzjoni tagħhom ma jħejjihomx għal xi missjoni limitata u magħluqa, imma għal missjoni mill-aktar wiesgħa, missjoni u salvazzjoni sa truf l-art kollha. Ir-raġuni ta’ dan hu l-fatt li kull ministeru saċerdotali hu sehem mill-milja tal-missjoni fdata minn Kristu lill-Appostli ([109]). In-nuqqas ta’ saċerdoti, li għandhom xi pajjiżi, flimkien maċ-ċaqliq kollu li hawn fid-dinja llum, jagħmel meħtieġa s-sejħa għal dawk is-saċerdoti li lesti jbiddlu mhux biss l-esperjenzi pastorali, imma wkoll il-bliet, reġjonijiet u pajjiżi skond il-ħafna ħtiġijiet li jkun hemm, u jidħlu għal dik il-missjoni li tkun meħtieġa u jħallu fil-ġenb pjani personali u xewqat tajba. “Minħabba n-natura stess tal-ministeru tagħhom, għandhom jintlew u jitqanqlu minn spirtu missjunarju kbir, u minn dak l-ispirtu kattoliku li mdorri jħares ′l hemm mil-limiti tad-djoċesi u tal-pajjiż u tar-rit biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tad-dinja kollha, lesti biex ixandru l-Evanġelju kullimkien ([110]). Sens veru tal-Knisja partikulari, speċjalment waqt formazzjoni dejjem sejra, qatt ma għandu jdallam is-sens tal-Knisja universali, anzi għandu jkun jaqbel magħha.

 

MISTOQSIJIET FUQ KAP IV

Kif tista’ l-ħniena ta’ Alla, għal dawk li jeħtiġuha turi ruħha b’mod dejjem aktar ċar, permezz tal-komunitajiet tagħna u l-aktar permezz tas-saċerdoti? Qiegħda tingħata mportanza biżżejjed għall-għemejjel spiritwali u korporali tal-ħniena bħala mezz ħa jinkiseb kobor sħiħ nisrani u evanġelizzazzjoni?

Hi l-imħabba pastorali, fis-suriet kollha tagħha, ir-ruħ u d-dinamiżmu tal-formazzjoni dejjem sejra tas-saċerdoti tagħna?

Is-saċerdoti huma mħeġġin jieħdu ħsieb ħuthom is-saċerdoti l-oħra bi spirtu sinċier ta’ fraternità, speċjalment jekk morda jew xjuħ, jew għandhom xi diffikultajiet? Hemm xi suriet ta’ ħajja flimkien?

Is-saċerdoti tagħna jaqdu d-dmirijiet proprji tagħhom sewwa bħala mexxejja spiritwali tal-komunitajiet fdati lilhom? Kif qiegħed isir dan bil-fatti?

Minħabba l-ħtieġa urġenti ta’ missjoni appostolika fuq l-għatba tat-tielet millennju, meta l-insara kollha se jkunu mistiedna biex juru bil-kuraġġ kollu, li jridu jimxu wara Kristu billi juru li jemmnu, kif se tintwera l-ħtieġa li s-saċerdoti jagħtu esternament b’mod aktar ċar xhieda tal-preżenza speċifika tagħhom fost in-nies?

Qed tingħata mportanza biżżejjed lid-dimensjoni missjunarja tal-ministeru saċerdotali u tad-dimensjoni universali tal-Knisja fil-formazzjoni spiritwali tas-saċerdoti?

Fil-predikazzjoni tagħna nħallu barra ċerti veritajiet ta’ fidi jew ta’ xi prinċipji morali għax inqisuhom diffiċli biex jiġu aċċettati?

Is-saċerdoti huma mħeġġin jgħallmu l-moralità nisranija kollha kemm hi?

Il-ministeru pastorali jitlob l-għaqda ta’ l-inizjattivi biex tiġi missjoni ta’ l-evanġelizzazzjoni: is-suriet kollha ta’ vokazzjoni fil-Knisja qegħdin jiġu ′l-quddiem u qegħdin jiġu rispettati l-kariżmi tagħhom?

 

GĦELUQ

“L-evanġelizzazzjoni l-ġdida trid tħabbar mill-ġdid l-Evanġelju u dan irid isir mis-saċerdoti li bis-serjetà kollha qegħdin jgħixu s-saċerdozju tagħhom bħala t-triq speċifika li twassal għall-qdusija ([111]). Biex dan iseħħ, għandu mportanza fondamentali l-fatt li kull saċerdot jagħraf il-ħtieġa tal-qdusija personali. Qabel isaffu lill-oħrajn, iridu jsaffu lilhom infushom; qabel jgħallmu lill-oħrajn, iridu jiġu mgħallmin huma stess; jridu jsiru dawl biex idawlu lill-oħrajn, u jridu jersqu lejn Alla biex iressqu oħrajn lejh; iridu jitqaddsu biex iqaddsu ([112]). Dan iwassal lis-saċerdot biex ikun impenjat li jfittex għaqda ta’ ħajja profonda biex ikun u jgħix qisu Kristu ieħor fiċ-ċirkostanzi kollha tal-ħajja tiegħu.

L-insara tal-parroċċa u dawk kollha li jgħinu fil-ħafna attivitajiet pastorali, jaraw, josservaw, jisimgħu u jagħtu widen mhux biss meta titħabbar il-Kelma ta’ Alla, imma wkoll meta tiġi ċelebrata l-liturġija, speċjalment il-Quddiesa, meta n-nies jiġu milqugħin fl-uffiċċju parrokkjali, li għandu jkun komdu u jilqa’ n-nies ([113]), meta s-saċerdot jiekol u jistrieħ, u jagħti l-impressjoni li hu rżin u meqjus f’kollox, meta jżuruh f’daru u jifirħu bis-sempliċità u l-faqar saċerdotali tiegħu ([114]), meta jitkellmu miegħu u jiddiskutu miegħu wkoll dwar interessi mill-aktar komuni, u jsibu faraġ bil-ħsieb spiritwali tiegħu; l-edukazzjoni u l-imġiba tiegħu ma’ dawk l-aktar umli, huma kollha xhieda ta’ nobbiltà saċerdotali. Il-grazzja u l-imħabba ta’ l-artal jinxterdu minn fuq l-ambone, fil-konfessinarju, fl-arkivji tal-parroċċa, fl-iskejjel u l-oratorji, fi djar l-insara, fit-triqat, fl-isptarijiet, fuq il-karozzi tal-linja u fuq il-mejda, kull fejn is-saċerdot għandu okkażjoni jaqdi dmiru bħala ragħaj tal-poplu ta’ Alla. Hu x’inhu, hi dejjem il-Quddiesa tiegħu li tinxtered f’kull mument. L-għaqda spiritwali tiegħu ma’ Kristu, saċerdot u ostja, tagħmlu l-qamħ ta’ Alla li jrid isir ħobż safi ta’ Kristu – kif jgħid San Injazju ta’ Antjokja (Ad Romanos, IV,!) għall-ġid ta’ l-aħwa ([115]).

Jekk is-saċerdot fit-tielet millennju jkun jista’jirreaġixxi bħad-dixxipli ta’ Għemmaws, li wara li semgħu l-Mulej ifissrilhom l-Iskrittura ma setgħux ma jistaqsu lilhom infushom: “Ma kienux imkebbsa qlubna ġewwa fina huwa u jitkellem fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura” (Lq 29, 32). Aħna r-rgħajja għandna nafdaw lilna nfusna lil Marija, Sultana u Omm il-Knisja, biex, magħqudin mal-Vigarju ta’ Kristu, inkunu nistgħu nsibu triqat ġodda li jqanqlu xewqat sinċiera għat-tiġdid fost is-saċerdoti kollha tal-Knisja fid-dmirijiet tagħhom bħala għalliema tal-Kelma, ministri tas-Sagramenti u mexxejja tal-komunità. Ejjew nitolbu lis-Sultana ta’ l-evanġelizzazzjoni għall-Knisja ħa ssib mill-ġdid li l-ħniena ta’ Alla fi Kristu bl-Ispirtu s-Santu ħejjiet minn dejjem ħa tiġbed il-bnedmin kollha, dawk ukoll ta’ żmienna, fix-xirka miegħu.

Ruma, mill-Palazz tal-Kongregazzjoni, id-9 ta’ Marzu, 1993, solennità ta’ San Ġużepp, patrun tal-Knisja Universal

 

 

TALBA LILL-VERĠNI MARIJA

MARIJA, kewkba ta’ l-evanġelizzazzjoni l-ġdida li sa mill-bidu farraġt u ġeddidt l-Appostli u qlub dawk li kien qegħdin jgħinuhom fix-xandir ta’ l-Evanġelju: fil-bidu tat-tielet millennju kabbar fis-saċerdoti għarfien dejjem iżjed li huma qabel kulħadd ir-responsabbli ta’ l-evanġelizzazzjoni l-ġdida.

MARIJA, int l-ewwel li ħaddant l-Evanġelju u ħabbartu u b’fidi liema bħalha, tama u mħabba, ilqajt l-istedina ta’ l-Anġlu: itlob għal dawk li huma xebh ma’ Kristu saċerdot, biex huma wkoll iwieġbu bl-istess spirtu l-istedina ħerqana tal-Papa li qiegħed jagħmlilhom f’isem il-Missier fl-okkażjoni tal-Ġublew il-Kbir.

MARIJA, għalliema tal-fidi li għext u li lqajt il-Kelma ta’ Alla u qagħad għaliha kollok kemm int: kun mas-saċerdoti ħa jitgħallmu l-Kelma fit-talb u jiddedikaw ruħhom għall-qadi tagħha b’umiltà u mħabba, biex il-Verb ikompli jaqdi l-ħidma tiegħu ta’ salvazzjoni fit-tielet millennju, bil-qawwa kollha.

MARIJA, mimlija bil-grazzja u Omm il-grazzja, ħares is-saċerdoti, ulied tiegħek, li bħalek huma msejħin biex jaħdmu ma’ l-Ispirtu ħa jħabirku biex Ġesù jitwieled fi qlub l-insara: għallimhom ikunu amministraturi fidili tal-misteri qaddis tul dan l-anniversarju tat-twelid ta’ Ibnek, biex bl-għajnuna tiegħek juru t-triq tar-rikonċiljazzjoni lill-midinbin, jagħmlu l-Ewkaristija l-qofol ta’ ħajjithom u tal-ħajja ta’ dawk fdati lilhom.

MARIJA, kewkba ta’ filgħodu fit-tielet millennju: kompli uri t-triq lis-saċerdoti ta’ Ġesù Kristu biex jimxu fuq l-eżempju li tagħtihom ta’ l-imħabba ta’ Alla u ta’ għajrhom. Jalla jitgħallmu kif ikunu rgħajja tassew; jalla jmexxu l-passi tal-bnedmin kollha lejn dak id-dawl li jdawwal kull bniedem li jiġi fid-dinja (Ġw 2, 5). Il-Vigarju ta’ Kristu bil-qawwa kollha fis-sena 2000 itenni t-tħabbira tal-verità: Ecce natus est nobis Salvator mundi.

MARIJA, ilqa’ taħt il-protezzjoni tiegħek lis-Saċerdoti u lill-Aspiranti għas-saċerdozju, u erġa’ ressaq fi ħdan il-Missier Alla, dawk li tbiegħdu mit-triq it-tajba. Ammen.


[1] Tertio Millennio Adveniente, n. 38.

[2] Redemptoris mission, n.33.

[3] Direttorju għall-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdoti, Tota Ecclesia, n.7.

[4] Eżort. post-sinodali Pastores dabo vobis, n.18.

[5] Enċik. Redemptoris hominis, n. 1.

[6] “Ir-reliġjon nisranija hi spiss meqjusa bħala waħda mill-ħafna reliġjonijiet li hawn fid-dinja, jew biss xi ħaġa xejn aktar minn etika soċjali għall-qadi tal-bniedem. Minħabba f’dan, il-ħaġa ġdida, li daħlet fid-dinja : hi ‘misteru’ l-wasla ta’ l-Iben ta’ Alla fid-dinja li sar bniedem u li jagħti lil dawk kollha li jilqgħuh ‘s-setgħa li jkunu wlied Alla’ (Ġw 1, 12)”. (Din il-ħaġa ġdida lanqas jintebħu biha.) Eżort, post-sinodali, Pastores dabo vobis, n. 46.

[7]Ara Presbyterorum Ordinis, n. 2; Eżort. post-sinodali Pastores dabo vobis, n. 13; Direttorju għall-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdoti, n.1, 3, 6; Istruzzjoni Ecclesiae de Mysterio dwar xi aspetti tal-kollaborazzjoni tal-lajċi fil-ministeru tas-saċerdoti.

[8] Enċikl. Redemptoris mission, n. 63.

[9] Ibid n. 67.

[10]Direttorju għall-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdoti. Tota Ecclesia. Daħla. Eżort.post-sinodali Pastores dabo vobis, n.2 u 14.

[11] Enċikl. Fides et Ratio, n. 62.

[12] KKK n.171.

[13] Lumen gentium n. 30.

[14] Ibid n. 48.

[15] Eżort. post-sinodali Pastores dabo vobis, n. 21.

[16] Presbyterorum Ordinis, n. 12; Pastores dabo vobis, n. 25.

[17] Direttorju għall-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdoti, Tota Ecclesia, n. 43.

[18] San Girgor il-Kbir, Regola pastoralis, II, 1.

[19] Diskora tal-Papa lis-Simposju ta’ l-Isqfijiet ta’ l-Ewropa11-11-1985.

[20] Eżort. post-sinodali Pastores dabo vobis, n. 12.

[21] Diskors fuil-ftuħ tar-raba’Konferenza taċ-ĊELAMI; Reconciliatio et Paenitentia, n. 13.

[22] Evangelii nuntiandi, n. 47.

[23] Lumen gentium, n. 28.

[24] Presbyterorum Ordinis, n. 6, 13, 14; Pastores dabo vobis, n. 16.

[25] Presbyterorum Ordinis, n. 5, 13, 14; Pastores dabo vobis, n. 23, 26, 48; Direttorju għall-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdoti, n. 48.

[26] Unitatis redintegratio, n. 4.

[27] Ibid. n. 11.

[28] Ara Allokuzzjoni lill-isqfijiet taċ-ĊELAM, 9 ta’ Marzu, 1983. Eżort. post-sinodali Pastore dabo vobis, 18.

[29] Dei Verbum n. 2.

[30] Presbytetorum Ordinis, n. 4.

[31] Ara KKK n. 1550.

[32] Eżort. appost. Pastores dabo vobis, n. 26.

[33] Direttorju għall-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdoti, Tota Ecclesia, n.45.

[34] Presbyterorum Ordinis, n. 4.

[35] Santu Wistin, De doctrina christiana, 4, 15, 32.

[36] Ara Kost. App. Laudis canticum, n. 8.

[37] Direttorju għall-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdoti, Tota Ecclesia, n. 45.

[38] Gaudium et spes, n. 22.

[39] Ibidem.

[40] Ara Istr. Interdikasterjali Ecclesia de mysterio dwar xi aspetti tas-sehem tal-lajċi fil-ħidma tas-saċerdoti.

[41] Presbyterorum ordinis, n.19.

[42] Eżort. app. Pastores dabo vobis, n.70ss; Direttorju għall-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdoti, Tota Ecclesia, n.69ss.

[43] Eżort. post-sinodali Pastores dabo vobis, n. 36 u 47; Direttorju għall-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdoti, Tota, Ecclesia, n.46.

[44] Kong. Eduk. Katt. Istr. dwar l-istudju ta’ Missirijiet il-Knisja fil-formazzjoni tas-saċerdoti, n.26-27.

[45] Enċikl. Fides et ratio, n.2.

[46] Direttorju għall-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdoti, Tota Ecclesia, n. 46.

[47] KKK n.738.

[48] Sacrosanctum Concilium, n. 2.

[49] Lumen gentium n. 48.

[50] Gaudium et spes, n. 45.

[51] Direttorju għall-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdoti, Tota Ecclesia, n. 7b u c.

[52] Diskors tal-Papa fl-udjenza tat-3 ta’ Mejju, 1993.

[53] Presbyterorum ordinis, n. 12.

[54] Ibid. n.5.

[55] Diskors tal-Papa fl-udjenza tat-12 ta’ Mejju, 1993.

[56] Sacrosanctum Concilium, n. 2.

[57] Ittra lis-Saċerdoti għall- Ħamis ix-Xirka, 1997, n. 4.

[58] Sacrosanctum Concilium, n. 2 u 10.

[59] Presbyterorum ordinis n. 6.

[60] Ibid n. 5.

[61] Ibidem.

[62] Katekeżi fl-udjenza tat-13 ta’ Mejju, 1993

[63] Ara ittra app. Dies domini, n. 46.

[64] Direttorju għall-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdoti, Tota Ecclesia, n. 49.

[65] Katekeżi fl-udjenza tat-13 ta’ Mejju, 1993.

[66] Ara Ibid., Sacrosanctum Concilium, n.112, 114.

[67] Ara Piju XII, messaġġ lill-Kungress nazzjonali kateketiku fl-Istati Uniti.

[68] Enċikl. Dives in misericordia, 13.

[69] Katekeżi fl-udjenza tat-22 ta’ Settembru, 1993.

[70] Enċikl. Dives in misericordia, n. 13.

[71] Direttorju għall-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdoti, Tota Ecclesia, n.54. Eżort. post-sinodali Reconciliatio et Paenitentia n. 31.

[72] Direttorju għall-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdoti, Tota Ecclesia, n. 32.

[73] Presbyterorum Ordinis, n.13; Direttorju għall-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdoti, Tota Ecclesia, n. 52.

[74] Direttorju għall-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdoti, Tota Ecclesia, n.52; Presbytetorum Ordinis, n. 13.

[75] Ara risposta dwar il-kan. 964, 2.

[76] Presbyterorum Ordinis, n.18; Eżort. post-sindonali Pastores dabo vobis n.26, 28; katekeżi fl-udjenza tas-26 ta’ Mejju 1993; eżort. post-sindonali Reconciliatio et Paenitentia, n. 31; Direttorju għall-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdoti, Tota Ecclesia, n. 53.

[77]Reconciliatio et Paenitentia n.31 VI.

[78] Pastores dabo vobis, n. 17.

[79] Dwar dan, meħtieġa tħejjija soda fuq il-problemi li aktar ta’ spiss qed isiru lis-saċerdoti fil-qrar. Għajnuna kbira hemm fil-Vademecum ai confessori su alcuni temi morali attinenti alla vita coniugale Pont. Comm. per la Famiglia 12 Febbraio 1997.

[80] Ibidem

[81] Enċikl. Dives in misericordia, n.13.

[82] Ibid. n. 3.

[83] Cf. n. 13.

[84] Ibid n.8.

[85] Direttorju għall-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdoti, Tota Ecclesia n. 48.

[86] Eżort. post-sinodali Pastores dabo vobis n. 8.

[87] Cf. Jean-Marie Vianney: sa pensée,son cœur, ppreżentata minn Bernard Nodet, Le Puy 1960, p.100.

[88] Santu Wistin, In Johannis Evangelium Tractatus, 123, 5.

[89] Ara KKK n. 875.

[90] Ittra tal-papa lis-Saċerdoti għall-Ħamis ix-Xirka, 1997.

[91] Ara San Tumas Summa Theolgiae III, n. 83, art. 1 ad.

[92] Eżort. post-sinodali Pastores dabo vobis, n. 22.

[93] Presbytetorum Ordinis, n. 6.

[94] Ibid. n. 29.

[95] Lumen gentium, n. 28.

[96] KKK n. 1550.

[97] Udjenza Ġenerali tad-19 ta’Mejju, 1993.

[98] Ibid. n. 4.

[99] Presbytetorum Ordinis, n. 6a.

[100] Ara Ibid. n. 6g..

[101] Ibid. n. 6a.

[102]Direttorju għall-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdoti, Tota Ecclesia, n. 17.

[103] Santu Wistin Epistula 134, 1.

[104] Direttorju għall-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdoti, Tota Ecclesia, n. 19.; Diskors tal-Papa fis-Simposju dwar il-kollaborazzjoni tal-lajċi fil-ministeru saċerdotali, n.4; Sacrum Ministerium n. 1 (1995), 64; istr. inter-dikasterjali Ecclesia de mysterio, daħla.

[105] Direttorju għall-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdoti, Tota Ecclesia, n. 67-68.

[106] KKK n. 2442; Direttorju għall-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdoti, Tota Ecclesia, n.33.

[107] Sacrosanctum Concilium, n. 22; CIC can 846; Direttorju għall-Mininsteru u l-Ħajja tas-Saċerdoti, Tota Ecclesia, n. 49 u 64.

[108] Eżort. post-sinodali Pastores dabo vobis, n. 26; katekeżi fl-Udjenza Ġenerali tal-21 ta’ April, 1993; Direttorju għall-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdoti, Tota Ecclesia, n. 45.

[109] Eżort post-sinodali Pastores dabo vobis, n.18; Presbytetorum Ordinis, n.10.

[110] Eżort. post-sinodali Pastores dabo vobis, n. 18; Optatam Totius, n.20.

[111] Eżort. post-sinodali Pastores dabo vobis, n.82f; ara Ibid. n.43.

[112] San Girgor Nazjanzenu, Orationes, 2,21.

[113] Eżort. post-sinoali Pastores dabo vobis, n. 43.

[114] Ara Prebytetorum Ordinis, n. 17; CIC kan. 282; Eżort. post-sinodali Pastores dabo vobis, n. 30; Direttorju għall-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdoti, Tota Ecclesia, n. 67.

[115] Katekeżifl-Udjenza Ġenerali tas-7 ta’ Lulju 1993.

 

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.