12-il persuna jiggradwaw mill-programm ta’ rijabilitazzjoni tal-Caritas

Print Friendly, PDF & Email

12-il persuna, 11-il raġel u mara, huma l-gradwati ta’ din is-sena ta’ Caritas Malta li temmu l-programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga. Fosthom hemm żewġ persuni mill-Prison Inmates Programme.

Iċ-ċerimonja saret fil-knisja tal-Bon Konsill f’Paceville, b’quddiesa mmexxija minn Mons. Victor Grech flimkien ma’ Mons. Charles Cordina u Fr Hilary Tagliaferro. Monsinjur Grech esprima li l-gradwazzjoni u l-għoti taċ-ċertifikati ma jbiddlu xejn fil-persuna li għamlet dan il-vjaġġ: “Importanti li nifhmu li rridu nibqgħu ninbidlu kuljum u nkunu kapaċi nagħmlu dan billi ngħarfu li aħna dgħajfa”.

Fost il-gradwati u l-familjari tagħhom kienet tinħass l-emozzjoni ta’ ferħ imħallta ma’ ħafna emozzjonijiet ta’ memorji ta’ tbatijiet li persuna dipendenti mis-sustanzi tgħaddi minnhom.Il-gradwati qasmu ma’ dawk preżenti xi tfisser din il-ġurnata għalihom u li proprju l-gradwazzjoni timmarka fażi ġdida, impenjattiva u bi sfidi ġodda.

Wieħed mill-gradwati qal: “ Filwaqt li nirringrazzja lill-istaff u lil dawk il-familjarji tiegħi, ma nistax b’mod speċjali ma nsemmix lil ommi li dejjem kienet warajja avvolja batiet immens, illum qiegħda hawn kuntenta immens bija u nwiegħdha li se nkompli naħdem”.

Gradwat ieħor qal: “Irrid nifhem u naċċetta li baqagħli x’naqdef u li għad irrid nitla’ tarġa oħra. Bis-saħħa ta’ kulħadd wasalt fejn wasalt, imma dejjem jibqa’. Naf li bl-imħabba tal-istaff ta’ Caritas se jirnexxieli nifhem kemm hi sabiħa l-ħajja u se nara li nibqa’ saqajja mal-art u napplika dawk il-ħiliet li tawni b’tant dedikazzjoni u mħabba waqt il-mixja fil-programm.”

Fil-messaġġ tiegħu lill-gradwati, Anthony Gatt, id-Direttur ta’ Caritas Malta, qal: “L-isfidi tagħkom jibdew illum wara vjaġġ li tal-inqas jieħu sena u nofs, issa se tmissu mar-realtajiet u tibdew tapplikaw dawk l-għodod li takom il-programm.” Hu ħeġġiġhom biex iżommu kuntatt mal-Caritas permezz ta’ Dar Charles Miceli; fejn hemm se jsibu dak li jkollhom bżonn meta jiltaqgħu mal-isfidi li semma’ li toffri s-soċjetà. I

Is-Sur Gatt irringrazzja lill-Bord tad-Diretturi u lill-istaff dedikat ta’ Caritas, lill-Awtoritajiet tal-Knisja, il-Ministeru tal-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali għas-sostenn kontinwu u lil tant benefatturi u voluntiera li jsostnu din il-ħidma favur persuni milquta mit-tbatijiet li ġġib magħha t-teħid tad-droga.

Fl-2019 resqu għand il-Caritas 732 persuna bi problema ta’ abbuż tad-droga li minnhom 186 kienu klijenti ġodda u 15% kienu nisa. L-età l-iktar komuni kienet ta’ 33 sena, l-iżgħar fosthom ta’ 14-il sena u l-kbar ta’ 64. Għat-tieni sena konsekuttiva l-ikbar proporzjon ta’ klijenti (41%) kellhom problema primarja bl-użu tal-kokaina. Fit-tieni kategorija, 30% kienu dawk li resqu għall-għajnuna għamlu dan minħabba dipendenza fuq l-eroina. Fl-2019 Cartitas Malta rat l-ikbar perċentwal tal-klijenti li resqu għall-għajnuna minħabba l-Cannabis (24%).

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading