27. L-intenzjoni ta’ verġinità


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  24/07/1996.

1. Lill-anġlu li jħabbrilha l-konċepiment u t-twelid ta’ Ġesù, Marija tagħmillu mistoqsija: «Kif isir dan? Ma nagħrafx raġel» (Lq 1,34).

Tali mistoqsija tirriżulta, biex ma ngħidu xejn, sorprendenti jekk b’moħħna nmorru għar-rakkonti bibbliċi li jirraportaw l-aħbar ta’ twelid straordinarju ta’ mara sterili. F’dawk il-każi dawn huma nisa miżżewġa, naturalment sterili, li lilhom ir-rigal tal-wild huwa offrut minn Alla permezz ta’ ħajja konjugali normali (cf. 1Sam 1,19-20), bi tweġiba għal talb mill-qalb (cf. Ġen 15,2; 30,22-23; 1Sam 1,10; Lq 1,13).

Differenti hija s-sitwazzjoni li fiha Marija tirċievi l-aħbar tal-anġlu. Hija mhix mara miżżewġa li għandha problema ta’ sterilità; b’għażla voluntarja feħsiebha tibqà verġni. Din l-intenzjoni ta’ verġinità, frott ta’ mħabba lill-Mulej, donnha,  mela, tikkostitwixxi ostaklu għall-mternità mħabbra.

Mal-ewwel daqqa t’għajn kliem Marija donnu jesprimi biss l-istat preżenti tagħha ta’ verġinità: Marija tenfasizza li ma «għarfitx» raġel, jiġifieri li hija verġni.       

Madankollu l-kuntest li fih tiġi mqiegħda l-mistoqsija «kif iseħħ dan?» u l-istqarrija segwenti «ma nagħrafx raġel», jenfasizzaw kemm il-verġinità attwali ta’ Marija, kif ukoll l-intenzjoni tagħha li tibqà verġni. L-espressjoni wżatha minnha, bil-forma verbali fil-preżent, tħalli tidher il-permanenza u l-kontinwità tal-istat tagħha.

2. Waqt li tagħmel preżenti din id-diffikultà, Marija, bogħod milli topponi għall-proġett divin, timmanifesta l-intenzjoni li toqgħod għalih totalment.

Mill-bqija t-tfajla ta’ Nażżaret dejjem għexet b’sintonija sħiħa mar-rieda divina u  għażlet ħajja verġinali bl-intenzjoni li togħġob lill-Mulej. Fil-fatt l-intenzjoni ta’ verġinità ddisponietha biex tilqà r-rieda divina «bil-“jien” uman, femminili kollu tagħha, u f’tali tweġiba ta’ fidi kienu miġbura perfetta koperazzjoni mal-grazzja ta’ Alla, li  tantiċipa u tgħin, u disponibiltà perfetta għall-azzjoni tal-Ispirtu Santu».1

Għal xi wħud, l-kliem u l-intenzjonijiet ta’ Marija dehru  inprobabbli, minħabba li fl-ambjent Lhudi l-verġinità ma kinitx meqjusa bħala valur, linqas ideal li wieħed isegwi. L-istess kitbiet tat-Testment il-Qadim dan jikkonfermawh f’ċerti  episodji u espressjonijiet magħrufa. Fil-ktieb tal-Imħallfin, per eżempju, hemm irrakuntat  dwar bint Jefte li, billi kellha taffronta l-mewt waqt li kien għadha tifla mhix miżżewġa, tibki l-verġinità tagħha, jiġifieri jiddispjaċiha li ma kienx kellha ċ-ċans li tiżżewweġ (cf. Imħ 11,38).

Iż-żwieġ, barra minn hekk, minħabba l-preċett divin: «Kunu fertili u mmultiplikaw» (Ġen 1,28), huwa meqjus bħala l-vokazzjoni naturali tal-mara, li tinvolvi l-ferħ u t-tbatijiet propji tal-maternità.

3. Biex nifhmu aħjar il-kuntest li fih timmatura d-deċiżjoni ta’ Marija, hemm bżonn li nżommu preżenti kif, fiż-żmien li jiġi mmedjatament qabel il-bidu tal-era nisranija, f’xi ambjenti Lhud jibda jimmanifesta ċertu orjentament pożittiv lejn il-verġinità. Per eżempju, l-Esseni, li tagħhom instabu xhieda storiċi numerużi u mportanti ġo Qumran, kienu jgħixu fiċ-ċelibat jew kienu jillmitaw l-użu taż-żwieġ, minħabba l-ħajja komuni u tar-riċerka ta’ intimità ikbar ma’ Alla.

Barra minn dan, fl-Eġittu, kienet teżisti komunità ta’ nisa li, b’rabta mal-ispiritwalità Essena, kienu josservaw iċ-ċaħda. Tali nisa, It-Terepewti, appartenenti għal setta deskritta minn Filone Alessandrino,2 kienu jiddedikaw ruħhom għall-kontemplazzjoni u kienu jfittxu l-għerf. 

Ma jidhirx li Marija setgħet kienet saret taf b’dawn il-gruppi reliġjużi Lhud li kienu jipprattikaw l-ideal taċ-ċelibat u tal-verġinità.

Imma l-fatt li Ġwanni l-Battista kien probabilment jgħix ħajja ċelibatarja, u li fil-komunità tad-dixxipli tiegħu din kienet miżmuma f’konsiderazzjoni għolja, jistà jkun ukoll issopponut li ukoll l-intenzjoni verġinali ta’ Marija tidħol f’tali kuntest kulturali u reliġjuż ġdid.

4. Il-ġrajja straordinarja tal-Verġni ta’ Nażżaret m’għandhiex però tħallina naqgħu fl-iżball li norbtu għal kollox id-dispożizzjonijiet intimi mal-mentalità tal-ambjent, waqt li nwarrbu l-uniċità tal-misteru li seħħ fiha. B’mod partikolari, m’għandniex ninsew li Marija kienet irċeviet, mill-bidunett ta’ ħajjitha, grazzja sorprendenti mgħarrfha lilha mill-anġlu fil-waqt tal-Annunzjazzjoni.  «Mimlija bil-grazzja» (Lq 1,28), Marija kienet mogħniha b’perfezzjoni ta’ qdusija li, skont l-interpretazzjoni tal-Knisja, tmur lura għall-ewwel waqt tal-eżistenza tagħha: il-privileġġ uniku tal-Immakulata Konċezzjoni eżerċita influss fuq l-iżvilupp kollu tal-ħajja spiritwali tal-mara żagħżugħa ta’ Nażżaret.

Mela rridu  nikkunsidraw li tiggwida lil Marija lejn l-ideal tal-verġinità kienet ispirazzjoni eċċezzjonali ta’ dak l-istess Sprtu Santu li, fil-kors tal-istorja tal-Knisja, jimbotta tant nisa fit-triq tal-kosagrazzjoni verġinali.

Il-preżenza singolari tal-grazzja fil-ħajja ta’ Marija twassal biex tikkonkludi għal impenn taż-żagħżugħa fil-verġinità. Imfawra b’doni eċċezzjonali tal-Mulej sa mill-bidu tal-eżistenza tagħha, hija tiġi orjentata għal  dedikazzjoni tagħha kollha kemm hi – ruħ u ġisem – lil Alla fl-offertà verġinali.

Barra  minn hekk, l-aspirazzjoni għall-ħajja verġinali kienet f’armonija ma’ dik tal-«faqar» quddiem Alla, lil liema  t-Testment il-Qadim jattribwixxi valur kbir. Waqt li timpenja ruħha għal kollox f’din it-triq, Marija tiċċaħħad ukoll mill-maternità, għana personali tal-mara, tant apprezzatha f’Iżrael. B’tali mod «Hija  tiddomina fost l-umli u l-foqra tal-Mulej, li b’fiduċja jistennew u jirċievu mingħandu l-fidwa».3 Imma, waqt li tippreżenta ruħha lil Alla fqira, u waqt li timmira għal fertilita spiritwali biss, frott tal-imħabba divina, fil-waqt tal-Annunzjazzjoni Marija tiskopri li l-faqar tagħha huwa trasfurmat mill-Mulej f’għana. Hija se tkun l-Omm Verġni tal-Iben tal-Iktar Għoli. Iktar tard se tiskopri wkoll li l-maternità tagħha hija ddestinatha sabiex tkun estiża għall-bnedmin kollha li  l-Iben ġie biex jifdi. 4

NOTI

1 Giovanni Paolo II, Lett. enc. Redemptoris Mater, 13.
2 Filone Alessandrino, De vita contemplativa, 21-90.
3 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 55.
4 Cf. Catechismo della Chiesa Cattolica, 501.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.