28. Il-Valur tal-konċepiment verġinali ta’ Ġesù


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  31/07/1996.

1. Fil-pjan feddej Alla ried li l-Iben uniġenitu jitwieled minn verġni. Tali deċiżjoni divina tassumi rapport profond  bejn il-Verġinità ta’ Marija u l-Inkarnazzjoni tal-Verb. «Il-ħarsa tal-fidi tistà tiskopri, in konnessjoni mat-totalità tar-Rivelazzjoni, ir-raġunijiet misterjużi li għalihom Alla, fil-proġett feddej tiegħu, ried li Ibnu jitwieled minn Verġni. Dawn ir-raġunijiet jirrigwardaw tant il-persuna u l-missjoni redentriċi ta’ Kristu, kif ukoll l-aċċettazzjoni ta’ tali missjoni min-naħa ta’ Marija a favur tal-bnedmin kollha».1

Il-konċepiment verġinali, bl-esklużjoni ta’ paternità umana, jiddikjara li l-uniku missier ta’ Ġesù huwa l-Missier ċelesti u li fil-ġenerazzjoni temporali tal-Iben tirrifletti ruħha l-ġenerazzjoni eterna: il-Missier, li ġġenera l-Iben fl-eternità, jiġġenerah ukoll fiż-żmien bħala bniedem.

2. Ir-rakkont tal-Annunzjazzjoni jenfasizza l-istat ta’ «Iben ta’ Alla», konsegwenti għall-intervent divin fil-konċepiment. «L-Ispirtu Santu jinżel fuqek, fuqek jinfirex id-dell tal-qawwa tal-Iktar Għoli. Dak li jitwieled minnek ikun mela qaddis u msejjaħ l-Iben ta’ Alla» (Lq 1,35).

Dak li jitwieled minn Marija huwa diġa bis-saħħa tal-ġenerazzjoni eterna, Iben ta’ Alla; il-ġenerazzjoni verġinali tiegħu, operatha bl-intervent tal-Iktar Għoli, turi li, ukoll fil-maternità tiegħu huwa l-Iben ta’ Alla.

Ir-rivelazzjoni tal-ġenerazzjoni eterna fil-ġenerazzjoni verġinali hija ssuġġeritha wkoll mill-espressjonijiet miġbura fil-Prologu tal-Vanġelu ta’ Ġwanni, li  jpoġġu f’relazzjoni il-manifestazzjoni tal-Alla inviżibbli, mal-opra tal-«Uniġenitu li hu fi ħdan il-Missier» (Ġw 1,18), mal-miġja tiegħu fil-ġisem: «il-Verb sar ġisem u ġie jgħix f’nofsna; u aħna rajna l-glorja tiegħu, ġlorja bħal ta’ Uniġenitu mill-Missier, mimli grazzja u verità » (Ġw 1,14).

Waqt li jirrakkontaw il-ġenerazzjoni ta’ Ġesù, Luqa u Mattew isostnu wkoll r-rwol tal-Ispirtu Santu. Dan mhux il-missier tat-Tifel: Ġesù huwa unikament it-tifel tal-Missier Etern (cf. Lq 1,32.35) li, permezz tal-Ispirtu, jopera fid-dinja u jiġġenera l-Verb fin-natura umana. 

Infatti, fl-Annunzjazzjoni l-anġlu jsemmi lill-Ispirtu Santu «qawwa tal-Iktar Għoli» (Lq 1,35), bi qbil mat-Testment il-Qadim li jippreżentah bħala enerġija divina operanti fl-eżistenza umana, waqt li jirrendiha kapaċi ta azzjonijiet meraviljużi. Waqt li timmanifesta ruħha fil-grad suprem fil-misteru tal-Inkarnazzjoni, din il-qawwa, li fil-ħajja trinitarja ta’ Alla hija Mħabba, għandha d-dmir li tirregala il-Verb Inkarnat lill-umanità.

3. L-Ispirtu Santu, b’mod partikolari huwa l-persuna li tikkomunika l-għana divina lill-bneedmin u tipparteċipahom fil-ħajja ta’ Alla. Huwa, li fil-misteru trinitarju huwa l-għaqda tal-Missier u tal-Iben, waqt li jopera l-ġenerazzjoni verġinali ta’ Ġesù, jgħaqqad l-umanità ma’ Alla.

Il-misteru tal-Inkamazzjoni jdawwal ukoll il-kobor inkomparabbli tal-maternità verġinali ta’ Marija: il-Konċepiment ta’ Ġesù huwa frott tal-koperazzjoni ġeneruża tagħha fl-azzjoni tal-Ispirtu Santu, sors ta’ kull fertilità.
      

Fil-pjan divin tal-fidwa, il-konċepiment verġinali huwa għaldaqstant aħbar tal-ħolqien il-ġdid: bl-opra tal-Ispirtu Santu, f’Marija ġie ġgenerat dak li kellu jkun il-bniedem il-ġdid. Bħal ma jsostni il- Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, «Ġesù ġie kkonċepit bl-opra tal-Ispirtu Santu fil-ġuf tal-Verġni Marija, għaliex hu l-Adam il-ġdid li jinawgura l-ħolqien il-ġdid».2 

Fil-msteru ta’ tali ħolqien ġdid jibbrilla r-rwol tal-maternità verġinali ta’ Marija. Waqt li jsejjaħ lil Kristu «primoġenitu tal-Verġni»,3 Sant’Irinew ifakkar li, wara Ġesù, ħafna jitwieldu mll-Verġni, fis-sens li jirċievu l-ħajja l-ġdida ta’ Kristu.   «Ġesù huwa l-uniku Iben ta’ Marija. Imma l-maternità spritwali ta’ Marija testendi ruħha għall-bnedmin kollha li hu ġie biex isalva. Hija tat id-dawl lil [105] Iben li Alla għamel “il primoġenitu ta’ moltitudni ta’ aħwa” (Rm 8,29), jiġifieri tal-fidili, li għat-twelid u l-formazzjoni tagħhom hija tikkopera b’imħabba ta’ omm».4S

4. Il-komunikazzjoni tal-ħajja ġdida hija trażmissjoni tal-filjolanza divina. Hawn nistgħu niftakru l-prospettiva miftuħa minn Ġwanni fil-Prologu tal-Vanġelu tiegħu: dak li minn Alla kien iġgenerat jagħti lil dawk li jemmnu il-poter li jsiru wlied Alla (cf. Ġw 1,12-13). Il-ġenerazzjoni verġinali tippermetti l-estensjoni tal-paternità divina:  il-bnedmin gew maħtura wlied addottivi ta’ Alla f’Dak li huwa Bin il-Verġni u l-Missier.
      

Il-kontemplazzjoni tal-misteru tal-ġenerazzjoni verġinalii iġegħlna nintebħu li Alla għażel għal Ibnu Omm Verġni, biex joffri b’mod iktar wiesà lill-umanità l-imħabba tiegħu ta’ Missier.

NOTI

1 Catechismo della Chiesa Cattolica, 502.
2 Ibidem, 504.
3 Sant’Ireneo, Adversus haereses, 3, 16, 4.
4 Catechismo della Chiesa Cattolica, 501.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.