Illum il-Knisja tfakkar lil San Duminku

Print Friendly, PDF & Email

Fit-8 ta’ Awwissu l-Knisja tfakkar lil San Duminku, Saċerdot li għex bejn is-snin 1170 sa 1221.

San Duminku twieled f’Calaruega, Spanja, fl-1170. Meta kellu erbatax-il sena daħal l-Università, ta’ Palencia, biex jistudja l-filosofija u t-teoloġija. Waqt li kien għadu student sar Kanonku tal-Katidral ta’ Osma. Wara l-Ordinazzjoni tiegħu fl-1195, mar jgħix mal-Kanonċi skont ir-Regola ta’ Santu Wistin. Fl-1201, sar il-Pirjol tal-Kapitlu.

Fl-1204, kien mal-Isqof tiegħu qed jivvjaġġa fi Franza, u ra l-ħsara li kienu qed jagħmlu l-Albiġiżi, (minn Alby, Franza, li fost tagħlim eretiku ieħor kienu jsostnu li l-ispiritwali huwa tajjeb, u l-materjali huwa ħażin, u li Ġesù ma twelidx tassew minn Marija). Flanguedoc iltaqa’ ma’ wieħed Albiġiż u għadda l-lejl kollu jiddiskuti miegħu sakemm ikkonvinċieh u rah jerġa’ jħaddan it-twemmin Kattoliku.

Minn din il-laqgħa, San Duminku ra ċar li l-missjoni tiegħu kienet li jipprietka l-Vanġelu u jikkumbatti l-ereżija ta’ l-Albiġiżi. Għalhekk ġabar madwaru grupp ta’ għalliema biex jgħinuh iwettaq il-ħsieb tiegħu, u b’xi nisa minnhom waqqaf il-kunvent ta’ Prouille fl-1206. Huwa baqa’ f’Languedoc għal kważi għaxar snin jipprietka bla serħan.

Fl-1212, mar Toulouse, u fl-1215, attenda r-Raba’ Konċilju Lateran, f’Ruma.

Lura f’Toulouse waqqaf l-Ordni tal-Predikaturi jew kif saru magħrufin “Id-Dumnikani,” fil-25 ta’ April, 1215. L-għan prinċipali tal-Ordni kien li l-membri tiegħu jgħaqqdu l-għerf mal-qdusija u s-sempliċità, tal-ħajja u jipprietkaw il-Vanġelu ħalli jikkumbattu l-ereżija ta’ l-Albiġiżi. Il-Papa Onorju III approva l-Ordni f’Diċembru, 1216.

F’qasir żmien id-Dumnikani xterdu fi Spanja, fi Franza, l-Ingilterra, l-Italja u f’pajjiżi oħra. Fl-1220, il-Papa Onorju III ħatar lil San Duminku bħala Superjur Ġenerali tal-Ordni. F’dik l-istess sena, San Duminku sejjaħ l-ewwel Kapitlu Ġenerali, f’Bologna.

San Duminku kien ikun spiss ħsiebu f’Alla, jekk ma kienx jitkellem fuq Alla bil-prietki tiegħu, kien jitkellem ma’ Alla fit-talb. Ma kienx jgħaddi mument li ma jaħsibx f’Alla.

F’Bologna marad u wara xi tliet ġimgħat miet, fis-6 ta’ Awwissu, 1221. Il-Papa Girgor IX ipproklamah Qaddis, fl-1234.

Huwa għamel ir-Rużarju devozzjoni mill-aktar popolari speċjalment biex jikkumbatti l-ereżija tal-Albiġiżi.

Il-fdal tiegħu jinsab meqjum Bologna, fil-Bażilika tal-Patrijiet Dumnikani. Dakinhar li miet il-Fundatur, kien hemm diġà fuq 60 kunvent tal-patrijiet, li kienu fl-Italja, fi Franza, fi Spanja, fl-Ingilterra, fil-Polonja, fil-pajjiżi Skandinavi, fil-Palestina, eċċ.

Illum id-Dumnikani jinsabu mxerrdin ma’ kullimkien. Kellhom tul 700 sena, iktar minn 40 qaddis, mijiet ta’ beati, fosthom ħafna martri, 4 Papiet, mal-100 kardinal u mijiet kbar ta’ Isqfijiet, barra minn tant għorrief ewlenin, fosthom San Tumas t’Aquino u San Albertu Manju.

Duminku, bniedem ta’ talb, ta’ penitenzi ħorox, imma wkoll ta’ ħlewwa u tjieba ma’ kulħadd, kien ċertament wieħed mill-ikbar ġganti ta’ għerf u ta’ qdusija, li qatt kellha l-Knisja Mqaddsa.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply

%d bloggers like this: