Qari tal-Quddies tal-Ħamis tas-VII ġimgħa tal-Għid

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

Is-Seba’ Ġimgħa tal-Għid
Il-Ħamis

QARI I
Jeħtieġ li tagħti xhieda f’Ruma.
Atti 22, 30; 23, 6-11

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, billi l-fizzjal ried jaf sewwa biex il-Lhud kienu qegħdin jakkużaw lil Pawlu, l-għada ħallu mill-irbit u ordna li jiltaqgħu l-qassisin il-kbar u s-Sinedriju kollu; imbagħad bagħat iġib lil Pawlu u ressqu quddiemhom.

Issa Pawlu kien jaf li xi wħud kienu min-naħa tas-Sadduċej u oħrajn min-naħa tal-Fariżej. Għalhekk għajjat fis-Sinedriju: “Ħuti, jien Fariżew u bin il-Fariżej; hu għalhekk li qiegħed isir ħaqq minni, minħabba t-tama fil-qawmien minn bejn l-imwiet”.

Kif qal hekk, qamet tilwima bejn il-Fariżej u s-Sadduċej, u l-ġemgħa nqasmet. Għax is-Sadduċej jgħidu li la hemm qawmien minn bejn l-imwiet, la anġli u lanqas spirti; waqt li l-Fariżej jistqarru dan kollu. Imbagħad qam storbju kbir; xi kittieba tan-naħa tal-Fariżej qamu
u bdew jeħduha bil-qawwa kollha mal-oħrajn u jgħidu: “Aħna ma nsibu xejn ħażin f’dan il-bniedem. Min jaf kellmux xi spirtu jew anġlu?”.

It-tilwim aktar kiber, u għalhekk il-fizzjal, billi beża’ li se jtertqu lil Pawlu, ordna lis-suldati jinżlu jaħtfuh minn nofshom u jeħduh il-fortizza. Fil-lejl ta’ wara, il-Mulej deherlu u qallu: “Agħmel il-qalb! Kif tajt xhieda għalija f’Ġerusalemm, hekk ukoll jeħtieġ li tagħti xhieda f’Ruma”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 15 (16), 1-2a u 5.7-8.9-10.11

R/. (1): Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn.
Jien għedt lill-Mulej: “Int Sidi”.
Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi,
inti żżomm f’idejk xortija. R/.

Imbierek lill-Mulej li tani l-fehma;
imqar billejl qalbi tgħallimni.
Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi,
għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek. R/.

Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi,
u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.
Għax int ma titlaqnix fl-imwiet,
ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar. R/.

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja;
hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,
hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 17, 21

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda,
kif inti fija, Missier, u jiena fik,
biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Biex isiru ħaġa waħda għalkollox.
Ġw 17, 20-26

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, 1Ġesù rafa’ għajnejh lejn is-sema talab u qal: “M’iniex nitlob għal dawn biss, imma wkoll għal dawk li għad jemmnu fija bis-saħħa tal-kelma tagħhom; nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni. Il-glorja li int tajt lili jiena tajtha lilhom, biex ikunu ħaġa waħda bħalma aħna ħaġa waħda: jiena fihom u inti fija, biex isiru ħaġa waħda għalkollox, ħalli d-dinja tagħraf li inti bgħattni u li ħabbejt lilhom kif ħabbejt lili.

Missier, irrid li dawk li tajtni jkunu huma wkoll miegħi fejn inkun jien, biex jaraw il-glorja tiegħi, il-glorja li tajtni int, għaliex int ħabbejtni sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja. Missier ġust, tassew li d-dinja ma għarfitekx, imma jien għaraftek, u dawn għarfu li inti bgħattni. U jiena għarrafthom ismek u għad ngħarrafhulhom iżjed, biex l-imħabba li biha ħabbejtni tkun fihom u jiena fihom”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: