Nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Awwissu, il-Papa Franġisku għammed lit-tewmin Siamiżi Ervina u Prefina Bangalo, li xahar qabel saritilhom operazzjoni b’suċċess fl-isptar tal-Vatikan ‘Bambino Ġesù.
It-tewmin kienu nġiebu Ruma mir-Repubblika tal-Afrika Centrali. Kollox beda meta f’Lulju tal-2018, Mariella Enoc, il-president tal-Isptar pedjatriku tal-‘Bambino Ġesù’ kienet iltaqgħet mat-tewmin f’missjoni fil-pajjiż u ddeċidiet li ġġibhom Ruma għall-kura meħtieġa.
It-tewmin għaddew minn tliet operazzjonijiet u mijiet ta’ sigħat ta’ kura, bl-aħħar intervent li dam 18-il siegħa bis-sehem ta’ 30 speċjalista. Omm it-tfal, Ermine Bangalo qalet li tixtieq li meta jikbru, it-tfal isiru tobba biex isalvaw lil tfal oħra.
Rapport għal-Laikos minn Joe Galea