Ġesù Kristu, veru Alla u veru Bniedem


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 26 ta’ Awissu 1987

25. Ġesù Kristu, veru Alla u veru Bniedem.

  1. “Jiena nemmen . . . f’Ġesù Kristu, Ibnu uniku (ta’ Alla missier), Mulej tagħna; li kien ikkonċeput mill-Ispirtu Santu, twieled minn Marija Verġni”. Ic-ċiklu ta’ katekeżi dwar Ġesù Kristu, li hawn qegħdin niżviluppaw, jagħmel referenza kostanti għall-verità espressa mill-kliem tas-Simbolu apostoliku, issa kkwotat. Dan jippreżentalna lil Kristu bħala veru Alla – Iben il-Missier – u fl-istess ħin, bħala veru Bniedem, Iben ta’ Marija Verġni. Il-katekeżi preċedenti diġa ppermettewlna li noqorbu lejn din il-verità fondamentali tal-fidi. Issa, però, irridu nfittxu li napprofondixxu l-kontenut essenzjali: irridu nistaqsu lilna nfusna xi jfisser veru Alla u veru Bniedem. Hija realtà, din, li tiżvela ruħha quddiem għajnejn il-fidi tagħna permezz tal-awtorivelazzjoni ta’ Alla f’Ġesù Kristu. U billi hija – -bħal kull verità oħra rivelata – tistà tkun milqugħa b’mod rett biss permezz tal-fidi, hawn għandna in kwestjoni r-“rationabile obsequium fidei”, ir-rispett raġonevoli tal-fidi. Biex jiffavorixxi fidi simili hemm bżonn li jaqduna l-katekeżi li jmiss, iċċentrati fuq il-misteru tal-Alla Bniedem.
  2. Diġa nnutajna qabel li Ġesù Kristu kien jitkellem spiss dwaru nnifsu, billi juża t-titlu ta’ “bin il-bniedem” (cf.Mt 16, 28; Mk 2, 28). Tali titlu kien jorbot ma’ dik it-tradizzjoni messjanika tat-Testment il-Qadim, u fl-istess ħin kienet twieġeb għal dik il-“pedagoġija tal-fidi”, għal liema Ġesù intenzjonalment kien jirrikorri. Infatti hu kien jixtieq li d-dixxipli tiegħu u s-semmiegħa tiegħu jaslu weħidhom għall-iskoperta li “bin il-bniedem” kien fl-istess ħin il-veru Iben ta’ Alla. Dwar dan għandna dimostrazzjoni sinifikattiva b’mod partikolari fil-professjoni ta’ Xmun Pietru, li seħħet fil-qrib ta’ Ċesarea ta’ Filippu, li għaliha diġa għamilna referenza fil-katekeżi preċedenti.  Ġesù jipprovoka b’mistoqsija l-appostli u meta Pietru jasal għall-għarfien espliċitu tal-identità divina tiegħu, jikonferma x-xhieda billi jgħidlu “beatu għaliex la l-laħam u linqas id-demm ma rrivelawulek, imma l-Missier” (cf. Mt16, 17). Huwa l-Missier, li jagħti xhieda lill-Iben, għaliex il-Missier biss jaf lill-Iben (cf. Mt 11, 27).
  3. Madankollu minkejja d-deskrizzjoni li Ġesù kien stenna skont dak il-prinċipju pedagoġiku li dwaru tkellimna, il-verità tal-filjazzjoni divina tiegħu kull ma jmur kienet saret iktar evidenti, a bażi ta’ dak li kien jgħid, u b.mod partikolari għal dak li kien jagħmel. Imma, waqt li għal uħud din kienet tikkostitwixxi oġġett ta’ fidi, għall-oħrajn kienet kawża ta’ kontradizzjoni u ta’ akkuża. Dan immanifesta ruħu f’forma definittiva waqt il-proċess quddiem is-Sinedriju. Jirrakkonta l-Vanġelu ta’ San Mark (Mk14, 61-62): “Is-Sommu Sacerdot interrogah bill- qallu: “Inti l-Kristu, iben ta’ Alla l-imbierek?” Ġesù wieġeb: “Iva hekk hu! U għad taraw lil bin il-bniedem bilqiegħda fil-lemin tal-Qawwa u jiġi bis-sħab tas-sema””. Fil-Vanġelu ta’ Luqa (Lq 22, 70) il-mistoqsija hija ffurmata hekk: “Inti mela int l-iben ta’Alla?” Weġibhom: “Qegħdin tgħiduh intom stess: Jiena jien””.
  4. Ir-rejazzjoni ta’ dawk preżenti taqbel: “Dagħa! . . . smajtuha d-dawgħa . . . Ħaqqu l-mewt!” (Mt26, 65-66). Din l-akkuża hija, biex ngħidu hekk, frott ta’ interpretazzjoni materjali tal-liġi l-antika.

Naqraw infatti fil-Ktieb tal-Levitiku: “Min isemmi l-isem tal-Mulej fil-batal għandu jitqiegħed għall-mewt: il-komunità kollha għandha tħaġġru” (Lv 24, 16). Ġesù ta’ Nażżaret, li quddiem ir-rappreżentanti uffiċċjali tat-Testment il-Qadim jiddikjara li huwa il-veru Iben ta’ Alla, jippronunzja – skont il-konvinzjoni tagħhom – dagħwa. Għalhekk “ħaqqu l-mewt” u l-kundanna tiġi esegwita, ukoll jekk mhux bit-tħaġgir skont id-dixxiplina vetero-testamentarja, imma bit-tislib, skont il-leġislazzjoni Rumana. Li jsejjaħ lilu nnifsu “Bin Alla” kien ifisser “jagħmel lilu nnifsu Alla” (cf. Ġw 10, 33), li qanqal protesta radikali minn naħa tal-għassiesa tal-monoteiżmu tat-Testment il-Qadim.

  1. Dak li fl-aħħarnett jitwettaq fil-proċess imressaq kontra Ġesù, fir-realtà kien diġa ġie mhedded kif jirreferu l-Vanġeli, b’mod partikolari dak ta’ Ġwanni. Hemm naqraw iktar minn darba li s-semmiegħa riedu jħaġġru lil Ġesù, meta dak li kienu jkunu semgħu minn fommu kien għalihom donnu dagħa. Niltaqgħu ma’ tali dagħwa, per eżempju, fil-kliem dwar ir-Ragħaj it-Tajjeb (cf.Ġw10, 27.29), u fil-konklużjoni li għaliha wasal f’tali ċirkustanza: “Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda” (Ġw10, 30). Ir-rakkont evanġeliku jkompli hekk: “Il-Lhud qabdu mill-ġdid xi ġebel biex iħaġġruh. Ġesù weġibhom: “Urejtkom bosta opri tajba minn naħa ta’ Missieri; għal-liema minnhom tridu tħaġġruni?” Weġbuh il-Lhud: “Maħniex se nħaġġruk għal opra tajba imma għad-dagħa u għaliex int li int bniedem, qed tagħmel lilek innifsek Alla”” (Ġw 10, 31-33).
  2. L-istess kienet ir-reazzjoni għal dan il-kliem l-ieħor ta’ Ġesù: “Qabel ma Abraham kien, jiena Jien” (Ġw8, 58). Ukoll Ġesù jsib ruħu quddiem mistoqsija u akkuża identika: “Min tippretendi li int?” (Ġw8, 53), u t-tweġiba għal tali domanda kellha bħala konsegwenza t-theddida tat-tħaġġir (Ġw 8, 59).

Huwa mela ċar li, alavolja Ġesù jitkellem dwaru nnifsu bħala “bin il-bniedem”, madankollu dak kollu li kien jagħmel u jgħallem kien jixhed li hu kien l-Iben ta’ Alla fis-sens letterali tal-kelma: li jiġifieri kien mal-Missier ħaġa waħda u allura: bħall-Missier, hekk ukoll hu kien Alla. Mill-kontenut uniku ta’ tali xhieda huwa prova kemm il-fatt li hu kien ingħaraf u milqugħ minn diversi: “ħafna emmnu fih”: (cf. per eżempju Ġw 8, 30); kif ukoll, iktar, il-fatt li sab f’oħrajn oppożizzjoni radikali, anzi l-akkuża ta’ dagħa bid-dispożizzjoni li jagħtuh il-piena prevista għad-midgħejin mil-Liġi tat-Testment il-Qadim.

  1. Fost l-affermazzjonijiet ta’ Kristu relattivi għal dan l-argument, sinifikattiva b’mod partikolari tidher l-espressjoni: “Jiena jien”. Il-kuntest li fih din tiġi ppronunzjata jindika li Ġesù jfakkar hawn it-tweġiba mogħtija lil Mosè minn Alla stess, meta ssirlu d-domanda dwar ismu: “Jien jien dak li jien . . . Mur għid lill-Iżraeliti: “Jiena jien bagħatni għandkom” (Es3, 14). Issa, Kristu jinqeda bl-istess espressjoni “Jiena jien:” imma mhux dak biss. Hekk, per eżempju: “Jekk . . . ma temmnux li Jiena jien, tmutu fi dnubietkom” f’kuntesti tassew sinifikattivi. Dak li tkellimna dwaru li jikkonċerna lil Abraham; “Qabel ma Abraham kien, “Jiena jien”: (Ġw8, 24). U mill-ġdid: “Meta tkunu għollejtu lil bin il-bniedem, allura ssiru tafu li Jiena Jien” (Ġw8, 28), u iktar: “Ngħidilkom minn issa, qabel ma jseħħ, għaliex meta jkun seħħ temmnu li “Jiena Jien” (Gv 13, 19).

Din il-“Jiena Jien” tinsab ukoll f’postijiet oħra, preżenti fil-Vanġeli sinottiċi (per eżempju Mt 28,20; Lq 24, 39); imma fl-affermazzjonijiet ikkwotati hawn fuq l-użu tal-isem Alla, propju fil-Ktieb tal-Esodu, jidher ċar u qawwi b’mod partikolari. Kristu jitkellem dwar “l-elevazzjoni” paskwali tiegħu permezz tas-salib u l-qawmien mill-imwiet suċċessiv: “Allura tkunu tafu li Jiena Jien”. Li jfisser: allura jirriżulta pjenament li jiena dak li jixraqlu l-isem ta’ Alla. B’tali espressjoni għalhekk Ġesù jindika li huwa l-veru Alla. U mill-ġdid qabel il-passjoni huwa jitlob lill-Missier hekk: “Ħwejġi kollha huma tiegħek u ħwejġek kollha huma tiegħi” (Ġw 17, 10) li huwa mod ieħor biex isostni: “Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda” (Ġw 10, 30).

Quddiem Kristu, Verb ta’ Alla inkarnat, ningħaqdu wkoll aħna ma’ Pietru u ntennu bl-istess trasport ta’ fidi: “Inti l-Kristu, l-Iben ta’ Alla l-ħaj” (Mt 16, 16)