Ġesù jeħlisna biex infitxu lil Alla fil-verità


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – Castel Gandolfo – L-Erbgħa, 3 ta’ Awissu 1988

60. Ġesù jeħlisna biex infitxu lil Alla fil-verità

  1. Kristu huwa l-feddej, infatti ġie fid-dinja biex jeħles, bi prezz tas-sagrifiċċju paskwali tiegħu, lill-bniedem mill-jasar tad-dnub. Dan rajnieh fil-katekeżi preċedenti. Jekk il-kunċett ta’ “ħelsien” jagħmel referenza minn banda għall-ħażen, meħlusin minn liema nsibu “l-fidwa”, mill-banda l-oħra jagħmel referenza għat-tajjeb, għal-liema konsegwentement ġejna meħlusin minn Kristu, feddej tal-bnedmin u tad-dinja bil-bniedem u fil-bniedem. “Għarfu l-verità u l-verità teħliskom” (Ġw8, 32). Dan il-kliem ta’ Ġesù jippreċiża b’mod konċiż it-tajjeb li għalih il-bniedem inħeles bl-opra tal-Vanġelu fil-qasam tal-fidwa ta’ Kristu. Din hija l-libertà fil-verità. Din tikkostitwixxi it-tajjeb essenzjali tal-fidwa, imwettqa minn Kristu. Permezz ta’ dan it-tajjeb is-saltna ta’ Alla tassew “hija fil-qrib” tal-bniedem u tal-istorja terrena tiegħu.
  2. Il-ħelsien feddej li Kristu jwettaq fir-rigward tal-bniedem fih ġewwa fih, sa ċertu sens,, iż-żewġ dimensjonijiet: ħelsien “mill”-(ħażen) u ħelsien “għat”- (tajjeb), li magħqudin b’mod intimu, jikkondizzjonaw u jintegraw ruħhom b’mod reċiproku.

Waqt li mill-ġdid induru fuq il-ħażen li minnu Kristu ħeles lill-bniedem – jiġifieri l-ħażen tad-dnub – hemm bżonn li nżidu li permezz tas-“sinjali” straordinarji tal-qawwa tiegħu feddejja (jiġifieri l-mirakli), minnu mwettqa bil-fejqan tal-morda mid-diversi mardiet tagħhom, huwa kien dejjem jindika. Talinqas b’mod indirett, dan il-ħelsien essenzjali, li huwa l-ħelsien mid-dnub, il-maħfra tiegħu. Dan jidher ċar fil-fejqan tal-paralitiku, li lilu Ġesù l-ewwel qallu: “Dnubietek maħfura”, u biss wara: “Qum, aqbad friexek u mur lejn darek” (Mk 2, 5. 11). Waqt li wettaq dan il-miraklu Ġesù ndirizza lil dawk li kienu jdawruh (b’mod speċjali lil dawk li kienu jakkużawh b’dagħwa, minħabba li Alla biss jistà jaħfer id-dnubiet): “Sabiex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa fuq l-art li jaħfer id-dnubiet” (Mk 2, 10).

  1. Fl-Atti tal-Appostli naqraw li Ġesù “għadda jbierek u jfejjaq lil dawk kollha li kienu jinsabu taħt il-poter tax-xitan, għaliex Alla kien miegħu” (At10, 38). Infatti jidher mill-Vanġeli li Ġesù kien ifejjaq lill-morda minn bosta mard (bħal per eżempju dik il-mara mgħawġa li “ma setgħet tiddritta bl-ebda mod” [cf.Lq 13, 10-16]). Meta kien iseħħlu “jkeċċi l-ispirti ħżiena”, jekk kienu jakkużawh li jagħmel dan bl-għajnuna tal-malizzjuż, huwa kien iweġibhom waqt li jurihom in-nuqqas ta’ sens ta’ tali nsinwazzjoni u kien jgħid: “Imma jekk jien inkeċċi x-xjaten bis-saħħa tal-Ispirtu ta’ Alla, allura bla ebda dubju ta’ xejn waslet fostkom is-saltna ta’ Alla” (Mt 12, 28; cf. Lq 11, 20). Bil-ħelsien tal-bedmin mill-ħażen tad-dnub, Ġesù  jesponi lil dak li huwa “missier id-dnub”. Propju minnu, mill-ispirtu  ħażin, jibda “l-jasar tad-dnub” li fih jinsabu l-bnedmin. “Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidlek: min jagħmel id-dnub huwa lsir tad-dnub. Issa l-ilsir ma jibqax għal dejjem fid-dar, imma l-iben jibqà dejjem; jekk mela l-Iben jagħmilkom ħielsa, intom tkunu ħielsa tassew” (Ġw 8, 34-36).
  2. Quddiem din l-oppożizzjoni tas-semmiegħa tiegħu, Ġesù jżid: “ . . . Mingħand Alla ħriġt u ġejt; ma ġejtx minn jeddi, iżda hu bagħatni. Għaliex ma tridux tifhmu l-lingwaġġ tiegħi? Għaliex ma tridux tagħtu widen lil kliemi, intom li għandkom bħala missier lix-xitan, u tridu twettqu x-xewqat ta’ missierkom. Huwa kien qattiel sa mill-bidu u ma pperseverax fil-verità għaliex mhemmx verità fih. Meta jgħid il-falz, jitkellem kif jaf, għaliex huwa giddieb u missier il-gidba” (Ġw8, 42-44). Huwa diffiċli ssib test li fih il-ħażen tad-dnub huwa muri b’mod hekk qawwi fl-gherq tiegħu ta’ falsità dijabolika.
  3. Nerġgħu nisimgħu għal darb’oħra l-kliem ta’ Ġesù: “Jekk mela l-Iben jagħmilkom ħielsa, tkunu tassew ħielsa” (Ġw8, 36). “Jekk tibqgħu fidili għal kelmti, tkunu tassew dixxipli tiegħi; għarfu l-verità u l-verità teħliskom” (Ġw8, 31-32). Ġesù Kristu ġie biex jeħles lill-bniedem mill-ħażen tad-dnub. Dan il-ħażen fundamentali għandu l-bidu tiegħu f’”missier il-gidba” (kif diġa jidher fil-ktieb tal-Ġenesi) (cf. Ġen 3, 4). Minħabba dan il-ħelsien mill-ħażen tad-dnub, imwettaq sal-għeruq tiegħu stess, irid ikun il-ħelsien lejn il-verità u permezz tal-verità. Huwa nnifsu huwa “l-verità” (Gv 14, 6). Din il-verità ġġib magħha l-vera libertà. Din hija l-libertà mid-dnub u mill-gidba. Dawk li kienu “lsiera tad-dnub” billi kienu jinsabu taħt l-influss ta’ “missier il-gidba”, jiġu meħlusin permezz tal-parteċipazzjoni fil-verità, li hija l-Kristu – u fil-libertà tal-Iben ta’ Alla huma stess jilħqu “il-libertà ta’ wlied Alla” (cf. Rm 8, 21). San Pawl jistà jassikura : “Il-liġi tal-Ispirtu li jagħti l-ħajja fi Kristu Ġesù ħelsek mil-liġi tad-dnub u tal-mewt” (Rm 8, 2).
  4. Fl-istess ittra lir-Rumani l-Appostlu jippreżenta b’mod elokwenti d-dekadenza umana, li d-dnub iġib miegħu. Waqt li ħares lejn il-ħażen morali ta’ żmenijietu, jikteb li l-bnedmin billi kienu nsew lil Alla, “tilfu rashom fir-raġunar tagħhom u ddalmilhom moħħhom imdallam” (Rm1, 21). “Bidlu l-verità ta’ Alla mal-gidba u qiemu u aduraw il-ħlejqa minflok il-Ħallieq” (Rm 1, 25). “U billi ddisprezzaw l-għarfien ta’ Alla, Alla telaqhom taħt il-kontroll ta’ ntellinġenza  perversa,  u għalhekk jikkummentaw dak li mhux dehen” (Rm 1, 28).
  5. F’passi oħrajn tal-ittra l-Appostlu jgħaddi mid-deskrizzjoni esterna għall-analiżi tal-intern uman, fejn jikkumbattu beniethom it-tajjeb u l-ħażin. “Jien ma jirnexxilix nifhem linqas dak li nagħmel: infatti mhux dak li rrid jien nagħmel, imma dak li nobgħod. Issa, jekk nagħmel dak li marridx, jiena nagħraf li l-liġi hija tajba; mela miniex iktar jien li nagħmlu imma d-dnub li jgħammar fija” (Rm7, 15-17). “Fil-membri ta’ ġismi nara liġi oħra, li tqanqal gwerra lil-liġi ta’ moħħi u tirrendini lsir tal-liġi tad-dnub . . .”. “Jien wieħed żvinturat! Min se jeħlisni minn dan il-ġisem ivvutat għall-mewt? Ikun imfaħħar Alla permezz ta’ Ġesù Kristu Sidna!” (Rm 7, 23-25). Minn din l-analiżi pawlina jirriżulta li d-dnub jikkostitwixxi aljenazzjoni profonda; f’ċertu sens “jirrendi barrani” l-bniedem għalih innifsu fil-“jien” intimu tiegħu. Il-ħelsien jiġi bil-“grazzja u l-verità” (cf. Gv 1, 17) miġjuba minn Kristu.
  6. Jidher ċar f’hiex jikkonsisti l-ħelsien imwettaq minn Kristu: lejn liema libertà huwa rrendiena liberi. Il-ħelsien imwettaq minn Kristu jiddistingwi ruħu minn dik l-istennija tan-nies ta’ żmienu f’Iżrael. Infatti mill-ġdid qabel ma mar b’mod definittiv għand il-Missier, Kristu ġie nterrogat minn dawk li kienu l-iktar intimi tiegħu: “Mulej huwa dan iż-żmien li fih se terġà twaqqaf is-saltna ta’ Iżrael?” (At1, 6). U allura wkoll f’dak il-waqt – wara l-esperjenza tal-ġrajjiet paskwali – huma kienu għadhom jaħsbu għall-ħelsien f’sens politiku: taħt dan l-aspett kien mistenni l-Messija, dixxendent ta’ David.
  7. Imma l-ħelsien imwettaq minn Kristu bil-prezz tal-passjoni u l-mewt fuq is-salib tiegħu, għandu sinifikat differenti: dan huwa l-ħelsien min dak li fl-iktar profond tal-bniedem ifixkel ir-rapport ma’ Alla. F’dak il-livell id-dnub ifisser jasar; u Kristu rebaħ id-dnub biex mill-ġdid fil-bniedem idaħħal il-grazzja tal-filjolanza divina, il-grazzja liberatriċi. “U intom ma rċivejtux spirtu ta’ lsiera, imma rċivejtu spirtu ta’ wlied adottivi permezz ta’ liema ngħajtu: «Abbà, Missier!»” (Rm8, 15).

Tali ħelsien spiritwali, jiġifieri “il-libertà fl-Ispirtu Santu”, huwa mela l-frott tal-missjoni feddejja ta’ Kristu: “Fejn hemm l-Ispirtu tal-Mulej hemm hemm il-libertà” (2 Kor 3, 17). F’dan is-sens konna “msejħin għal-libertà” (Gal 5, 13) fi Kristu u permezz ta’ Kristu. “Il-fidi li topera permez tal-karità” (Gal 5, 6) hija l-espressjoni ta’ din il-libertà.

  1. Dan huwa l-ħelsien tal-bniedem intern, tal-“libertà tal-qalb”. Il-ħelsien f’sens soċjali u politiku mhuwiex il-vera opra messjanika ta’ Kristu. Mill-banda l-oħra hemm bżonn nosservaw li mingħajr il-ħelsien minnu mwettaq, mingħajr il-ħelsien tal-bniedem mid-dnub, u allura minn kull tip ta’ egoiżmu, ma jistà jitwettaq l-ebda ħelsien rejali fis-sens soċjo-politiku. Ebda bidla purament esterna tal-istruttura ma twassal għal ħelsien tassew tas-soċjetà, sakemm il-bniedem huwa sottomess għad-dnub u għall-gidba, sakemm jiddominaw l-passjonijiet, u magħhom l-isfruttament u d-diversi forom ta’ oppressjoni.
  2. Ukoll dak li jistà jissejjaħ ħelsien f’sens psikoloġiku ma jistax jitwettaq għal kollox, jekk mhux bil-qawwiet liberatriċi li jiġu minn Kristu. Dan jagħmel parti mill-opra ta’ fidwa tiegħu. Il-Kristu biss huwa “l-paċi tagħna” (Ef2, 14). Il-grazzja tiegħu u mħabbtu jeħilsu lill-bniedem mill-biżà eżistenzjali quddiem in-nuqqas ta’ sens tal-ħajja u minn dak it-turment tal-kuxjenza li huwa l-wirt tal-bniedem mwaqqà fil-jasar tad-dnub.
  3. Il-ħelsien imwettaq minn Kristu bil-verità tal-Vanġelu tiegħu u b’mod definittiv bil-vanġelu ta’ salibu u l-qawmien mill-imwiet tiegħu, waqt li jikkonservaw il-karattru tiegħu speċjalment spiritwali u “intern”, jistà jestendi ruħu fuq raġġ ta’ azzjoni universali, u huwa ddestinat għall-bnedmin kollha. Il-kliem “bil-grazzja intom ilkoll salvati” (Ef2, 5) jirrigwarda lil kulħadd. Fl-istess ħin, iżda, dan il-ħelsien, li huwa “grazzja”, jiġifieri rigal, ma jistax jitwettaq mingħajr il-parteċipazzjoni tal-bniedem. Il-bniedem irid jilqgħu b’fidi, tama u karità. Irid “jistenna l-fidwa tiegħu b’biżà u trigħid” (cf.Fil 2, 12). “Infatti huwa Alla li jqanqal fina ix-xewqa u t-twettiq skont il-pjani  twajba tiegħu” (Fil 2, 13). Konxji b’dan ir-rigal soprannaturali, aħna stess hemm bżonn li nikkollabboraw mal-qawwa liberatriċi ta’ Alla, li bis-sagrifiċċju feddej ta’ Kristu daħlet fid-dinja bħala sors etern ta’ fidwa.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb