Quddiesa u Rużarju mill-Kurja tal-Arċisqof – 14 ta’ Awwissu


Il-Ġimgħa, 14 ta’ Awwissu 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fit-Tifkira San Massimiljanu Marija Kolbe fil-Kurja tal-Arċisqof …

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Martri tal-imħabba

Massimiljanu Maria Kolbe, saċerdot mill-Polonja, Franġiskan Konventwali, miet bħal-lum 79 sena ilu, fil-kamp ta’ konċentrament tan-Nażi f’Auschwitz. Baqa’ magħruf speċjalment għax offra li jmut hu minflok wieħed mill-priġunieri.

L-istorja tal-mewt tiegħu hi tassew kommoventi. Kien hemm wieħed mill-priġunieri li ħarab mill-blokk fejn kien hu, u kien hemm liġi kiefra fil-kamp tal-konċentrament li jekk jaħrab wieħed, joqtlu għaxra. Għalhekk ġabru dawn l-għaxra min-nies. Fosthom kien hemm wieħed li kif għajtulu, beda jgħid: “Għażiża marti, miniex se narak iżjed! Għeżież uliedi, insellmilkom għall-aħħar darba.” U Patri Kolbe sema’ lil dan, ħareġ mil-linja tiegħu, mar fuq il-kmandant u qallu: “Jiena saċerdot Kattoliku irrid immut flok dak, għax dak għandu l-mara u t-tfal.” Kien proprju l-akbar att ta’ mħabba.

Lil Patri Kolbe mbagħad ġabruh flimkien mad-disa’ l-oħra, poġġewhom f’post biex imutu bil-ġuħ u bil-għatx. Imma minn dal-post, kif għaddew il-ġranet, bdew jisimgħu kant u talb. Patri Kolbe rnexxielu jibdel din iċ-ċella tal-infern f’kappella. Kien l-aħħar wieħed li miet, u għax dam ma miet, tawh injezzjoni bil-velenu. Lil dak li tah l-injezzjoni, Kolbe qallu: Int ma fhimt xejn mill-ħajja. Il-mibegħda ma tiswa għal xejn…hi l-imħabba biss li toħloq. Miet bil-kliem tal-“Ave Maria” proprju lejlet il-Festa tal-Assunta.

Patri Kolbe hu eżempju ta’ kif tgħix l-imħabba li semma Ġesù. Anzi litteralment għex il-kliem ta’ Ġesù: Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal min iħobb. Fil-fatt, Papa Ġwanni Pawlu II meta fl-1982 iddikjarah qaddis, sejjaħlu “martri tal-imħabba”. F’dik iċ-ċerimonja kien hemm preżenti dak ir-raġel li minfloku kien miet Patri Massimiljanu Marija Kolbe. Hija din l-imħabba sal-aħħar li wera Patri Kolbe. Seta’ jagħmilha għax ħajtu kollha għexha b’dal-mod. Għexha bħala għotja ta’ mħabba, kemm meta kien il-Polonja, kemm meta kien missjunarju l-Ġappun, dejjem għex b’dan l-ispirtu biex ixerred il-kelma ta’ Alla.

Kien devot kbir tal-Madonna, xerred l-imħabba lejn l-Immakulata Kunċizzjoni. Fil-fatt waqqaf l-għaqda bl-isem ‘Milizja tal-Immakulata’. U anke ma’ ismu kien żied l-isem ‘Marija’ meta għamel il-professjoni solenni. Kien iħobb jgħid: “Min għandu lill-Madonna bħala ommu, għandu lil Ġesù bħala ħuh”.

X’jgħallimna Patri Massimiljanu Maria Kolbe? Ħafna affarijiet, bil-kuraġġ li wera. Imma l-iktar li jgħallimna hu kif ngħixu tassew l-iktar ħaġa essenzjali fil-fidi tagħna: l-imħabba li tfisser għotja – li tingħata. Hu għamilha sal-punt tal-mewt, għalhekk “martri tal-imħabba”. Imma aħna msejħin biex ħajjitna ngħixuha hekk, b’dan l-ispirtu li għallimna hu. Għalhekk ħa jkun ta’ ispirazzjoni għalina ħalli ngħixu b’ħafna mħabba, skont is-sejħa li jagħmlilna Alla. Imħabba li ma tfittixx lilha nnifisha imma li tingħata kif għallimna u wriena Ġesù sal-punt tal-mewt meta narawh fuq is-salib: Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal min iħobb.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju