Il-Kunsilji Evanġeliċi skont it-tagħlim tal-Knisja (4)


Kristu l-Mulej u Ommu il-Verġni Marija ħaddnu kastità perfetta

Reliġjuż qed jieħu l-voti tiegħu

Il-Lumen Gentium 46, 2 tgħid “Infatti l-kunsilli evanġeliċi, mħaddnin volontarjament skond is-sejħa personali ta’ kull wieħed, jgħinu mhux ftit biex ir-ruħ titnaddaf u tinħeles iżjed, ikabbru il-ħin kollu l-ħeġġa tal-karità u jiswew b’ mod speċjali biex in-nisrani jagħżel dik il-forma ta’ ħajja ta’ faqar u ta’ verġinità li għażel għaliħ innifsu Kristu l-Mulej u li ħaddnet Ommu il-Verġni Marija, u b’ hekk isir jixbahom”. L-istess konċilju jafferma li l-kunsill tal-verġinitaà jisboq lill-dawk li jkabbru u jesprimu l-qdusija tal-Knisja “Fost il-kunsilli għandu post importanti d-don għażiż tal-Grazzja divina li l-Missier jagħti lil xi wħud biex jingħataw b’ anqas xkiel lill- Alla waħdu b’ qalb mogħtija lilu biss fil-verġinita’ jew fiċ-ċelibat. Din il-kontinenza perfetta minħabba s-saltna tas-smewwiet dejjem inżammet f’ qima kbira mill-knisja, bħala sinjal u stimolu ta’ karita’, u dejjem kienet għajn spiritwali kbira ta’ ġid kotran għad-dinja” u għalhekk il-knisja tħarsu u tiddefendih minn kull ħsara. Jidher ċar ħafna li mill-kunsilli evanġeliċi kollha, l-kastita’ perfetta għandha iżjed attenzjoni mill-konċilju u mid-dokumenti post konċiljari. Dak li jingħad għaċ-ċelebat saċerdotali jiswa wkoll għar-reliġjużi. Tajjeb li nsemmgħu xi eżortazzjonijiet u ittri tal-Papiet fosthom is- Sacra Virġinitas ta’ Piju XII tal-25 ta’ Marzu 1954; Sacerdotalis Coelibatus tal- Papa San Pawlu VI li ħarġet fl-24 ta’ Ġunju 1967; l-ortazzjoni Apostolika tad- 29 ta’ Ġunju 1971 n. 13-17; l-Ittra lis-Saċerdoti tal Papa San Ġwanni Pawlu II tat-8 ta’ April 1979, kif ukoll għadd ta’ diskorsi tiegħu.

Is-Sinodu tal-isqfijiet li sar f’ Ottubru tas-sena 1971, permezz tad-dokument “Is-Saċerdozju Ministerjali” ġab iktar il-quddiem it-tifsir taċ-ċelibat.

In-natura tal-Kastità.

Ħafna, huma it-termini biex infissru l-kunsill evanġeliku kastita’; celibat; kastita’ perfetta; verġinita’; kontinenza u ħafna ismijiet oħra. Iżda t-terminu l-iżjed komuni li jużaw ir-reliġjużi huwa kastita’. Dan it-titlu jaqbel ma’ l-użu sa issa, jiġifieri skond id-drittu kanoniku. F’kull kaz huwa neċessarju li tkun ċar li l-kastita’ proprja tar-reliġjużi timpenja għaċ-ċelibat u għall-prattika tal-kontinenza perfetta, jew tal-kastita’ mitluba miċ-ċelibat. Id-digriet Optatam Totius jippreżenta ċ- ċelibat saċerdotali bħala stat li fih “jiċħdu għall-għaqda taż-żwieġ minħabba fis-Saltna tas-Smewwiet, il-kjeriċi għandhom jagħrfu kif imiss id-dmirijiet u d-dinjita’ taż-żwieġ nisrani li hu sinjal tal-imħabba bejn Kristu u l-knisja; imma għandhom jifhmu wkoll illi l-verġinita’ kkonsagrata lil Kristu hija ogħla, b’mod illi b’ għażla għal kollox ħielsa, magħmula bil-ħsieb u b’ qalb kbira, jagħtu rwiehhom lill- Mulej b’ għotja sħiha tar-ruħ u l-ġisem”. Il-Kodiċi tad-drittu kanoniku fin-numru 599 jafferma li l-kunsill evanġeliku tal-kastita’ meħud minħabba s-saltna tas- smewwiet, sinjal tad-dinja futura, għajn mill-iżjed abbundanti, iġib l-obbligu tal- kontinenza perfetta fiċ-ċelibat. Mela jeħtieġ il-kastita’ u l-kontinenza perfetta minn persuna li riedet minn rajha li tgħix iċ-ċelibat. Madwar dawn il-punti bażali, jingħaqdu elementi u sinjali oħra li jsaħħu u jgħanu l-kontenut pożittiv tal-kastita’ u jpoġġu iżjed fid-deher id-don fih innifsu li ċ-ċaħda għal- żwieġ tidher bħal konsegwenza u l-espressjoni tad-don. Dwar il-kjeriċi il-kanone 277/1, jgħid li huma obbligati għall-kontinenza perpetwa, u perfetta minħabba s-saltna tas-smewwiet. L- oġġett tal-kunsill mhuwiex biss iċ-ċaħda għall-attivita’ jew l-użu tal-funzjoni u tal-pjaċir sesswali, iżda wkoll ċaħda, għal dak kollu li hu marbut mal-formazzjoni tal-familja, il-ferħ u l-ħlas ta’ mħabba umana murija bejn il-koppji, is-sodisfazzjon tal-paternita’ u tal-maternita’. Iżda fuq kollox din iċ-ċaħda hija biss dak li huma minn barra jew il-konsegwenza tal-kastita’ mħaddna għall-imħabba tas-saltna tas-sema. Il-motiv veru u profond huwa l-għażla ta’ relazzjoni mill-iżjed intima u mitmuma tal- misteru ta’ Kristu u tal-knisja, bħala vantaġ għall-umanita’ kollha. Hemm vera mħabba f’ din il-għotja totali, u hemm hemm ħbiberija fit-tmiem, magħmula mill-intimita’ u mill-assimilazzjoni għall-Kristu, għarus u ħabib. Bħal kull għażla l-kastita’ ġġib ċahda.

Il-Vot tal-Kastità

Għall-prattika tal-kunsill tal-kastita’ perfetta, ir-reliġjuż jintrabat b’ vot, biex hekk isaħħah id-doveri tal-kastita’ bil-qawwa konsagratorja tal-virtu’ tar-reliġjon. Il-kastita’ perfetta fiha nfisha mħix l-istess għall-vot tal-kastita’. Il-vot tal- kastita’ jimpenja għaċ-ċelibat u għall-kontinenza sħiħa, jiġifieri li wieħed jastjeni minn kull att kemm estern kif ukoll intern li jkun kuntrarju għas-sitt u d-disa kmandament u dan bħala, espressjoni ta’ mħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu. Piju XII jafferma fis-Sacra Virginitas li Kristu għamel paragun bejn dawk li minn rajhom jiċċaħdu mill-pjaċiri tal-ġisem u dawk li huma, mġiegħlin jiċċaħdu minn natura jew mill- vjolenza umana.Il-feddej divin mgħallimniex li l-kastita’ trid tkun perpetwa sabiex tkun verament perfetta. Il-vot reliġjuz pubbliku u perpetwu tal-kastità huwa impediment dirimenti għaż-żwieġ. In-nota karatteristika tal-kunsill jew vot tal-kastita’ hija mogħtija minn motiv sopranaturali minħabba s-saltna tas-smewwiet; biex tingħata kollok kemm int lil-Alla. Is-saltna t’ Alla, għalkemm bdiet f’ din id-dinja għandha, dimensjoni li titraxxendi l-limiti taż-żmien, tilhaq il-milja tagħha fis-sema fejn m’ hemmx minn iżewweġ jew jiżżewweġ u fejn l-imħabba umana tkun sublimi. Il-kastita’ perfetta hija s-sinjal ta’ din id-dimensjoni eskatoloġika, tas-saltna t’ Alla. Din taħdem dak ix-xogħol li lejh ġħandha tkun indirizzata l-imħabba umana. Il-prospettiva ta’ l-imħabba t’Alla tagħti sens kbir lill-kastita’, reliġjuza wkoll bhala dik li issaħħaħ l-imħabba umana lejn il-proxxmu. Id-disponibilta’ għall-proxmu hija, konsegwenza tal -għotja sħiha li r-reliġjuz jagħmel lill-Alla. Fl-għażla tal-kastita ma jidħlux motivi ta’ egoiżmu, ta’ biża għar-responsabilta’, jew ta’ stmerrija għall-istat ta’ żwieġ. Il-verġinita’ hija għażla pożittiva ta’ valur għażiż li wieħed jew waħda jkunu biss tal – Mulej. Għall-għażla preferita minn naħa t’ Alla, li jrid jżomm għalih persuna, ir- reliġjuż jagħti tweġiba hielsa, frott ta’ att ta’ mħabba preferita u ta’ kisba li ma tispiċċa qatt.

Wara li tkellimna dwar il- voti li r-reliġjużi jagħmlu, ejjew nitolbu għalihom biex jkunu kapaċi jgħixu dawn il- voti sal- mewt.

Minn Patri Hermann Duncan O.Carm