Il-Velja tal-Għid tal-Assunta fis-Santwarju Ta’ Pinu


Il-Ġimgħa, 14 ta’ Awwissu 2020: Il-Velja tal-Għid tal-Assunta fis-Santwarju Ta’ Pinu, l-Għarb, Għawdex, immexxija mill-Isqof-maħtur Anton Teuma u l-Isqof Mario Grech. Tinkludi t-Talba ta’ Affidament li għamel l-Isqof Anton Teuma u l-omelija tal-Isqof Mario Grech.

TALBA TA’ AFFIDAMENT LIL OMMNA MARIJA TA’ PINU

Ommna Marija Ta’ Pinu, f’dan il-mument partikolari tal-istorja tad-dinja, aħna nersqu lejk, bħal ulied dgħajfa, imbeżżgħa u fil-bżonn.

Ommna Marija Ta’ Pinu, fl-istess waqt aħna nersqu lejk mimlija bit-tama u bil-fiduċja li Malta u Għawdex tagħna kellhom dejjem fik.

Ommna Marija Ta’ Pinu, aħna ċerti mill-għajnuna tiegħek, għax int stess ġejt iżżurna, biex tkun qribna, u sejjaħtilna “Ejja”, biex inkunu qribek u nżommuk f’nofsna u fl-istorja tal-ħajja tagħna.

Ommna Marija Ta’ Pinu, b’dan il-biża’ u l-fiduċja, fil-lejla li fiha Ibnek qasam miegħek ir-rebħa tiegħu fuq il-mewt, jien nersaq lejk biex inpoġġi f’riġlejk l-Insara tad-Djoċesi ta’ din il-gżira Għawdxija.

Ommna Marija Ta’ Pinu, Sultana tal-familja, idħol għalina quddiem Ibnek Ġesù. Żomm taħt ħarstek ħanina l-familji tagħna. Agħti dawl u saħħa tal-moħħ, tal-qalb u tal-ġisem lill-miżżewġin kollha. Kun ma’ dawk li għandhom ulied żgħar biex jagħrfu jagħtuhom dak li hu l-aktar meħtieġ, jiġifieri l-imħabba tagħhom u ta’ Ibnek il-għażiż. Għallimhom ma jbiddlux il-flus u l-ġid mal-ġid ta’ veru – il-preżenza u l-kumpanija tagħhom fil-preżenza ta’ wliedhom.

Ommna Marija Ta’ Pinu, tfajla tat-Tempju, idħol għalina quddiem Ibnek Ġesù. Kun mal-adolexxenti tagħna. U fiż-żmien delikat tal-iskoperta, agħtihom edukaturi u katekisti mħejjija, li jgħinuhom jiskopru dak li hu l-aktar sabiħ, l-aktar affaxxinanti, l-aktar veru, fil-persuna ta’ Ibnek Ġesù.

Ommna Marija Ta’ Pinu, żagħżugħa umli u ferħana, idħol għalina quddiem Ibnek Ġesù. Imla liż-żgħażagħ tagħna bil-konvinzjoni li huma importanti, li għandhom dinjità kbira f’għajnejn l-oħrajn u f’għajnejn Alla. Urihom li l-ferħ mhux ħolma. Urihom li l-ferħ hu wisq aktar mid-dellirju ta’ ftit ħin tad-droga, il-ferħ hu wisq aktar mix-xengil u mit-tidwir tar-ras tal-alkoħol. Ikkonvinċihom li l-ferħ huwa possibbli, minkejja d-diffikultajiet kollha tagħhom.

Ommna Marija Ta’ Pinu, Għarusa ta’ Ġużeppi, idħol għalina quddiem Ibnek Ġesù. Imla lill-għarajjes tagħna bil-fiduċja huma u jħejju ruħhom għaż-żwieġ Nisrani. Ipprovdilhom koppji għalliema li jkunu xhieda u li jimlewhom bil-kuraġġ għall-ġejjien. Serrħilhom rashom li bl-impenn tat-tnejn u bil-preżenza ta’ Ibnek, relazzjoni dejjiema mhix biss possibbli, imma l-ogħla, l-isbaħ, l-aktar li tixraq lill-bnedmin.

Ommna Marija Ta’ Pinu, Omm u Xebba, idħol għalina quddiem Ibnek Ġesù. F’riġlejk inpoġġu l-uġigħ tal-familji bi problemi. Qanqal fihom ix-xewqa tal-bidla, agħtihom il-kuraġġ tal-maħfra, ħeġġiġhom bl-imħabba li kellhom fil-bidu. U lil dawk li ma jistgħux ikomplu flimkien, agħtihom l-umiltà li jinfirdu fil-paċi, għall-ġid tagħhom u ta’ wliedhom. Kun omm għal dawk l-ulied li waqt it-taqlib tal-firda tal-ġenituri tagħhom, iħossuhom ħatja, abbandunati u mitfugħa ’l hawn u ’l hemm.

Ommna Marija Ta’ Pinu, Saħħa tal-morda, Faraġ tal-imnikktin, idħol għalina quddiem Ibnek Ġesù. Int li ħdejk niġu nxerrdu d-dmugħ tal-uġigħ tal-qalb u tal-ġisem, kun il-fejqan tagħna. Agħti l-fejqan lil uliedek il-morda u l-batuti. Agħti l-qawwa tat-tama lil dawk li Ibnek isejjaħ biex jingħaqdu miegħu fil-misteru tas-salib. Qawwi lil dawk li għandhom qalbhom mifnija. Ċarrat u kabbar il-qalb ta’ dawk li jgħixu magħhom u jduru bihom.

Ommna Marija Ta’ Pinu, Maħruba fl-Eġittu, idħol għalina quddiem Ibnek Ġesù. Kun il-Kewkba tal-baħar għal dawk li jaħarbu minn pajjiżhom minħabba l-gwerra, jew biex ifittxu ġejjieni dinjituż, għalihom u għal uliedhom. Eħlishom mit-tbatija tat-tortura u mill-mewt tal-għarqa. Iftħilna qalbna, biex fil-limiti tal-possibbiltajiet tagħna niftħu qalbna u b’ġenerożità nilqgħuhom fostna.

Ommna Marija Ta’ Pinu, Omm is-Saċerdoti, Qaddejja tal-Kelma, idħol għalina quddiem Ibnek Ġesù. Żomm f’qalbek lil dawk li Ibnek sejjaħ għalih fil-ministeru saċerdotali, fil-ħajja reliġjuża u fl-istituti sekulari. Imliehom bl-ispirtu tas-smigħ u tat-telqa għar-rieda ta’ Alla. Qawwihom fil-mixja tal-vokazzjoni tagħhom u għinhom iwasslu sat-tmiem l-opra qaddisa li Alla beda fihom.

Fl-aħħar nett, Ommna Marija Ta’ Pinu, nitolbuk tkompli tidħol għalina quddiem Ibnek Ġesù, u tkompli timla bid-doni tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba lill-Isqof tagħna Mario, li issa ġie msejjaħ biex jaqdi lill-komunità li temmen, fil-qalba tagħha f’kollaborazzjoni mal-Papa Franġisku f’Ruma. Kun miegħu, u kompli żejnu bl-għerf u bl-ispirtu ta’ dixxerniment għall-ġid tal-Knisja.

Tinsiex ukoll lili, bniedem midneb u dgħajjef. Ommna Marija Ta’ Pinu, nitolbok, agħtini s-sentimenti tiegħek u ta’ Ibnek Ġesù, biex inkun ragħaj umli u mimli mħabba lejn il-merħla, speċjalment lejn dawk li huma l-aktar fil-bżonn. Amen.