Qari tal-Quddies tat-Ħdax-il Ħadd ta’ matul is-Sena “B”


Stampa t-test tal-qari …

Il-Ħdax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

QARI I
Siġra żgħira nkabbarha.
Eżek 17, 22-24

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

Dan jgħid Sidi l-Mulej:
“Jien naqta’ mill-quċċata taċ-ċedru l-għoli,
minn tarf il-friegħi l-għolja, rimja żgħira,
u nxettilha fuq il-muntanja għolja u kbira;
fuq il-muntanja l-għolja ta’ Iżrael inxettilha.
U hi toħroġ il-friegħi, u tagħmel il-frott,
u ssir siġra sabiħa taċ-ċedru.
U taħtha jistkenn kull tajr tal-ġwienaħ,
jistkennu għad-dell tal-friegħi tagħha.
U jagħrfu s-siġar kollha tar-raba’
li jien il-Mulej,
li siġra għolja nċekkinha, u siġra żgħira nkabbarha;
innixxef is-siġra l-ħadra, u n-niexfa bil-weraq inħaddarha.
Jien, il-Mulej, tkellimt, u li għedt nagħmlu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 91 (92), 2-3.13-14.15-16

R/. (2a): Tajjeb li nfaħħru l-Mulej

Tajjeb li nfaħħru l-Mulej,
li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli,
inxandru filgħodu t-tjieba tiegħek,
u billejl il-fedeltà tiegħek. R/.

Il-bniedem ġust bħall-palma jħaddar,
bħal ċedru tal-Libanu jikber.
Imħawlin f’dar il-Mulej,
iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta’ Alla tagħna. R/.

Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu,
kollhom ħajja u ħdura,
biex ixandru li ġust hu l-Mulej, blata tiegħi,
u ebda qerq ma jinsab fih. R/.

QARI II
Infittxu li nogħġbu lill-Mulej, sew jekk nibqgħu hawn, sew jekk noħorġu minn dan il-ġisem.
2 Kor 5, 6-10

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, aħna dejjem qalbna qawwija u nafu li sakemm indumu mlibbsa b’dan il-ġisem, nibqgħu ’l bogħod mill-Mulej – għax aħna ngħixu bil-fidi u mhux bil-viżjoni. Aħna qalbna qawwija u persważi li aħjar noħorġu minn dan il-ġisem u mmorru noqogħdu għand il-Mulej.

Għalhekk fuq kollox aħna nfittxu li nogħġbu lilu, sew jekk nibqgħu hawn, sew jekk noħorġu minn dan il-ġisem. Jeħtieġ li lkoll kemm aħna nidhru quddiem it-tribunal ta’ Kristu, ħalli kulħadd jieħu skont it-tajjeb jew il-ħażin li jkun għamel meta kien għadu ħaj fil-ġisem.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

Hallelujah. R/. Hallelujah
Iż-żerriegħa hi l-kelma ta’ Alla,
min jiżragħha hu Kristu;
min isib lilu jgħix għal dejjem.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Hi l-iċken fost iż-żrieragħ kollha, imma ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha.
Mk 4, 26-34

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-kotra tan-nies: “Is-Saltna ta’ Alla hi bħal meta raġel ikun xeħet iż-żerriegħa fl-art. Rieqed jew imqajjem, billejl jew binhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif. L-art trodd minnha nfisha l-ewwel il-barma, imbagħad is-sbula, imbagħad il-qamħ mimli fis-sbula. U meta l-frott isir, malajr il-bidwi jmidd idu għall-minġel, għax ikun wasal żmien il-ħsad”.

U qal: “Ma’ xiex sejrin inqabbluha s-Saltna ta’ Alla, jew b’liema parabbola nfissruha? Qisha żerriegħa tal-mustarda; din meta tinżara’ fil-ħamrija, hi l-iċken fost iż-żrieragħ kollha fuq l-art; imma wara li tinżara’ tikber u ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha, u toħroġ friegħi wesgħin, hekk li l-għasafar tal-ajru jkunu jistgħu jistkennu għad-dell tagħha”.

B’ħafna parabboli bħal dawn kien ixandrilhom il-kelma, kif kienu jistgħu jifhmuha huma, u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom; imma lid-dixxipli tiegħu, meta kien ikun waħdu magħhom, kien ifissrilhom kollox.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu