Qari tal-Quddies tal-Qalb bla Tebgħa tal-Imqaddsa Verġni Marija. (TO)


Stampa t-test tal-qari …

L-Għaxar Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt

QARI I
Dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina.
2 Kor 5, 14-21

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, l-imħabba ta’ Kristu ġġegħelna naħsbu dan: li wieħed miet għal kulħadd, mela kulħadd miet. Hu miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux għalihom infushom, imma għal dak li miet u rxoxta għalihom.

Għalhekk aħna ma nagħrfu lil ħadd skont il-ġisem. Jekk għarafna lil Kristu skont il-ġisem, issa ma nagħrfuhx aktar hekk. Meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda u daħal il-ġdid. Kollox ġej minn Alla li ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu u tana l-ministeru ta’ din il-ħbiberija tal-bnedmin ma’ Alla. Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu, bla ma qagħad iżomm il-kont ta’ dnubiethom, u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.

Aħna nagħmluha ta’ ambaxxaturi ta’ Kristu bħallikieku Alla stess qiegħed isejjaħ permezz tagħna, nitolbu fuq li nitolbu f’ġieħ Kristu: “Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu”. Dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina sabiex aħna nsiru fih ġustizzja ta’ Alla.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 102 (103), 1-2.3-4.8-9.11-12

R/. (8a): Ħanin u twajjeb il-Mulej

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!
B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.

Hu li jaħfer dnubietek kollha;
ifejjaq il-mard tiegħek kollu;
jifdi lil ħajtek mill-qabar;
iħaddnek bit-tieba u l-ħniena. R/.

Ħanin u twajjeb il-Mulej,
idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.
Ma joqgħodx jitlewwem magħna,
u anqas jinkorla għal dejjem. R/.

Daqskemm huma s-smewwiet ’il fuq mill-art,
hekk hi kbira tjubitu ma’ min jibża’ minnu;
daqs kemm hu mbiegħed il-Lvant mill-Punent,
hekk hu jbiegħed minna ħtijietna. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Salm 118 (119), 36a.29b

Hallelujah. R/. Hallelujah
O Alla, iġbidli qalbi lejn il-preċetti tiegħek;
agħtini fi tjubitek il-liġi tiegħek.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Jiena ngħidilkom biex ma taħilfu xejn.
Mt 5, 33-37

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Smajtu wkoll x’intqal lin-nies ta’ dari: “Tonqosx mill-wegħda li ħlift imma rodd lill-Mulej il-wegħdiet li ħliftlu”. Imma jiena ngħidilkom biex ma taħilfu xejn, u la bis-sema, għax hu t-tron ta’ Alla, u la bl-art, għax fuqha jserraħ riġlejh, u lanqas b’Ġerusalemm, għaliex hija l-Belt tas-Sultan il-kbir. U lanqas b’rasek ma għandek taħlef, għaliex inti anqas biss xagħra waħda ma għandek ħila tagħmilha bajda jew sewda. Mela ħa jkun id-diskors tagħkom: “Iva, iva; le, le”; kulma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu