Qari tal-Quddies tat-Tnax-il Ħadd ta’ matul is-Sena “B”


Stampa t-test tal-qari …

It-Tnax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

QARI I
Ma taqbiżx minn hawn il-qawwa tal-mewġ tiegħek.
Ġob 38, 1.8-11

Qari mill-Ktieb ta’ Ġob

Il-Mulej wieġeb lil Ġob minn ġot-tempesta u qallu:
“Min kien dak li għalaq il-baħar b’bibien,
meta dan b’qawwa ħareġ mill-ġuf,
meta bis-sħab libbistu,
u bid-dlam fisqejtu,
meta t-truf tiegħu qegħedtlu bħal xatbiet,
u bibien li bihom għalaqtu
u għedtlu: ‘Sa hawn biss tasal u mhux aktar,
ma taqbiżx minn hawn il-qawwa ta’ mwieġek’?”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 106 (107), 23-24. 25-26. 28-29. 30-31

R/. (1b): Roddu ħajr lill-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu

Dawk li jbaħħru fuq l-iġfna,
li jinnegozjaw fuq l-ibħra bla tarf,
raw l-opri tal-Mulej
u l-għeġubijiet tiegħu f’qiegħ il-baħar. R/.

Hu ordna u qajjem riefnu,
li qanqal imwieġ il-baħar.
Għolew sas-smewwiet u niżlu sa qiegħ il-baħar;
qalbhom bdiet tferfer bil-biża’. R/.

Għajtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom,
u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.
U bidel ir-riefnu f’żiffa,
u sikket mewġ il-baħar. R/.

Huma ferħu għax ibbnazza;
u hu wassalhom sal-port li xtaqu.
Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu,
għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin. R/.

QARI II
Il-qadim għadda, biex daħal il-ġdid floku.
2 Kor 5, 14-17

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, l-imħabba ta’ Kristu ġġegħelna naħsbu dan: li wieħed miet għal kulħadd, mela kulħadd miet. U miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux għalihom infushom, imma għal dak li miet u rxoxta għalihom.

Għalhekk aħna ma nagħrfu lil ħadd skont il-ġisem. Jekk għarafna lil Kristu skont il-ġisem, issa ma nagħrfuhx aktar hekk. Meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda u daħal il-ġdid.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 7, 16

Hallelujah. R/. Hallelujah
Profeta kbir qam fostna, u
Alla żar il-poplu tiegħu.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Dan min hu, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?
Mk 4, 35-41

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

Darba, filgħaxija, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor”. Ħallew in-nies, u ħaduh magħhom kif kien fid-dgħajsa; u marru miegħu dgħajjes oħra.

U qam riefnu kbir, u l-mewġ beda tiela’ għal ġod-dgħajsa, hekk li kienet ġa bdiet timtela bl-ilma. Hu kien fil-poppa, rieqed fuq imħadda. Qajmuh u qalulu: “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?”.

Imbagħad qam, ordna lir-riħ u qal lill-baħar: “Iskot! Biżżejjed!” U r-riħ waqaf u waqgħet kalma kbira. U qalilhom: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”.

U qabadhom biża’ kbir, u bdew jgħidu lil xulxin: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu