Illum il-Knisja tfakkar lil San Bernard

Print Friendly, PDF & Email

Fl-20 ta’ Awwissu l-Knisja tfakkar lil San Bernard, Abbati u Duttur tal-Knisja li għex bejn is-snin 1090 sa 1153.

San Bernard twieled ħdejn Dijon, Franza, fl-1090, għand familja nobbli u sinjura. Kien it-tielet fost seba’ aħwa, waħda minnhom tifla. Kellu trobbija tajba.

Ta’ dsatax-il sena, Bernard tilef ‘l ommu, u bejn għax impressjona ruħu ħafna bil-mewt tagħha u bejn għax kien imqanqal minn imħabba qawwija lejn Alla, beda jaħseb biex iħalli d-dinja. Fl-1112, daħal maċ-Ċisterċensi fil-monasteru ta’ Citeaux. Fl-istess waqt li daħal hu, daħlu miegħu wieħed u tletin żagħżugħ ieħor, fosthom erbgħa minn ħutu, u ziju. Ftit snin wara, ħuh iż-żgħir ingħaqad miegħu, u wara missieru wkoll.

Meta Bernard kien ilu tliet snin f’Citeaux, l-Abbati, l-Ingliż San Stiefnu Harding, bagħtu ma’ tnax oħra sħabu, fosthom ħutu, biex jiftħu monasteru ieħor; kien il-bidu taċ-ċelebri monasteru ta’ Clairvaux (Wied id-Dawl). Hawn Bernard kellu jkun l-Abbati għal 38 sena, u bil-ħidma u bl-eżempju mexxa tassew tajjeb. Fi żmienu, minn Clairvaux infetħu 165 monasteru mxerrdin mal-Ewropa kollha, 68 minnhom imwaqqfin minnu nnifsu.

Huwa waqqaf ukoll monasteru għas-Sorijiet, u fih daħlet oħtu Humberline li wara hi wkoll saret Qaddisa. B’hekk il-familja kollha, barra ommu, ħaddnet il-ħajja monastika.

Fl-1130, miet il-Papa Onorju II, u floku laħaq il-Papa Innoċenzu II. Fl-istess waqt inħoloq l-Antipapa bl-isem ta’ Anakletu II. San Bernard ħadem bis-sħiħ favur il-Papa Innoċenzu II, sakemm fis-sena 1138, Anakletu miet u floku laħaq Viktor IV li malajr issottometta ruħu għall-Papa Innoċenzu II.

Fl-1145, il-Papa Ewġenju III li qabel kien wieħed mill-patrijiet dixxipli ta’ San Bernard, xtaq iwaqqaf kruċjata biex jeħles l-Art Imqaddsa, u nkariga lil San Bernard biex jorganizzaha. San Bernard intefa’ b’ruħu u b’ġismu f’kampanja kollha ħeġġa, u rnexxielu jwaqqaf it-tieni kruċjata li sfortunatament, fis-siegħa tal-prova, intemmet f’diżastru.

San Bernard miet f’Clairvaux, fl-20 ta’ Awissu 1153, ta’ 63 sena, u tniżżel fil-lista tal-Qaddisin mill-Papa Alessandru III, fl-1174.

San Bernard kiteb ħafna fuq it-Teoloġija u l-axxetika, tant li l-Papa Piju VIII, fl-1830 daħħlu fil-lista tad-Dutturi tal-Knisja bit-titolu ta’ “Doctor Mellifluus”, li jfisser “Duttur Ħelu Għasel”; waqt li l-kitba tiegħu fuq il-Madonna kisbitlu t-titlu ta’ “Kitarrista tal-Madonna.”

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply

%d bloggers like this: