Il-Ħmistax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ħamis
QARI I
Jien-li-Jien! Jiena-Hu bagħatni għandkom.
Eżodu 3, 13-20
Qari mill-Ktieb tal-Eżodu
F’dak iż-żmien, wara li Mosè sema’ l-leħen qalb l-għollieq wieġeb lil Alla: “Ara, jiena mmur għand ulied Iżrael u ngħidilhom: “Alla ta’ missirijietkom bagħatni għandkom”. U huma jistaqsuni: “X’jismu?”. Jiena xi ngħidilhom?”. Alla wieġbu: “Jien-li-Jien”. U kompla jgħidlu:
“Hekk għidilhom lil ulied Iżrael: “Jiena-Hu bagħatni għandkom””.
U Alla kompla jgħidlu: “Hekk għandek tgħidilhom lil ulied Iżrael:“Jahweh, Alla ta’ missirijietkom, Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, Alla ta’ Ġakobb, bagħatni għandkom”. Dan ikun ismi għal dejjem u dan l-isem ifakkarkom fija minn nisel għal nisel. Mur u iġbor ix-xjuħ ta’ Iżrael u għidilhom: “Il-Mulej, Alla ta’ Missirijietkom, Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, Alla ta’ Ġakobb, deherli u qalli: Ħsibt fikom u x’qegħdin jagħmlulkom fl-Eġittu. Jien inwegħedkom li ntellagħkom mit-tbatija tal-Eġittu, f’art il-Kangħanin, il-Ħittin u l-Amurrin, il-Periżżin, il-Ħiwwin u l-Ġebusin, f’art tnixxi ħalib u għasel”.
Huma jisimgħu kliemek, u int u x-xjuħ ta’ Iżrael tmorru għand is-sultan tal-Eġittu u tgħidulu: “Il-Mulej, Alla tal-Għebrej, iltaqa’ magħna. U issa, nitolbuk, ħallina nitbiegħdu tlitt ijiem mixi fid-deżert biex hemm noffru sagrifiċċji lill-Mulej Alla tagħna”. Jien naf li s-sultan tal-Eġittu ma jħallikomx toħorġu mingħajr ma jkun imgiegħel b’saħħa. Għalhekk jiena mmidd idejja u nolqot lill-Eġittu bl-għeġubijiet li nagħmel fih; wara dan il-Fargħun iħallikom tmorru”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 104 (105) 1u 5. 8-9.24-25.26-27
R/. (8a): Il-Mulej jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu
Faħħru l-Mulej u xandru ismu,
għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu.
Ftakru fil-ħwejjeġ kbar li għamel,
fl-għeġubijiet u l-ġudizzji tiegħu. R/.
Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu,
fil-kelma li ta għal elf nisel,
fil-patt li għamel ma’ Abraham,
fil-wegħda li ħalef lil Iżakk. R/.
U kattar ħafna l-poplu tiegħu,
saħħu aktar mill-għedewwa tiegħu.
Dawrilhom qalbhom biex jobogħdu l-poplu tiegħu,
biex jimxu bil-qerq mal-qaddejja tiegħu. R/.
Bagħat lil Mosè, il-qaddej tiegħu,
u lil Aron, li hu kien għażel.
Wera bihom għeġubijietu
ħwejjeġ tal-għaġeb fl-art ta’ Ħam. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 11, 28
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin,
u jiena nserraħkom, jgħid il-Mulej.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Jiena ta’ qalb ħelwa u umli.
Mt 11, 28-30
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu