Qari tal-Quddies tal-Erbgħa tal-XV-il ġimgħa matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

Il-Ħmistax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa

QARI I
Deherlu l-anġlu tal-Mulej f’ħuġġieġa nar qalb l-għollieq.
Eżodu 3, 1-6.9-12

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

Mosè kien jirgħa l-merħla ta’ ħatnu Ġetru, qassis ta’ Midjan, u ħa l-merħla ’l hemm fid-deżert, u wasal sa ħdejn Ħoreb, il-muntanja ta’ Alla.

Hawn deherlu l-anġlu tal-Mulej f’ħuġġieġa nar qalb l-għollieq. Mosè ħares u ra l-għollieq jaqbad bin-nar bla ma jintemm. Mosè qal: “Ħa nersaq u nara din id-dehra tal-għaġeb: għala mhux jinħaraq l-għollieq?”.

Il-Mulej rah riesaq biex jara, u Alla sejjaħlu minn qalb l-għollieq u qallu: “Mosè, Mosè!”. U Mosè wieġeb: “Hawn jien!”. U l-Mulej qallu: “La tersaqx ’l hawn. Neħħi l-qorq minn riġlejk, għax il-post li inti fuqu hu art qaddisa!”. U ssokta jgħidlu: “Jien hu Alla ta’ missirijietek: Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk u Alla ta’ Ġakobb”. Mosè għatta wiċċu, għax beża’ jħares lejn Alla.

U l-Mulej qallu: “Issa, ara, il-karba ta’ wlied Iżrael waslet sa għandi, u rajt ukoll it-tgħakkis li bih qegħdin jgħakksuhom l-Eġizzjani. Ejja, mela, ħa nibagħtek għand il-Fargħun biex toħroġ lil ulied Iżrael, il-poplu tiegħi, mill-Eġittu”.

Mosè wieġeb lil Alla: “Min jien biex immur quddiem il-Fargħun u noħroġ lil ulied Iżrael mill-Eġittu?”. U Alla wieġbu: “Jiena nkun miegħek, u dan ikun is-sinjal li jien bgħattek: meta tkun ħriġt il-poplu mill-Eġittu, intom tqimu lil Alla fuq din il-muntanja”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 102 (103), 1-2.3-4.6-7

R/. (8a): Ħanin u twajjeb il-Mulej

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!
B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.

Hu li jaħfer dnubietek kollha;
ifejjaq il-mard tiegħek kollu;
jifdi lil ħajtek mill-qabar;
iħaddnek bit-tieba u l-ħniena. R/.

Il-Mulej jagħmel is-sewwa,
u l-ħaqq mal-maħqurin kollha.
Hu għarraf lil Mosè l-ħsieb tiegħu,
l-għemejjel tiegħu lil ulied Iżrael. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 11, 25

Hallelujah. R/. Hallelujah
Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-Saltna wrejthom liċ-ċkejknin.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin.
Mt 11, 25-27

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qabad u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading