Qari tal-Quddies tat-Tnejn tas-XVI-il ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

Is-Sittax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn

QARI I
Ikunu jafu l-Eġizzjani li jiena l-Mulej, meta nuri l-glorja tiegħi permezz tal-Fargħun.
Eżodu 14, 5-18

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu
F’dak iż-żmien, meta lis-sultan tal-Eġittu qalulu li l-poplu kien ħarab, il-Fargħun u l-qaddejja tiegħu biddlu fehemthom dwarhom u qalu: “X’morna għamilna u bgħatna lil Iżrael biex issa ma jaħdmilniex iżjed”. U ħejja l-karru tiegħu, u ħa l-poplu tiegħu miegħu. U ħa sitt mitt karru magħżula u l-karrijiet kollha tal-Eġizzjani b’fizzjali fuqhom ilkoll.

U l-Mulej webbes qalb il-Fargħun, sultan tal-Eġittu, u dan għamel għal wara wlied Iżrael huma u sejrin b’rashom merfugħa. U ħarġu għalihom l-Eġizzjani bil-kavallerija tal-Fargħun – żwiemel, karrijiet u rikkieba bl-eżerċtu kollu – u laħquhom ħdejn il-baħar fejn kienu waqqfu l-kamp, ħdejn Pihahirot, biswit Bagħal-sefon.

Meta l-Fargħun kien qorob lejhom, ulied Iżrael refgħu għajnejhom u raw l-Eġizzjani resqin lejhom. Ulied Iżrael qabadhom biża’ kbir u sejħu lill-Mulej. U mbagħad qalu lil Mosè: “Jaqaw ma kienx hemm oqbra fl-Eġittu biex ħriġtna mmutu fid-deżert? X’għamiltilna, biex ħriġtna mill-Eġittu? Ma għednilekx aħna fl-Eġittu: “Ħallik minna, ħallina naħdmu għall-Eġizzjani?”. Aħjar naħdmu fl-Eġittu milli mmutu fid-deżert!”. Mosè wieġeb lill-poplu: “La tibżgħux! Żommu sħiħ, u taraw is-salvazzjoni li se jġibilkom illum il-Mulej. L-Eġizzjani, li qegħdin taraw illum, ma tarawhom qatt aktar. Il-Mulej jitqabad għalikom, mingħajr xejn ma tagħmlu intom”.

Il-Mulej qal lil Mosè: “Għax issejjaħ lili? Għid lil ulied Iżrael jerfgħu t-tined tagħhom u jitilqu. U int għolli l-ħatar tiegħek, u midd idek fuq il-baħar u oforqu. Ulied Iżrael, imbagħad, jaqsmu fin-niexef f’nofs il-baħar. U ara, jiena nwebbes il-qalb tal-Eġizzjani biex jgħaddu warajkom, u nuri l-glorja tiegħi permezz tal-Fargħun u l-eżerċtu tiegħu kollu, bil-karrijiet u r-rikkieba tiegħu. U mbagħad ikunu jafu l-Eġizzjani li jiena l-Mulej, meta nuri l-glorja tiegħi permezz tal-Fargħun, bil-karrijiet u r-rikkieba tiegħu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Eżodu 15, 1-2.3-4.5-6

R/. (1b): Ngħanni lill-Mulej, għax tkabbar bis-sħiħ

Ngħanni lill-Mulej,
għax tkabbar bis-sħiħ.
Żwiemel u rikkieba
waddabhom fil-baħar. R/.

Qawwieti u għanjieti l-Mulej:
għalija sar is-salvazzjoni.
Dan hu Alla tiegħi, u lilu nfaħħar;
Alla ta’ missieri, u lilu ngħolli! R/.

Il-Mulej gwerrier, Jahweh ismu!
L-imriekeb tal-Fargħun u qawwietu
tefagħhom fil-baħar;
l-aħjar fost il-gwerriera tiegħu
f’Baħar il-Qasab għarraqhom! R/.

Belagħhom l-irdum,
bħal ġebla niżlu fil-qiegħ.
Lemintek, Mulej, issebbħet fil-qawwa,
lemintek, Mulej, tfarrak il-għadu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Salm 94 (95), 8ab

Hallelujah. R/. Hallelujah
Illum la twebbsux qalbkom,
iżda isimgħu leħen il-Mulej.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Is-sultana tan-Nofsinhar għad tqum u teħodha kontra dan in-nisel.
Mt 12, 38-42

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, xi wħud mill-kittieba u l-Fariżej qabdu u qalu lil Ġesù: “Mgħallem, xtaqna kieku naraw sinjal mingħandek”. Iżda hu weġibhom: “Sinjal iridu nisel ħażin u infidil! Imma ebda sinjal ma jingħatalu ħlief dak tal-profeta Ġona. Għax kif Ġona għamel tlitt ijiem u tlitt iljieli f’żaqq il-ħuta, hekk ukoll Bin il-bniedem għad jagħmel tlitt ijiem u tlitt iljieli fil-qalba tal-art.

F’jum il-ħaqq, in-nies ta’ Ninwè għad iqumu kontra dan in-nisel u jikkundannawh, għax huma nidmu wara l-predikazzjoni ta’ Ġona; u araw hawn min hu aqwa minn Ġona hawnhekk! F’jum il-ħaqq, is-sultana tan-Nofsinhar għad tqum u teħodha kontra dan in-nisel u tikkundannah, għax hi ġiet mit-truf tal-art biex tisma’ l-għerf ta’ Salamun; u araw hawn min hu aqwa minn Salamun hawnhekk!”

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu