Qari tal-Quddies tat-Tlieta tas-XVI-il ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

Is-Sittax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tlieta

QARI I
Ulied Iżrael daħlu fin-niexef f’nofs il-baħar.
Eżodu 14, 21 – 15,1

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

F’dak iż-żmien, Mosè medd idu fuq il-baħar, u l-Mulej reġġa’ lura l-baħar b’riħ qawwi mil-Lvant matul il-lejl kollu; il-baħar ixxotta u l-ilmijiet inferqu. U mbagħad ulied Iżrael daħlu fin-niexef f’nofs il-baħar; l-ilmijiet kienu għalihom qishom ħitan fuq il-lemin u fuq ix-xellug. L-Eġizzjani marru warajhom, u daħlu f’nofs il-baħar, iż-żwiemel kollha tal-Fargħun, il-karrijiet u r-rikkieba tiegħu.

Fis-sahra ta’ filgħodu, il-Mulej minn ġol-kolonna tan-nar u s-sħaba xeħet ħarsa fuq it-tined tal-Eġizzjani, u ħarbathom. U xekkel ir-roti tagħhom u bit-tbatija setgħu jmexxuhom. U mbagħad l-Eġizzjani bdew jgħajtu: “Ħa naħarbu minn quddiem Iżrael, għaliex il-Mulej qiegħed jiggieled kontra l-Eġizzjani!”.

Il-Mulej qal lil Mosè: “Midd idek fuq il-baħar, u l-ilma jerġa’ lura fuq l-Eġizzjani, bil-karrijiet u r-rikkieba tagħhom”. U Mosè medd idu fuq il-baħar. U ma’ sbiħ il-jum il-baħar raġa’ lura fejn kien qabel, u l-Eġizzjani, huma u jaħarbu, sabu ruħhom fih. Hekk il-Mulej gerbibhom f’nofs l-ilma. L-ilmijiet reġgħu lura u għarrqu l-karrijiet u r-rikkieba tal-eżerċtu kollu tal-Fargħun li kienu ġejjin warajhom fil-baħar. Anqas wieħed ma baqa’ minnhom. U wlied Iżrael għaddew fin-niexef f’nofs il-baħar, u l-ilmijiet kienu għalihom bħal ħitan wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug.

Dakinhar il-Mulej salva lil Iżrael minn id l-Eġizzjani, u Iżrael ra l-Eġizzjani mejta fuq xatt il-baħar.

U mbagħad Mosè, flimkien ma’ wlied Iżrael, għanna din l-għanja lill-Mulej, u qalu: “Ngħanni lill-Mulej, għax tkabbar bis-sħiħ. Żwiemel u rikkieba waddabhom fil-baħar”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Eżodu 15, 8-9.10 u 12.17

R/. (1a): Ngħanni lill-Mulej, għax tkabbar bis-sħiħ

Man-nifs ta’ għadbek
inġemgħu l-ilmijiet;
bħal gzuz twaqqfu l-gliegel;
għaqdu fil-qalba tal-baħar l-imwieġ. R/.

U l-għadu qal:
“Niġri għal warajhom u nilħaqhom;
naħtaf il-priża
u xewqti naqta’;
nislet is-sejf u idi teqridhom”. R/.

Infaħt b’nifsek,
u l-baħar għattiehom.
U għerqu bħaċ-ċomb
fil-qawwa tal-baħar.
Meddejt lemintek,
u belgħethom l-art. R/.

Twassalhom u tħawwilhom fuq il-muntanja,
il-wirt tiegħek;
l-imkien, Mulej, li int għamiltu għamartek;
il-maqdes, Sidi, li ħejjew idejk. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 14, 23

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej,
u Missieri jħobbu, u aħna niġu għandu.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Medd idu lejn id-dixxipli tiegħu u qal: “Dawn, araw, huma ommi u ħuti!”
Mt 12, 46-50

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, kif Ġesù kien għadu qiegħed ikellem lin-nies, ġew ommu u ħutu, waqfu barra u fittxew li jkellmuh. Xi ħadd qallu: “Ara, ommok u ħutek qegħdin barra jfittxu li jkellmuk”. Iżda hu wieġeb lil dak li kellmu, u qallu: “Min hi ommi? U min huma ħuti?”.

Imbagħad medd idu lejn id-dixxipli tiegħu u qal: “Dawn, araw, huma ommi u ħuti. Għax kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet, dak huwa ħija, u oħti, u ommi”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu