Fi tmiem il-Ministeru Episkopali tal-Isqof Mario Grech

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 27 ta’ Awwissu 2020: Konċelebrazzjoni ta’ Radd il-Ħajr għall-Ministeru Episkopali tal-Isqof Mario Grech …

Il-Quddiesa sħiħa:

L-Omelija biss:

Omelija fil-Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr għall-Ministeru bħala Isqof ta’ Għawdex
Rotunda arċipretali ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija
Il-Ħamis 27 ta’ Awwissu 2020
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof emeritu ta’ Għawdex


KNISJA GĦAL ŻMINIJIETNA

Il-Vanġelu li tħabbrilna ma setax ikun aħjar għal din il-ġurnata, għax jien konxju li għalija għad jasal dak il-jum li fih jien irrid nagħti kont lil Alla ta’ għemili. Alla għad jistaqsini x’għamilt għal dan il-poplu li fdali fil-kura pastorali tiegħi. Fid-dawl ta’ dak li smajna fil-Vanġelu, partikularment meta Ġesù jitkellem dwar “il-qaddej fidil u għaqli” (Mt 24:44), naħseb li hemm mistoqsija waħda li rrid inwieġeb: jekk kontx fidil għas-sejħa li għamilli u għall-missjoni li tani. Ġesù ser jistaqsini dwar il-fedeltà.

Xi tfisser fedeltà? Li wieħed iħares b’fedeltà dak li jkun irċieva ma jfissirx li wieħed għandu jikkonserva l-patrimonju (storja u tradizzjoni) f’vetrina biex kollox jibqa’ tali kwali; lanqas ifisser li wieħed ma jagħmel ebda pass u jibqa’ immobbli biex iżomm l-istatus quo. Fedeltà tfisser li f’rispett lejn dak li huwa veru, wieħed ikun miftuħ għall-ġdid u jkun kapaċi jinbidel. Il-fedeltà għal Alla tfisser li wieħed ikun attent għas-sorpriżi ta’ Alla, u filwaqt li jgħożż dak li jkun wasallu maż-żmien, ikompli jfittex il-ġdid li ħafna drabi diġà huwa preżenti fil-qadim. Huwa aktar komdu u seren li wieħed joqgħod jindokra dak li għandu milli wieħed ikun miftuħ għall-proċessi u orizzonti ġodda. Din il-kapaċità li tinbidel u tibdel neħtiġuha mhux biss meta jkun hemm bżonn ngħaddu mill-ħażin għat-tajjeb, imma wkoll meta nistgħu nagħmlu aħjar it-tajjeb li għandna. Dan il-prinċipju jgħodd ukoll għall-komunità ekkleżjali li tinsab fi proċess ta’ maturazzjoni.

Fil-ġrajja ta’ meta l-Appostli għażlu lid-djakni (Atti 6) għandna xhieda ta’ kif it-tibdil soċjokulturali jitlob mill-komunità Nisranija li tagħmel eżami tagħha nfisha u tirristruttura ruħha fid-duttrina u l-prassi biex tibqa’ fidila. Dakinhar il-komunità ma kinitx għadha waħda omoġenja. Fil-fatt kien hemm kemm dawk li jitkellmu l-Lhudi u kemm il-Grieg. Bil-mod il-mod mhux biss is-soċjetà imma l-komunità ekkleżjali kienu qed isiru pluralistiċi! Barra minn hekk, billi l-ħidma tal-Appostli żdiedet, il-foqra u r-romol ħassewhom qed jiġu ttraskurati. Għalhekk il-“poplu ta’ Alla” (u mhux l-Appostli waħidhom) ħass li kien wasal iż-żmien li jagħżlu sebat irġiel biex jaqdu l-imwejjed. Ninnotaw li l-ismijiet ta’ dawn id-djakni kienu kollha Griegi, anzi, wieħed minnhom kien proselitu minn Antjokja (mhux Lhudi!). Dakinhar seħħet bidla kreattiva mhux biss fil-ħidmiet pastorali imma wkoll għax welldu grupp Ellenistiku distint minn dak Lhudi imma f’komunjoni. Inbidlu ċ-ċirkustanzi soċjali u kulturali, u l-Knisja, li żgur ma nistgħux ngħidu li ma kinitx leali lejn Ġesù u l-Vanġelu, kellha l-kuraġġ li fil-komunità introduċiet element strutturali ġdid li ma kienx hemm bħalu fit-tradizzjoni evanġelika. Illum nitfixklu jew nieħdu skandlu b’dak li tagħmel jew tista’ tagħmel il-Knisja! Dakinhar la kien jeżisti d-djakonat tal-irġiel u lanqas tan-nisa, imma kienu attenti għal dak li l-Ispirtu ried mill-Knisja għal dak iż-żmien. L-Appostli laqgħu lil dawk is-seba’ rġiel magħżula mill-komunità, jitolbu fuqhom, jagħmlu dixxerniment u jordnawhom djakni! Allura dakinhar l-Appostli ma kinux fidili lejn Ġesù? Nibża’ li kieku llum jikkritikawhom li qed jitbiegħdu mill-Vanġelu u mit-Tradizzjoni jew li qed joħolqu xiżma.

Din hija l-fedeltà li flimkien magħkom ippruvajt ngħix matul dawn l-aħħar ħmistax-il sena. Iż-żmien huwa fattur importanti. Anki jien ridt iż-żmien biex inkompli nissawwar bħala ragħaj. Il-ħabib tiegħi l-Avukat Joe Micallef Stafrace, li ġieli jkollna diskussjonijiet bit-telefon, kien qalli: “Dun Mario, narak isqof in the making – Isqof li qed tibena”. Kien il-poplu ta’ Alla li akkumpanjani f’dan il-proċess ta’ maturazzjoni. Niftakar wieħed saċerdot josservali li jien inbdilt wara li kont attendejt is-Sinodi dwar il-familja (2014-2015) u l-esperjenza tal-Missjoni djoċesana. Mhux li ma kontx fidil lejn is-sejħa, imma l-fedeltà telgħet grad differenti.

Iċ-ċirkustanza tal-lum tippermettili nsemmi ftit esperjenzi li għamilna matul is-snin tal-episkopat fil-qasam tal-evanġelizzazzjoni u l-karità: iż-żewġ motivi għaliex, kif qrajna fl-Atti tal-Appostli, l-ewwel komunità ekkleżjali ħasset li b’fedeltà kellha bżonn tar-riformi. Il-kelma riforma tfisser li wieħed jerġa’ jmur għall-forma tal-bidu, peress li ħafna drabi nkunu tbegħedna minnha.

Fil-qasam tal-evanġelizzazzjoni ppruvajna nagħtu ftit linji dwar il-predikazzjoni. Min-naħa tiegħi ppruvajt anki billi għal disa’ snin sħaħ, fil-Ħdud matul is-sajf, kont nipprietka dak li ħafna għadhom isejħu “l-paniġierku” (kont nippreferi li nużaw il-kelma meditazzjoni!). L-għan tiegħi kien li nagħtu linja fit-tiġdid tal-predikazzjoni – evanġelizzazzjoni.

Impenjajna ruħna biex titwettaq riforma fil-katekeżi taż-żgħar u tal-adulti, imma hawnhekk ukoll mhux kulħadd tela’ fuq id-dgħajsa. F’dak li għandu x’jaqsam mal-katekeżi taż-żgħar kien hemm min ried jibqa’ bil-metodu tal-bieraħ. Dan il-proċess għadu għaddej u hemm bżonnu. Ftit jiem ilu kont f’parroċċa biex niċċelebra l-Griżma u l-Kappillan b’qalb tqila osservali li ħafna mit-tfal li kienu ser jirċievu l-Griżma kienu diġà ċċantaw il-quddiesa tal-Ħadd! Dan il-fatt ma jpoġġilniex mistoqsija dwar is-sistema kateketika tagħna? Għall-grazzja ta’ Alla fil-qasam tal-katekeżi tal-kbar għandna esperjenzi inkuraġġanti ta’ Lectio Divinajew proposti jixxiebhu dwar il-Kelma ta’ Alla.

Sar ħafna xogħol tajjeb f’dik li hija katekeżi u l-familja. Hawnhekk il-mutur kien l-Isqof Anton Teuma. Flimkien ma’ tim ta’ lajċi ħoloq sistema ta’ katekeżi kemm għall-għarajjes u kemm għall-koppji miżżewġa. Hawnhekk nixtieq insemmi l-katekeżi għad-divorzjati. Dakinhar, li wieħed isemmi din ix-xorta ta’ azzjoni pastorali kien jitqies qiegħed jidgħi. Mhux kulħadd kien aċċetta li l-Knisja tlaqqa’ lil dawk li ħadu d-divorzju u forsi kienu qegħdin fit-tieni relazzjoni u tgħinhom fil-mixja tagħhom wara Kristu! Kienet azzjoni profetika. Dakinhar, Eċċellenza Mons. Teuma, int għamilt dak li llum il-Papa qed jgħidilna nagħmlu.

Naħseb li waħda mill-affarijiet sbieħ li ser inħalli warajja huwa d-dokument li ktibna l-Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna u jien dwar il-kriterji għall-applikazzjoni tal-Kapitlu 8 tal-Amoris lætitia. Kemm swielna, għadu jiswielna u jiswieli! Ridna l-kuraġġ biex meddejna dak il-pass. Dakinhar qalulna li m’aħniex fidili għall-Vanġelu. M’aħniex fidili għall-Vanġelu meta mexjin fuq il-passi ta’ Pietru?

Dak li ġab nuqqas ta’ qbil fl-ewwel komunità ekkleżjali kienu l-foqra li ħassewhom mitluqa. F’din id-djoċesi jien sibt ħafna ħidma karitattiva. Sibt istituzzjonijiet tal-Knisja mwaqqfa biex jagħmlu karità u ppruvajna nsaħħu u nkattru din il-ħidma. Wara li żgurajna li bħala djoċesi jkollna s-sodda soda (il-mezzi), bdejna nifirxu l-ħidma karitattiva. Biżżejjed insemmi d-diskussjonijiet li ilhom għaddejja sentejn mal-Patrijiet Kapuċċini biex Suret il-bniedem tkun tista’ toffri minn dar tal-Knisja s-servizzi lil dawk li għandhom disturbi mentali. Ftit xhur ilu, meta fl-ibħra ta’ madwarna kien hemm l-emigranti bejn sema u ilma, l-Arċisqof Scicluna u jien offrejna għajnuna lill-Gvern: Mons. Arċisqof offra dar f’Malta u jien offrejt villa proprjetà tal-Knisja. Dan mhux qed ngħidu bi ftaħir, imma biex napprezza d-dimensjoni karitattiva tad-djoċesi. Il-ħidma karitattiva mhix assistenzjaliżmu imma solidarjetà. Ilbieraħ mort fiċ-Ċentru tal-APS (Malta) u fakkarthom li ftit xhur ilu kont ktibtilhom ittra fejn tlabthom biex, bħala bank fejn il-Knisja għandha vuċi, iwaqqfu fond biex jgħinu lil dawk il-pazjenti li jkollhom bżonn kura barra minn pajjiżna. Kont lest li bħala djoċesi noħorġu s-sehem tagħna għal dan il-fond.

Dawn huma ftit mill-esperjenzi ta’ Knisja li għexna f’dawn l-aħħar ħmistax-il sena. Forsi għal xi wħud, uħud minn dawn jistgħu jidhru bħala passi fejn wieħed jaħrab mill-fedeltà. Imma mhux hekk! Jien kuntentissmu li l-Ispirtu s-Santu u l-Knisja bagħtulna lill-Isqof Anton, għax konvint li huwa raġel fidilissmu lejn Alla u l-bniedem, u għandu kariżma biex ikompli jiżviluppa. Meta bdejt il-ministeru episkopali tiegħi sibt proċessi għaddejjin – u hawn irrid insellem il-memorja tal-predeċessur tiegħi l-Isqof Nikol –, u għandi tama li llum ukoll il- proċessi li qabbadna, bl-għajnuna tal-Madonna Ta’ Pinu, għad jitkattru u jagħtu l-frott.

Leave a Reply

%d bloggers like this: