Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Festa ta’ San Ġwann Battista


Omelija fil-Festa ta’ San Ġwann Battista
Rotunda ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija, Għawdex
Il-Ħadd 22 ta’ Ġunju 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

MUSBIEĦ JIXGĦEL FID-DLAM

Kemm huwa ikrah meta taqa’ dalma fuqna. Dan ġieli jiġri lili. Ifisser li jkun hemm mumenti fejn ma tarax ħlief ċappa dlam. F’waqtiet bħal dawn tħossok mitluf u jkollok sensazzjoni li ma tkunx taf f’min ser tafda, fejn sejjer u jekk hemmx possibbiltà li toħroġ minn dik is-sitwazzjoni. F’ċirkustanzi bħal dawn, ma tibqax tara u anqas tibqa’ tagħraf l-uċuħ – minħabba f’hekk jiġrilna li naħbtu ma’ xulxin mingħajr ma nintebħu ma’ min inkunu qegħdin naħbtu u hekk id-dlam jikber. Din it-tbatija tkun aktar wiegħra meta jkun ħaddieħor li jdaħħalna f’din il-qagħda.

Din id-dalma tista’ tkun kundizzjoni li tgħaddi malajr; imma daqshekk ieħor nistgħu nieħdu żmien twil biex negħlbuha. Naf persuni li ilhom xhur u snin jgħixu fid-dlam. Il-festi tagħna huma taħlita ħelwa ta’ daqq, briju u sparar. Dawn iridu jkunu, imma hemm ir-riskju li jnessuna li madwarna hawn persuni u familji li qed jgħammru fid-dlam. Għal dawn ukoll issir il-festa, partikularment il-festa tal-lum f’ġieħ San Ġwann Battista. Jalla din il-festa tkun għalihom xrara ta’ dawl li jgħinhom joħorġu minn dan l-abbiss tad-dlam.

San Ġwann Battista kien jagħmel parti minn dak il-poplu Lhudi li kellu storja tixbah lill-istorja tagħna, jiġifieri storja li fiha laqta ta’ dwal u dellijiet. Fi kliem il-profeta Isaija, il-poplu Lhudi kien miexi fid-dlam. Imma Alla ma jaħmilx li l-poplu tiegħu jgħix fid-dlam, u kif ikompli jgħid il-profeta, “in-nies li kienu joqogħdu f’art id-dlam, dawl kbir idda fuqhom” (Is 9:1). Huwa kien qed jirreferi għal Ġesù Kristu, dak li qal li huwa d-dawl tad-dinja! Din hija l-Bxara t-tajba għal dawk li llum jinsabu fid-dlam. Imma forsi aħna ma nemmnux biżżejjed li Alla jrid joħroġna mid-dlam!

Imma qabel ma ġie Ġesù, Alla bagħat l-“imsiebaħ” tiegħu biex iħejju lill-bniedem jiltaqa’ ma’ dan id-dawl il-kbir. Isaija stess ikompli jgħid li Alla qallu: “Jien nagħmel minnek dawl tal-ġnus, biex is-salvazzjoni tiegħi tinfirex sa truf l-art” (49:6). L-aħħar fis-sensiela ta’ dawn l-imsiebaħ ta’ Alla kien Ġwanni l-Għammiedi, li fi kliem San Ġwann l-Evanġelista, “ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl, dak id-dawl veru li jdawwal kull bniedem” (Ġw 1:9). Ġesù nnifsu jiddeskrivi lil Ġwanni bħala “il-musbieħ li kien jixgħel u jiddi” (Ġw 5:35). Il-Battista kien musbieħ li jkeċċi d-dlam għaliex għamilha mad-Dawl. Huwa ħalla lilu nnifsu espost għax-Xemx li telgħet biex id-dlam ma jkomplix jaħkem fuq l-umanità. Propju għaliex Ġwanni l-Battista ħalla d-Dawl Divin jistrieħ fuqu, huwa sar riflettur ta’ dan id-dawl fid-diversi ċirkustanzi tal-ħajja.

Fil-fatt Ġwanni dawwal id-dalma tar-ruħ li hija wisq iktar profonda mid-dlam tas-sensi, għax filwaqt li fid-dalma tas-sensi wieħed iħossu mitluq minn dawk ta’ madwaru, meta nidħlu fil-lejl mudlam tal-ispirtu nġarrbu l-abbandun ta’ Alla. Ma għandix dubju li lkoll, min ftit u min aktar, ġarrabna t-toqol ta’ dan id-dlam. Ġwanni xegħel dawl għal dawk li ma kinux iħossuhom spiritwalment f’posthom tant li kienu qed jistennew lill-Messija! Filwaqt li kien jappella biex in-nies ta’ żmienu jindmu, jiddrittaw il-mogħdijiet u jħejju t-triq biex jiltaqgħu mal-Mulej, Ġwanni kien jiżgurahom li “il-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla” (Lq 3:5). Il-Battista għamel minn kollox biex is-soċjetà tilqa’ lil Ġesù Kristu li huwa d-dawl li jirbaħ kull dlam. Hija din it-tama li għad naraw lil Alla li tgħinna nkeċċu d-dalma spiritwali.

Ġwanni l-Għammiedi kien ukoll dawl bl-istil tal-ħajja tiegħu. Ma kienx jgħix fil-palazzi, imma fid-deżert. Ilbiesu ma kienx ilellex u fin, imma kien jilbes libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu. Ma kellux ħajm jew ħela fl-ikel, għax kien jiekol il-ġradijiet u l-għasel selvaġġ. Fi kliem ieħor, Ġwanni għażel stil ta’ ħajja sobrja u meqjusa – kien kuntent li kellu dak li huwa essenzjali għall-ħajja. Kemm jgħodd għaż-żminijiet konsumistiċi tagħna! Ninnotaw li anki dawk li għandhom ħalqhom fix-xgħir, mhux dejjem huma sodisfatti. Għalkemm jonfqu u jberbqu, dejjem jonqoshom. Forsi adottajna stil ta’ ħajja li jiżboq sewwa l-kapaċitajiiet tagħna. Nemmen li bl-għażliet li għamel dakinhar, illum ukoll Ġwanni qiegħed jiddenunzja din il-kultura tal-ħela li tasal biex tittraskura l-foqra.

Ġwanni kien dawl għall-ħajja familjari ta’ Erodi, li kienet l-għaxqa tiegħu joqgħod jisma’ kelmet il-profeta. Ġwanni pprova jixgħellu musbieħ dwar ir-relazzjonijiet tiegħu fil-familja – ir-relazzjoni ma’ Erodja kif ukoll ma’ ħuh Filippu. Anki llum ħafna mill-familji tagħna għandhom bżonn musbieħ biex jikkuraw ir-relazzjonijiet tagħhom; jeħtieġu dawl biex filwaqt li jkomplu jgħożżu l-ħafna tajjeb li għandhom, jiftħu għajnejhom biex ma jagħmlux għażliet żbaljati.

Ġwanni kien dawl għas-soċjetà ta’ żmienu li bħal kull soċjetà trid tgħasses fuqha nfisha biex ebda għamad ma jinżel fuq għajnejha u hekk ma tintebaħx li tkun qed toħloq piżijiet żejda fuq in-nies, speċjalment fuq iż-żgħir, jew toħloq id-differenzi tant li mhux kulħadd ikun jista’ jgawdi r-rispett dinjituż li jixraqlu. Fil-fatt Ġwanni kien jipprietka l-ġustizzja soċjali. Lil dawk li kellhom il-kapital kien jappellalhom biex jgħinu lill-foqra. Ħambaq biex ma jkunx hemm taxxi inġusti u saħaq bil-qawwa biex titrawwam kuxjenza soċjali li tkun isserraħ fuq il-valuri tar-rispett, tal-ġustizzja u tal-onestà. Aħna wkoll għandna bżonn ta’ musbieħ ta’ din ix-xorta biex inkattru l-għażliet soċjali li għamilna u qegħdin nagħmlu u biex bl-għażliet li jsiru jikbru s-solidarjetà u l-fraternità bejnietna.

Min hu devot tal-Battista ma jistax iħalli lilu nnifsu jintrikeb mill-pessimiżmu – qatt ma jista’ jara biss id-dlam, qatt ma għandu jaqta’ qalbu minn xejn. Il-musbieħ jixgħel u jiddi tal-Għammiedi jgħidilna li anki jekk l-isforzi li nkunu għamilna ma jkunux biżżejjed biex niksbu r-riżultati mixtieqa, għandna nipperseveraw u nibqgħu nippruvaw. Nappella lill-Knisja tagħna biex ma noqogħdux neqirdu, imma fuq l-eżempju eċċellenti tal-Battista naraw kif anki meta qiegħed jidlam, nippruvaw nixegħlu musbieħ, anki wieħed ċkejken. Din is-sejħa nagħmilha lil kull kategorija – saċerdoti, reliġjużi, ġenituri, u l-bqija –, imma nagħmel sejħa partikulari lill-ġenerazzjoni żagħżugħa. Għandna għadd ġmielu ta’ żgħażagħ ġenerużi li lesti jpoġġu l-ħiliet varji tagħhom għall-qadi tal-komunità. Huwa minnu li xi drabi nafu nkunu negattivi meta nitkellmu dwar iż-żgħażagħ, imma rridu niftakru li fihom hemm potenzjal qawwi ħafna li jista’ jixgħel ħuġġieġa kbira. Filwaqt li nirringrazzjahom għall-impenn tagħhom, nappella lil kulħadd biex musbieħ inemnem ma nitfuhx. Ġwanni kien musbieħ li meta ppruvaw jitfuh billi tawh il-martirju, ivvampja aktar u llum għadu jdawwal id-dinja.

Ma naqtgħux qalbna fl-impenn tagħna biex inkattru t-tajjeb. Meta d-dlam jaħbat jgħammadna, inżommu quddiem għajnejna li kif Ġwanni l-Battista kien dawl bil-qawwa ta’ Ġesù, aħna wkoll bl-għajnuna ta’ Kristu nistgħu nkunu msiebaħ li jixegħlu u jiddu fid-dinja tal-lum.