Messaġġ tal-Isqof Mario Grech f’Jum il-Mara Kattolika


Messaġġ f’Jum il-Mara Kattolika (WUWCO)
Dar tal-Azzjoni Kattolika, il-Belt Victoria, Għawdex
It-Tlieta 6 ta’ Mejju 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IS-SINFONIJA TAL-VERITÀ U L-IMĦABBA

Meta l-imħabba u l-verità jindaqqu flimkien, jagħmlu sinfonija l-ġmiel tagħha; jekk jindaqqu separatament, hemm ir-riskju li joħroġ ħoss nieqes mill-armonija li jista’ ma jolqotx il-widnejn u jgerrex! Wieħed iħobb tassew jekk jgħid il-verità; min-naħa l-oħra, il-verità tintlaqa’ meta hija kkomunikata bl-imħabba. L-imħabba miftuma mill-verità hija għamja; il-verità mingħajr imħabba tkun qisha strument tar-ram iżarżar.

Il-ħassieb Antonio Rosmini jgħid li l-ewwel att ta’ karità li nistgħu nagħmlu mal-bniedem huwa meta nwasslulu l-verità. Ma nkunx tassew inħobb jekk għal xi motiv jew ieħor ma ngħidx is-sewwa. Nitqarrqru sew meta naħsbu li biex inħennu jew nagħmlu pjaċir lil ħaddieħor nistgħu nigdbulu fis-sens li ngħaddulu verità mgħawġa jew naqblu miegħu meta jkun fl-iżball. Meta nostor is-sewwa bl-għan li ma noffendix lil ħaddieħor, fil-fatt inkun qed noffendih serjament għax inkun nippreżentalu l-verità meta din tkun xorta oħra.

Imma jekk huwa dmir tagħna li nkunu fidili lejn il-verità, daqshekk ieħor aħna fid-dmir li dak li għandna ngħidu, ngħiduh b’ħafna mħabba u rispett. Daqskemm huwa importanti li l-verità tkun imħarsa, daqshekk ieħor huwa importanti li jkun evidenti li hija l-imħabba li qed issuqna biex nesponu l-verità. Għax jekk il-verità teħles lil min hu lsir tal-ingann, irridu nippruvaw kemm jista’ jkun nevitaw li l-istess komunikazzjoni tal-verità tfieri jew tiftaħ ġerħat ġodda.

Hekk, ngħidu aħna, jista’ jiġri meta nitkellmu dwar il-familja. Illum fostna jeżistu diversi ilħna dwar x’għandna nifhmu meta ngħidu familja. Jekk kulħadd huwa fil-libertà li jgħid tiegħu, aħna wkoll nistgħu ngħidu tagħna, fis-sens li nipproponu għar-riflessjoni dik li aħna konvinti li hija l-verità dwar il-familja: mibnija fuq iż-żwieġ bejn raġel u mara, il-familja hija l-bejta naturali fejn jitnisslu u jitrabbew l-ulied. Naturalment, filwaqt li dan intennuh b’konvinzjoni, ngħiduh ukoll bil-ħlewwa u bl-imħabba. Il-prudenza u l-galbu ma jfissrux dgħufija jew nuqqas ta’ sodezza. Kif jgħid il-Malti, bil-kelma t-tajba toħroġ il-far mit-toqba – fis-sens li meta l-verità titwassal bl-imħabba, hemm aktar ċans li ħaddieħor li jkollu fehma differenti jista’ jikkunsidra li jiżen dak li tkun qed tgħidlu.

L-istess nistgħu ngħidu dwar il-valur tal-ħajja umana. Ma nistagħġibx li fis-soċjetà tagħna hawn min peress li għadu ma għarafx il-verità kollha dwar il-ħajja, jasal biex jippermetti li l-ħajja tinqered bħal fil-każ tal-abort. Hawn ukoll aħna fid-dmir li b’wiċċna minn quddiem niddefendu l-ħajja umana sa mill-bidu tat-tnissil tagħha u nuru l-kruha ta’ dan id-delitt. Imma hawn ukoll jeħtieġ li ngħassu fuqna nfusna biex dan il-messaġġ favur il-ħajja nwassluh b’ħafna mħabba. Difiża emozzjonali u rrabjata taf toħloq reazzjoni kuntrarja u tkattar il-kultura tal-mewt.

Ukoll meta nitkellmu dwar Alla, hemm bżonn inwaħħdu l-verità mal-imħabba. Huwa minnu li Alla huwa ġust, jistmerr il-ħażin u jobgħod id-dnub; imma huwa veru wkoll li Alla, għani fil-ħniena, jibqa’ jħobb lill-midneb u b’sabar kbir jistennih jindem mill-ħażen li jkun wettaq u jintelaq fi ħdanu. Huwa fatt li xi wħud jippreferu jħarsu lejn Alla bħala dak li lest bil-mannara f’idu biex jaqta’ l-għerq tas-siġra li ma tagħmilx frott tajjeb u jixħitha fin-nar (ara Mt 2:10), flok ma jiftakruh bħala dak li jagħżel li ma jaqlax it-tina li għal snin sħaħ ma kinitx tagħti frott, imma għażqilha madwarha, taha d-demel u qagħad jistenniha tagħti l-frott (ara Lq 13:6). Illum, meta ħafna għandhom għarfien nieqes jew żbaljat dwar Alla, hemm bżonn nitkellmu aktar dwar it-tjubija, il-ħlewwa, il-ħniena, il-ġenerożità ta’ Alla kif dehru fil-persuna ta’ Kristu. Huwa dan ir-ritratt pożittiv ta’ Alla li jaf isaħħar lill-bniedem u hekk jiddisponih biex bil-mod il-mod jinfetaħ għall-veritajiet kollha tal-Vanġelu.

Imma biex il-komunità Nisranija tagħraf twassal il-verità permezz tal-imħabba, għandna bżonn inkomplu napprezzaw il-ġenju tal-mara. Min-natura tagħha l-mara hija mogħnija b’dawk il-kwalitajiet propji tal-femminilità tagħha bħalma huma l-ħlewwa, it-tjubija, iż-żegħil, is-sabar, il-komprensjoni, il-mogħdrija, l-intuwizzjoni u l-imħabba. Dawn il-karatteristiċi jagħmlu lill-mara idonea biex tkun minn ta’ quddiem nett fl-evanġelizzazzjoni l-ġdida. Barra minn hekk, preżenza aktar qawwija u ċentrali tal-mara fil-Knisja żgur li tgħin biex ilkoll kemm aħna nagħmlu tagħna dawn l-atteġġjamenti femminili u hekk bħala Knisja nkomplu nagħtu sehemna biex tibqa’ tidwi s-sinfonija tal-verità u l-imħabba u hekk joktor il-ġmiel madwarna.