Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Festa ta’ San Ġorġ Preca

Print Friendly, PDF & Email

Omelija fil-Festa ta’ San Ġorġ Preca
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

DUN ĠORĠ PRECA: MEMORJA TA’ ALLA GĦALINA

8 TA’ MEJJU 2014.

Dan l-aħħar iltqajt ma’ persuna li kienet imnikkta qatigħ għaliex intebħet li missierha, li hu marid bid-dimenzja, ma jagħrafhiex! Meta l-memorja tfellaq, il-bniedem jitlef is-sisien li fuqhom tkun isserraħ ħajtu. Prattikament bniedem bla memorja la jibqagħlu passat u anqas futur. Din it-tip ta’ persuna mhux biss titlef it-tifsira tar-relazzjonijiet tagħha mal-persuni u l-ambjent ta’ madwarha, imma lanqas tibqa’ tagħraf lilha nfisha. Il-memorja hija marbuta mal-identità personali – meta titlaq il-memorja, titlef l-identità tiegħek. La tibqa’ konxju int min int u lanqas tkun taf minn fejn ġej u fejn sejjer.

Dak li jiġri fuq livell personali jista’ jiġri wkoll fuq dimensjoni kollettiva. Is-soċjetà wkoll għandha l-istorja tagħha. Id-dinja ma bdietx magħna, imma aħna għandna l-antenati tagħna li matul is-sekli għamlu għażliet li permezz tagħhom nisġu l-identità kollettiva tagħna. Imma jekk is-soċjetà ma tikkurax il-memorja kollettiva tagħha, tista’ titlef il-memorja u hekk tarmi l-patrimonju li jsawwar l-identità tagħha. Anzi, meta din il-memorja tkun ittraskurata u tibda tnin, hemm ir-riskju li s-soċjetà tibda tipprova dak kollu li jkun hemm fis-suq anki jekk dan ikun f’kuntrast qawwi ma’ dak li jsawwarha.

Il-memorja hija fakultà importanti ħafna għalina l-Insara, kemm individwalment u kemm bħala poplu ta’ Alla. Fil-fatt, Alla nnifsu jwiddeb lill-poplu tiegħu: “Iftaħ għajnejk, u oqgħod attent ħafna għalik innifsek, li ma tmurx tinsa l-ħwejjeġ li rajt b’għajnejk; tħallihomx iwarrbu minn qalbek tul il-jiem kollha ta’ ħajtek, imma għallimhom lil uliedek u ’l ulied uliedek… Qis li ma tinsiex lill-Mulej, li ħarġek mill-Eġittu, minn dar il-jasar” (Dewt 4:9; 6:12). Jekk inżommu quddiem għajnejna kif l-id ta’ Alla mexxietna matul is-sekli, il-fidi tagħna tistagħna; imma jekk naħslu ninsew x’għamel il-Mulej magħna, dan ikun ifisser li nkunu qtajna l-għeruq tagħna minn Alla… ifisser li nkunu tlifna l-fidi. Għaliex fidi u memorja huma relatati ħafna. Fil-fatt “il-mistoqsija dwar il-verità hija kwistjoni ta’ memorja profonda, għax aħna nduru fuq xi ħaġa li tinsab quddiemna, u b’dan il-mod, jista’ jseħħilha tgħaqqadna lil hinn mill-‘jien’ żgħir u limitat tagħna” (ara Lumen Fidei, 25).

Għalkemm, kif jgħid San Bonaventura, fil-ġewwieni tal-bniedem hemm miktuba l-memorja tal-Ħallieq tant li l-ħolqien ifakkarna dwar Alla, irridu nammettu li madwarna nilmħu sinjali ta’ dimenzja spiritwali. Bħal donnu l-bniedem modern inħakem minn din l-amnesija u jazzarda jfassal ħajtu daqslikieku Alla ma jeżistix. Billi nesa li hemm Alla u jidhirlu li għandu jfendi għal rasu, il-bniedem mhux biss qed jagħmel għażliet mingħajr ebda fundament etiku, imma qed iċaħħad lilu nnifsu milli jagħmel esperjenza tat-tjubija ta’ Alla. Maħkuma minn amnesija li tħassar l-għarfien dwar Kristu, diversi jinsew dak li għamel u għallem il-Mulej Ġesù. Konsegwenza ta’ dan, huwa possibbli li xi wħud huma Kristjani tal-isem biss. Għal dawn, il-ġrajja tal-fidwa li wettaq Kristu ma tfisser xejn u l-ordni ġdid li waqqaf Kristu mhux mifhum u anqas apprezzat.

Evidenti għalhekk kemm huwa importanti li l-memorja Kristjana tkun kontinwament ikkurata u mgħalfa tajjeb. Bħalma l-Lhud kienu jħossu d-dmir li “jirrakkontaw” lil uliedhom dak kollu li Alla għamel magħhom meta tahom il-ħelsien u hekk kienu jiżguraw li l-memorja tibqa’ ħajja, hekk ukoll jekk illum irridu naħżnu l-esperjenza ta’ Alla fil-memorja, hija meħtieġa dik li tissejjaħ “in-narrazzjoni Kristjana” – li nirrakkontaw x’għamel Alla, b’mod partikulari xi episodji qawwija mill-ħajja ta’ Ġesù. In-Nisrani ma jistax ma jkollux maħżuna fil-memorja tiegħu kemm l-azzjoni u kemm kelmet Kristu, biex meta jkun il-waqt ikun jista’ joħroġ dan l-għerf divin mill-maħżen tal-memorja u jużah għall-ħajja. Barra minn hekk, fil-ħażna tal-memorja n-Nisrani jistiva wkoll l-esperjenzi personali tiegħu ta’ Alla – fil-fatt ħadd ma jista’ jfisser il-faraġ li wieħed iġarrab meta wieħed jiftakar kemm Alla jkun għamel miegħu, kemm Alla jkun sawwab imħabbtu fuqu, kemm Alla jkun twajjeb u ġeneruż miegħu, fuq kollox kemm Alla jkun ħela ħniena miegħu.

Peress li l-memorja qasira tagħna bħala soċjetà taf tnissina dan kollu, huwa meħtieġ li niftakru u nfakkru x’għamel Alla magħna bħala nazzjon matul is-sekli. Jekk Malta titlef il-memorja Nisranija tagħha, tkun tilfet l-identità tagħha. L-istorja ta’ ġensna hija minsuġa bil-ħjut tal-Vanġelu. Fil-fatt, kif osserva dan l-aħħar il-Professur Oliver Friggieri, Malta u l-Knisja jagħmlu “Malta”, filwaqt li Malta mingħajr il-Knisja hija deżert. Għalhekk, il-familja Maltija ma għandhiex tistħi tagħti xhieda li ħafna drabi kien it-twemmin tagħha fi Kristu li għenha tofroq il-mewġ tal-baħar imqalleb tal-ħajja. Il-politiku Nisrani jħossu kburi li l-għeruq Insara tiegħu għamluh akkanit fil-qasam tal-ġustizzja soċjali. In-Nisrani li jaħdem fiċ-Ċivil ma għandux iħossu inferjuri jekk jistqarr pubblikament liema huma l-valuri tal-Vanġelu li mhux biss sawruh ċittadin onest imma saħħew fih l-imħabba lejn il-nazzjon. Xejn ma għandu jżomm lura lill-ħaddiem Nisrani milli jirrakkonta li t-twemmin tiegħu fi Kristu għenu biex irawwam fih is-sens ta’ dover u r-responsabbiltà. Dan kollu u aktar jagħmel parti mill-memorja kollettiva tagħna l-Maltin.

San Ġorġ Preca mhux biss jappartieni lill-memorja kollettiva tagħna, imma kien wieħed minn dawk li ħadmu bis-sħiħ biex isaħħu l-memorja Nisranija tal-poplu tagħna. Kemm tagħlimu u kemm imġiebtu kienu strumentali biex jiffurmaw u jsostnu din il-memorja. Inħossni komdu ngħid li Dun Ġorġ innifsu kien “il-memorja ta’ Alla” għalina, fis-sens li lil kull min kien jiltaqa’ miegħu jew jitkellem miegħu, Dun Ġorġ immankabilment kien ifakkru f’Alla. F’għadd ta’ kitbiet tiegħu, Dun Ġorġ kien jgħin il-memorja tiġbor fiha “ritratti” ta’ Ġesù, bħal fil-ktieb Is-Sakrarju tal-Ispirtu ta’ Kristu. Il-metodu kateketiku li huwa fassal jinkludi wkoll għadd ta’ eżerċizzji maħsuba biex jgħinu l-memorja, bħalma kien l-eżerċizzju memorjali.

Barra minn hekk, huwa waqqaf is-Soċjetà tal-Museum li l-membri tagħha huma katekisti. Propju ftit xhur ilu l-Papa Franġisku qal li l-katekisti huma dawk li “jieħdu ħsieb u jalimentaw il-memorja ta’ Alla. Il-katekist huwa dak li jikkura din il-memorja għalih innifsu u fl-istess waqt iqajjimha fl-oħrajn”. Inħeġġeġ lis-Soċji ma jehdew qatt iħabirku, partikularment f’din l-epoka fejn qed ninħakmu minn dimenzja spiritwali, biex bit-tagħlim tagħhom jgħinuna nżommu din il-memorja ta’ Alla ħajja. Minn qalbi nappellalhom biex fuq l-eżempju tal-Fundatur, ikunu huma wkoll “memorja ta’ Alla”.

Fl-enċiklika Lumen Fidei, il-Papa Franġisku jfakkarna li hemm erba’ modi kif il-Knisja twassal il-kontenut tal-memorja tagħha. (1) L-ewwel nett billi hija xxandar dak li xandru l-Appostli li jħaddan dak kollu li jiswa biex il-bniedem jgħix ħajja qaddisa. Kif jgħallmu l-Missirijiet tal-Knisja, min ma jafx il-Kotba Mqaddsa, ma jafx lil Kristu. (2) Imbagħad il-Knisja tgħallem id-Dekalogu jew l-Għaxar Kmandamenti. Dawn ma humiex ġabra ta’ liġijiet li jipprojbixxu, iżda indikazzjonijiet prattiċi biex noħorġu mid-deżert tal-“jien” (egoiżmu) u nidħlu fi djalogu ma’ Alla – il-Liġi ta’ Alla ma xxekkilx il-ħelsien imma tagħti libertà sħiħa. (3) Hemm imbagħad it-talb – partikularment it-talba tal-Missierna – li jgħinna nagħrfu lil Alla u nkebbsu x-xewqa tiegħu fl-oħrajn. Dun Ġorġ għandu ktieb propju dwar din it-talba. (4) Billi l-kontenut li xxandar il-Knisja mhux biss duttrina imma huwa wkoll dawl li jiġi mil-laqgħa ma’ Alla l-Ħaj, hemm ukoll is-sagramenti. Insemmi biss l-Ewkaristija, fejn Ġesù nnifsu jgħidilna biex niċċelebrawha “b’tifkira tiegħU”. Fil-fatt l-Ewkaristija hija att tal-memorja li tfakkar fil-ġrajja tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, imma hija wkoll tiġdid tas-sagrifiċċju tal-fidwa u għalhekk tiftaħ għall-ġejjieni. Dawn l-erba’ elementi jħaddnu t-teżor tal-memorja li l-Knisja xxandar, u jekk irridu nieħdu ħsieb il-memorja Kristjana tagħna, nagħmlu sew jekk napprezzawhom aktar.

Nitolbu lil Alla, bl-interċessjoni ta’ San Ġorġ Preca, biex filwaqt li jbiegħed minna d-dimenzja spiritwali, jagħmel minna lkoll Memores Domini, bit-tama li bil-preżenza u bil-kelma tagħna noffru sehemna biex tissaħħaħ il-memorja ta’ Alla fil-poplu tagħna.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading