Omelija tal-Papa Ġwanni Pawlu II f’Turin


VISTA PASTORALI LID-DIJOĊESI TA’ TURIN

OMELIJA TA’  ĠWANNI PAWLU II. Il-Ħadd, 13 ta’ April 1980

1. “Fil-għaxija ta’ dak l-istess jum, l-ewwel wara s-Sibt, waqt li kienu magħluqin il-bibien tal-post fejn kienu jinsabu d-dixxipli minħabba l-biżà tal-Lhud” (Ġw 20,9). B’dan il-kliem jibda llum il-qari tal-Vanġelu skont Ġwanni.

“Kienu magħluqin il-bibien… minħabba l-biżà”.

Diġa filgħodu, lill-appostli miġburin fiċ-ċenaklu, waslet l-aħbar li l-qabar, fejn kien ġie mqiegħed Kristu, kien vojt, Il-blata ssiġillata mill-awtorità Rumana, kienet ġiet maqluba, Il-għases, li b’inizjattiva u ordni tal-istess kellhom jgħassu l-qabar, kienu nieqsa.

In-nisa, li “filgħodu kmieni” kienu marru ħdejn il-qabar ta’ Ġesù, setgħu bla ebda diffikultà jidħlu fil-qabar. Wara, setgħu jagħmlu l-istess Pietru, infurmat minnhom, u Ġwanni flimkien miegħu. Pietru daħal fil-qabar; ra l-faxex u l-liżar, imqiegħda għalihom, li bihom kien infaxxat il-ġisem tal-Imagħallem. It-tnejn għarfu li l-qabar kien vojt u abbandunat. Emmnu fil-verità tal-kliem, li bih kienu marru għandhom in-nisa, speċjalment Marija ta’ Magdala; bdanakollu… kien għadhom ma fehmux l-Iskrittura, li skontha huwa kellu jqum mill-imwiet (cf. Ġw 20,1ss).

Irritornaw, mela, lejn iċ-ċenaklu, waqt li stennew il-kumplament tal-iżvilupp tal-ġrajjiet. Jekk l-evanġelista Ġwanni, li kien ħa sehem attiv f’dan kollu, jikteb li “kienu jinsabu (fiċ-ċenaklu) waqt li l-bibien kienu magħluqa minħabba l-biżà mil-Lhud, dan ifisser li l-biżà, tul dak il-jum, kien fuqhom iktar qawwi mis-sentimenti l-oħra. Pjuttost li ma kienu qegħdin jistennew xejn tajjeb mill-fatt li l-qabar kien baqà vojt; iktar kienu jistennew pjuttost iktar turmenti, oppressjonijiet min-naħa tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet Lhud. Dan kien sempliċement biżà uman, ġej mit-theddid immedjat. Bdanakollu, fil-fond ta’ din il-biżà għalihom infushom, kien hemm biżà iktar profonda, ikkawżata mill-ġrajjiet tal-aħħar jiem. Din il-biżà, mibdija tul il-lejl tal-Ħamis, kienet messet il-quċċata tagħha matul il-Ġimgħa l-Kbira, u, wara d-difna ta’ Ġesù, kien għadha taħkimhom, waqt li pparalizzat l-inizjattivi kollha.

Din kienet il-biżà mqanqla mill-mewt ta’ Kristu.

Infatti, waħda mistoqsija minnu: “In-nies min jgħidu li hu Bin il-bniedem?” (Mt 16,13), kienu weġbuh diversi ilħna u opinjonijiet dwar Kristu: u mbagħad mistoqsijin b’mod dirett: “intom min tgħidu li jien?” (Mt 16,15) kienu semgħu u aċċettaw fis-skiet, bħala tagħhom, il-kliem ta’ Pietru: “Inti l-Kristu, l-Iben ta’ Alla l-ħaj”(Mt 16,16).

Fuq is-salib, mela, miet l-Iben ta’ Alla l-ħaj.

Il-biżà, li minnha nħakmu l-qlub tal-Appostli, kellha għeruqha iktar profondi f’din il-mewt:  kienet biżà mnissla, biex ngħidu hekk, mill-mewt ta’ Alla.

2. Il-biżà tinkwieta wkoll lill-ġenerazzjoni kontemporanja tal-bnedmin. Dawn iħossuha b’mod aċċentwat, Jistà jkun li b’mod iktar profond iħossuha dawk, li huma iktar konxji mis-sitwazzjoni kollha tal-bniedem u li fl-istess ħin aċċettaw il-mewt ta’ Alla fid-dinja umana.

Din il-biżà ma tinstabx fil-wiċċ tal-ħajja umana, Fil-wiċċ tiġi kkompensata permezz tad-diversi mezzi taċ-ċiviltà u tat-teknika moderna, li jippermettu lill-bniedem li jeħles lilu nnifsu mill-profondità tagħha, u li jgħix fid-dimensjoni tal- “homo oeconomicus” tal-’“homo technicus” tal-“homo politicus” u, f’ċertu grad, ukoll fid-dimensjoni tal-“homo ludens”.

Infatti, kontemporanjament tibqà u tikber b’motivazzjoni suffiċjenti l-kuxjenza ta’ progress mgħaġġel tal-bniedem fl-isfera tad-dominju tiegħu fuq id-dinja viżibbli u fuq in-natura.

Il-bniedem, fid-dimensjoni tiegħu planetarja, qatt ma kien tant konxju ta-qawwiet kollha, li hu għandu l-ħila jutilizza u jiddestina għas-servizz propju u qatt ma nqeda bihom f’tali miżura. Minn dan il-punt di vista u f’din id-dimensjoni, il-konvinzjoni dwar il-progress tal-umanità hija għal kollox iġġustifikata.

Fil-pajjiżi u fl-ambjenti tal-ikbar progress tekniku u tal-ikbar ġid materjali, id f’id ma’ din il-konvinzjoni jimxi atteġġjament li aħna s-soltu nsejħu “konsumistiku”. Dan, madankollu, jixhed li l-konvinzjoni dwar il-progress tal-bniedem huwa biss iġġustifikat parzjalment. Anzi, dan jixhed li tali orjentament tal-progress jistà joqtol fil-bniedem dak li huwa iktar profondament u iktar essenzjalment uman.

Li kieku kienet preżenti hawn Madre Teresa ta’ Calcutta – waħda minn dawk in-nisa li qatt ma beżgħet tinżel, billi ssegwi lil Kristu. għad-dimensjonijiet kollha tal-umanità, għas-sitwazzjonijiet kollha tal-bniedem fid-dinja kontemporanja – hija kienet tgħidilna li fit-toroq ta’ Calcutta u ta’ bliet oħra tad-dinja il-bnedmin imutu bil-ġuħ…

L-atteġġjament konsumistiku ma jqisx l-verità kollha tal-bniedem – linqas il-verità storika, linqas dik soċjali, linqas dik interna u metafiżika. Pjuttost huwa ħarba minn din il-verità.

Ma jqisx il-verità kollha dwar il-bniedem. Il-bniedem huwa maħluq għall-kuntentizza. Iva! Imma l-kuntentizza tal-bniedem affattu ma tidentifikax ruħha mat-tgawdija! Il-bniedem orjentat “konsumistikament” jitlef, f’dan il-pjaċir, id-dimensjoni sħiha tal-umanità tiegħu, jitlef il-kuxjenza tas-sens l-iktar profond tal-ħajja. Tali orjentament tal-progress joqtol, mela, fil-bniedem dak li li huwa l-iktar profond u l-iktar essenzjali uman.

3. Imma l-bniedem jerġà jaħrab mill-mewt.

Il-bniedem jibżà mill-mewt.

Il-bniedem jiddefendi ruħu mill-mewt.

U s-soċjetà tfittex li tiddefendih mill-mewt.

Il-progress, li b’tant diffikultà, bil-ħela ta’ tant enerġija u b’tant spejjeż inbena minn tant ġenerazzjonijiet umani, jinkludi bdanakollu fil-komplessità tiegħu kollha proporzjon qawwi ta’ mewt. Huwa meħtieġ li dan jintwera fis-soċjetà, li hija konxja dwar liema possibiltajiet ta’ qerda jinsabu fl-arsenali militari u nukleari kontemporanji?

Mela, il-bniedem kontemporanju għandu biżà. Għandhom biżà s-superpotenzi li jiddisponu minn dawn l-arsenali – u għandhom biżà l-oħrajn: il-kontinenti, in-nazzjonijiet, il-bliet…

Din il-biżà hija ġġustifikata. Mhux biss jeżistu l-possibiltajiet ta’ qerda u ta’ qtil qabel mhux magħrufa, imma diġa llum il-bnedmin joqtlu b’mod abbundanti bnedmin oħra! Joqtlu fid-djar, fl-uffiċini, fl-universitajiet. Il-bnedmin armati bl-armi moderni joqtlu bnedmin indifiżi u nnoċenti. Inċidenti ta’ dan it-tip iseħħu dejjem, imma llum dan sar Sistema. Jekk il-bnedmin iħossu li hemm bżonn joqtlu bnedmin oħra bl-iskop li jibdlu jew itejbu l-bniedem u s-soċjetà, allura għandhom jistaqsu jekk, flimkien ma’ dan il-progress materjali ġgantesk, li fih qiegħda tieħu sehem l-epoka tagħna, wasalniex fl-istess ħin biex nikkanċellaw propju lill-bniedem, valur tant fundamentali u elementari! Ma wasalniex diġa għaċ-ċaħda ta’ dak il-prinċipju fundamentali u elementari li l-ħassieb nisrani l-antik esprima bis-sentenza: “Hemm bżonn li l-bniedem jgħix”? (S. Irinew).

Hekk, mela, biżà ggustifikata tnikket il-ġenerazzjoni tal-bnedmin kontemporanji. Dan l-orjentament ta’ progress ġgantesk, li sar l-esponent taċ-ċiviltà tagħna, mhux se jsir il-bidu tal-mewt ġganteska u pprogrammata tal-bniedem?

Dawk it-terribli kampijiet tal-mewt, li tagħhom għadhom iġorru fuq ġisimhom xi wħud mill-kontemporanji tagħna, mhumiex, fis-seklu tagħna, wkoll, avviż bil-quddiem u antiċipazzjoni ta’ dan?

4. L-Appostli miġburin fiċ-ċenaklu ta’ Ġerusalem inħakmu mill-biżà: “Waqt li l-bibien kienu magħluqin…minħabba l-biżà”. Kien miet fuq is-salib l-Iben ta’ Alla.

I-biżà, li tnikket lill-bnedmin moderni mhijiex jewwilla mnissla wkoll hi, fl-għeruq l-iktar profondi tal- “mewt ta’ Alla?

Mhux minn dik fuq is-salib, li saret il-bidu tal-qawmien mill-imwiet u s-sors tal-glorifikazzjoni tal-Iben ta’ Alla u fl-istess ħin is-sies tat-tama umana u s-sinjal tas-salvazzjoni, mhux minn dik.

Imma mill-mewt, li biha l-bniedem iġiegħel imut lil Alla fih innifsu, u b’mod partikolari fil-korsa tal-aħħar stadji tal-istorja tiegħu, fil-ħsieb tiegħu fil-kuxjenza tiegħu, fl-operat tiegħu. Dan huwa bħal denominatur komuni ta’ bosta inizjattivi tal-ħsieb u tar-rieda umana. Il-bniedem ineħħi lil Alla lilu nnifsu u d-dinja. U dan isejjaħlu “ħelsien mill-aljenazzjoni reliġjuża”. Il-bniedema jisraq lilu nnifsu u d-dinja billi jaħseb li b’dan il-mod biss se jkun jistà jidħol fil-pussess sħiħ tagħhom, billi jsir sid id-dinja u sid tal-propju esseri. Mela, il-bniedem “joqtol” lil Alla fih innifsu u fl-oħrajn. Għal dan iservu sistemi filosofiċi sħaħ, programmi soċjali, ekonomiċi u politiċi. Għalhekk, qegħdin ngħixu fl-epoka ta’ progress ġgantesk materjali, li hija wkoll l-epoka ta’ ċaħda ta’ Alla qabel mhux magħrufa.

Tali hija x-xbiha taċ-ċiviltà tagħna.

Imma għaliex il-bniedem huwa maħkum mill-biżà? Forsi saħansitra għaliex, minħabba din iċ-ċaħda tiegħu, fl-aħħar minn l-aħħar, jibqà waħdu: metafiżikament waħdu… internament waħdu.

Jew forsi?… forsi propju għaliex il-bniedem, li joqtol lil Alla, ma jsib linqas kontroll deċiżiv biex ma joqtolx lill-bniedem. Dan il-kontroll deċiżiv huwa f’Alla. U l-aħħar sies tal-valur u tad-dinjità tal-bniedem, tas-sens ta’ ħajtu, huwa l-fatt li huwa hu xbiha u xebħ ta’ Alla!

5. L-għaxija ta’ dak l-istess jum, il-jum ta’ wara s-Sibt, waqt li l-appostli kienu wara l-bibien imsakkrin “minħabba l-biżà tal-Lhud”, ġie għandhom Ġesù. Daħal, waqaf f’nofshom u qalilhom: “Il-paċi magħkom” (Ġw 20,19).

Mela huwa ħaj! Il-qabar vojt ma jfisser xejn aktar, għajr li huwa rxoxta, kif kien ħabbar minn qabel. “Ħaj, u hawn hu ġie għandhom, fl-istess post li kien ħalla flimkien magħhom fil-għaxija tal-Ħamis wara ċ-ċena paskwali. Ħaj, fil-propju ġismu. Infatti, wara li kien sellmilhom. “urihom idejh u l-kustat” (Ġw 20,20) Għaliex? Bla dubju għaliex kien għad fihom is-sinjali tat-tislib. Huwa mela l-istess Kristu li kien ġie msallab u miet fuq is-salib, u issa ħaj. Huwa Kristu rxuxtat. Filgħodu tal-istess jum ma kienx ħalla li jkun mimsus minn Maddalena: u issa “jurihom – lill-appostli – idejh u l-kustat”.

“U id-dixxipli kienu ferħu għad-dehra tal-Mulej” (Ġw 20,20). Ferħu! Din il-kelma hija sempliċi u fl-istess ħin profonda. Ma titkellimx b’mod dirett dwar il-profondità u dwar il-qawwa tal-ferħ, li tiegħu x-xhieda tal-Irxoxt sara parteċipi – imma tippermettilna li nirrejalizzaw. Jekk il-biżà tagħhom kellha l-għeruq l-iktar profondi fil-fatt tal-mewt tal-Iben ta’ Alla, allura l-ferħ tal-laqgħa mal-Irxoxt kellu jkun fuq il-qies ta’ dik il-biżà. Kellu jkun ikbar mill-biżà. Dan il-ferħ kien tant ikbar, minħabba li, umanament, kien iktar diffiċli li jkun aċċettat. U kemm kien diffiċli, tixhdu l-imġieba ta’ Tumas, li “ma kienx magħhom meta ġie Ġesù” (Ġw 20,24).

Huwa diffiċli tiddeskrivi dan il-ferħ. U huwa diffiċli tkejlu bil-metru tal-psikoloġija umana. Dan huwa sempliċi, bis-sempliċità kollha tal-Vanġelu, u fl-istess ħin, huwa profond bil-profondità kollha tiegħu. U l-profondità tal-Vanġelu hija tali li hu jinkludi b’mod sħiħ il-bniedem kollu. Jinkludih fih b’mod soprabbundanti: bir-rieda kollha tiegħu, bl-aspirazzjoni tal-ispirtu tiegħu kollha u bix-xewqat kollha ta’ “qalbu”. Jinkludih ukoll bil-profondità kollha ta’ dak il-biżà tiegħu li titnissel mill-“mewt ta’ Alla”, u li titnissel ukoll fil-prospettiva tal-“mewt tal-bniedem”.

Propju dawn iż-żminijiet, li fihom qegħdin ngħixu – żminijiet li fihom qiegħda titħaddem il-prospettiva tal-“mewt tal-bniedem” imnissla mill-“mewt ta’ Alla” fil-ħsieb uman, fil-kuxjenza umana, fl-aġir uman – propju dawn iż-żminijiet jesiġu, b’mod speċjali, il-verità tal-qawmien mill-imwiet tal-Imsallab.

Jesiġu wkoll ix-xhieda tal-qawmien mill-imwiet, li tkun elokwenti daqs qatt qabel.

Mhux ta’ b’xejn, il-Vatikan II ġibed l-attenzjoni tal-Knisja kollha lejn il- “mysterium paschale”.

6. Ejjew mela, ngħixu, illum, dan il-misteru mal-Knisja kollha li tinsab hawn f’Torin. Ejjew nirrendu xhieda lill-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu quddiem din il-belt u s-soċjetà. Torin kollha ssir ċenaklu ta’ din il-laqgħa mal-Irxoxt, li għalih twassalna llum l-liturġija qaddisa.

Hemm b’dan għonja reġġjuni storiċi, li jmorru lura għaż-żminijiet antiki. Imma, fuq kollox, tali reġġjonijiet isibu ruħhom fl-istorja reċenti tal-belt tagħna u tal-Knisja tagħna! Il-misteru paskwali sab hawn xi xhieda u appostli splendidi tiegħu, b’mod speċjali bejn id-dsatax u l-għoxrin sekliu. Ma setax, mill-bqija, jkun mod differenti fil-belt li tgħasses relikwa mhux tas-soltu u misterjuża bħas-Sagra Sindone, xhud sigolarissmu – kemm-il darba naċċettaw l-argumenti ta’ tant xjenzati – tal-Għid: tal-passjoni, tal-mewt u tal-qawmien mill-imwiet. Xhud mutu, imma fl-istess ħin elokwenti b’mod sorprendenti!

Konsegwentement, f’dawk il-ħafna bnedmin li ħallew hawn, f’Torin, marka u żerriegħa, hekk meraviljuża tal-qdusija: Don Bosco, il-Cottolengo, il Cafasso, f’dawn il-bnedmin, nirrepeti, ma operax hawn jewwilla Kristu Msallab u Irxuxtat?

Imma xiħadd se jgħidilna: din storja tal-bieraħ. L-illum huwa differenti, differenti radikalment. L-“illum” jikkalpesta l-“bieraħ” M’għadx hawn it-Torin tal-qaddisin, imma t-Torin tal-industrija l-kbira u tas-sekularizzazzjoni l-kbira, it-Torin ta’ lotta tal-klassi ta’ kuljum  u ta’ vjolenza ma taqtax. Il-qaddisin jappartienu lill-passat, mhumiex biżżejjed għaż-żminijiet tallum, xiħadd se jgħidilna.

Imma Kristu huwa hawn. U hu huwa biżżejjed għal kull żmien: “Ġesù Kristu huwa l-istess, ilbieraħ, illum u dejjem!”(Lh 13,8). Iktar ukoll. Ejjew nisimgħu l-Apokalissi ta’ Ġwanni l-Appostlu. Hu jirrendi xhieda partikolari għal dan Kristu talbieraħ, tallum u ta’ għada: “Jien kif rajtu, waqajt qisni mejjet f’riġlejh. Iżda hu ressaq idu fuqi u qalli: “Tibżax: jiena hu l-Ewwel u l-Aħħar, jiena l-Ħaj; jiena kont mejjet, u ara, jien issa ħaj għal dejjem ta’ dejjem u għandi jinsabu l-imfietaħ tal-Mewt u ta’ Post il-Mejtin”” (Ap 1,17-18).

Poter fuq il-mewt…

Iva. L-uniku muftieħ kontra l-“mewt tal-bniedem” jippossedih hu: l-Iben ta’ Alla l-ħaj. Hu, ix-xhud tal-Alla l-ħaj: “L-Ewwel u l-Aħħar u l-Ħaj”.

Dan ingħad lilna l-bnedmin mill-epoka ta’ progress ġgantesk u mill-epoka ta’ biżà li tikber flimkien mas-suċċessi umani u mat-theddid tagħhom.

Dan ingħad għalina.

7. U jistà jkun li llum huma iżjed numerużi fostna dawk li ma jemmnux milli dawk li jemmnu? Jistà jkun li mietet il-fidi u ġiet mgħottija minn strat ta’ kwotidjanità lajka, jew saħansitra ta’ ċaħda u ta’ disprezz…

Fil-ġrajja evanġelika u liturġika tallum hemm ukoll appostlu li ma jemminx u rasu iebsa fin-nuqqas ta’ fidi tiegħu: “Jekk ma narax…ma nemminx” (Ġw 20,25).

Kristu jgħid: “Ħares…ivverifika…, u tibqax ma temminx…” (Ġw 20,27). Jew forsi taħt in-nuqqas ta’ fidi hemm saħansitra id-dnub, id-dnub ikkonfermat li l-bnedmin avanzati ma jridux isejħu b’ismu, sabiex il-bniedem ma jsejjaħlux hekk u linqas ma jfittex maħfra. “Kristu jgħid: “Irċievu l-Ispirtu Santu; lil min taħfrulu dnubietu, dawn ikunu maħfura, u lil min ma taħfruhomlux, dawn ma jkunux maħfura” (Ġw 20,22-23). Il-bniedem jistà jsejjaħ id-dnub b’ismu, mhux kostrett li jiffalsifikah fih innifsu, għaliex il-Knisja irċeviret mingħand Kristu l-poter u l-qawwa fuq id-dnub għall-ġid tal-kuxjenzi umani.

Dawn ukoll huma essenzjali partikolari tal-messaġġ paskwali tallum

Il-Knisja kollha llum tħabbar lill-bnedmin kollha l-ferħ paskwali li fih tidwi r-rebħa fuq il-biżà tal-bniedem. Fuq il-biżà tal-kuxjenzi umani mnissla mid-dnub.Fuq il-biżà tal-eżistenza kollha, imnissla mill-“mewt ta’ Alla fil-bniedem, li fiha jinfetħu l-prospettivi ta’ “mewt tal-bniedem” multipla”.

Dan huwa l-ferħ tal-appostli miġburin fiċ-ċenaklu ta’ Ġerusalem. Dan huwa l-ferħ paskwali tal-Knisja, li f’dan iċ-ċenaklu għandha l-bidu tagħha. Hija għandha l-bidu tagħha fil-qabar vojt taħt il-Golgota u fil-qlub ta’ dawk il-bnedmin sempliċi, li “fil-għaxija ta’ dak l-istess jum, l-ewwel wieħed wara s-Sibt” jaraw lill-Irxoxt u jisimgħu minn fommu t-tislima: “Il-Paċi magħkom!”

Jalla dan il-ferħ l-iktar qawwi minn kull biżà tal-bniedem ikun ipparteċipat minn din il-Knisja u minn din il-belt. “Augusta Taurinorum”, li lejha ingħata lili li nagħmel pellegrinaġġ, lili, suċċessur indenn ta’ Pietru.

Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Maltin minn Emanuel Zarb