Ġwanni Pawlu II lid-Djakni ġodda


QUDDIESA GĦAL GRUPP TA’ DJAKNI ĠODDA

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II. Castelgandolfo, 11 ta’ April 1980

Għeżież uliedi u ħuti fi Kristu.

1. Fil-preżenza tal-komunità tal-fidili, rappreżentata minn grupp tal-ġenituri tagħkom, qraba u ħbieb, jiena ġejt hawn biex nirratifika id-don ta’ ħajjitkom bħala djakmi fil-Knisja ta’ Alla. B’dan l-għemil intom imfawrin bil-fiduċja għaliex tafu li l-vokazzjoni tagħkom u l-ministeru tagħkom isibu s-sapport effettiv tagħhom fil-qawwa tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, li l-Knisja qiegħda tiċċelebra bi gratitudni ferrieħa u mħabba matul dan il-perijodu qaddis kollu.

Il-Knisja tassew qiegħdet f’idejkom teżor kbir, talbitkom li tkunu magħqudin b’mod speċjali mal-Mulej Ġesù fl-adorazzjoni tiegħu lill-Missier u fis-servizz tiegħu għall-umanità. Intom imsejħin għall-ikbar konformità ma’ Kristu il-qaddej, u minn issa ‘l hemm id-dixxipolanza tagħkom se turi ruħha fil-ministeru tal-kelma, tal-altar u tal-karità.

2. Ħajjitkom kollha trid tgħaddas għeruqha fil-kelma ta’ Alla, li intom imsejħa biex taċċettaw u tikkomunikaw fl-għana kollha tagħha propju bħal ma hi mxandra mill-Knisja unika, qaddisa, kattolika u apostolika. Fis-sagrifiċċju ewkaristiku – li fih intom tieħdu sehem u li se jkun għal dejjem iċ-ċentru ta’ ħajjitkom – Kristu stess se joffri l-ministeru kollu kemm hu tagħkom tal-karità lil Missieru. Minn issa ‘l hemm, se jkollkom rapport partikolari mal-faqar, it-tbatija, il-mard – ma’kull tip ta’ miżerja. U ftakru dejjem li l-ikbar servizz li tirrendu lill-Poplu ta’ Alla huwa dak li twasslulu l-Vanġelu tas-salvazzjoni li jġib l-ħajja u l-għajnuna.

3. Biex tħejjijkom għad-dmir tas-servizz, il-Knisja b’mod sollenni sejħet fuqkom l-Ispirtu Santu u s-sebà doni tiegħu. L-Ispirtu Santu huwa dak li huwa kapaċi jikkonfermakom dejjem b’mod iktar profond għal Ġesù li intom tirrapreżentaw, u jrid jestendi permezz tagħkom l-unjoni feddejja tiegħu mal-umanità. Il-poplu għandu jkun jistà jara lil Kristu fikom, l-imgħallem għandu jkun magħruf fid-dixxiplu. Huwa f’isem Ġesù li intom mibgħutin, u kull ħaġa li intom se tkunu kapaċi tagħmlu se tingħatalkom f’isem Gesù Kristu n-Nażżarenu” (At 4,10).

4. Għall-iskop li tkunu konxji ta’ dmirkom li taqdu f’ismu qaddis, u għall-iskop li tibqgħu b’mod effettiv magħqudin miegħu, intom għandkom titolbu. Għandkom spiss tgħollu qlubkom lejn il-Mulej li sejħilkom b’isimkom u afdalkom responsabiltà kbira. F’dan ir-rigward, il-liturġija tas-sigħat se tkun l-arrikkiment ta’ ħajjitkom u l-garanzija tal-effikaċja tal-ministeru tagħkom ta’ servizz. It-talb għandu jsostni s-servizz tagħkom u s-servizz tagħkom a spejjes tagħkom għandu, ripetutament, imexxikom għat-talb. Kunu ċerti li Marija, Omm il-Mulej irxuxtat, se tgħinkom fl-isforzi tagħkom u se tibqà magħkom b’imħabbitha.

5. U fl-aħħarnett, għeżież uliedi u ħuti, sabiex il-ferħ tagħkom jistà jkun sħiħ, ftakru l-kliem ta’ Ġesù, l-assikurazzjoni li tana, il-wegħda meraviljuża li għamlilna: “…Jekk wieħed jaqdini, il-Missier jonerah” (Ġw 12,26). Iva, bħala djakni, intom imsejħin biex taqdu lil Kristu fil-membri tiegħu u biex tkunu onorati minn Missieru etern, li lilu jixirqu kull tifħir u glorja fl-unità tal-Ispirtu Santu għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Maltin minn Emanuel Zarb