Indirizz ta’ merħba mill-Isqof Mario Grech f’Konferenza Episkopali Maltija


KONFERENZA – PERSPETTIVI KULTURALI U SFIDI PASTORALI ATTWALI GĦAŻ-ŻWIEĠ U L-FAMILJA FIL-PAJJIŻI EWROPEJ

20 ta’ Frar 2015

INDIRIZZ TA’ MERĦBA – L-ISQOF MARIO GRECH
President, Konferenza Episkopali Maltija

INFANNDU AKTAR

Hu pjaċir tiegħi li nagħti dan il-messaġġ qasir ta’ merħba lill-istudjużi u l-mistiedna kollha li qed jieħdu sehem fil-konferenza tal-lum. Din il-laqgħa tagħna għandha l-għan li tikkontribwixxi fir-riflessjonijiet li għaddejjin b’dan il-perjodu bejn iż-żewġ Sinodi dwar l-isfidi kulturali u pastorali attwali għaż-żwieġ u l-familja fl-Ewropa.

Fil-preżenza ta’ teologi, bħala Isqof nixtieq nesprimi l-gratitudni u l-apprezzament tiegħi għax-xogħol prezzjuż tagħkom. Hi l-vokazzjoni tagħkom, f’komunjoni mal-Maġisteru, li tiksbu “għarfien dejjem ikbar tal-Kelma ta’ Alla li nsibu fl-Iskrittura mnebbħa u mgħoddija lilna mit-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja”. Din il-Konferenza hi pass fid-direzzjoni t-tajba biex nagħtu servizz lil ħutna bid-dawl ta’ dik il-Verità li teħlisna u ddawwal il-Knisja biex ixxandar il-Vanġelu tal-Ferħ u l-ħniena. It-tiftix teoloġiku tagħkom hu essenzjali biex nistgħu nindirizzaw l-isfidi li qed tħabbat wiċċha magħhom il-ħajja taż-żwieġ u l-familja, għax dak li l-Knisja għandha bżonn fis-“synodus” li jmiss hu li tagħti tweġibiet ġodda li għandhom l-għeruq tagħhom fil-Kelma ta’ Alla, fidili lejn it-Tradizzjoni tal-Knisja, u kreattivi. Ftit li xejn jiswa li niltaqgħu flimkien sempliċement biex intennu dak li hu ġa magħruf. Hi meħtieġa riflessjoni teoloġika profonda fil-Knisja, għax kif jistqarr il-Konċilju Vatikan II, dan jgħin biex “sew il-ħwejjeġ, sew il-kliem li t-Tradizzjoni tgħallem jinftiehmu aħjar” (Dei Verbum, 8).

Imma biex nistgħu nagħtu tweġibiet konkreti, irridu l-ewwel inkunu f’kuntatt mal-esperjenza konkreta tal-familji tagħna. Għalhekk naqbel ħafna mal-punt tat-tluq ta’ din il-Konferenza: l-esperjenza konkreta tal-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom iż-żwieġ u l-familja fil-kontinent tagħna. Irridu nħarsu b’attenzjoni u ħniena lejn is-sitwazzjonijiet li l-familji qed isibu ruħhom fihom illum il-ġurnata. Ħalluni nikkwota dak li diġà esprimejt fl-aħħar Sinodu: “Il-kreattività fil-lingwaġġ u fl-imġiba pastorali mal-persuni li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet pastorali diffiċli mhix sempliċi bidla minn barra, imma titlob li nfittxu tweġibiet ġodda u metodi pastorali li nistgħu anki niksbuhom minn Missirijiet il-Knisja. Hu f’waqtu li nistudjaw dawn is-sitwazzjonijiet b’reqqa teoloġika u spirtu pastorali biex nistgħu naslu għal soluzzjonijiet pastorali msejsa fuq approfondimenti duttrinali”.

Xi wħud jibżgħu li din l-esperjenza Sinodali kapaċi theżżeż il-qafas b’saħħtu tat-tagħlim tal-Knisja fuq iż-żwieġ u l-familja. Jien naħseb li dak li fil-verità għandna nibżgħu minnu hu r-reżistenza tagħna għall-Ispirtu s-Santu li jmexxi lill-Knisja: biża’ li għandhom iħossuh dawk kollha li jħobbu lil Kristu u lill-Knisja tiegħu – dak it-timor Domini li hu l-initium sapientiæ (ara Salm 111:10). Quddiem Alla, ilkoll kemm aħna jeħtieġ niflu l-kuxjenza tagħna biex dejjem nibqgħu nżommu għeruqna fil-Mulej u nħallu r-riflessjonijiet u l-proposti tagħna jiddawlu mill-imħabba sinċiera u vera lejH u lejn il-Knisja tiegħu.

Meta nirrifletti fuq dan il-mument fl-istorja tal-Knisja, għandi l-impressjoni li din l-esperjenza Sinodali mhix biss dwar iż-żwieġ u l-familja, imma dwar il-Knisja nfisha u kif għandna ngħixu s-sejħa tagħna ta’ aħwa fi Kristu. Din l-imħabba fraterna tista’ tgħinna ngħixu skont l-assjoma Pawlina maior est charitas: fuq kollox, tirbaħ l-imħabba (ara 1 Kor 13:13). Għalhekk din il-Konferenza mhix biss mument “akkademiku” imma laqgħa bejn l-aħwa li jħobbu lil Kristu u jridu jaqduh. Jien ma tbeżżagħnix Knisja li, kif tagħmel familja, tistaqsi lilha nfisha dwar kif għandha tipprietka l-Vanġelu fid-dinja tal-lum. Iktar nibża’ minn Knisja li tieqaf tmidd passi ġodda fil-vjaġġ tagħha, imdawla mill-Ispirtu s-Santu, li jista’ jwassalna għal għarfien dejjem ġdid u sħiħ tal-verità. Għalhekk, il-preżenza tagħkom illum tagħmilli l-qalb u tfarraġni. Jeħtieġ nibqgħu mexjin b’kuraġġ u kreattività.

Għalhekk ilkoll kemm aħna għandna nsejħu fuq il-Knisja tagħna l-Ispirtu tal-Verità li hu wkoll l-Ispirtu tal-Imħabba u l-Komunjoni. Nitnikket meta niltaqa’ ma’ saċerdoti u lajċi li għandhom imħabba u dedikazzjoni kbira lejn il-Mulej u lejn il-Knisja tiegħu, u dawn jgħiduli li jħossuhom imħawda u diżorjentati mir-riflessjoni u d-diskussjoni teoloġika li għaddejja bħalissa dwar l-isfidi pastorali li għandha quddiemha l-familja. Nistqarr li kultant dan id-diżorjentament ġej minn viżjoni ta’ Knisja maqsuma bejn żewġ opposti: il-konservattivi u l-progressivi li jakkużaw lil xulxin b’asserzjonijiet ħżiena u foloz. Waqt li nfakkar fit-tentazzjonijiet li l-Papa Franġisku semma fl-aħħar diskors tiegħu fi tmiem is-Sinodu ta’ Ottubru li għadda, u li jolqtu kemm lill-hekk imsejħa konservattivi u kemm lill-progressivi, għandna nevitaw li “nagħlqu” lil xulxin b’timbri li jġibu l-firda. Minflok, jeħtieġ nitħabtu lkoll kemm aħna biex inkunu tassew fidili lejn Kristu l-Mulej u l-Knisja tiegħu, waqt li nissoktaw fil-mixja tagħna f’din id-dinja. Fi kliem ieħor, dak li nixtieq nagħfas fuqu hu li l-kompromess max-xejriet attwali u populisti hu ħaġa u din għandna nevitawha, waqt li l-fedeltà lejn it-tnebbiħ tal-Ispirtu s-Santu hu ħaġa oħra; xi ħaġa li mhux biss ta’ min ifaħħarha, imma meħtieġa biex nistgħu nwettqu l-missjoni tagħna fix-xandir tal-Vanġelu lill-bnedmin kollha.

Kif jgħidilna l-Qdusija Tiegħu l-Papa, “il-Knisja trid tkun il-post tal-ħniena mogħtija b’xejn, fejn kulħadd jista’ jħossu milqugħ, maħbub, maħfur u mħeġġeġ jgħix skont il-ħajja tajba tal-Vanġelu” (Evangelii gaudium, 114). Knisja ħanina hi waħda li tagħmilha possibbli għal kulħadd li jduq l-imħabba feddejja ta’ Sidna Ġesù Kristu. Xi wħud jafu jqisu l-enfasi fuq il-ħniena bħala sinjal ta’ Knisja li qed issir “sentimentali” u ċċajpar il-viżjoni ta’ dak li hu Veru u Tajjeb. Imma, Knisja li tħenn hi dik li tħabbar il-Verità b’qalb imbenġla bl-imħabba għall-bnedmin. Il-ħniena, lill-Knisja ma tagħmilhiex vulnerabbli imma kredibbli, għax hija l-Knisja li hi miġruħa bl-imħabba li tabilħaqq tista’ tagħti xhieda tal-Qalb minfuda tal-Imgħallem tagħha Ġesù Kristu. Il-Papa Franġisku, għal darb’oħra, jgħidilna ċar u tond: “Nippreferi Knisja miġruħa, feruta u maħmuġa għax toħroġ fit-toroq, milli Knisja marida bl-għeluq u bil-kumdità taċ-ċertezzi li magħhom hi ggranfata” (Evangelii gaudium, 49). Il-vera ħniena, mhux talli mhix lakxa, talli hi dak li l-bnedmin, u b’mod partikulari l-familji tagħna, huma għatxana għalih biex jistgħu jiltaqgħu mal-Mulej u l-Feddej tagħhom.

Nagħlaq billi rrodd ħajr lill-Fakultà tat-Teoloġija tal-Università ta’ Malta u lis-Soċjetà Ewropea tat-Teologi Kattoliċi li organizzaw din il-Konferenza, u lill-E.T. il-President ta’ Malta li żammet il-patroċinju tagħha.

It-talba tiegħi hi li din il-ġurnata tgħinna nikbru fi Knisja li ssieħeb lill-familji kollha fil-laqgħa tagħhom ma’ Sidna Ġesù Kristu, it-Triq, il-Verità, il-Ħajja (ara Ġw 14:6).

Grazzi!