Ittra miftuħa lis-saċerdoti mill-Isqof Mario Grech


MARIO GRECH ISQOF TA’ GĦAWDEX

A D C L E R U M

IL-QSIM TAL-KELMA FIL-FESTA
Ittra miftuħa lis-saċerdoti – 2 ta’ Marzu 2015

Għażiż ħija fis-saċerdozju,

Minn dakinhar li l-Mulej sejjaħli biex inkun ragħaj tal-Knisja tiegħu ġewwa Għawdex, ilqajt il- mandat sabiex kull fejn naqsam il-ħobż Ewkaristiku mal-komunità liturġika, naqsam ukoll magħha l- Kelma permezz tal-predikazzjoni, kif jiġi mitlub mill-isqof fl-eżerċizzju tal-munus docendi. Kien b’dan is-sens ta’ responsabilità għall-ministeru li l-Mulej afdali li għażilt li meta niċċelebra l-quddiesa fil-komunitajiet parrokkjali fl-okkażjoni tal-festa titulari nkun jien li f’dik iċ-ċirkustanza, jiena u qed niltaqa’ mal-komunità, inxandrilha l-Kelma ta’ Alla u fid-dawl tagħha nirrifletti dwar temi marbuta mal-mixja tal-Knisja u mal-irwol profetiku tagħha fis-soċjetà ta’ żmienna. Minbarra dan, huwa dejjem indikat li min jippresedi fil-qsim tal-ħobż Ewkaristiku jkun ukoll dak li jaqsam il-ħobż tal-Kelma (ara Introduzzjoni Ġenerali għall-Missal Ruman, 66). Fl-istess ħin, kienet l-intenzjoni tiegħi li nagħti kontribut sabiex, fid-dawl ta’ dak li jgħid is-Sinodu Djoċesan, il-festi titulari jsiru dejjem aktar attwali fil-ħajja tal-Insara billi jservu bħala mument ta’ katekeżi biex il-poplu ta’ Alla jgħix il-Vanġelu u jkun melħ tal-art u d-dawl tad-dinja.

Wara disa’ snin li fihom ippritkajt fil-festi titulari tad-Djoċesi tagħna, inħoss li wasal iż-żmien biex – ippermettuli t-terminu – “nerġa’ nagħti lura l-kelma” lilkom is-saċerdoti ħalli fil-quddiesa pontifikali ddawwlu bid-dija tal-Kelma ta’ Alla u tat-tagħlim tal-Knisja lill-komunità miġbura tiċċelebra l- patrun/a tagħha. Jiena u nafdalek dan il-mandat, nixtieq naqsam miegħek x’nemmen li għandhom ikunu wħud mill-kriterji li għandhom isuqu lil min jiġi msejjaħ biex jipprietka f’dawn l-okkażjonijiet.

Qabel nelenka dawn il-kriterji, tajjeb nieqfu fuq it-terminu li bih is-soltu nsejħu l-prietka tal-festa:
«paninġierku». Din il-kelma li ġejja mill-Grieg tfisser diskors lil dawk (li jiġu) miġbura. Għaldaqstant, jiġu indirizzati persuni li diġà ġew imsejħa: fil-każ tagħna l-persuni li jkollna quddiemna jiġu msejħa mill-imħabba li għandhom lejn il-patrun/a li mexa/mxiet fuq il-passi ta’ Sidna u għex/et il-Vanġelu. Ilkoll nafu li jistgħu jkunu ħafna l-motivazzjonijiet, is-“sejħat” li jiġbru flimkien lil dawk li jkunu preżenti, minn uħud li huma frott fidi matura u konvinta, għal oħrajn li huma inqas interjuri u aktar superfiċjali, jekk mhux saħansitra żbaljati. Il-predikatur irid ikun konxju ta’ dan fit- tħejjija u fix-xandir tal-omelija biex iqawwi lil dawk li huma msaħħa fil-fidi, iwieżen lid-dgħajfa, u jgħin lil dawk li għandhom motivazzjonijiet imperfetti biex ikollhom fidi aktar koerenti u awtentika bejn dak li jistqarru bil-fomm, dak li jemmnu fil-qalb u dak li jixhdu b’ħajjithom.

Kritika li spiss irċivejt kienet dik li fil-predikazzjoni tiegħi f’dawn iċ-ċirkustanzi ma adottajtx l-istil paninġeristiku. Inħoss li dan l-istil, jekk nifhmu bih diskors retoriku li jillimita ruħu għal tifħir lill- patrun/a jew għal rakkont storiku, huwa mbiegħed ħafna minn x’għandna nifhmu bi predikazzjoni tal- Kelma ta’ Alla. Hija xierqa l-ammirazzjoni lejn il-qaddisin, imma tajjeb li nżommu quddiem għajnejna li, filwaqt li tingħata glorja lil Alla li jagħmel għeġubijiet f’dawk li jħalluH jaħdem fihom, il-fidili preżenti jiġu mħeġġa biex jimitaw il-patrun/a tagħhom billi huma stess ikunu dixxipli- missjunarji tal-Evanġelju fil-konkretezza tal-ħajja tal-lum bl-isfidi, l-esperjenzi, l-issues tal-persuni u tas-soċjetà. Ridt nagħmel rottura minn stil li, għalkemm jikkorrispondi għas-sentimenti tal-pjetà popolari, jonqos milli jħalli l-Kelma ta’ Alla – li tagħha l-patrun/a huma applikazzjoni konkreta – tinfed il-qalb tal-preżenti sabiex mis-sentimenti – li jiġu u jmorru – jinżlu għal għażla konkreta biex jimxu wara Kristu. Għaldaqstant, filwaqt li mhuwiex fl-istil tiegħi nadotta ċertu lingwaġġ paninġeristiku mistenni mill-kuntest tradizzjonali tagħna, it-tħassib tiegħi – u li nixtieq inwassallek – hu li hu x’inhu l-istil adottat, ikun dejjem stil li jixraq lil min imur quddiem il-persuni miġbura mhux biex sempliċiment ifakkar dak li kien, imma biex iwassal il-freskezza tal-Evanġelju ta’ Kristu u għalhekk l-attwalità tal-imitazzjoni tal-patrun/a. Nixtieq li din il-predikazzjoni tissawwar u titwassal b’viżjoni missjunarja kif spjegajt fid-diskors tiegħi lill-kleru tas-17 ta’ Jannar li għadda. Ma ninsewx li qed nitkellmu minn omelija liturġika li sseħħ f’kuntest liturġiku preċiż u għalhekk għandha ssir fir- rispett tal-memorja salvifika fejn il-poplu li jfakkar huwa dak li jgħix fil-preżent ir-rabta tiegħu ma’ Alla b’ħarsa lejn il-ġejjieni.

B’dawn il-premessi, xtaqt għalhekk naqsam miegħek dawn il-kriterji:

1. Neżortak biex tħejji din l-omelija fl-ispirtu li bih Papa Franġisku jistieden lilna s-saċerdoti nħejju l-omelija, fl-Evangelii Gaudium, par. 145-159. Nirreferik anki għad-Direttorju Omiletiku li l- Kongregazzjoni tal-Kult Divin u tad-Dixxiplina tas-Sagramenti ħarġet fid-29 ta’ Ġunju 2014.

2. Iċ-ċentralità tal-Kelma ta’ Alla. Aħna msejħa biex inxandru l-Kelma ta’ Alla: din irridu nwasslu u hi għandha ssuqna fir-riflessjonijiet li nagħmlu dwar il-virtujiet tal-qaddis/a u dwar is- sitwazzjoni ta’ dawk preżenti.

3. Ikunu riflessjonijiet li jmissu fil-konkret il-ħajja kemm individwali kif ukoll komunitarja. Għalhekk xieraq li jintmessu aspetti prattiċi li jgħinu lill-miġegħma timita fil-ħajja konkreta l- imħabba li l-patrun/a kellu/ha lejn Alla.

4. Il-predikazzjoni, fl-istil, metodu, ġesti li jiġu wżati, għandha tkun b’mod li jixraq fil-qjies u fl- espressjoni għall-kuntest liturġiku li fih isseħħ. Għalkemm il-poeżija għandha l-valur tagħha, nippreferi li dan il-ġeneru letterarju ma jintużax f’din il-predikazzjoni. Fis-sens tal-qjies, nitlob ukoll li l-prietka ma ddumx aktar minn nofs siegħa.

Filwaqt li nwiegħdek it-talb tiegħi biex il-Mulej jissokta jbierek il-ministeru saċerdotali tiegħek, inħeġġek biex ilkoll inkomplu nxandru l-Evanġelju ta’ Kristu f’waqtu u barra minn waqtu (cfr 2Tim 4,2) lill-bniedem tal-lum. Ninsab konxju li l-applikazzjoni ta’ dawn il-linji li qed nipproponi tista’ ssib xi ftit reżistenza, imma nagħmlilkom il-qalb biex tikkooperaw miegħi fil-proċess ta’ konverżjoni tal- pastorali tagħna.

Mario Grech Isqof ta’ Għawdex