Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Funeral tal-Kanonku Ġużeppi Sacco


Omelija fil-Funeral tal-Kanonku Ġużeppi Sacco
Bażilika San Ġorġ, il-Belt Victoria, Għawdex
Is-Sibt 24 ta’ Jannar 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

Ħuti,

Fil-ħajja, tikkonfermawli intom, hawn ħafna uġigħ, diqa u qtigħ il-qalb. L-esperjenza tal-mewt, illi jekk aħna attenti, sikwit narawha wara biebna, fil-pjazza tagħna, tgħidilna x’inhu l-uġigħ, id-diqa, il-qtigħ il-qalb!

Imma aħna għandna xorti kbira, għaliex għandna lil Kristu fostna, illi ġie bi skop wieħed u preċiż: illi jxandar il-Bxara t-tajba. Żgur li l-Vanġelu qatt ma huwa kawża ta’ wġigħ. Għal min jilqgħu, il-Vanġelu huwa għajn ta’ ferħ u jimliena bit-tama. Dan ngħiduh għall-esperjenza tal-mewt; għax kieku m’għandniex fidi quddiem telfa tal-għeżież tagħna, tal-ħbieb tagħna, tal-benefatturi tagħna, kieku x’naqbdu ngħidu? Imma aħna għandna l-Vanġelu li jwasslilna veritajiet li qatt ħadd ma sema’ bihom. Iwasslilna l-Bxara t-tajba tal-ħajja ta’ dejjem. Għalhekk, għalkemm quddiemna hawn il-fdalijiet ta’ wieħed mill-għeżież tagħna, aħna nafu li hawnhekk hawn biss fdalijiet, għax Ġużeppi mhux hawn imma daħal fl-eternità, daħal għand Alla.

Imma fil-ħajja mhemmx biss l-esperjenza tal-mewt fiżika, imma hemm esperjenzi oħra ta’ mwiet… Kull wieħed u waħda minna, jiena magħkom, nafu b’diversi rwejjaħ tal-mewt fil-ħajja tagħna, illi jistgħu jgħakksuna bl-uġigħ, jistgħu jaqtgħulna qalbna u jtellfuna l-ferħ. Fl-esperjenza personali u individwali tagħna, nistgħu nkunu ħajjin imma mejta. Fl-esperjenza tal-familji tagħna, għandna familji li għandhom id-daqqa tal-mewt. Fl-esperjenza tal-komunitajiet tagħna hemm weġgħat, hemm uġigħ il-qalb u hemm min qata’ qalbu minn ħafna affarijiet.

Quddiem din ir-realtà, bħalma l-mewt fiżika hi mdawla bil-Bxara t-tajba, f’isem Kristu, quddiem dan is-saċerdot mejjet, ħalluni nagħmlilkom sejħa: Iftħu qalbkom għall-Vanġelu! Fi kliem ieħor, niftħu qalbna għal Ġesù Kristu. Dan ngħidu wkoll f’nofs il-knisja, għax hemm riskju li anki l-miġemgħa fil-knisja tkun sajma mill-Kelma, minn Ġesù Kristu.

F’soċjetà kollha diqa u qalbha maqtugħa, għandna bżonn bħal Kristu nxandru l-Vanġelu. U tafu lil min? Mhux lill-pagani, mhux lill-Musulmani – dawk ukoll! – imma l-ewwel m’għandna nxandruh hu lil dawk li darba rċivewh imma llum insewh. Allura f’din il-kategorija, ippermettuli, jiena nilmaħ parti mhux żgħira mis-soċjetà tagħna.

Ma nitqarrqux! Għax jekk għandna l-weġgħat, il-qtigħ ta’ qalb, id-diqa, in-nuqqas ta’ ferħ, dan ifisser li għadna ma ltqajniex ma’ Ġesù Kristu, għadna rridu niskopru l-qawwa tal-Vanġelu. Iż-żmien huwa qasir. Faċli li int u jien ninħakmu mit-tentazzjoni u ngħidu: “Għada nara… Imbagħad naraw!”. Issa huwa ż-żmien! Hu urġenti li aħna li qegħdin infittxu xi tip ta’ risposta ħalli naqtgħu d-dwejjaq tagħna u nimtlew bil-ferħ, insibu din ir-risposta fil-Mulej Ġesù, fil-Vanġelu tiegħu.

Min ħa jxandrilna l-Vanġelu? Smajna dak il-passaġġ sabiħ tal-Vanġelu tal-lum, fejn Kristu jwassal il-Kelma f’zona pagana – il-Galilija –, f’zona ’l bogħod mill-ambjent reliġjuż ta’ Ġerusalemm, u dawn l-erbgħa dixxipli jisimgħu din il-kelma, u “minnufih” telqu kollox għax issaħħru wara Ġesù u l-Vanġelu. Dik l-esperjenza tal-bieraħ hija l-proposta għalik u għalija, illum li aħna hawn! Minnufih, wara li nkunu tassew iltqajna ma’ Ġesù, mal-Kelma tiegħu, bħal dawk l-erbat irġiel, insibu l-forza biex inkunu xandara tal-Vanġelu.

Nhar is-Sibt li għadda, bħal-lum ġimgħa, kelli laqgħa ma’ ħuti s-saċerdoti – ngħidulha l-laqgħa tal-bdil tal-awgurju tal-Ewwel tas-Sena, – fejn tkellimt magħhom dwar x’qed naħseb jien għall-Knisja tagħna. Għidtilhom li aħna għandna bżonn Knisja missjunarja, jiġifieri Knisja li ma tehdiex titkellem dwar Ġesù Kristu u l-Vanġelu tiegħu. Dak li qed ngħid lis-saċerdoti, intennih lilkom ukoll, għax ilkoll kemm aħna għandna sejħat u missjoni.

Illum tlifna wieħed! U tlifna wieħed mill-aħjar tagħna! Tlifna ħabbar tal-Vanġelu. Dun Ġużepp, min jafu, jaf kemm kien dedikat biex fil-moħbi, b’mod l-iktar ordinarju, sempliċi, ma jitlifx l-okkażjoni u jkellemna dwar Ġesù, u jwasslilna l-Vanġelu. Jien qed nisma’ ħafna kemm kien jagħmel appostolat. U mhux f’din il-Bażilika biss, imma fil-periferiji, forsi zoni li min suppost ħa ħsiebhom, ittraskurahom! Imma Dun Ġużepp, mingħajr ma kien ikun jaf ħadd, kien jagħmel dan ix-xogħol. Il-ħeġġa missjunarja kemm-il darba mbuttatu biex flimkien ma’ membri tal-Leġjun ta’ Marija imur fuq Peregrinatio pro Christo f’pajjiżi oħra.

Dun Ġużepp mhux biss kien ixandar il-Kelma, imma nħossni komdu ngħid li dan is-saċerdot kien hu nnifsu Bxara tajba! Mhux biss kien ixandar il-Bxara t-tajba, imma kien hu stess Bxara tajba għalina. Dan jikkonfermawh dawk kollha li kellhom il-grazzja li jkunu jafuh mill-qrib.

Dun Ġużepp, li mhemmx għalfejn ngħid xejn dwar kemm il-ħajja spiritwali kienet għal qalbu, fehem ukoll li l-Vanġelu huwa forza li tibdel is-soċjetà. Huwa kien wieħed minn tal-ewwel f’din id-Djoċesi li kien konvint mill-qawwa tal-Vanġelu fid-dinja tal-lum. Huwa kien jemmen li l-Vanġelu huwa bħal ħmira li tista’ tibdel it-tessut soċjali. Fil-fatt huwa kien wieħed mill-ewlenin li xandar it-tagħlim soċjali tal-Knisja. Huwa għalhekk li lil Dun Ġużepp nassoċċjawh ukoll mal-Moviment Azzjoni Soċjali.

Jien nixtieq ħafna li dan il-patrimonju li ħalla warajh ħuna Ġużeppi ma jintilifx, imma jkompli jispira u jqanqal oħrajn – saċerdoti u lajċi – biex, f’soċjetà fejn xi kultant naħsbu li għandna ħajja mimlija u mbagħad insibu li hi mimlija bid-duħħan jew bin-nuħħala, ikollna persuni li jinnamraw qatigħ minn Ġesù Kristu u jxandrulna l-Vanġelu tal-ferħ.