Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes (GS 1-10). Il-Papa Ljun XIV dwar il-Knisja fi smigħ u għas-servizz tad-dinja (1)

LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 2 ta’ Settembru 2026

Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II. IV. Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes (GS 1-10). 1. Il-Knisja fi smigħ u għas-servizz tad-dinja

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!

Bil-laqgħa tal-lum qed nibdew nirriflettu fuq il-Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, li biha l-Konċilju Vatikan II ried jinżel aktar fil-fond fuq tema fundamentali, jew aħjar ir-relazzjoni tal-Knisja mad-dinja tal-lum. San Ġwanni XXIII, diġà fid-Diskors inawgurali tal-11 ta’ Ottubru 1962, ried iwissi dwar il-“profeti tal-iżventura” li, “għalkemm mixgħula b’żelu kbir għar-reliġjon […] joħorġu jgħidu li żminijietna huma wisq agħar meta nqabbluhom mas-sekli ta’ qabel; u jaslu wkoll sal-punt li jġibu ruħhom bħallikieku ma kellhom xejn x’jitgħallmu mill-istorja” (Diskors Gaudet Mater Ecclesia, 11 ta’ Ottubru 1962, 4.2). U minn hawn toħroġ il-missjoni fdata lill-Padri konċiljari: “Fil-qagħda preżenti tal-ġrajjiet umani, fejn l-umanità donnha dieħla f’ordni ġdid ta’ l-affarijiet, iktar għandna naraw il-pjanijiet misterjużi tal-Providenza Divina, li jseħħu f’kull żmien permezz tal-għemejjel tal-bnedmin, u spiss lil hemm minn dak li dawn ikunu jistennew, waqt li bl-għerf tagħhom jużaw kollox, anki l-ġrajjiet koroh tal-bnedmin, għall-ġid tal-Knisja” (Gaudet Mater Ecclesia, 4.4).

Tliet snin wara, il-promulgazzjoni tal-Gaudium et spes għarfet f’dan id-dixxerniment element essenzjali tan-natura tal-Knisja, u ddeskriviet bħala kostituttiv il-karattru pastorali tagħha: minn hawn id-definizzjoni ta’ “Kostituzzjoni pastorali”. Dan mhux xi ottimiżmu inġenwu, imma fedeltà mġedda lejn il-Misteru ta’ Kristu li, meta inkarna, għażel li jaqsam fil-ħajja tagħna: hu sar “jixbah lil ħutu f’kollox” (Lhud 2:17; ara 4:15) u tgħabba bil-konsegwenzi tad-dnub, billi miet “bħala prezz tal-fidwa għal kulħadd” (1 Tim 2:6). Dan il-qsim mal-umanità hu t-triq li Kristu jitlob mill-Knisja; għalhekk, il-Kostituzzjoni konċiljari Gaudium et spes tiftaħ b’dikjarazzjoni li l-Knisja tqis bħala tagħha “l-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tal-bnedmin tal-lum fuq kollox tal-foqra u ta’ dawk kollha li jbatu” (GS, 1).

Dan huwa qsim li jsejħilna noħorġu minn kull passività u indifferenza quddiem il-ġrajjiet li jseħħu, l-istorja u l-ħajja tal-persuni, fuq kollox quddiem it-tibdil mgħaġġel u profond li qed inġarrbu llum. Ma nistgħux nibqgħu spettaturi bla interess ta’ xejn, imma jeħtieġ nagħtu widen b’qalbna, inħallu x’jisfidana, inċappsu jdejna. Ma’ Kristu u mwieżna mill-qawwa tal-Ispirtu tiegħu, kull min jemmen hu msejjaħ jerfa’ fuqu d-diffikultajiet tal-aħwa, fuq kollox ta’ dawk li huma mgħaffġa mill-inġustizzja, mid-diskriminazzjoni, mill-vjolenza. Fil-fatt, huwa biss fil-qsim u fl-impenn li nistgħu naslu għal tweġibiet xierqa, dejjem imseddqa miċ-ċertezza li “t-tbatijiet ta’ issa ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-glorja li għad trid tidher fina” (Rum 8:18).

F’dan is-sens, il-qrubija lejn l-umanità tiftaħ triq għal qari iżjed profond tal-ġrajjiet u tal-istess Rivelazzjoni u, fl-istess perspettiva, il-Gaudium et spes tfakkar fid-“dmir tal-Knisja li l-ħin kollu teżamina s-sinjali taż-żminijiet u tinterpretahom fid-dawl tal-Evanġelju” (GS, 4). Din il-Kostituzzjoni konċiljari allura reġgħet sejħet lill-Knisja għal impenn permanenti ta’ konverżjoni, biex tagħti xhieda li hi mhix immexxija minn “xi ambizzjoni tal-ħwejjeġ tal-art”, imma “tfittex dan biss: li, taħt it-tmexxija tal-Ispirtu s-Santu, tkompli l-istess ħidma ta’ Kristu li ġie fid-dinja biex jagħti xhieda lill-verità, biex isalva u mhux biex jikkundanna, biex jaqdi u mhux biex ikun moqdi” (GS, 3).

Fil-verità, din mhix dispożizzjoni sempliċiment morali. Il-Papa Franġisku fakkarna li għall-Knisja “l-għażla favur il-foqra hi kategorija teoloġika qabel ma hi kulturali, soċjoloġika, politika jew filosofika. […] Aħna fihom imsejħin niskopru lil Kristu, noffrulhom il-vuċi tagħna favur il-kawżi tagħhom, imma anki li nkunu ħbieb tagħhom, nisimgħuhom, nifhmuhom u nilqgħu l-għerf misterjuż li Alla jrid iwasslilna permezz tagħhom” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 198).

Il-kondiviżjoni Nisranija timpenjana biex nerfgħu fuqna r-realtà u anki nikxfu l-maskri tal-kontradizzjonijiet li jikkaratterizzaw il-ħajja personali u soċjali tad-dinja tal-lum: ngħidu aħna, progress xjentifiku u teknoloġiku, li joffri dejjem possibbiltajiet ġodda, imma biss lil xi wħud u li mhux dejjem il-bniedem jirnexxilu “jġegħlu jaqdih”; jew għarfien iżjed ċar tal-“liġijiet tal-ħajja soċjali”, imma msieħeb minn inċertezzi li “jibqa’ ma jafx kif imexxihom”; jew mill-ġdid, disponibbiltà ikbar ta’ “ġid u possibbiltajiet ta’ qawwa ekonomika”, imma li, illum bħal fi żmien il-Konċilju, tħalli “biċċa kbira mill-bnedmin għadhom itturmentati mill-ġuħ u mill-miżerja” (GS, 4); jew, għarfien maqsum minn ħafna li l-futur tal-pjaneta jinsab f’riskju, u fl-istess waqt in-nuqqas ta’ ħila li nirrifjutaw il-konsum egoistiku u l-illużjoni li l-gwerra hi triq effikaċi biex tinbena l-paċi.

Fi żmien immarkat minn bidliet qawwija, li minnhom joħorġu żbilanċi li jħassbuna, il-Knisja hi msejħa taqdi lill-bniedem, tisma’ u tilqa’ l-mistoqsijiet l-aktar profondi tal-qalb tiegħu u x-xenqat li għandu, billi tindika fi Kristu “l-muftieħ, iċ-ċentru u l-iskop tal-bniedem u tal-istorja tiegħu” (GS, 10). Għalhekk, fil-Knisja, fuq kull livell, f’kull epoka sseħħ il-kenosi ħanina ta’ Kristu li “ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; […] obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (Fil 2:6-8).

Għeżież ħuti, il-ferħ u t-tama – gaudium et spes – huma l-karatteristiċi distintivi ta’ Knisja li tħabbar u tagħti xhieda tal-Vanġelu, billi tersaq qrib tan-nisa u tal-irġiel ta’ żmienna.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading