Omelija tal-Isqof Mario Grech fit-Tifkira Solenni ta’ Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej

Print Friendly, PDF & Email

Omelija fit-Tifkira Solenni ta’ Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
Il-Ħadd 29 ta’ Marzu 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IL-PASSJONI TAD-DIXXIPLI TA’ ĠESÙ

Għalkemm il-Vanġelu ta’ San Mark jirrakkonta l-Passjoni ta’ Ġesù, nistgħu ngħidu li l-istess evanġelista qed jikteb ukoll il-passjoni tad-dixxipli ta’ Ġesù.

Fil-fatt, San Mark jikteb il-vanġelu tiegħu madwar is-sena 70 WK, ftit wara li kien hemm il-persekuzzjoni ta’ Neruni. Dan ifisser li fi ħdan il-ġemgħa Nisranija kien hemm dawk li għaddew mit-taħbit il-kbir; oħrajn raw lil ħuthom, qrabthom u ħbiebhom jinqatlu; oħrajn għejew fil-mixja tagħhom wara Kristu; u oħrajn kienu telqu mill-Knisja. Kien hemm ukoll dawk li kienu “ħarġu” mill-komunità imma issa xtaqu jerġgħu jidħlu fiha. San Mark jikteb il-vanġelu tiegħu f’dan ix-xenarju. Konxju minn din il-passjoni umana, bl-għan li jkebbes il-qlub għajjiena u joffri motivazzjonijiet qawwija lil dawk li xtaqu jimxu wara Kristu, huwa jirrakkonta l-ġrajja tal-Passjoni ta’ Ġesù – għax meta nirriflettu fuq il-Kurċifiss, ma nistgħux ma nintebħux kemm hija kbira l-imħabba u l-miżerikordja li Alla jirriserva għalina! Quddiem Alla msallab kif nistgħu nibqgħu noffru reżistenza?

Is-sitwazzjoni tagħna llum mhix differenti. Huwa fatt li kulma jmur il-ġemgħa ekkleżjali qiegħda tiċkien. L-għadd fqir ta’ dawk li qed jipparteċipaw f’din il-liturġija dalgħodu huwa indikattiv. Huwa minnu li llum ħafna jmorru għall-Quddiesa, imma ftit japprezzaw li l-purċissjoni li għadna kif għamilna bil-friegħi taż-żebbuġ biex infakkru d-dħul ta’ Ġesù f’Ġerusalemm hija l-aqwa purċissjoni liturġika li għandna. Maż-żmien ħloqna ħafna pageants u ttraskurajna l-purċissjoni vera! Kemm ħlejna (u għadna naħlu) enerġiji biex żgurajna li jkollna reliġjożità imma battala mill-essenzjal evanġeliku! Imlejna l-knejjes tagħna b’persunaġġi tal-injam u tal-kartapesta u ma tajniex kas li fl-istess waqt l-istess awli liturġiċi kienu qed jitbattlu min-nies!

Illum ukoll għandna Nsara li b’mod jew ieħor qed jigu ssuttati minħabba twemminhom. Għandna lil dawk li qed jegħjew fil-pellegrinaġġ tal-fidi. Hemm dawk li għal xi raġuni jew oħra telquna. Imbagħad hemm ukoll dawk li ħarġu (jew ġew murija l-bieb ta’ barra) u jixtiequ jerġgħu jidħlu u jkunu membri sħaħ tal-komunità Nisranija, imma hemm min mhux biss ma jridx ibexxqilhom il-bieb, imma lanqas biss irid jittollerahom.

Quddiem dan il-kwadru, nagħmel appell biex matul din il-Ġimgħa Mqaddsa nħallu lil Ġesù fuq is-Salib imissilna qalbna u jimlihielna bl-imħabba u l-miżerikordja tiegħu, kemm biex aħna stess nibqgħu nittamaw kontra kull tama, u kemm biex inkunu aktar lesti li ndewqu din l-imħabba u l-miżerikordja divina lil dawk li huma mxennqin għalihom.

Dawn huma l-linji-gwida li bħala Ragħaj inħoss li għandi nagħti lill-Poplu ta’ Alla għal din il-Ġimgħa Mqaddsa: li ninfetħu għall-Bxara t-tajba li bil-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien tiegħu, Ġesù qed jgħaddilna. Fiha niskopru dawk il-motivazzjonijiet li neħtieġu biex min hu għaddej mit-tbatija, jibqa’ sħiħ; min hu spiritwalment għajjien, jerġa’ jiġġenera l-enerġija li għandu bżonn; dawk li telqu, jiskopru s-seħer tal-ġmiel ta’ Kristu msallab; u dawk li ħarġu imma jixtiequ jirritornaw, fil-Knisja jsibu lil min jilqagħhom u jgħinhom isibu posthom.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading