Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Quddiesa tat-Tberik taż-Żjut


Omelija fil-Quddiesa tat-Tberik taż-Żjut
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
Il-Ħamis 2 ta’ April 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IL-LITURĠIJA TAGĦMILNA U ŻŻOMMNA NSARA

Il-bniedem kultant tista’ tiqaflu qalbu, u t-tobba jippruvaw jerġgħu jagħtuha l-ħajja. Anki fil-ħajja tal-Knisja, xi drabi l-qalb tibda tħabbat bil-mod ħafna u naħsbu li tista’ tieqaf. X’ħa nagħmlu biex nerġgħu nqabbduha ħalli t-taħbita tagħha tiġi għan-normal? Għal dan għandna l-Liturġija Mqaddsa. L-azzjoni liturġika tal-Knisja għandha effikaċja pastorali kbira għax għandha l-qawwa li tagħmel lil qalbna tħabbat it-taħbita tal-qalb ta’ Kristu billi timlielna lil qalbna bil-grazzja u l-imħabba ta’ Alla.

X’ħa nagħmlu biex il-Liturġija tagħna ma twaqqafx il-qlub? Naf li fostna għandna numru mhux żgħir ta’ Nsara li għall-Quddiesa tal-Ħadd ifittxu l-post fejn l-inqas li ddum. Naturalment huma jfittxu Quddiesa ta’ suq u mexxi, u aħna s-saċerdoti nakkomodawhom. Dan hu sinjal li l-qalb tal-komunità Nisranija mhix tħabbat sew.

Il-Liturġija tagħmilna u żżommna Nsara, u għalhekk jekk tkun fqira, hemm l-eżistenza tagħna f’riskju. Il-ħajja Nisranija hija rifless tal-ħajja liturġika. Jekk il-liturġija ma ddewwaqniex il-ħobż tal-Kelma, ma twassalniex biex nieklu minn Ħobża waħda, ma timmarkaniex bl-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, ma ddewwaqniex il-ħlewwa tal-miżerikordja ta’ Alla, u ma tidlikniex bil-balzmu tal-komunjoni, allura l-ħajja Nisranija tagħna tiddeġenera u tmut.

Fil-Vanġelu (Lq 4:16-19) naraw lil Ġesù jagħmel azzjoni f’kuntest liturġiku. Kull nhar ta’ Sibt, Ġesù kien jidħol fis-Sinagoga biex jieħu sehem fil-liturġija tal-poplu Lhudi. Fil-ħajja liturġika tagħna hemm kontinwità liturġika bejn is-sinagoga u l-Knisja, bejn ix-Sabbath u Jum il-Mulej (il-Ħadd). Sant’Injazju ta’ Antjokja fis-snin bikrija tal-fidi tagħna jħeġġeġ lill-Insara biex josservaw is-Sibt. Fil-Knisja tal-Orjent, għal ħafna snin fil-jum tas-Sibt kienu jsiru laqgħat liturġiċi. Anki jekk fil-Punent maż-żmien daħal is-sawm tas-Sibt, fl-Orjent min isum nhar ta’ Sibt kien jiġi skomunikat, tant kemm is-Sibt kien meqjus jum qaddis u marbut mal-Ħadd.

X’għamel Ġesù fis-Sinagoga ta’ Nazareth? Mar għal-liturġija, tawh il-ktieb u sab biċċa u qraha. Ġesù ma qarax is-silta liturġika li kienu jipprevedu n-normi liturġiċi tas-sinagoga, imma fittex u sab passaġġ li kien japplika għaċ-ċirkustanzi. Barra minn hekk, xħin beda jaqra t-test ta’ Isaija, ħalla barra apposta vers li jitkellem fuq il-vjolenza ta’ Alla. F’dan nara l-kreattività u l-adattament li wieħed għandu jkollu fil-Liturġija, ħaġa li jsejjaħ għaliha b’tant qawwa l-Konċilju Vatikan II.

U bilfors kellu jkun dan la “l-Ispirtu tal-Mulej” kien fuqu. Kull animatur tal-liturġija għandu jħalli l-Ispirtu jmexxih: Hu l-Awtur veru tal-Liturġija. Għalhekk il-liturġija tissejjaħ Opus Dei. Ejjew ma nirrestrinġux l-azzjoni ta’ Kristu fil-Liturġija, għax nistgħu noqtluha. Ma nkunux daqshekk riġidi u legalisti, għax dan iddejjaq u l-Liturġija ssir peżanti. Il-Liturġija mhix kwistjoni ta’ riti, inkella hi liturġija kiesħa, medjokri u artifiċjali. Agħar minn hekk, kultant tista’ ssir drawwa… Hemm it-tentazzjoni li wara ftit snin iqaddes, wieħed kważi jibda jagħmel dan bl-amment. Huwa dnub jekk nagħlqu l-Liturġija f’ċerti skemi u programmi li saru lbieraħ imma llum tilfu t-tifsira tagħhom. Kunu kreattivi fil-Liturġija, biex din tkun azzjoni ta’ Alla u tal-poplu li tiġġenera l-ħajja.

Irid ikollna l-kuraġġ nippurifikaw il-liturġija arkajka li għandna – dik li għandha minn żmien żemżem. Fin-nofs hemm il-ħajja tal-poplu ta’ Alla. Huwa urġenti li nagħtu attenzjoni biex ma nagħmlux mil-Liturġija dik li l-Papa Franġisku jsejjaħ “psikoloġija tal-qabar li bil-mod il-mod tibdel lill-Insara f’mummji tajbin għal ġo mużew” (Evangelii Gaudium, 83). Aħna nilmentaw li l-ġenerazzjoni ż-żgħira ma tħosshiex tiħdol fiha. Possibbli l-Liturġija li hi azzjoni tal-Ispirtu hi daqshekk fqira li m’għandhiex x’toffri?

Il-Liturġija trid tkun azzjoni li ddewwaq il-miżerikordja ta’ Alla. Din il-kultura tal-ħniena għandha tidher mhux biss fis-sagramenti tal-Ewkaristija, tal-Qrar u tal-Griżma tal-Morda, imma f’kull azzjoni liturġika. Araw Ġesù x’qal fis-sinagoga ta’ Nazareth! L-Ispirtu “bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin… inxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej”. Fi kliem ieħor, ġie biex idewwaq il-ħniena ta’ Alla. Ejjew nitolbu lill-Ispirtu jgħinna biex il-ġemgħa liturġika li nlaqqgħu f’isem Kristu, tkun ġemgħa li tiċċelebra l-miżerikordja ta’ Alla. L-azzjoni liturġika tagħna għandha tkun waħda li tqarreb id-distanzi. Fil-Liturġija qed niċċelebraw il-preżenza ta’ Kristu fostna – Alla jinżel daqshekkk qrib tagħna. Ħadd m’għandu jkun eskluż milli jieħu sehem fl-azzjoni liturġika, kulħadd skont il-grad u d-dispożizzjoni tiegħu. Il-Liturġija mhux biss tqarribna lejn Alla, imma tqarreb ukoll id-distanzi ta’ bejnietna u xxejjen id-differenzi ta’ bejnietna. Kif nista’ ndur mal-altar u ma nkellemx lil ħija? Liturġija li tissepara lit-tajbin mill-midindin, lill-perfetti minn dawk inqas perfetti, mhix Liturġija awtentika. Forsi raġuni oħra għax il-Liturġija mhux ikollha l-effett li tagħti l-ħajja huwa l-fatt li fil-Liturġija tagħna għadna ’l bogħod minn xulxin u nimxu bil-klassifika!

Il-Liturġija tgħinna wkoll immissu l-laħam magħkus ta’ Kristu sofferenti preżenti fil-bniedem; dan nagħmluh mhux biss fuq il-mejda tal-Ewkaristija, imma wkoll bl-azzjoni karitattiva tagħna. L-azzjoni liturġika ddewwaq il-miżerikordja ta’ Alla għax għandha wkoll l-aspett karitattiv. Pawlu lill-Korintin iwisshom biex ma jeskludux il-foqra mil-liturġiji u l-ikliet fraterni tagħhom, ħalli hekk ma jagħmlux għajb lill-Knisja ta’ Alla u lanqas iġiegħlu jistħu li dawk li ma għandhomx (ara 1 Kor 11:22). Għandna naraw kif insostnu l-ħidma karitattiva li għandna u fl-istess waqt noħolmu x’nistgħu nagħmlu iktar biex minn fuq din il-mejda Ewkaristika nistgħu noħorġu u nlaqqgħu lill-bniedem mal-mejda tal-karità.

Ġesù minn dik is-sinangoga ta’ Nazareth beda l-missjoni pubblika tiegħu. Fil-Liturġija aħna nilqgħu d-don tal-miżerikordja ta’ Alla fil-persuna ta’ Ġesù Kristu biex ngħadduh lill-oħrajn. Għalhekk il-Liturġija timbuttana f’azzjoni missjunarja, anki f’Għawdex tagħna, biex indewqu lill-bnedmin il-ħlewwa li nkunu doqna fiha. Fiha nfisha l-Liturġija hija evanġelizzazzjoni kemm għax il-ġmiel taċ-ċelebrazzjoni huwa rifless tal-ġmiel ta’ Alla, u kemm għax meta magħmula bil-galbu, il-Liturġija taf twieġeb għall-mistoqsijiet reliġjużi li għandu l-bniedem tal-lum.

Ikoll nistgħu nagħtu sehemna biex ikollna Liturġija sabiħa li ddaħħalna fil-qalba tal-misteru ta’ Alla. Imma f’din is-Sena ddedikata lill-persuni kkonsagrati nixtieq infakkar lir-reliġjużi u l-lajċi kkonsagrati li ħajjithom hi liturġija li tagħti glorja lil Alla u ddewwaq ’l Alla lill-oħrajn. Ħajjitkom hija offerta kontinwa lil Alla billi tħaddnu bil-ferħ il-Kunsilli Evanġeliċi. Anki aħna s-saċerdoti msejħin biex nagħmlu dan bħala ministri ta’ Kristu li nippresiedu l-Liturġija. San Girgor Nazjanzenu jgħid li aħna msejħin nagħtu ġwienaħ lir-ruħ, biex ngħinuha tħares ix-xbieha ta’ Kristu li hemm fiha, biex fejn hemm ir-rovina nġibu l-ordni, biex infejqu fejn hemm il-ġrieħi u biex lil Kristu npoġġuh jgħammar fiha. Grazzi tal-ministeru saċerdotali tagħkom fil-Liturġija li, kif għidna, hi r-ruħ tal-Knisja. Inħeġġiġkom biex ma tegħjew qatt tixorbu minn din l-għajn u tisqu minnha lill-poplu ta’ Alla.