Omelija tal-Isqof Mario Grech fis-Solennità tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu


Omelija fis-Solennità tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu
Quddiesa tas-Sebħ
Bażilika San Ġorġ, il-Belt Victoria
Il-Ħadd 25 ta’ Diċembru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

ĠESÙ TARBIJA JOĦROĠNA MID-DLAM

Kien billejl li l-anġlu deher lir-ragħajja li kienu fir-raba’ u kkomunikalhom l-aħbar li kien twieled Ġesù. Minkejja li kien billejl, ir-ragħajja interessaw ruħom f’din l-aħbar u telqu għal għonq it-triq. Dan ma kienx mingħajr riskju. L-ewwel nett kellhom iħallu warajhom “ġidhom” (il-merħla), u t-tieni riedu jmiddu l-passi mgħaġġla tagħhom fid-dlam u għalhekk qalb l-inċertezzi. Nixtieq insib ir-raġuni li wasslet lil dawn ir-ragħajja ħalli jinqalgħu minn dik il-dalma. Ħadd minna ma jagħmel vjaġġ billejl jekk ma jkollux motiv serju. Għalhekk, f’dan il-Milied nistaqsi x’ġiegħel lil dawn ir-ragħajja, li ma kinux ta’ karattru ħelu, isibu l-qawwa biex minkejja s-swidija tal-lejl, jiċċaqilqu u joħorġu.

Din mhix mistoqsija retorika; imma qed nagħmliha għaliex fil-ħajja tiegħi u tiegħek ikun hemm waqtiet fejn jinżel id-dlam fuqna u nidħlu fil-lejl eżistenzjali. Il-lejl huwa twil wisq. Nistaqsu lil min hu marid jew għandu xi problema tagħfas fuq moħħu jew qalbu u nħalluh jiddeskrivilna l-lejl. Nagħti ftit eżempji ta’ ċirkustanzi fejn il-lejl tant ikun profond li jbeżżagħna.

Hemm il-lejl tad-dubju. Kemm nitilfu ljieli għax jaħkimna xi dubju serju. Ftit ilu ltqajt ma raġel miżżewweġ u qalli li ilu xhur ma jagħlaq għajn m’għajn xħin imur jistrieħ – għax daħallu suspett dwar il-fedeltà ta’ martu. Imbagħad hemm dubji aktar tqal, bħalma huwa d-dubju dwar l-eżistenza ta’ Alla. Ilbieraħ wasalli messaġġ mingħand wieħed mill-istaff mediku tal-isptar. Dan kellu jidħol xogħol għax inqalgħet urġenza. B’mod ċiniku staqsieni: “Jekk Alla qiegħed hemm, għaliex ippermetta li kelli nidħol xogħol u hekk ħarbatli lejlet il-Milied? Jekk Alla qiegħed hemm, għaliex żagħżugħ kellu jiddaħħal l-isptar għax kien qed jilgħabha mal-mewt?”. Dawn huma mistoqsijiet serji ħafna li kapaċi jdaħħluna fil-lejl tal-ħajja.

Imbagħad hemm il-lejl tal-iżball. Bnedmin aħna u faċli nieħdu gambetta. Xi drabi meta tkun mal-art, tqum, titfarfar u tibqa’ għaddej; imma xi darba tieħu waħda u tibqa’ mal-art. U dak l-iżball jibqa’ jsus warajk bħal ħares ta’ billejl.

Dawn huma ftit miċ-ċirkustanzi li jitfgħuna fid-dlam taqtgħu b’sikkina. Kemm jiġrilna li nkunu nixtiequ noħorġu minn dan id-dlam, imma tonqosna l-forza! Ma jirnexxilniex insibu motiv bħalma għamlu dawk ir-ragħajja biex inqalgħu mil-lejl! X’wassal għalhekk lir-ragħajja biex jeħilsu mil-lejl?

Kienet l-aħbar li tawhom l-anġli. Għax dak li ġara fil-lejl tal-Milied ma kienx xi ġrajja ordinarja. F’dan il-lejl dak li hu etern daħal fiż-żmien, dak li huwa infinit beda jeżisti bħala bniedem fil-ġuf ċkejken u ristrett ta’ tfajla. Dan hu Alla. Forsi aħna drajna wisq niċċelebraw il-Milied u għalhekk tlifna s-seħer tiegħu. F’Betlehem Alla sar bniedem biex jilħaqna, lilna li konna ’l bogħod minnu. Ma kienx hu li tbiegħed minna, imma aħna għażilna li nieħdu distanza minnu. Dak li aħna qatt ma stajna nilħqu, Alla, laħaq hu lilna. Bħala Alla seta’ jgħidilna biex nagħmlu impenn aħna u nersqu għandu; imma hu għażel li jinżel fostna. Anzi, bit-twelid tiegħu, Alla beda l-mixja tal-inżul, tant li bil-mewt tiegħu huwa niżel fil-“qiegħ tal-art” jew f’“post il-mejtin” biex il-mejtin jisimgħu leħnu u jgħixu.

Dan Alla ġie jiltaqa’ magħna fiċ-ċirkustanzi li ninsabu fihom. Ma qagħadx jgħidilna biex l-ewwel nikkonvertu, imbagħad jiġi għandna. San Pawl jgħid li “hu ħabbna meta aħna konna għadna midinbin. Hu miet għal dawk li huma mingħajr Alla” (Rum 5:8-9). Mela mhux il-każ li l-ewwel insir tajjeb biex Alla jħobbni, imma hija din l-esperjenza ta’ Alla li jħobbni kif jien li mbagħad tgħinni ninqala’ mid-dalma tad-dnub. San Pawl lil Titu jiktiblu li Alla salvana “mhux minħabba l-opri tajba li stajna għamilna, imma minħabba l-ħniena tiegħu” (3:5). Huwa “bis-saħħa tal-grazzja tiegħu (li aħna) nitqaddsu u nsiru werrieta tal-ħajja ta’ dejjem” (3:7). Din il-verità għandha ġġib rivoluzzjoni kif aħna nirrelataw ma’ Alla.

Dan Alla li sar bniedem f’Betlehem, twieled għal dawk li huma “bla Alla”. Għalhekk, lil min hu għaddej mil-lejl mudlam tas-sensi u tal-ispirtu, u għaldaqstant jaħseb li d-diskors dwar Alla mhux ħobż għal snienu, li ngħalaq għalih kull kanal ta’ komunikazzjoni possibbli ma’ Alla, illum ngħidlu li Alla twieled għalih biex bid-dawl tiegħu jkeċċi d-dlamijiet li għandu.

Din kienet l-aħbar li ħarrket u ċaqalqet lir-ragħajja biex joħorġu mil-lejl. Dan huwa l-Vanġelu li qed jaslilna f’dan il-Milied qaddis biex aħna li ninsabu fil-lejl ma nibqgħux imwaħħla fil-lejl imma noħorġu għad-dawl. Dan jgħodd mhux biss għalina individwalment, imma wkoll għalina bħala kollettività, kemm bħala Knisja u kemm bħala soċjetà ċivili. Hawn diversi rqajja’ tad-dlam madwarna; imma nagħmlu l-qalb, għax dik il-proposta li saret lir-ragħajja ta’ Betlehem qed issir lilna wkoll.

Aħna għandna x-xorti li qegħdin niċċelebraw din il-liturġija solenni; imma niżgurakom li l-liturġija li ċċelebraw ir-ragħajja fil-beraħ tar-raba’ – u mhux fit-tempju jew f’xi bażilika – kienet tiżboq lil din tagħna. Kienet liturġija li bidlitilhom ħajjithom. Ħasra li l-liturġija tagħna ma tħallix l-istess effett fuqna. Għalhekk, nagħmlu l-parti tagħna biex anki din il-liturġija tagħna ma tkunx biss sabiħa estetikament, imma tkun esperjenza qawwija ta’ Kristu li ġġib bidla f’ħajjitna. Għax għal din it-tarbija nistgħu napplikaw kliem is-Salmista: “Anqas id-dlam ma huwa mudlam; għalik il-lejl jiddi bħan-nhar, id-dlam bħad-dawl għalik” (139:12).