Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Vġili tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu

Print Friendly, PDF & Email

Omelija fil-Vġili tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu
Quddiesa ta’ Nofsillejl tal-Milied
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
Is-Sibt 24 ta’ Diċembru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IT-TARBIJA MWENNSA MILL-IMNIĠĠSIN

San Luqa jgħid li Ġesù, l-Iben ta’ Alla, twieled f’maxtura fl-istalla ta’ Betlehem għax ma kienx hemm post għal Marija u Ġużeppi fejn joqogħdu (ara Lq 2:7). Kieku xħin Ġużeppi u Marija ħabbtu, xi ħadd fetħilhom u tahom kenn, kieku Ġesù kien jitwieled f’post jixraq lill-bniedem. Meta nqisu li Ġużeppi kien Betlemita u kellu niesu joqogħdu hemm, probabbli ħabbat fuq il-bieb ta’ xi ħadd minn niesu, imma dawn ma tawhx wiċċ. Dan ifakkarna f’dak li jikteb San Ġwann fil-Prologu tal-Vanġelu tiegħu: “Ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx” (Ġw 1:11). Ma laqgħuhx mhux biss għax ma kellhomx wisa’ peress li minħabba ċ-ċensiment seta’ kien hemm nies aktar mis-soltu, imma wkoll għaliex raw li Marija kienet waslet biex tixtri. Skont il-liġi ta’ Mosè, meta mara tixtri u għalhekk titlef id-demm, titniġġes hi, l-affarijiet kollha li jużaw fil-ħlas u l-istess kamra fejn titwieled it-tarbija. Il-liġi ta’ Mosè tistabbilixxi li fil-każ li jitwieled tifel, kellhom erbgħin jum biex jissaffew u d-doppju tal-ġranet fil-każ li titwieled tifla. (Hawnhekk nifhmu għaliex il-festa tal-Gandlora, il-festa tal-Purifikazzjoni, issir erbgħin jum mil-lum!). Għalhekk ir-raġuni għaliex Ġesù ma sabx post diċenti fejn jitwieled kienet għaliex il-Lhud, osservanti rigorużi tal-liġi, ma ridux ikollhom x’jaqsmu ma’ min kien imniġġes. Il-Lhud ippreferew li ma jiċċappsux bit-tinġis ta’ ħaddieħor. Biex joqogħdu għal-liġi, il-Lhud qalftu lil min kien imniġġes.

Mhux il-Lhud biss għandhom din l-attitudni li tiskarta lil min hu mniġġes – li nagħlqu l-bieb f’wiċċ min aħna niġġudikawh li huwa persuna mniġġsa. Fil-fatt illum ukoll aħna “klassisti”! Anki fil-knisja, saħansitra waqt li tkun miġmugħa l-ġemgħa liturġika, aħna nafu nkunu klassisti fis-sens li nagħżlu bejn min hu mniġġes u min hu safi, min hu impur jew jinsab f’qagħda impura – min għandu widnejh, ħa jisma’! – u min hu pur, bejn min hu midneb u min hu qaddis. Dawk li fil-ġudizzju tagħna ma humiex imniġġsa, huma milqugħin u għandhom il-bieb miftuħ beraħ; imma miskin hu min xi darba jew oħra ċċappas jew tniġġes minħabba xi żball li jkun wettaq. Għal ħafna minna dawn tal-aħħar huma ta’ min iwarrabhom u jaqtagħhom mill-komunità.

B’din l-attitudni klassista tagħna, aħna nnisslu f’persuni li għandhom xi tebgħa fl-istorja tagħhom dak is-sentiment li ma humiex aċċettati minna. Għalhekk min hu mniġġes jaħsibha darbtejn qabel jagħmel il-pass biex jidħol fiċ-ċirku tagħna! Iqis mitt darba qabel jixref fil-knejjes tagħna, għax jaf li fostna hemm din il-kultura, biex ma ngħidx twemmin, li ma għandniex post għal min hu xi ftit “maħmuġ”, għax nibżgħu li jekk naċċettawh sejjer iħammiġna. Jaħasra, ma nirrealizzawx li min għandu din l-attitudni separatista huwa stess hu maħmuġ! Veru li biex tiskonġra trid tkun pur, imma propju għax ħadd minna ma huwa pur, ma għandna niskonġraw lil ħadd!

Imma meta nitfgħu għajnejna fuq l-għar ta’ Betlehem, niskopru li dan Alla li sar bniedem għandu loġika għalkollox differenti minn tagħna! Verament Alla jaħsibha b’mod differenti minna l-bnedmin u anki minna l-ekkleżjastiċi! Għax dak li huwa “l-Ħaruf bla tebgħa” għażel li jsir bniedem ġewwa stalla tal-annimali – twieled f’post imniġġes! Nixtieq li f’dan il-Milied aħna nomogħdu din il-verità. Illum aħna npoġġu lill-Bambin fil-ħarir irrakkmat bil-ħajt tad-deheb u fl-indafa; imma Ġesù twieled fl-istalla ta’ Betlehem fejn kien hemm il-ħmieġ u l-qżież u l-impurità. Dan huwa l-Misteru tal-Inkarnazzjoni. Għalhekk illejla għandna tassew għalfejn nistagħġbu quddiem din il-ġenerożità ta’ Alla li ma jistkerrahx lill-imniġġes, sitwazzjoni mniġġsa ma jistmerrhiex. Anzi, huwa għażel li jitwieled fost it-tinġis!

Għalhekk jien insibni komdu u nixtieqek tħossok komdu inti wkoll li llejla aħna preżenti għal din it-tifkira tat-Twelid tal-Iben ta’ Alla. Fostna jista’ jkun hawn min ma jħossux denn li jersaq lejn Ġesù tarbija; fostna jista’ jkun hawn min, forsi tort tagħna stess, jaħseb li m’hawnx postu f’dan il-Milied.

Tradizzjoni antika fil-Knisja tgħid li fl-istalla madwar Ġesù kien hemm l-għoġol u l-ħmar. Issa skont il-liġi ta’ Mosè l-ħmar huwa fost l-annimali impuri. Dan ifisser li fost dawk li kien hemm jagħmlu wens lit-Tarbija ta’ Betlehem kien hemm annimal li skont il-liġi kien impur.

Anki r-ragħajja, li kienu fost l-ewwel li marru jaduraw lil Alla li sar bniedem, kienu meqjusin bħala bnedmin impuri. Imma Ġesù bihom tgħaxxaq! Ġesù għażel li juri lilu nnifsu lil dawn l-imniġġsin. Fuq kollox, mhux Ġesù nnifsu qal: “Mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ imma lill-midinbin” (Mt 9:13), u darba oħra qal ukoll: “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma b’saħħithom, iżda l-morda” (Mk 2:17)! Matul il-ħajja pubblika tiegħu, Ġesù dejjem fittex li jkun mal-bniedem imniġġes – bħal fil-każ ta’ Żakkew u tal-Maddalena. Nifhem li kif fi żmienu dawn l-għażliet ta’ Ġesù kienu motiv ta’ skandlu għal dawk li kienu jippretendu li huma “puri”, hekk ukoll jaf jiġri llum!

Għalhekk, lil min minna għandu xi forma ta’ impurità, anki jekk is-sitwazzjoni familjari tiegħu mhix perfetta, illejla ngħidlu: Agħmel il-qalb! Ersaq lejn Dak li ġie biex jersaq lejk! Kif id-dawl ikeċċi d-dlam, nemmen li hekk ukoll is-safa, il-qdusija u l-grazzja inkarnata fit-Tarbija ta’ Betlehem kapaċi jneħħu kull xorta ta’ tinġis li hemm f’ħajjitna u joħolquna mill-ġdid.

Dawn huwa l-messaġġ li nħoss li wasal lili f’dan il-Milied u nixtieq inwasslu lill-Knisja tagħna. Jien ħerqan nara l-komunità ekkleżjali kollha tikkonvinċi ruħha li aħna ma aħniex klassi ta’ qaddisin jew nies puri. Noqogħdu attenti biex ma naqgħux fil-puritaniżmu. Inħallu l-ġrajja ta’ dan il-lejl iddawwalna biex na nagħmlux l-iżball li għamlu l-Lhud: bil-puritaniżmu tagħhom irrifjutaw lil Kristu; imma Kristu, li għandu mod kif jirraġuna differenti minn tagħna, jitwieled f’post imniġġes, qalb l-imniġġsin, biex bl-Inkarnazzjoni, il-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien tiegħu jeħlisna mid-dnub tagħna. Illejla tweldilna s-Salvatur! Hallelujah!

***

Qabel l-omelija l-Isqof għamel din l-introduzzjoni:

Illejla għamilt azzjoni mhux tas-soltu. Ilha ddur f’moħħi u f’qalbi. Ħdejn il-Bambin tal-kartapesta li fil-bidu ta’ din il-liturġija b’mod solenni poġġejnieh fil-maxtura fiċ-ċentru ta’ dan il-Katidral, jien poġġejt il-Kelma ta’ Alla. Il-Bambin ta’ Betlehem huwa l-Kelma li saret laħam. Jekk aħna f’dan il-lejl tal-Milied naduraw il-Verb li sar bniedem, irrappreżentat f’din il-figura tal-Bambin ċkejken, figura simpatika li tisraq il-qlub, importanti li nżommu quddiem għajnejna li din il-Kelma aħna nikkonservawha fil-Ktieb Imqaddes – fil-Bibbja. Din il-Kelma aħna mhux biss nisimgħuha u nixtarruha, imma nirċievu l-barka biha.

Qalbi tuġagħni meta wara tant snin, xħin niġi biex wara l-qari tal-Evanġelju nbierek il-miġemgħa, nara lill-kotra tintefa’ bilqiegħda! Nistħajjel li meta tagħmlu hekk, tkunu qegħdin tgħiduli biex ma nagħtikomx il-barka bil-Kelma! U jien ma nberikx kif għamilt illejla. Għalhekk nitlobkom, żommu quddiem għajnejkom l-azzjoni li għamilt illejla! Kieku kien għalija, inneħħi l-Bambin tal-kartapesta u minfloku npoġġi l-Bibbja jew is-Sagrament Imqaddes. Għalhekk, nixtieq li dan il-lejl tal-Milied idawwalna biex ngħożżu aktar il-Kelma. Anzi, jekk jien ninsa nagħtikom il-barka biha, għiduli biex inberrikkom.

%d bloggers like this: