Terremot fl-Italja. Ittra lill-Knisja ta’ Għawdex tal-Isqof Mario Grech


ITTRA LILL-KNISJA TA’ GĦAWDEX
tal-E.T. Mons. Mario Grech Isqof ta’ Għawdex

Terremot fl-Italja

Għeżież,

Anke jekk fid-djoċesi tagħna ma ħassejniex it-theżżiż tat-terremot, li matul il-lejl bejn it-Tlieta u l-Erbgħa li għadda seħħ fiċ-Ċentru tal-Italja, mill-kummenti li smajt fit- toroq tagħna deher ċar li n-nies tagħna “ħassew” mhux ftit ma’ dawk li ntlaqtu minn dan id-diżastru naturali. Kif nistgħu nibqgħu indifferenti, meta effett ta’ dan it- terremot hemm mhux biss ħafna djar mwaqqgħa imma wkoll persuni mkissra psikoloġikament u spiritwalment?

Għalhekk, b’sens ta’ solidarjetà ma’ dawn ħutna, nagħmel appell lill-komunitajiet tagħna biex nitolbu għalihom.

Fl-istess waqt nagħmel sejħa għall-ġenerożità tagħkom biex ngħinuhom materjalment ukoll. Filwaqt li nħalli fid-diskrezzjoni ta’ kull Kappillan/Rettur biex jieħu ħsieb jorganizza attività ta’ ġbir ta’ fondi għal dawk milquta minn dan it- terremot, kull min jixtieq jagħmel xi donazzjoni jista’ jwassalha fl-Uffiċċċju tal- Caritas Djoċesana fil-Kurja tagħna, anke permezz tal-Kappillan/Rettur.

Fuq kollox, noffru talb b’suffraġġju ta’ dawk li mietu f’dan it-terremot.

Kif għidt nhar l-Erbgħa waqt Serata Marjana li saret fil-parroċċa ta’ Għajnsielem fit- tħejjija għall-festa parrokkjali, nitolbu lill-Madonna, li hija “bewsa ta’ Alla” għalina l- bnedmin, biex iddewwaq l-imħabba ta’ Alla lil dawn ħutna milquta mit-terremot.

Illum, il-Ħamis, 25 ta’ Awwissu 2016.

Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

NB. Ċirkulari biex tinqara fil-quddies tal-Ħamis, 25 ta’ Awwissu u tal-weekend li ġej, 27 u 28 ta’
Awwissu 2016.