Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Velja tal-Assunta


Omelija fil-Velja tal-Assunta
Zuntier tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb
Il-Ħadd 14 ta’ Awwissu 2016, Vġili tas-Solennità tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

L-ASSUNTA: GĦELM BIEX NIRBĦU L-LIMITI TAGĦNA

Ma humiex ftit dawk fostna li qed jaqtgħu qalbhom għax mikulin mill-problemi tal-ħajja. Dan l-aħħar il-Klarissi qaluli li ma humiex ftit dawk li sikwit ifittxuhom biex iserrħu qalbhom magħhom. Saċerdot li jaqdi fis-Santwarju Ta’ Pinu qalli li numru konsiderevoli ta’ pellegrini mgħobbija bi problemi serji jmorru fis-Santwarju biex ifittxu kenn u faraġ quddiem il-Madonna. Persuna li taħdem fit-Tribunal tal-Knisja spjegatli li dan l-aħħar żdied in-numru ta’ talbiet għad-dikjarazzjoni ta’ nullità minn koppji żgħar!

Din hi ftit mit-tbatija li qed tagħfas fuq il-bniedem. Meta jsib ruħu miexi fid-dlam mgħobbi l-madmad, il-bniedem jitlef kull sens tal-ħajja. F’dawn iċ-ċirkustanzi iebsin li jpoġġu sfidi li apparentement ikunu jiżbqu l-kapaċitajiet naturali, il-bniedem jibda jegħja u jfittex kull soluzzjoni biex iħaffef il-piż. Hekk quddiem it-toqol tal-mard li bħal tnalja kapaċi jilwi lill-persuna, il-bniedem jaf jaqta’ qalbu kif jista’ jġorr dan il-piż u jibda jaħseb liema hija t-triq il-qasira biex itemm ħajtu! Mal-ewwel intopp fil-ħajja taż-żwieġ u tal-familja, illum hemm min jiddeċiedi li jżarma għax ma jkunx jiflaħ għal dak l-inkwiet. Dan is-sens ta’ ċediment nesperjenzawh ukoll fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Xi drabi nħossu li Ġesù qed jitlob minna wisq, u meta l-Vanġelu bħal donnu jsir għalina ingassa ma’ għonqna, naqbdu u nabbandunaw il-ħajja spiritwali u reliġjuża.

Dawn huma ftit eżempji mill-esperjenza komuni għalina lkoll li jġibuna konxji mill-limitazzjonijiet u d-dgħufija tagħna; f’dawn l-esperjenzi l-bniedem jirrealizza li quddiemu għandu xi ħaġa impossibbli, u konsegwenza ta’ dan qalbu titqal bid-dwejjaq, joktru l-inċertezzi u l-frustrazzjoni, u ma jkunx jaf fejn ser jagħti rasu.

Huwa importanti li l-bniedem jaċċetta li huwa bniedem u għalhekk bil-limiti kollha tiegħu. Fil-fatt, skont il-filosfu Heidegger wieħed jista’ jkollu ħajja awtentika biss jekk jagħraf li huwa għandu l-limitazzjonijiet u għalhekk ser ikun hemm ħwejjeġ li jkunu impossibbli għalih li jilħaqhom. L-għarfien li aħna limitati huwa dak li jgħinna nkunu umani. Din mhix xi għamla ta’ rassenjazzjoni, imma aċċettazzjoni tal-verità dwarna nfusna u li tgħinna ninfetħu għal “etika tal-infinit”, fis-sens li meta l-bniedem jaċċetta li hemm limitu sa fejn jista’ jasal, imbagħad jibda jħoss il-bżonn ta’ xi ħadd li jgħinu. Għal min għandu l-fidi, dan ix-xi ħadd huwa Alla.

F’dan il-kuntest inħoss li l-festa tal-Assunta tista’ tgħinna nibdlu l-esperjenza tal-limitu f’mument ta’ grazzja! Bħal kull bniedem, Marija wkoll kellha l-limitazzjonijiet tagħha. Meta fl-għanja tal-Magnificat hija tgħid li Alla xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tagħha (ara Lq 1:48), Marija qed tistqarr iċ-ċkunija u l-limiti tagħha. Meta f’Nazareth Marija tagħraf li dak li pproponielha l-anġlu kien umanament impossibbli, hi tistaqsi kif dan seta’ jseħħ (ara Lq 1:34). Filwaqt li Marija tistqarr in-nuqqas ta’ ħila tagħha, l-anġlu jserrħilha rasha u jgħidilha li “għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1:34). Kienet din l-assigurazzjoni li Alla kien qiegħed magħha li wasslet lix-Xebba ta’ Nazareth biex taċċetta: “Ikun minni skont kelmtek”. Għalkemm hija omm Ġesù, Marija xorta kellha l-mistoqsijiet tagħha li kompliet tagħmel matul il-kors ta’ ħajjitha, partikularment f’dawk iċ-ċirkustanzi meta ma fehmitx lil Ġesù: “Ibni, għaliex għamiltilna hekk?” (Lq 2:48). Meta ngħidu li Marija hija l-mara tad-duluri, fl-istess nifs inkunu qegħdin ngħidu li hija l-mara li ġarrbet għax in-natura umana ma kinitx tiflaħ aktar. Imma fl-istess waqt, quddiem il-kuntrarju tal-ħajja, Marija tibqa’ komposta – hija l-mara “wieqfa ħdejn is-salib” għax fil-fond ta’ qalbha kienet temmen li għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.

L-akbar limitu għall-bniedem hija l-mewt. U Marija ma kinitx meħlusa minn dan il-limitu. Meta waslilha ż-żmien, Marija għalqet għajnejha għal din id-dinja. Hawnhekk ukoll Alla, li bil-qawwa tiegħu jiżboq kull limitu naturali u uman, jintervieni fl-istorja ta’ Marija, iqajjimha mill-mewt u jtellagħha fis-Sema bir-ruħ u l-ġisem. Bl-intervent tiegħu, Alla jwettaq dak li f’għajnejna l-bnedmin huwa impossibbli. Wara li Kristu qam mill-mewt, bix-xieraq kien imiss lil Marija, l-ewwel fost il-bnedmin, li tagħmel dak il-passaġġ impossibbli mill-mewt għall-ħajja. “Għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”. Kif jgħid it-teologu Karl Barth, jekk “il-mewt hija l-limitu tal-bniedem”, daqstant ieħor “Alla huwa l-limitu tal-mewt tal-bniedem”. L-Assunzjoni ta’ Marija hija sinjal ċar u qawwi li l-istorja tal-bniedem, għalkemm għandha l-limiti tagħha, mhix storja battala minn kull sens jew maħtufa mill-qawwa għamja tad-destin, imma fid-dawl tal-qawmien ta’ Kristu l-bniedem jikseb iċ-ċertezza li kull dgħufija jew limitu tiegħu jista’ jiġi megħlub bil-qawwa ta’ Alla, kif seħħ fl-istorja ta’ Santa Marija.

Għalhekk l-Assunta hija t-tweġiba ta’ Alla quddiem kull għamla ta’ nuqqas ta’ ħila tal-bniedem. Dak li għamel ma’ Marija biex hi setgħet tegħleb kull xorta ta’ limitu f’ħajjitha, Alla jagħmlu magħna wkoll, tkun xi tkun in-natura tal-limitu li jkollna fil-ħajja – anki jekk ikun limitu spiritwali jew morali. Importanti li nżommu quddiem għajnejna li Alla ma jistenniex minna l-impossibbli. Fit-Teoloġija Morali hemm ir-regola li “ad impossibilia nemo tenetur” – ħadd ma huwa obbligat jagħmel dak li għalih huwa impossibbli. Sfortunatament din ir-regola mhux dejjem ħaddimnieha. Kif jikteb il-Papa Franġisku, “bla nnaqqsu xejn mill-valur tal-ideal tal-Vanġelu, jeħtieġ nakkumpanjaw bil-ħniena u s-sabar il-passi ta’ maturità tal-persuni li huma jibnu jum wara l-ieħor… Pass ċkejken, qalb il-limitazzjonijiet kbar umani, jista’ jkun mogħġub iżjed quddiem Alla minn ħajja – li minn barra tidher tajba – ta’ min jgħaddi ħajtu bla qatt iħabbat wiċċu ma’ diffikultajiet importanti. Għand kulħadd għandu jasal il-faraġ u t-tħeġġiġ tal-imħabba feddejja ta’ Alla, li jaħdem b’mod misterjuż f’kull persuna, lil hemm mid-difetti u l-waqgħat tagħha” (Il-ferħ tal-Vanġelu, 44); huwa jkompli jfisser li “l-impenn għall-evanġelizzazzjoni jinsab xi mkien bejn il-limiti tal-lingwaġġ u taċ-ċirkustanzi. Ifittex dejjem li jwassal aħjar il-verità tal-Vanġelu f’kuntest partikulari, bla ma jgħid le għall-verità, il-ġid u d-dawl li jista’ jikseb meta l-perfezzjoni mhix possibbli. Qalb missjunarja taf b’dawn il-limiti u ssir ‘dgħajjef mad-dgħajfin […] kollox ma’ kulħadd’ (1 Kor 9:22)” (Il-ferħ tal-Vanġelu, 45).

Dan is-sens ta’ limitu diversi qegħdin jgħixuh fl-esperjenza taż-żwieġ u l-familja. Ma humiex ftit dawk li qed jaqtgħu qalbhom quddiem l-isfidi kbar tal-ħajja miżżewġa u jinfirdu. Minħabba l-istess limitazzjonijiet tagħhom, hemm dawk li wara li jkunu ħadu d-divorzju jerġgħu jidħlu fit-tieni relazzjoni u wkoll jiffurmaw it-tieni familja. Bħala regola ġenerali din is-sitwazzjoni tagħmilha impossibbli għal dawn il-persuni li jibqgħu jieħdu sehem sħiħ fil-laqgħat tal-ġemgħa Nisranija! Imma kif jgħallem il-Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni appostolika ta’ wara l-aħħar Sinodu dwar il-familja, ħadd minn dawn ma huwa skomunikat. Hemm dejjem il-possibbiltà tar-rikonċiljazzjoni ma’ Alla. Filwaqt li għandna nibqgħu ngħożżu ż-żwieġ sagrament bħala impenn għal dejjem imżejjen bil-kwalitajiet tal-fedeltà u l-unità, nirrikonoxxu li hemm min, minkejja r-rieda tajba tiegħu, għandu limitu kemm jifhem u jqiegħed fil-prattika din il-verità. Il-grad ta’ responsabbiltà morali jvarja skont iċ-ċirkustanzi (limiti) li wieħed ikun jinsab fihom. Fi kliem il-Papa Franġisku, “il-bniedm jista’ jkun f’kundizzjonijiet konkreti li ma jħalluhx jaġixxi mod ieħor u li jieħu deċiżjonijiet oħrajn mingħajr ma jaqa’ mill-ġdid fil-ħtija” (Il-ferħ tal-imħabba, 301).

Nifhem li jista’ jkun hawn min jitfixkel quddiem dan ir-raġunament, għax ta’ bnedmin li aħna nirraġunaw mod ieħor. Dan huwa limitu ieħor tagħna l-bnedmin. Imma nħossni fid-dmir li nwasslilkom dan it-tagħlim, iktar u iktar meta nara dan is-skiet dwar it-tagħlim tal-Papa Franġisku.

Importanti li nżommu quddiem għajnejna li “għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”. Kif Alla qajjem mill-mewt lil Marija, bil-grazzja tiegħu Hu jista’ jelevana mil-limiti morali u spiritwali – Hu jista’ jqajjimna mill-mewt morali u spiritwali. Il-limiti tagħna ma negħlbuhomx bil-ħila tagħna biss, imma bl-għajnuna ta’ Alla li jnewwel idu biex kif ħareġ lil Ommu mill-qabar, joħroġ lilna wkoll mill-esperjenzi ta’ qabar li jkollna fil-ħajja. Qed ngħid dan biex nagħmlilkom kuraġġ – biex dawk li jinsabu milwijin jerfgħu xi tagħbija frott tal-limitazzjoni umana, jagħmlu l-qalb, għax kif Alla miel fuq Marija biex tellagħha s-Sema bir-ruħ u l-ġisem, hekk jitgħawweġ biex jerfa’ lilna.