Appell mill-Papa Franġisku għal ġabra għall-Knisja fl-Ukrajna mtenni mill-Isqfijiet Maltin


15 ta’ April 2016
Appell Ġabra għall Knisja fl-Ukrajna

Hija drawwa antika fil-Knisja li l-Insara jwieżnu Nsara oħra li jkunu għaddejjin minn mumenti iebsin. Fil fatt, l-Appostlu Missierna San Pawl jgħid li l-Insara tal-Maċedonja u l-Akaja għoġobhom jaqsmu ġidhom mal-fqar fil-Knisja f’Ġerusalemm (ara Rum 15:26).

Ħmistax ilu, waqt it-talba tal-Angelus, il-Papa Franġisku għamel sejħa lill-Knejjes Kattoliċi fl-Ewropa biex jagħmlu ġabra speċjali għall-Insara fl-Ukrajna, fejn hemm il-gwerra.

Skont in-Nunzju Appostoliku fl-Ukrajna bħalissa hemm tbatija kbira. L-anzjani huma l-aktar li qegħdin isofru. Ħafna tfal sabu ruħhom orfni għax tilfu l-ġenituri fil-gwerra. Ħafna sabu ruħhom bla xogħol u ma għandhomx biex imantnu l-familja tagħhom. Is-sitwazzjoni fl-isptarijiet hija ħażina ħafna.

Kif jgħidilna l-Papa Franġisku, l-għotjiet ta’ karità li qed niġu mitluba nagħmlu mhux biss jipprovdu għall-ħtiġijiet materjali ta’ dawn ħutna, imma huma wkoll espressjoni ta’ solidarjetà ma’ din il Knisja mġarrba minn tant tbatija.

Nistgħu nqisu din l-istedina li qed jagħmlilna l-Papa Franġisku bħala mument ta’ grazzja f’dan il Ġublew tal-Ħniena li matulu l-Knisja hi msejħa tfejjaq il-ġrieħi, iddewwihom biż-żejt tal-faraġ, tinfaxxahom bil-ħniena u tfejjaqhom bis-solidarjetà u l-attenzjoni li jeħtieġu (ara Il Wiċċ tal-Ħniena, 25).

Għalhekk aħna qed nordnaw li l-ġbir li ser isir fil-knejjes nhar is-Sibt (filgħaxija) u l-Ħadd li ġejjin ser ikun għal dan l-għan. Ħa jkun dan l-appell imqanqal tal-Papa “mod kif nerġgħu nqajmu l-kuxjenza tagħna spiss rieqda quddiem it-traġedja tal-faqar u biex nidħlu dejjem iżjed fil-qalba tal-Vanġelu” (ibid.).

Il-paċi ta’ Kristu rebbieħ fuq il-mewt timla ’l qlubna.

+ Mons. Mario Grech          + Mons. Charles J. Scicluna
Isqof ta’ Għawdex                 Arċisqof ta’ Malta