Illum il-Knisja tfakkar lil San Kornelju u San Ċiprijanu

Print Friendly, PDF & Email

Fis-16 ta’ Settembru l-Knisja tfakkar lil San Kornelju (Papa u Martri u ħa l-martirju fis-sena 253) u lil San Ċiprijanu (Isqof u Martri li għex bejn is-snin 210 sa 258).

San Kornelju: Minħabba l-persekuzzjoni ħarxa li l-Imperatur Deċju kien qed jagħmel kontra l-Insara, meta l-Papa Fabjanu nqatel f’Jannar tas-sena 250, l-Insara ma setgħux jagħżlu s-suċċessur tiegħu. Kien meta Deċju warrab minn Ruma biex jeħodha kontra r-rivali tiegħu, u l-persekuzzjoni ttaffiet, li San Kornelju, qassis tal-kleru ta’ Ruma kien elett Papa, f’Marzu tas-sena 251.

Fi żmien il-persekuzzjoni, numru ta’ Nsara kienu ċaħdu l-fidi biex ma jitilfux ħajjithom. Meta l-persekuzzjoni waqfet, dawn l-Insara apostati, xtaqu jerġgħu jidħlu fil-Knisja. Iżda xi wħud fil-Knisja ta’ Ruma mmexxijin minn Novazjanu, qassis li sar antipapa, dehrilhom li ma kellhomx iħalluhom. Kornelju ma qabilx, sostna li l-ħniena ta’ Alla m’għandhiex limiti, u bil-għajnuna ta’ Ċiprijanu seta’ jsaħħaħ l-awtorità tiegħu.

Fis-sena 253, Gallu, li kien sar Imperatur wara Deċju, fetaħ persekuzzjoni oħra kontra l-Insara, u l-Papa kien l-ewwel wieħed arrestat u eżiljat f’Civitavecchia fejn miet f’Ġunju tal-istess sena. L-Insara ħadu ġismu Ruma u difnuh fiċ-ċimiterju ta’ San Kallistu.

San Ċiprijanu: San Ċiprijanu twieled f’Kartaġni, fl-Afrika, fis-sena 210, għand familja pagana. Sar oratur famuż, kien għani, u fuq kollox kellu karattru mżejjen b’ħafna virtujiet.

Fis-sena 246, ħaddan il-Kristjaneżmu. Sa mill-bidu tal-konverżjoni tiegħu, okkupa fil-Knisja ta’ Kartaġni post prominenti minħabba l-pożizzjoni għolja soċjali li kellu.

Sentejn wara l-magħmudija sar qassis, u sena wara (249), inħatar Isqof ta’ beltu. Mexxa l-Knisja tajjeb ħafna. Kien bniedem għaqli, għaref u maħbub mill-poplu.

Meta Deċju beda l-persekuzzjoni tiegħu kontra l-Insara fil-bidu tas-sena 250, Ċiprijanu mar jgħix fil-moħbi, iżda żamm kuntatt mad-djoċesi tiegħu bl-ittri li kien jibgħat spiss.

Wara l-mewt ta’ Deċju, Ċiprijanu reġa’ lura lejn Kartaġni. Flimkien mal-Papa Kornelju rreżista n-Novazjaniżmu, u kien jilqa’ lura fil-Knisja lil dawk li kienu ċaħduha fil-persekuzzjoni.

Iżda sfortunatament ċaħad il-validità tal-magħmudija mogħtija mix-xiżmatiċi. Sadattant il-Papa miet; is-suċċessur tiegħu San Luċju miet martri f’inqas minn sena; u San Stiefnu I li dam Papa tliet snin kien għoddu wasal biex jiskomunika lil Ċiprijanu li kien baqa’ jsostni l-opinjoni żbaljata tiegħu. Wara San Stiefnu I laħaq San Sistu II li fetaħ djalogu ma’ Ċiprijanu, iżda ma tkompliex minħabba l-persekuzzjoni ta’ Valerjanu, għax Ċiprijanu kien eżiljat f’Kurubis fejn is-suldati qatluh billi qatgħulu rasu fl-14 ta’ Settembru, 258.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply

%d bloggers like this: