Messaġġ tal-Isqof Mario Grech fil-Ġublew tal-Abbatini


Messaġġ fil-Ġublew tal-Abbatini
Santwarju Nazzjonali Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb
Ir-Raba’ Ħadd tal-Għid, 17 ta’ April 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

Ftit ilu kont nara l-morda l-isptar u ġew dawk responsabbli mis-sigurtà biex jgħidulna li kien sar il-ħin biex il-qraba tal-morda joħorġu. Ftit wara ltqajt ma’ wieħed tas-security li qalli: “Inti tista’ toqgħod, għax int bħat-tobba: int tabib tar-ruħ!”. Nistqarr magħkom li l-kliem ta’ dan ir-raġel ħassejtu bħal balzmu! Kliemu kien “aħbar tajba” li fakkritni x’inhi l-missjoni tiegħi bħala saċerdot.

Xi ħmistax ilu rġajt kont l-isptar – mort inżur raġel li kien qiegħed imut. Hekk kif dħalt fil-kamra tiegħu, martu qaltlu: “Ara min ġie jarak!”. Kif dak fetaħ għajnejh, qalli: “Ara l-Isqof tiegħi!”. Qabadli idi u ma riedx iħalliha. Mumenti bħal dawn jibqgħu mmarkati f’qalbi. Apprezzajt ħafna li dan il-marid għarafni bħala “is-saċerdot tiegħu” u ħassu mfarraġ biż-żjara tiegħi. Fuq kollox din hija s-sejħa u l-missjoni tagħna s-saċerdoti: li nkunu qrib tal-proxxmu tagħna u ngħinuh iġarrab il-faraġ ta’ Alla. Għalina s-saċerdoti mhux “in-nies” huma tagħna, imma aħna tan-nies.

Bħal Ġesù, ir-Ragħaj it-tajjeb li juri mħabba partikulari lejn in-nagħġa mtertqa, hekk is-saċerdot għandu l-missjoni li jdewwi l-ġrieħi tal-bnedmin. Din il-ħidma li fdalna Ġesù hija ta’ faraġ kbir mhux biss għal min hu marid imma wkoll għalina s-saċerdoti. Il-mediċina li juża Ġesù għandha isem: hija l-ħniena u l-imħabba. Ġesù sejjaħ lilna s-saċerdoti u fdalna din il-mediċina biex noffruha lil min jitlobha. Meta nqisu li l-għadd tal-“morda” mhux żgħir u li huma diversi s-suriet tal-“mard” spiritwali li qed jifni lill-bniedem, il-kawża tal-vokazzjonijiet trid tkun għal qalb kulħadd fil-Knisja.

Illum ukoll Ġesù għadu jsejjaħ oħrajn biex ikunu “tobba tar-ruħ” u “ministri tal-faraġ”. Huwa d-dmir tagħna l-adulti, ġenituri, katekisti u saċerdoti li nakkumpanjaw lit-tfal u l-adolexxenti biex jiftħu qalbhom għas-sejħa li qed jagħmlilhom Ġesù. Il-grupp tal-abbatini joffri ambjent tajjeb ħafna biex iż-żgħar jedukaw qalbhom biex tilqa’ fiha ż-żerriegħa ta’ vokazzjoni għal saċerdot jew ħajja reliġjuża. Fil-fatt, nistgħu nqisu dan il-grupp bħala “seminarju” ċkejken li jħejji l-qlub tat-tfal u l-adolexxenti biex jaċċettaw l-istedina li jagħmlilhom Ġesù.

Filwaqt li nirringrazzja lill-ġenituri tal-abbatini tagħna u lill-kappillani u s-saċerdoti li huma ddedikati għall-ħidma vokazzjonali, inqiegħed lill-abbatini tagħna taħt il-ħarsien matern tal-Madonna Ta’ Pinu.